28.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/375


DIRETTIVA 2014/36/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 79(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Għall-istabbiliment gradwali ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal miżuri li għandhom jiġu adottati fl-oqsma tal-asil, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)

It-TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-immigrazzjoni bl-għan li, f’kull stadju, jiġu żgurati l-ġestjoni effiċjenti tal-flussi ta’ migrazzjoni u t-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fl-Istati Membri. Għal dak l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw miżuri dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar id-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom.

(3)

Il-Programm tal-Aja, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 ta’ Novembru 2004, irrikonoxxa li l-migrazzjoni legali se jkollha rwol importanti fit-titjib tal-iżvilupp tal-ekonomija, u talab lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ politika dwar il-migrazzjoni legali, inklużi proċeduri ta’ ammissjoni, li jkunu kapaċi jwieġbu malajr għat-talbiet li dejjem ivarjaw għall-impjieg tal-migranti fis-suq tax-xogħol.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 qabel dwar sensiela ta’ passi għall-2007. Dawk il-passi jinkludu l-iżvilupp ta’ politiki ta’ immigrazzjoni legali mmexxijin sew li jirrispettaw bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali, bħala għajnuna għall-Istati Membri biex jilħqu l-ħtiġijiet tax-xogħol eżistenti u dawk futuri. Huwa sejjaħ ukoll sabiex jiġu esplorati l-mezzi li jiffaċilitaw il-migrazzjoni temporanja.

(5)

Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, adottat mill-Kunsill Ewropew fis-16 ta’ Ottubru 2008, jesprimi l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jmexxu politika ġusta, effettiva u konsistenti biex jiġu ttrattati l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ migrazzjoni. Il-Patt huwa l-bażi tal-politika komuni dwar il-migrazzjoni mmexxija bi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u bbażat fuq il-ġestjoni xierqa ta’ flussi ta’ migrazzjoni, mhux biss fl-interess tal-pajjiżi ospitanti iżda anke tal-pajjiżi ta’ oriġini u tal-migranti nfushom.

(6)

Il-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2009, jirrikonoxxi li l-immigrazzjoni tal-ħaddiema tista’ tikkontribwixxi għal żieda fil-kompetittività u fil-vitalità ekonomika u li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li ser tiffaċċja l-Unjoni fil-futur b’żieda fit-talba għall-ħaddiema, il-politiki flessibbli dwar l-immigrazzjoni ser ikunu ta’ kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni fit-tul. Jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li tittejjeb ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Hu jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibqgħu jimplimentaw il-Pjan ta’ Politika dwar il-Migrazzjoni Legali dettaljat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2005.

(7)

Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi ta’ migrazzjoni għall-kategorija speċifika ta’ migrazzjoni temporanja staġonali u għall-iżgurar ta’ kondizzjonijiet deċenti tax-xogħol u tal-għajxien għall-ħaddiema staġonali, permezz tal-istabbiliment ta’ regoli ġusti u trasparenti għall-ammissjoni u s-soġġorn u billi tiddefinixxi d-drittijiet tal-ħaddiema staġonali filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi għal inċentivi u salvagwardji għall-prevenzjoni ta’ soġġorni mtawlin u/jew tal-fatt li soġġorn temporanju jsir permanenti. Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ser jikkontribwixxu biex jiġi evitat li tali soġġorn temporanju jsir soġġorn mhux awtorizzat.

(8)

L-Istati Membri għandhom jagħtu effett lil din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija f’minoranza nazzjonali, ġid, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’konformità, b’mod partikolari, mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (6).

(9)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri kif espress fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta’ Adeżjoni rilevanti.

(10)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom għall-finijiet ta’ xogħol staġonali kif speċifikat fit-TFUE.

(11)

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-kondizzjonijiet tal-forniment ta’ servizzi fil-qafas tal-Artikolu 56 TFUE. B’mod partikolari, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li, skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), japplikaw għal ħaddiema mibgħuta minn impriżi stabbiliti ġewwa Stat Membru biex jipprovdu servizz fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(12)

Din id-Direttiva għandha tkopri r-relazzjonijiet ta’ xogħol diretti bejn il-ħaddiema staġonali u min iħaddem. Madankollu, fejn il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru tippermetti l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala ħaddiema staġonali permezz ta’ aġenziji ta’ impjieg jew ta’ xogħol temporanju stabbiliti fit-territorju tiegħu u li għandhom kuntratt dirett mal-ħaddiem staġonali, dawn l-aġenziji ma għandhomx ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(13)

Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ u f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jelenkaw dawk is-setturi ta’ impjieg li jinkludu attivitajiet li jiddipendu mill-mogħdija tal-istaġuni. L-attivitajiet li jiddipendu mill-mogħdija tal-istaġuni jinstabu tipikament f’setturi bħall-agrikoltura u l-ortikultura, u b’mod partikolari matul il-perijodu tat-tħawwil jew tal-ħsad, jew bħat-turiżmu, b’mod partikolari matul il-perijodu tal-vaganzi.

(14)

Jekk hekk ikun previst fil-liġi nazzjonali u fejn ikun f’konformità mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10 TFUE, l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw trattament aktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċifiċi meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħrajn meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet fakultattivi ta’ din id-Direttiva.

(15)

Għandu jkun biss possibbli li wieħed japplika għall-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali waqt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qed jirrisjedi barra mit-territorju tal-Istati Membri.

(16)

Għandu jkun possibbli li tiġi rifjutata l-ammissjoni għall-finijiet stabbiliti ta’ din id-Direttiva għal raġunijiet iġġustifikati b’mod xieraq. B’mod partikolari, għandu jkun possibbli li tiġi rifjutata l-ammissjoni jekk Stat Membru jikkunsidra, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

(17)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(18)

Din id-Direttiva ma għandhiex tolqot ħażin drittijiet li jkunu ngħataw lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu diġà joqogħdu legalment fi Stat Membru biex jaħdmu.

