30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/1


DIRETTIVA 2014/50/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-libertà ta' moviment tal-persuni hija waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni. L-Artikolu 46 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, għandhom joħorġu Direttivi li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif stabbilit fl-Artikolu 45 tat-TFUE. L-Artikolu 45 tat-TFUE jipprovdi li l-moviment liberu għall-ħaddiema jinkludi, inter alia, id-dritt li jiġu aċċettati offerti ta' impjieg u “li (l-ħaddiem) jispostja ruħu liberament għal dan l-għan fit-territorju tal-Istati Membri”. Din id-Direttiva tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema billi tnaqqas l-ostakoli għal dik il-mobbiltà maħluqa minn ċerti regoli li jikkonċernaw skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin ma' relazzjoni ta' impjieg.

(2)

Il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema rigward il-pensjonijiet hija garantita permezz tal-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali, flimkien ma' skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin mal-kuntratt tal-impjieg, li qed isiru dejjem aktar komuni fl-Istati Membri.

(3)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom setgħat wesgħin ta' diskrezzjoni dwar l-għażla ta' miżuri li huma l-aktar xierqa biex jinkiseb l-objettiv tal-Artikolu 46 tat-TFUE. Is-sistema ta' koordinazzjoni prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (3) u fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, b'mod partikolari, ir-regoli li japplikaw għall-aggregazzjoni ma jikkonċernawx l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, bl-eċċezzjoni tal-iskemi definiti bħala “leġiżlazzjoni” f'dawk ir-Regolamenti, jew li kienu s-suġġett ta' dikjarazzjoni minn Stat Membru għal dak il-għan, skont dawk ir-Regolamenti.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE (5) tirrappreżenta miżura speċifika inizjali mfassla biex ittejjeb l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' moviment għall-ħaddiema fir-rigward tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari.

(5)

L-objettiv ta' din id-Direttiva hu li tiġi ffaċilitata iżjed il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tal-membri ta' dawk l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari.

(6)

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan Stat Membru uniku. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jużaw il-kompetenzi nazzjonali tagħhom biex jestendu r-regoli applikabbli skont din id-Direttiva lill-membri tal-iskema li jibdlu l-impjieg fi Stat Membru uniku.

(7)

Stat Membru jista' jitlob li ħaddiema li jkunu qed jispiċċaw mill-impjieg li jmorru fi Stat Membru ieħor jagħtu notifika dwar l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari tagħhom kif xieraq.

(8)

Għandu jittieħed kont tal-karatteristiċi u tan-natura speċjali tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari u tal-mod kif dawn ivarjaw fi ħdan l-Istati Membri individwali u minn Stat Membru għal ieħor. L-introduzzjoni ta' skemi ġodda, is-sostenibbiltà ta' skemi eżistenti u l-aspettattivi u d-drittijiet ta' membri attwali fi skemi ta' pensjonijiet għandhom jiġu protetti b'mod xieraq. Din id-Direttiva għandha wkoll tikkunsidra b'mod partikolari r-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari.

(9)

Din id-Direttiva ma tpoġġix indiskussjoni d-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta' pensjonijiet tagħhom stess. L-Istati Membri jżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni ta' tali sistemi, u fit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali huma mhumiex obbligati jintroduċu leġiżlazzjoni li tipprevedi l-istabbiliment ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari.

(10)

Din id-Direttiva ma tillimitax l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fejn huma responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta' skemi ta' pensjonijiet, dment li jistgħu jiżguraw l-eżiti msemmija b'din id-Direttiva.

(11)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-iskemi kollha ta' pensjonijiet supplimentari stabbiliti f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali li joffru pensjonijiet supplimentari għall-ħaddiema, bħal kuntratti ta' assigurazzjoni kollettiva, skemi pay-as-you-go maqbula minn sezzjoni jew fergħa waħda jew aktar, skemi ta' kapitalizzazzjoni jew wegħdiet ta' pensjoni sostnuti minn riżervi fil-kotba, jew kwalunkwe arranġament kollettiv jew komparabbli.