(19)

Fil-każ ta’ Stati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (Kodiċi dwar il-Viżi), ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (11) japplikaw fl-intier tagħhom. Għaldaqstant, għal soġġorni li ma jaqbżux 90 jum, il-kondizzjonijiet tal-ammissjoni ta’ ħaddiema staġonali fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ huma rregolati minn dawk l-istrumenti, filwaqt li din id-Direttiva għandha tirregola biss il-kriterji u r-rekwiżiti għall-aċċess għal impjieg. Fil-każ ta’ Stati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, japplika biss il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija f’din id-Direttiva jappartjenu għal dik il-parti tal-acquis ta’ Schengen fejn l-Irlanda u r-Renju Unit ma jiħdux sehem u għalhekk dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għalihom.

(20)

Il-kriterji u r-rekwiżiti għall-ammissjoni kif ukoll raġunijiet għal rifjut u rtirar jew nuqqas ta’ estensjoni/nuqqas ta’ tiġdid għal soġġorni li ma jaqbżux 90 jum għandhom ikunu definiti f’din id-Direttiva sa fejn huwa kkonċernat l-impjieg bħala ħaddiem staġonali. Meta jinħarġu viżi għal soġġorn qasir għall-fini ta’ xogħol staġonali d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen rigward il-kondizzjonijiet ta’ dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll raġunijiet għal rifjut, estensjoni, annullament jew revoka ta’ dawk il-viżi japplikaw skont il-każ. B’mod partikolari, kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta’ viża u r-raġunijiet li fuqhom din tkun ibbażata għandhom jiġu notifikati, f’konformità mal-Artikoli 32(2) u 34(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

(21)

Għal ħaddiema staġonali li jiġu ammessi għal soġġorni ta’ aktar minn 90 jum, din id-Direttiva għandha tiddefinixxi kemm il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u s-soġġorn fit-territorju kif ukoll il-kriterji u r-rekwiżiti għall-aċċess għal impjieg fl-Istati Membri.

(22)

Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal sistema ta’ dħul flessibbli bbażata fuq id-domanda u fuq kriterji oġġettivi, bħal pereżempju kuntratt validu ta’ xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg li tispeċifika l-aspetti essenzjali tal-kuntratt jew ir-relazzjoni tal-impjieg.

(23)

L-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jagħmlu test li juri li kariga ma tistax tiġi okkupata minn ġewwa s-suq domestiku tax-xogħol.

(24)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal ammissjoni b’mod partikolari meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx osserva l-obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ ammissjoni preċedenti bħala ħaddiem staġonali li jħalli t-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mal-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali.

(25)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesiġu minn min iħaddem biex jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jiġi evitat abbuż u użu ħażin possibbli tal-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva.

(26)

Il-provvediment għal proċedura unika li twassal għal permess wieħed ikkombinat, li jkopri kemm soġġorn kif ukoll xogħol, għandu jikkontribwixxi għal simplifikazzjoni tar-regoli li huma attwalment applikabbli għall-Istati Membri. Dak m’għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jaħtar l-awtoritajiet kompetenti u l-mod kif għandhom ikunu involuti fil-proċedura unika, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-organizzazzjoni amministrattiva u tal-prattika.

(27)

In-nomina tal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet oħra u, fejn applikabbli, l-imsieħba soċjali, f’konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni u d-deċiżjoni dwarha.

(28)

Huwa meħtieġ li din id-Direttiva tipprovdi għal ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet li għandhom jinħarġu għall-ammissjoni (dħul, soġġorn u xogħol) ta’ ħaddiema staġonali. Il-ħruġ ta’ viża għal soġġorn twil f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 12(2) għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni minn qabel għal xogħol fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet ta’ impjieg kif previsti minn din id-Direttiva ġew iċċekkjati u ġew sodisfatti, għandu jitniżżel ċar fuq dawk l-awtorizzazzjonijiet li huma nħarġu għall-fini ta’ xogħol staġonali. Fejn jinħarġu viżi għal soġġorn qasir biss, l-Istati Membri għandhom jużaw l-intestatura “kummenti” tal-istiker tal-viża għal dak l-għan.

(29)

Għas-soġġorni kollha li ma jaqbżux 90 jum, l-Istati Membri għandhom jagħżlu li joħorġu jew viża għal soġġorn qasir jew viża għal soġġorn qasir akkumpanjata minn permess tax-xogħol f’każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jeħtieġ viża f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx suġġett għar-rekwiżit ta’ viża u fejn l-Istat Membru ma jkunx applika l-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom joħorġu permess tax-xogħol għalih jew għaliha bħala awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali. Għas-soġġorni kollha li jaqbżu 90 jum, l-Istati Membri għandhom jagħżlu li joħorġu waħda mill-awtorizzazzjonijiet li ġejjin: viża għal soġġorn twil; permess ta’ ħaddiem staġonali; jew permess ta’ ħaddiem staġonali akkumpanjat minn viża għal soġġorn twil, jekk il-viża għal soġġorn twil tkun meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għal dħul fit-territorju. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jipprekludi lill-Istati Membri milli jagħtu permess tax-xogħol direttament lil min iħaddem.

(30)

Fejn tkun meħtieġa viża għall-uniku fini ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet biex jinħariġlu permess ta’ ħaddiem staġonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kull fakultà li jikseb il-viża meħtieġa u għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw b’mod effettiv għal dak l-għan.

(31)

It-tul massimu ta’ soġġorn għandu jiġi ffissat mill-Istati Membri u jkun limitat għal perijodu ta’ bejn ħames u disa’ xhur li, flimkien mad-definizzjoni ta’ xogħol staġonali, għandu jiżgura li x-xogħol ikun ta’ natura ġenwinament staġonali. Għandu jsir provvediment biex f’dak it-tul ta’ żmien massimu ta’ soġġorn, ikun possibbli li l-kuntratt jiġi estiż jew li jinbidel min iħaddem, bil-kondizzjoni li l-kriterji tal-ammissjoni jibqgħu jiġu sodisfatti. Dak għandu jservi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ abbużi li l-ħaddiema staġonali jistgħu jaffaċċjaw jekk ikunu marbutin ma’ persuna waħda li tħaddem u fl-istess ħin biex jipprovdi għal reazzjoni flessibbli għal ħtiġijiet reali tal-forza tax-xogħol ta’ min iħaddem. Il-possibbiltà li l-ħaddiem staġonali jkun impjegat minn persuna differenti li tħaddem taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva ma għandhiex tirriżulta fil-possibbiltà li l-ħaddiem staġonali jfittex impjieg fit-territorju tal-Istati Membri waqt li jkun qiegħed.

(32)

Meta jiddeċiedu dwar l-estensjoni ta’ soġġorn jew dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkunsidraw is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol.

(33)

F’każijiet fejn ħaddiem staġonali jkun ġie ammess għal soġġorn li ma jaqbiżx 90 jum u fejn l-Istat Membru jkun iddeċieda li jestendi s-soġġorn lil hinn minn 90 jum, il-viża għal soġġorn qasir għandha tiġi sostitwita jew b’viża għal soġġorn twil jew b’permess ta’ ħaddiema staġonali.

(34)

B’kont meħud ta’ ċerti aspetti tal-migrazzjoni ċirkolari kif ukoll tal-prospetti ta’ impjieg tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi lil hinn minn staġun wieħed u tal-interessi ta’ min iħaddem fl-Unjoni biex ikunu jistgħu jserrħu fuq forza tax-xogħol aktar stabbli u diġà mħarrġa, għandu jsir provvediment għall-possibbiltà ta’ proċeduri ta’ ammissjoni ffaċilitati fir-rigward ta’ ċittadini bona fide ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew ammessi bħala ħaddiema staġonali fi Stat Membru tal-inqas fil-ħames snin preċedenti, u li dejjem irrispettaw il-kriterji u l-kondizzjonijiet kollha previsti taħt din id-Direttiva għad-dħul u s-soġġorn fl-Istat Membru kkonċernat. Arranġamenti bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw, jew jevadu, ir-rekwiżit li l-impjieg ikun ta’ natura staġonali.

(35)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn, inklużi d-drittijiet u l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali kif stabbiliti f’din id-Direttiva u kull evidenza dokumentarja meħtieġa għal applikazzjoni ta’ soġġorn u xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiem staġonali, tkun disponibbli għall-applikanti.

(36)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra min iħaddem fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Dawk is-sanzjonijiet jistgħu jikkonsistu minn miżuri kif previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/52/KE u għandhom jinkludu, jekk ikun il-każ, ir-responsabbiltà ta’ min iħaddem biex iħallas kumpens lill-ħaddiema staġonali. Il-mekkaniżmi neċessarji għandhom jiġu stabbiliti biex ikun possibbli li l-ħaddiema staġonali jiksbu l-kumpens li jkunu intitolati għalih anke jekk ma jibqgħux fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni.

(37)

Għandu jiġi stabbilit sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal ammissjoni bħala ħaddiem staġonali. Dik il-proċedura għandha tkun effikaċi u maniġġabbli, b’kont meħud tal-piż normali tax-xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, kif ukoll trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.

(38)

Fil-każ ta’ viżi għal soġġorn qasir, is-salvagwardji proċedurali huma regolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen.

(39)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijet għal awtorizzazzjoni għal skop ta’ xogħol staġonali malajr kemm jista’ jkun wara li jiġu ppreżentati. Fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal estensjoni jew tiġdid, fejn dawn jiġu ppreżentati fil-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi responsabbli kollha biex jiżguraw li l-ħaddiem staġonali ma jkunx obbligat jinterrompi r-relazzjoni tal-impjieg tiegħu jew tagħha mal-istess persuna li tħaddmu, u li ma jkunx impedut milli jibdel il-persuna li tħaddmu, minħabba proċeduri amministrattivi li jkunu għaddejjin. L-applikanti għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal estensjoni jew tiġdid malajr kemm jista’ jkun. Fi kwalunkwe każ, il-ħaddiem staġonali għandu jkun jista’ jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u fejn ikun il-każ jibqa’ jaħdem, sa meta tittieħed deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni għal estensjoni jew tiġdid mill-awtoritajiet kompetenti.

(40)

Minħabba n-natura tax-xogħol staġonali, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex ma jimponux tariffa għat-trattament tal-applikazzjonijiet. Fil-każ li Stat Membru, minkejja dan, jiddeċiedi li jimponi tariffa, din it-tariffa ma għandhiex tkun sproporzjonata jew eċċessiva.

(41)

Il-ħaddiema staġonali għandhom ilkoll jibbenefikaw minn akkomodazzjoni li tiżgura standard tal-għajxien adegwat. L-awtorità kompetenti għandha tiġi informata dwar kwalunkwe bidla tal-akkomodazzjoni. Fejn l-arranġamenti għal dik l-akkomodazzjoni jsiru minn min iħaddem jew permezz tiegħu, il-kera ma għandhiex tkun eċċessiva paragunata mar-remunerazzjoni netta tal-ħaddiem staġonali u paragunata mal-kwalità ta’ dik l-akkomodazzjoni, il-kera ta’ ħaddiem staġonali ma għandhiex titnaqqas awtomatikament mill-paga tiegħu jew tagħha, min iħaddem għandu jipprovdi lill-ħaddiem staġonali kuntratt ta’ kera jew dokument ekwivalenti li jiddikjara l-kondizzjonijiet tal-kera għall-akkomodazzjoni, u min iħaddem għandu jiżgura li l-akkomodazzjoni tilħaq l-istandards ġeneral tas-saħħa u tas-sikurezza li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

(42)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom fil-pussess tagħhom dokument tal-ivvjaġġar validu u awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali skont din id-Direttiva minn Stat Membru li japplika bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen jitħallew jidħlu fit-territorju u jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ, għal perijodu ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (12) (il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen).