(12)

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari jew, fejn applikabbli, subtaqsimiet ta' dawn l-iskemi, li jkunu ngħalqu bir-riżultat li ma jistgħux jiġu aċċettati membri ġodda minħabba li l-introduzzjoni ta' regoli ġodda tista' titfa piż mhux ġustifikat fuq dawn l-iskemi.

(13)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-arranġamenti għal garanzija mill-insolvenza jew arranġamenti ta' kumpens li mhumiex parti minn skemi ta' pensjonijiet supplimentari marbuta ma' relazzjoni ta' impjieg u li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet għal pensjoni tal-ħaddiema f'każ ta' insolvenza tal-impriża jew l-iskema tal-pensjoni. B'mod simili, din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-fondi ta' riżervi nazzjonali pensjonistiċi.

(14)

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari fejn ikun jeżisti d-dritt permezz ta' relazzjoni ta' impjieg u jkun marbut mal-ilħuq tal-età tal-irtirar jew mal-issodisfar ta' rekwiżiti oħrajn, kif stabbilit fl-iskema jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-Direttiva ma tapplikax għal arranġamenti ta' pensjoni individwali, minbarra dawk konklużi permezz ta' relazzjoni ta' impjieg. Fejn il-benefiċċji tal-invalidità jew tas-superstiti jkunu marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, regoli speċjali jistgħu jirregolaw id-drittijiet għal tali benefiċċji. Din id-Direttiva ma taffettwax liġijiet nazzjonali eżistenti u regoli tal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari dwar dawn ir-regoli speċjali.

(15)

Ħlas ta' darba li mhuwiex relatat ma' kontribuzzjonijiet magħmula għall-iskop ta' provvediment supplimentari tal-irtirar, imħallas direttament jew indirettament fl-aħħar ta' relazzjoni ta' impjieg, u li jiġi ffinanzjat biss minn min iħaddem, m'għandux jitqies bħala pensjoni kumplimentarja fis-sens ta' din id-Direttiva.

(16)

Ladarba l-provvediment supplimentari tal-irtirar qiegħed isir dejjem iżjed importanti f'ħafna Stati Membri bħala mezz biex jiġi ggarantit il-livell tal-għajxien f'età anzjana, il-kondizzjonijiet għall-kisba u l-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni għandhom jittejbu sabiex jitnaqqsu l-ostakli għal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor.

(17)

Il-fatt li f'xi skemi ta' pensjonijiet supplimentari, id-drittijiet għall-pensjoni jistgħu jintilfu jekk ir-relazzjoni ta' impjieg tal-ħaddiem tintemm qabel ma jwettaq kompletament il-perijodu minimu ta' sħubija fi skema (“perijodu ta' vestiment”) jew qabel ma jkun laħaq l-età minima (“età ta' vestiment”), jista' jimpedixxi ħaddiema li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor milli jiksbu drittijiet għal pensjoni adegwata. Ir-rekwiżit ta' perijodu twil li wieħed meħtieġ jistenna biex isir membru ta' skema ta' pensjonijiet jista' jkollu effett simili. Għaldaqstant, tali kondizzjonijiet jirrappreżentaw ostakoli għal-libertà ta' moviment tal-ħaddiema. B'kuntrast ma' dan, ir-rekwiżiti ta' età minima għas-sħubija ma jikkostitwixxux ostakolu għal-libertà ta' moviment, u għaldaqstant, mhumiex indirizzati minn din id-Direttiva.

(18)

Ir-rekwiżiti biex jiġu akkwiżiti d-drittijiet m'għandhomx jiġu mxebbha ma' kondizzjonijiet oħra stabbiliti għall-ksib ta' dritt għal annwalità magħmula fir-rigward tal-fażi tal-ħlas skont il-liġi nazzjonali jew skont ir-regoli ta' ċerti skemi ta' pensjonijiet supplimentari, b'mod partikolari fi skemi kontributorji definiti. Pereżempju, il-perijodu ta' sħubija attiva fi skema li membru meħtieġ li jwettaq kompletament meta jikseb id-dritt għal pensjoni supplimentari sabiex jikseb il-pensjoni tiegħu fl-għamla ta' annwalità jew somma kapitali ma jikkostitwixxix perijodu ta' vestiment.