(43)

B’kont meħud tas-sitwazzjoni speċjalment vulnerabbli ta’ ħaddiema staġonali ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tan-natura temporanja tal-assenjament tagħhom, jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema staġonali ċittadini ta’ pajjiżi terzi, anke fil-qasam tas-sigurtà soċjali, biex tiġi vverifikata regolarment il-konformità u biex jiġi ggarantit bis-sħiħ ir-rispett lejn il-prinċipju ta’ trattament ugwali bħall-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, filwaqt li jinżamm il-prinċipju tal-istess ħlas għall-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol, u billi jiġu applikati ftehimiet kollettivi u arranġamenti oħra dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu ġew konklużi fi kwalunkwe livell jew li għalihom hemm dispożizzjoni statutorja, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, taħt l-istess termini bħal taċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

(44)

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-prinċipji li jinsabu fil-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 1961 u, fejn rilevanti, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Ħaddiema Migranti tal-24 ta’ Novembru 1977.

(45)

Flimkien mad-dispożizzjonijiet leġislattivi, amministrattivi u regolatorji applikabbli għall-ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ u ftehimiet kollettivi u kuntratti konklużi fi kwalunkwe livell, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, għandhom japplikaw ukoll għall-ħaddiema staġonali ċittadini ta’ pajjiżi terzi bl-istess kondizzjonijiet bħal taċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

(46)

Il-ħaddiema staġonali li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jingħataw trattament ugwali fir-rigward ta’ dawk il-fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Din id-Direttiva ma tarmonizzax il-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u ma tkoprix l-assistenza soċjali. Hija limitata għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Din id-Direttiva ma għandhiex tagħti aktar drittijiet minn dawk diġà pprovduti fil-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom interessi transkonfinali bejn l-Istati Membri.

Minħabba n-natura temporanja tas-soġġorn ta’ ħaddiema staġonali u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu l-benefiċċji tal-familja u l-benefiċċji tal-qgħad mit-trattament ugwali bejn ħaddiema staġonali u ċ-ċittadini tagħhom stess u għandhom ikunu jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tat-trattament ugwali fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll il-benefiċċji tat-taxxa.

Din id-Direttiva ma għandhiex tipprovdi għar-riunifikazzjoni tal-familji. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tagħtix drittijiet relatati ma’ sitwazzjonijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni bħal, pereżempju, sitwazzjonijiet fejn il-membri tal-familja jirrisjedu f’pajjiż terz. Madankollu, dak m’għandux jaffettwa d-dritt tas-superstiti li jirċievu drittijiet mill-ħaddiem staġonali biex jirċievu l-pensjoni tas-superstiti meta jkunu jirrisjedu f’pajjiż terz. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni nondiskriminatorja mill-Istati Membri ta’ liġi nazzjonali li tipprovdi għal regoli de minimis dwar il-kontribuzzjonijiet għas-sistemi tal-pensjoni. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi, sabiex jiġu żgurati kopertura effettiva tas-sigurtà soċjali matul is-soġġorn u l-esportazzjoni ta’ drittijiet miksubin mill-ħaddiema staġonali, fejn applikabbli.

(47)

Il-leġislazzjoni tal-Unjoni ma tillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji u l-perijodu li jingħataw għalih. Madankollu, meta jkunu qed jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

(48)

Kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt ta’ trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali taħt din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010.

(49)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-akkomodazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti mekkaniżmi adatti għall-monitoraġġ ta’ min iħaddem u, fejn xieraq, li jsiru ispezzjonijiet effettivi u adegwati fit-territorji rispettivi tagħhom. L-għażla ta’ min iħaddem li jiġu ispezzjonati għandha tkun ibbażata primarjament fuq valutazzjoni tar-riskju li għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri b’kont meħud ta’ fatturi bħas-settur li fih kumpannija topera u kwalunkwe ksur irreġistrat fil-passat.

(50)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi li permezz tagħhom il-ħaddiema staġonali jistgħu jfittxu rimedju legali u jressqu lmenti direttament jew permezz ta’ partijiet terzi rilevanti bħat-trade unions jew assoċjazzjonijiet oħrajn. Dak huwa kkunsidrat neċessarju biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema staġonali mhumiex konxji mill-eżistenza tal-mekkaniżmi tal-infurzar jew joqogħdu lura milli jużawhom f’isimhom stess, għaliex jibżgħu mill-konsegwenzi possibbli. Il-ħaddiema staġonali għandhom ikollhom aċċess għal protezzjoni ġudizzjarja kontra l-vittimizzazzjoni b’riżultat ta’ lment li jagħmlu.

(51)

Minħabba li l-objettivi din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ proċedura speċjali ta’ ammissjoni, l-adozzjoni ta’ kondizzjonijiet għal dħul u soġġorn għall-fini ta’ impjieg staġonali minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u d-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema staġonali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’kont meħud tal-politiki tal-immigrazzjoni u tal-impjieg fil-livell Ewropew u nazzjonali. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(52)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea b’mod partikolari l-Artikoli 7, 15(3), 17, 27, 28, 31 u 33(2) tagħha, f’konformità mal-Artikolu 6 tat-TUE.

(53)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 (15), l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom ma’ dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis it-trasmissjoni ta’ tali dokumenti bħala ġustifikata.

(54)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhumiex marbutin biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(55)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tiddetermina l-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali u tiddefinixxi d-drittijiet tal-ħaddiema staġonali.

2.   Għal soġġorni li ma jaqbżux 90 jum, din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-acquis ta’ Schengen b’mod partikolari l-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu barra mit-territorju tal-Istati Membri u li japplikaw biex ikunu ammessi jew li ġew ammessi, taħt it-termini ta’ din id-Direttiva, fit-territorju ta’ Stat Membru għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali.

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li meta jippreżentaw l-applikazzjoni, ikunu jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 15.

2.   Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ u f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, jelenkaw dawk is-setturi ta’ impjieg li jinkludu attivitajiet li jiddependu mill-mogħdija tal-istaġuni. L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw dik il-lista, fejn ikun il-każ u f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-modifiki.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

jwettqu attivitajiet f’isem impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkollokati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi skont id-Direttiva 96/71/KE;

(b)

huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fl-Unjoni, f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

(c)

għandhom, flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, u irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, jew bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE;

(b)

“ħaddiem staġonali” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li jżomm il-post ta’ residenza prinċipali tiegħu jew tagħha f’pajjiż terz u jkun joqgħod legalment u temporanjament fit-territorju ta’ Stat Membru biex iwettaq attività li tiddipendi mill-mogħdija tal-istaġuni, skont kuntratt tax-xogħol wieħed jew aktar b’terminu fiss konkluż(i) direttament bejn dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u min iħaddem stabbilit f’dak l-Istat Membru.

(c)

“attività li tiddipendi mill-mogħdija tal-istaġuni” tfisser attività li hija marbuta ma’ ċertu żmien tas-sena permezz ta’ avveniment rikorrenti jew sensiela ta’ avvenimenti marbuta ma’ kondizzjonijiet staġonali li matulhom il-livelli ta’ ħaddiema meħtieġa huma sinifikattivament ogħla minn dawk neċessarji għall-operazzjonijiet kontinwi tas-soltu;

(d)

“permess ta’ ħaddiem staġonali” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa bl-użu ta’ format stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (17) li jirriferi għal xogħol staġonali u li jintitola lid-detentur tiegħu li joqgħod u jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru għal soġġorn li jaqbeż 90 jum taħt it-termini ta’ din id-Direttiva;

(e)

“viża għal soġġorn qasir” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru kif previst fil-punt (2)(a) tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jew maħruġa f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ;

(f)

“viża għal soġġorn twil” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru kif previst fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen jew maħruġa f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ;

(g)

“proċedura unika ta’ applikazzjoni” tfisser proċedura li twassal, abbażi ta’ applikazzjoni waħda għall-awtorizzazzjoni ta’ soġġorn u tax-xogħol ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ ħaddiem staġonali;

(h)

“awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali” tfisser kwalunkwe waħda mill-awtorizzazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 9 li tintitola lid-detentur tagħhom biex joqgħod u jaħdem fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ l-awtorizzazzjoni taħt din id-Direttiva;

(i)

“permess tax-xogħol” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali għall-fini ta’ xogħol fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi bejn l-Unjoni jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz wieħed jew aktar min-naħa l-oħra;

(b)

ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tapplika għalihom fir-rigward tal-Artikoli 18, 19, 20, 23 u 25.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

Artikolu 5

Kriterji u rekwiżiti għall-ammissjoni għall-finijiet ta’ impjieg bħala ħaddiem staġonali għal soġġorni li ma jaqbżux 90 jum

1.   L-applikazzjonijiet għal ammissjoni fi Stat Membru taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għal soġġorn li ma jaqbiżx 90 jum għandhom ikunu akkumpanjati minn:

(a)

kuntratt validu ta’ xogħol jew, jekk previst mil-liġi jew regolamenti amministrattivi jew prattika nazzjonali, offerta vinkolanti ta’ impjieg għal xogħol bħala ħaddiem staġonali fl-Istat Membru kkonċernat ma’ persuna li tħaddem stabbilita f’dak l-Istat Membru li jispeċifikaw:

(i)

il-post u t-tip ta’ xogħol;

(ii)

it-tul tal-impjieg;

(iii)

ir-remunerazzjoni;

(iv)

is-sigħat ta’ xogħol kull ġimgħa jew xahar;

(v)

l-ammont ta’ kwalunkwe leave imħallas;

(vi)

fejn applikabbli, kondizzjonijiet ta’ xogħol rilevanti oħra; u

(vii)

jekk possibbli, id-data meta jibda l-impjieg.

(b)

evidenza tal-akkwist ta’, jew, jekk prevista fil-liġi nazzjonali, tal-applikazzjoni għal assigurazzjoni tal-mard minħabba r-riskji kollha li normalment ikopru liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għall-perijodi li fihom il-kopertura mit-tali assigurazzjoni u d-dritt għall-benefiċċji korrespondenti mhumiex ipprovduti b’konnessjoni max-xogħol, jew bħala riżultat tax-xogħol li jkun sar f’dak l-Istat Membru;

(c)

evidenza li l-ħaddiem staġonali ser ikollu akkomodazzjoni xierqa jew li ser tiġi pprovduta akkomodazzjoni xierqa, skont l-Artikolu 20.

2.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ikunu f’konformità ma’ liġijiet, ftehimiet kollettivi u/jew prattika li jkunu applikabbli.

3.   Fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-ħaddiem staġonali ma jkollu ebda rikors għas-sistemi tal-assistenza soċjali tagħhom.

4.   Fil-każijiet fejn fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti għal impjieg ikun speċifikat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser jeżerċita professjoni regolata, kif definit fid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jippreżenta dokumentazzjoni li tiċċertifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni regolata.