(19)

Fejn tiġi tterminata relazzjoni ta' impjieg qabel ma ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, ikun laħaq akkumula drittijiet akkwiżiti għal pensjoni u meta l-iskema jew min iħaddem isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, b'mod partikolari fi skemi ta' benefiċċji definiti, l-iskema għandha dejjem trodd lura l-kontribuzzjonijiet pensjonistiċi tal-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg. Fejn tiġi tterminata relazzjoni ta' impjieg qabel ma' ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, ikun akkumula drittijiet akkwiżiti għal pensjoni u meta l-ħaddiem, li ser jispiċċa mill-impjieg, isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, b'mod partikolari fi skemi definiti ta' kontribuzzjonijiet, l-iskema tista' trodd lura l-valur tal-investimenti derivati minn dawk il-kontribuzzjonijiet. Il-valur jista' jkun iktar jew inqas mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg. Alternattivament, l-iskema tista' trodd lura s-somma tal-kontribuzzjonijiet.

(20)

Ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg għandu jkollhom id-dritt li jħallu d-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni tagħhom bħala drittijiet pensjonistiċi inattivi fl-iskema ta' pensjonijiet supplimentari li fiha kien ġie stabbilit id-dritt tagħhom. Rigward il-preservazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi, il-livell tal-protezzjoni tista' titqies ekwivalenti fejn, b'mod partikolari fil-kuntest ta' skema kontributorja definita, il-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu l-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti tagħhom għal skema ta' pensjonijiet supplimentari li tissodisfa l-kondizzjonijiet li jinsabu f'din id-Direttiva.

(21)

F'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, għandhom jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-preservazzjoni ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi jew tal-valur tagħhom. Il-valur tad-drittijiet fil-mument meta l-membru joħroġ mill-iskema għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. Fejn il-valur ta' dawk id-drittijiet jiġi aġġustat, għandu jittieħed kont tan-natura partikolari tal-iskema, l-interessi tal-benefiċjarji differiti, l-interessi tal-membri attivi li jkun għad baqa' fl-iskema u l-interessi tal-benefiċjarji rtirati.

(22)

Din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu biex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet iżjed favorevoli għad-drittijiet pensjonistiċi inattivi milli għad-drittijiet tal-membri attivi fl-iskema.

(23)

Meta d-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti jew il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti ta' ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg ma jaqbżux limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, u biex jiġu evitati spejjeż amministrattivi eċċessivi li jirriżultaw mill-ġestjoni ta' numru kbir ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi b'valur baxx, l-iskemi ta' pensjonijiet jistgħu jingħataw l-għażla li ma jippreservawx dawk id-drittijiet akkwiżiti iżda, minflok, iħallsu lill-ħaddiem li jkun ser jispiċċa mill-impjieg, somma kapitali ekwivalenti għall-valur tad-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni. Fejn applikabbli, il-valur tat-trasferiment jew il-ħlas kapitali għandu jkun stabbilit skont il-liġi u l-prattika nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, limitu għal tali ħlasijiet, b'kont meħud tal-adegwatezza tad-dħul futur relatat mal-irtirar.

(24)

Din id-Direttiva ma tipprovdix għat-trasferimet ta' drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti. Madankollu biex tiġi inkoraġġita l-mobbiltà okkupazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom, safejn jistgħu, u b'mod partikolari meta jintroduċu skemi kumplimentarji tal-pensjoni ġodda, sabiex itejbu t-trasferibbiltà tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti.

(25)

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), membri attivi fl-iskema u benefiċjarji differiti li jeżerċitaw jew jippjanaw li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' moviment għandhom jiġu infurmati adegwatament, fuq talba, dwar id-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari. Meta l-benefiċċji tas-superstiti jkunu marbuta ma' skemi, il-benefiċjarji superstiti għandhom ukoll ikollhom l-istess dritt għall-informazzjoni bħall-benefiċjarji differiti. Għandu jkun possibbli li l-Istati Membri jistipulaw li l-għoti ta' tali informazzjoni ma jkunx meħtieġ iżjed minn darba fis-sena.