5.   Meta jeżaminaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1), l-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ għandhom jivverifikaw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz:

(a)

ma jippreżentax riskju ta’ immigrazzjoni illegali;

(b)

mhuwiex biħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istat Membri mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

Kriterji u rekwiżiti għall-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali għal soġġorni li jaqbżu 90 jum

1.   L-applikazzjonijiet għal ammissjoni fi Stat Membru skont it-termini ta’ din id-Direttiva għal soġġorn li jaqbeż 90 jum, għandhom ikunu akkumpanjati minn:

(a)

kuntratt validu ta’ xogħol jew, jekk tkun prevista mil-liġi jew regolamenti amministrattivi jew prattika nazzjonali, offerta vinkolanti ta’ impjieg għal xogħol bħala ħaddiem staġonali fl-Istat Membru kkonċernat ma’ persuna li tħaddem stabbilita f’dak l-Istat Membru, li jispeċifikaw:

(i)

il-post u t-tip ta’ xogħol;

(ii)

it-tul tal-impjieg;

(iii)

ir-remunerazzjoni;

(iv)

is-sigħat ta’ xogħol kull ġimgħa jew xahar;

(v)

l-ammont ta’ kwalunkwe leave imħallas;

(vi)

fejn applikabbli, kondizzjonijiet ta’ xogħol rilevanti oħra; u

(vii)

jekk possibbli, id-data ta’ meta jibda l-impjieg;

(b)

evidenza tal-akkwist ta’, jew, jekk prevista fil-liġi nazzjonali, tal-applikazzjoni, għal assigurazzjoni tal-mard minħabba r-riskji kollha li normalment huma koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat fil-perijodi fejn il-kopertura tal-assigurazzjoni u d-dritt għall-benefiċċji korrespondenti mhumiex ipprovduti f’konnessjoni max-xogħol, jew b’riżultat tax-xogħol imwettaq f’dak l-Istat Membru;

(c)

evidenza li l-ħaddiem staġonali ser ikollu akkomodazzjoni xierqa jew li ser tiġi pprovduta akkomodazzjoni xierqa, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.

2.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jikkonformaw ma’ liġijiet, ftehimiet kollettivi u/jew prattika li jkunu applikabbli.

3.   Fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-ħaddiem staġonali ser ikollu biżżejjed riżorsi matul is-soġġorn tiegħu jew tagħha biex imantni lilu nnifsu mingħajr rikors għas-sistemi tal-assistenza soċjali tagħhom.

4.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma kkunsidrati bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika m’għandhomx jiġu ammessi.

5.   Meta jeżaminaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2), l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jippreżentax riskju ta’ immigrazzjoni illegali u li hu jew hi mhumiex biħsiebhom jitilqu mit-territorju tal-Istat Membri l-aktar tard fid-data tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni.

6.   Fil-każijiet fejn fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti għal impjieg ikun speċifikat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser jeżerċita professjoni regolata, kif definit fid-Direttiva 2005/36/KE, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jippreżenta dokumentazzjoni li tiċċertifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni rregolata.

7.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom fil-pussess tagħhom dokument tal-ivvjaġġar li jkun validu taħt il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar ikopri mill-inqas il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li:

(a)

il-perijodu ta’ validità jaqbeż iż-żmien maħsub ta’ soġġorn b’massimu ta’ tliet hur;

(b)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikun inħareġ fl-aħħar għaxar snin; u

(c)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikollu mill-inqas żewġ paġni vojta.

Artikolu 7

Volumi ta’ ammissjoni

Din id-Direttiva ma għandhiex tinċidi fuq id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-volumi ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tiegħu għall-fini ta’ xogħol staġonali. Fuq din il-bażi, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali tista’ titqies inammissibbli jew tiġi rifjutata.

Artikolu 8

Raġunijiet għal rifjut

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

ma jkunx hemm konformità mal-Artikoli 5 jew 6; jew

(b)

id-dokumenti ppreżentati għall-fini tal-Artikoli 5 jew 6 jkunu nkisbu bi frodi, jew iffalsifikati, jew imbagħbsa.

2.   L-Istati Membri għandhom, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

il-persuna li tħaddem ġiet sanzjonata skont il-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali;

(b)

in-negozju tal-persuna li tħaddem qed jiġi jew ġie xolt skont il-liġijiet nazzjonali ta’ insolvenza jew ma tkunx qed issir ebda attività ekonomika; jew

(c)

il-persuna li tħaddem tkun ġiet sanzjonata taħt l-Artikolu 17.

3.   L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-pożizzjoni vakanti inkwistjoni tistax timtela minn ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat jew minn ċittadini oħrajn tal-Unjoni, jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment f’dak l-Istat Membru, u f’dak il-każ huma jistgħu jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti rilevanti ta’ Adeżjoni.

4.   Stat Membru jista’ jirrifjuta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

il-persuna li tħaddem tkun naqset milli tissodisfa l-obbligi legali tagħha rigward is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew it-termini ta’ impjieg, kif previst fil-liġijiet u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu applikabbli;

(b)

fi żmien it-12-il xahar li jippreċedu immedjatament id-data tal-applikazzjoni, il-persuna li tħaddem tkun eliminat pożizzjoni full-time sabiex toħloq pożizzjoni vakanti li l-persuna li tħaddem tkun qed tipprova timla bl-użu ta’ din id-Direttiva;

(c)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx osserva l-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjoni preċedenti ta’ ammissjoni bħala ħaddiem staġonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjonigħandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inklużi l-interessi tal-ħaddiem staġonali, u jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

6.   Ir-raġunijiet għal rifjut tal-ħruġ ta’ viża għal soġġorn qasir huma regolati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Artikolu 9

Irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali

1.   L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

id-dokumenti ppreżentati għall-fini tal-Artikoli 5 jew 6 kienu nkisbu bi frodi, jew iffalsifikati, jew imbagħbsa; jew

(b)

id-detentur ikun qed joqgħod fil-pajjiż għal finijiet li mhumiex dawk li għalihom hu kien awtorizzat li joqgħod.

2.   L-Istati Membri għandhom, jekk ikun il-każ, jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

il-persuna li tħaddem ġiet sanzjonata skont il-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali;

(b)

in-negozju tal-persuna li tħaddem qed jiġi jew ġie xolt skont il-liġijiet nazzjonali ta’ insolvenza jew ma tkunx qed issir ebda attività ekonomika;

(c)

il-persuna li tħaddem ġiet sanzjonata taħt l-Artikolu 17.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn:

(a)

m’għadx hemm iżjed konformità mal-Artikoli 5 jew 6;

(b)

il-persuna li tħaddem tkun naqset milli tissodisfa l-obbligi legali tagħha rigward is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew it-termini ta’ impjieg, kif previst fil-liġijiet applikabbli u/jew fi ftehimiet kollettivi;

(c)

il-persuna li tħaddem ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt il-kuntratt tax-xogħol; jew

(d)

fi żmien it-12-il xahar li jippreċedu immedjatament id-data tal-applikazzjoni, il-persuna li tħaddem eliminat pożizzjoni full-time sabiex toħloq pożizzjoni vakanti li persuna li tħaddem tkun qed tipprova timla bl-użu ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jew għal protezzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inklużi l-interessi tal-ħaddiem staġonali, u tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

6.   Ir-raġunijiet għal rifjut jew revoka ta’ viża għal soġġorn qasir huma regolati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Artikolu 10

Obbligu ta’ kooperazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jesiġu mill-persuna li tħaddem biex tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-ħruġ, l-estensjoni jew it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali.

KAPITOLU III

PROĊEDURA U AWTORIZZAZZJONIJIET GĦALL-FINI TA’ XOGĦOL STAĠONALI

Artikolu 11

Aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu aċċessibbli faċilment lill-applikanti l-informazzjoni dwar l-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għal applikazzjoni u l-informazzjoni dwar id-dħul u s-soġġorn, inklużi d-drittijiet u l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali tal-ħaddiem staġonali.

2.   Meta l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali lil ċittadin ta’ pajjiżi terzi, huma għandhom jipprovduh ukoll b’informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, inklużi l-proċeduri ta’ lment.

Artikolu 12

Awtorizzazzjonijiet għall-fini ta’ xogħol staġonali

1.   Għal soġġorni li ma jaqbżux id-90 jum, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-Artikolu 5 u ma jaqgħux taħt ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom joħorġu waħda mill-awtorizzazzjonijiet li ġejjin għall-fini ta’ xogħol staġonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn qasir kif stipulat fil-Kodiċi dwar il-Viżi u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (20):

(a)

viża għal soġġorn qasir, li tindika li hija maħruġa għall-fini ta’ xogħol staġonali;

(b)

viża għal soġġorn qasir u permess tax-xogħol li jindikaw li huma maħruġa għall-fini ta’ xogħol staġonali; jew

(c)

permess tax-xogħol li jindika li huwa maħruġ għall-fini ta’ xogħol staġonali, fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun eżentat mir-rekwiżit ta’ viża f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-Istat Membru kkonċernat ma japplikax lilu l-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament.

Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu jew l-għall-awtorizzazzjonijiet msemmija fil-punti (a) u (c) jew għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punti (b) u (c).

2.   Għal soġġorni li jaqbżu d-90 jum, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-Artikolu 5a u ma jaqgħux taħt ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom joħorġu waħda mill-awtorizzazzjonijiet li ġejjin għall-fini ta’ xogħol staġonali:

(a)

viża għal soġġorn twil, li tindika li hija maħruġa għall-fini ta’ xogħol staġonali;

(b)

permess tax-xogħol staġonali; jew

(c)

permess tax-xogħol staġonali jew viża għal soġġorn twil, jekk il-viża għal soġġorn twil hija meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali għad-dħul fit-territorju.

Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal waħda biss mill-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-acquis ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk applikazzjoni għandhiex tiġi ppreżentat minn ċittadin ta’ pajjiż terz u/jew mill-persuna li tħaddem.

L-obbligu tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni għandhiex tiġi ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz u/jew mill-persuna li tħaddem għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament li jeħtieġ li t-tnejn li huma jkunu involuti fil-proċedura.

4.   Il-permess tax-xogħol staġonali msemmi fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, għandu jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-użu tal-format stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. L-Istati Membri għandhom idaħħlu referenza fuq il-permess li tiddikjara li dan huwa maħruġ għall-fini ta’ xogħol staġonali.

5.   Fil-każ ta’ viżi għal soġġorn twil, l-Istati membri għandhom idaħħlu referenza li tiddikjara li din hija maħruġa għall-fini ta’ xogħol staġonali taħt l-intestatura ‘kummenti’ fuq l-istiker tal-viża f’konformità mal-punt 12 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1683/95.

6.   L-Istati Membri jistgħu jindikaw informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg tal-ħaddiem staġonali f’format ta’ karta, jew jaħżnu tali data f’format elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u fil-punt (a)16 tal-Anness għalih.

7.   Fejn tkun meħtieġa viża għall-uniku fini ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet biex jinħariġlu permess ta’ ħaddiem staġonali taħt il-punt (c) tas-subparagrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kull fakultà li jikseb il-viża meħtieġa.

8.   Il-ħruġ ta’ viża għal soġġorn twil imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni minn qabel għal xogħol fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 13

Applikazzjonijiet għal permess ta’ ħaddiem staġonali

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti biex jirċievu u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet għal, u biex joħorġu, permessi ta’ ħaddiem staġonali.