(26)

Minħabba n-natura differenti tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, l-Unjoni għandha tillimita ruħha li tistabbilixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu f'termini ġenerali, li jfisser li Direttiva hija l-istrument ġuridiku adatt.

(27)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' moviment minn Stat Membru għal ieħor, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex ikun jista' jinkiseb dak l-objettiv.

(28)

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, biex b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża biex tiġġustifika rigressjoni rigward is-sitwazzjoni eżistenti f'kull Stat Membru.

(29)

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(30)

F'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva rigward id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ftehimiet kollettivi, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li f'kull ħin ikunu jistgħu jiggarantixxu l-eżiti msemmija f'din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli biex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema għal-libertà ta' moviment bejn Stat Membru u ieħor billi jitnaqqsu l-ostakoli maħluqin minn ċerti regoli rigward l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari marbutin mar-relazzjoni ta' impjieg.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal skemi ta' pensjonijiet supplimentari bl-eċċezzjoni tal-iskemi koperti bir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal dawn li ġejjin:

(a)

skemi ta' pensjonijiet supplimentari, li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, ma jkunux baqgħu jaċċettaw membri attivi ġodda u jibqgħu magħluqa għalihom;

(b)

skemi ta' pensjonijiet supplimentari li huma soġġetti għal miżuri li jinvolvu l-intervent ta' korpi amministrattivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji, li huma maħsuba biex jippreservaw jew jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, inklużi proċedimenti ta' stralċ. Din l-esklużjoni m'għandhiex testendi lil hinn mit-tmiem tal-intervent;

(c)

skemi ta' garanzija kontra l-insolvenza, skemi ta' kumpens u fondi pensjonistiċi nazzjonali ta' riżerva; u

(d)

ħlas ta' darba magħmul minn min iħaddem lil impjegat fi tmiem ir-relazzjoni ta' impjieg ta' dak l-impjegat, li ma jkunx marbut mal-għoti ta' pensjoni tal-irtirar.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-benefiċċji tal-invalidità u/jew tas-superstiti marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 5 u 6 marbuta mal-benefiċċji tas-superstiti.

4.   Din id-Direttiva tapplika biss għal perijodi ta' impjieg li jokkorru wara t-traspożizzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 8.

5.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ksib u l-preservazzjoni ta' drittijiet tal-pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jiċċaqalqu fi ħdan Stat Membru uniku.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, dawn id-definizzjonijiet japplikaw:

(a)

“pensjoni supplimentari” tfisser pensjoni tal-irtirar prevista fir-regoli ta' skemi ta' pensjonijiet supplimentari stabbiliti f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali;

(b)

“skema ta' pensjonijiet supplimentari” tfisser kwalunkwe skema ta' pensjoni tal-irtirar okkupazzjonali stabbilita f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali u marbuta ma' relazzjoni ta' impjieg, maħsuba biex tipprovdi pensjoni supplimentari għal persuni impjegati;

(c)

“membri attivi fl-iskema” tfisser ħaddiema li r-relazzjoni ta' impjieg attwali tagħhom tagħtihom id-dritt jew x'aktarx li tagħtihom id-dritt, wara li jkunu wettqu l-kondizzjonijiet kollha tal-akkwiżizzjoni, għal pensjoni supplimentari f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' skema ta' pensjonijiet supplimentari;

(d)

“perijodu ta' stennija” tfisser il-perijodu tal-impjieg, meħtieġ skont il-liġi nazzjonali jew mir-regoli tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari jew minn min iħaddem, qabel ma ħaddiem isir eliġibbli għal sħubija fi skema;

(e)

“perijodu ta' vestiment” tfisser il-perijodu ta' sħubija attiva ta' skema, meħtieġ skont il-liġi nazzjonali jew ir-regoli tal-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari, sabiex jinħoloq intitolament għal drittijiet akkumulati għal pensjoni supplimentari;

(f)

“drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti” tfisser kwalunkwe dritt għal pensjoni supplimentari akkumulata wara t-twettiq ta' kwalunkwe kondizzjoni tal-akkwiżizzjoni, skont ir-regoli ta' skema ta' pensjonijiet supplimentari u, fejn applikabbli, skont il-liġi nazzjonali;

(g)

“ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg” tfisser membru attiv fi skema li tkun qed tintemmlu r-relazzjoni ta' impjieg attwali tiegħu għal raġunijiet li mhumiex il-fatt li sar eliġibbli għal pensjoni supplimentari u li jiċċaqlaq bejn Stati Membri;

(h)

“benefiċjarju differit” tfisser ex membru attiv ta' skema li għandu drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti fi skema ta' pensjonijiet supplimentari u għadu ma bediex jirċievi pensjoni supplimentari minn dik l-iskema;

(i)

“drittijiet pensjonistiċi inattivi” tfisser id-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti miżmuma fl-iskema li fiha dawn ikunu ġew akkumulati minn benefiċjarju differit;

(j)

“valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi” tfisser il-valur kapitali tad-drittijiet għal pensjoni kkalkulati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-ksib ta' drittijiet fi skemi ta' pensjonijiet supplimentari

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)

fejn jiġi applikat perijodu ta' vestiment jew perijodu ta' stennija, jew it-tnejn, il-perijodu kollu kkombinat taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jeċċedi tliet snin għall-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg;

(b)

fejn tiġi stipulata età minima għall-vestiment ta' drittijiet għal pensjoni, dik l-età ma għandhiex teċċedi l-21 sena għall-ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg;

(c)

fejn ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg ma jkunx għadu kiseb drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti meta r-relazzjoni tal-impjieg tintemm, l-iskema ta' pensjonijiet supplimentari għandha trodd lura l-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, jew imħallsa f'isem il-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, f'konformità mal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi jew kuntratti, jew fejn il-ħaddiem li jkun ser jispiċċa mill-impjieg isostni l-piż tar-riskju tal-investiment, jew is-somma tal-kontribuzzjonijiet magħmula jew il-valur tal-investiment li jirriżulta minn dawn il-kontribuzzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jippermettu li l-imsieħba soċjali jistipulaw dispożizzjonijiet differenti permezz ta' ftehim kollettiv, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux protezzjoni anqas favorevoli u ma joħolqux ostakoli għal-libertà ta' moviment tal- ħaddiema.

Artikolu 5

Preservazzjoni ta' drittijiet pensjonistiċi inattivi

1.   Soġġetti għall-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-drittijiet akkwiżiti għal pensjoni ta' ħaddiema li ser spiċċaw mill-impjieg jibqgħu fl-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari li fihom ġew akkwiżiti d-drittijiet. Għall-fini tal-paragrafu 2, il-valur inizjali ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ikkalkulat fil-mument stess meta tintemm ir-relazzjoni tal-impjieg attwali tal-ħaddiem li ser spiċċa mill-impjieg.

2.   L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jikkunsidraw in-natura tar-regoli u l-prattika tal-iskema ta' pensjonijiet, jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-drittijiet pensjonistiċi inattivi tal-ħaddiema li ser jispiċċaw l-impjieg u s-superstiti tagħhom jew il-valuri tagħhom jiġu trattati f'konformità mal-valur tad-drittijiet ta' membri attivi fi skema, jew l-iżvilupp ta' benefiċċji ta' pensjoni li f'dak iż-żmien ikunu qed jitħallsu, jew jiġu trattati b'xi mod ieħor meqjus bħala ġust, bħal:

(a)

fejn id-drittijiet għal pensjoni fi skema ta' pensjonijiet supplimentari jinkisbu bħala dritt għal somma nominali, bis-salvagwardja tal-valur nominali tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi;

(b)

fejn il-valur tad-drittijiet akkumulati għal pensjoni jinbidel maż-żmien, bl-aġġustament tal-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi permezz tal-applikazzjoni ta':

(i)

rata ta' mgħax integrata fl-iskema ta' pensjonijiet supplimentari, jew

(ii)

ir-rikavat mill-investimenti derivat mill-iskema ta' pensjonijiet supplimentari;

jew

(c)

fejn il-valur tad-drittijiet akkumulati għal pensjoni jiġi aġġustat, pereżempju, f'konformità mar-rata ta' inflazzjoni jew il-livelli tas-salarji, bl-aġġustament tal-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi soġġett għaldaqstant għal kwalunkwe limitu proporzjonat stabbilit mil-liġi nazzjonali jew maqbul mill-imsieħba soċjali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari ma jżommux id-drittijiet akkwiżiti ta' ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, iżda li jħallsu, bil-kunsens infurmat tal-ħaddiem, inkluż fir-rigward tal-imposti applikabbli, somma kapitali ekwivalenti għall-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti lill-ħaddiem li ser jispiċċa mill-impjieg, dment li l-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti ma jaqbiżx il-limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-limitu applikat.

4.   L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jippermettu li l-imsieħba soċjali jistipulaw dispożozzjonijiet differenti permezz ta' ftehim kollettiv, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux protezzjoni anqas favorevoli u ma joħolqux ostakoli għal-libertà ta' moviment tal- ħaddiema.

Artikolu 6

Informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri attivi fl-iskema jkunu jistgħu, fuq talba, jiksbu informazzjoni dwar kif it-tmiem ta' impjieg jaffettwa d-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari.

B'mod partikolari, għandha tingħata informazzjoni marbuta ma' dan li ġej:

(a)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ksib ta' drittijiet għal pensjoni supplimentari u l-effetti tal-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm tmiem ta' relazzjoni ta' impjieg;

(b)

il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti tagħhom jew l-evalwazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti li tkun saret mhux aktar tard minn tnax-il xahar qabel id-data tat-talba; u

(c)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trattament tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi fil-ġejjieni.

Fejn l-iskema tippermetti aċċess bikri għad-drittijiet pensjonistiċi akkwiżiti permezz tal-ħlas ta' somma kapitali, l-informazzjoni li tingħata għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni bil-miktub li l-membru għandu jikkunsidra li jieħu parir dwar l-investiment ta' dik is-somma kapitali għall-għoti ta' pensjoni tal-irtirar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji differiti jiksbu, fuq talba, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

il-valur tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi tagħhom jew evalwazzjoni tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi li tkun saret mhux aktar minn 12-il xahar qabel id-data tat-talba; u

(b)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trattament tad-drittijiet pensjonistiċi inattivi.

3.   Għall-benefiċċji tas-superstiti marbuta mal-iskemi tal-pensjonijiet supplimentari, il-paragrafu 2 għandu japplika għall-benefiċjarji superstiti fir-rigward tal-pagament tal-benefiċċji tas-superstiti.

4.   L-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar, bil-miktub, u f'perijodu ta' żmien raġonevoli. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għoti ta' tali informazzjoni ma jkunx meħtieġ iżjed minn darba fis-sena.

5.   L-obbligi taħt dan l-Artikolu għandhom ikunu kemm mingħajr preġudizzju kif ukoll ikunu addizzjonali għall-obbligi tal-istituzzjonijiet għall-għoti ta' pensjoni tal-irtirar okkupazzjonali taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/41/KE.

Artikolu 7

Rekwiżiti minimi u nonrigressjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet dwar il-kisba ta' drittijiet għal pensjoni supplimentari għall-ħaddiema, dwar il-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet supplimentari ta' ħaddiema li ser jispiċċaw mill-impjieg u dwar id-drittijiet ta' membri attivi fl-iskemi u benefiċjarji differiti għall-informazzjoni, li jkunu aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   It-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti għall-kisba u l-preservazzjoni ta' pensjonijiet supplimentari jew id-dritt ta' membri u benefiċjarji fl-iskemi għal informazzjoni fl-Istati Membri.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-21 ta' Mejju 2018, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' qbil sa dik id-data. L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 9

Rapport

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha disponibbli fir-rigward tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Kummissjoni sal-21 ta' Mejju 2019.

2.   Sal-21 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 10

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 37.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 216) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Frar 2014 (ĠU C 77 E, 15.3.2014, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tad-29 ta' Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU L 209, 25.7.1998, p. 46).

(6)  Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).