2.   Applikazzjoni għal permess ta’ ħaddiem staġonali għandha tiġi ppreżentata fi proċedura unika ta’ applikazzjoni.

Artikolu 14

Perijodu ta’ żmien tas-soġġorn

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw perijodu massimu ta’ soġġorn għal ħaddiema staġonali li għandu jkun mhux inqas minn ħames xhur u mhux aktar minn disa’ xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xahar. Wara dak il-perijodu, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jħalli t-territorju tal-Istati Membru sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma ħariġx permess ta’ residenza skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi tal-Unjoni għal finijiet oħra minbarra xogħol staġonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perijodu massimu ta’ żmien fi kwalunkwe perijodu ta’ 12-il xahar, li matulu persuna li tħaddem titħalla timpjega ħaddiema staġonali. Dak il-perijodu għandu jkun mill-anqas il-perijodu massimu ta’ soġġorn determinat skont il-paragrafu 1.

Artikolu 15

Estensjoni tas-soġġorn jew tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol staġonali

1.   Fil-perijodu massimu msemmi fl-Artikolu 14(1) u dment li l-Artikoli 5 jew 6 jiġu sodisfatti u r-raġunijiet stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 8(1), fl-Artikolu 8(2) u, jekk applikabbli, fl-Artikolu 8(4) mhumiex sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiema staġonali estensjoni waħda tas-soġġorn tagħhom, fejn il-ħaddiema staġonali jestendu l-kuntratt tagħhom mal-istess persuna li tħaddem.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li jħallu lill-ħaddiema staġonali jestendu l-kuntratt tagħhom mal-istess persuna li tħaddem u s-soġġorn tagħhom aktar minn darba waħda, dment li l-perijodu massimu msemmi fl-Artikolu 14(1) ma jinqabiżx.

3.   Fil-perijodu massimu msemmi fl-Artikolu 14(1) u dment li l-Artikoli 5 jew 6 jiġu sodisfatti u r-raġunijiet stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 8(1), fl-Artikolu 8(2) u, jekk applikabbli, fl-Artikolu 8(4) mhumiex sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiema staġonali estensjoni waħda tas-soġġorn tagħhom biex ikunu impjegati ma’ persuna differenti li tħaddem.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li jippermettu lill-ħaddiema staġonali jiġu impjegati minn persuna differenti li tħaddem u li jestendu s-soġġorn tagħhom aktar minn darba waħda, dment li l-perijodu massimu msemmi fl-Artikolu 14(1) ma jinqabiżx.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni meta l-ħaddiem staġonali ammess taħt din id-Direttiva qiegħed fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jestendu s-soġġorn jew li jġeddu l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali meta l-post vakanti inkwistjoni jista’ jimtela miċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat jew minn ċittadini oħrajn tal-Unjoni, jew minn ċittadini oħrajn tal-Unjoni, jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Istat Membru. Dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza għal ċittadini tal-Unjoni kif espressa fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti rilevanti ta’ Adeżjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jestendu s-soġġorn jew li jġeddu l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali fejn ikun intlaħaq il-perijodu massimu ta’ soġġorn kif definit fl-Artikolu 14(1).

8.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jestendu s-soġġorn jew li jġeddu l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali maħruġa abbażi ta’ din id-Direttiva jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE jew jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal protezzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat.

9.   L-Artikolu 9(2) u l-punti (b), (c) u (d) u l-Artikolu 9(3) ma għandhomx japplikaw għal ħaddiem staġonali li japplika biex jiġi impjegat minn persuna differenti li tħaddem f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu meta dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-persuna li tħaddem preċedenti.

10.   Ir-raġunijiet għal estensjoni ta’ viża għal soġġorn qasir huma regolati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

11.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1), kwalunkwe deċiżjoni dwar applikazzjoni għal estensjoni jew tiġdid għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inklużi l-interessi tal-ħaddiem staġonali, u tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Artikolu 16

Faċilitar tad-dħul mill-ġdid

1.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu ammessi f’dak l-Istat Membru bħala ħaddiema staġonali mill-anqas darba waħda fil-ħames snin preċedenti, u li jirrispettaw bis-sħiħ il-kondizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema staġonali taħt din id-Direttiva matul kull soġġorn tagħhom.

2.   Il-faċilitazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi waħda jew aktar miżuri, bħal:

(a)

l-għoti ta’ eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ preżentazzjoni ta’ wieħed jew aktar mid-dokumenti msemmija fl-Artikoli 5 jew 6;

(b)

il-ħruġ ta’ diversi permessi ta’ ħaddiema staġonali f’att amministrattiv uniku;

(c)

proċedura aċċellerata li twassal għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ ħaddiem staġonali jew viża għal soġġorn twil;

(d)

prijorità fl-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali inkluż il-kunsiderazzjoni ta’ ammissjonijiet preċedenti meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet fir-rigward tal-eżawriment tal-volumi tal-ammissjoni.

Artikolu 17

Sanzjonijiet kontra min iħaddem

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet kontra persuni li jħaddmu li ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, inkluż l-esklużjoni ta’ persuni li jħaddmu li qegħdin fi ksur serju tal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva għall-impjieg ta’ ħaddiema staġonali. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali tiġi rtirata f’konformità mal-Artikolu 91a) u l-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 9(3), min iħaddem għandu jkun suġġett li jħallas kumpens lill-ħaddiem staġonali f’konformità mal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali. Kwalunkwe responsabbiltà għandha tkopri kwalunkwe obbligu pendenti li min iħaddem ikollu jirrispetta jekk l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali ma tkunx ġiet irtirata.

3.   Fejn min iħaddem huwa sottokuntrattur li kiser din id-Direttiva u fejn il-kuntrattur prinċipali u kwalunkwe sottokuntrattur intermedju ma wettqux l-obbligi ta’ diliġenza dovuta kif definiti bil-liġi nazzjonali, il-kuntrattur prinċipali u kwalunkwe sottokuntrattur intermedju jistgħu:

(a)

jkunu suġġetti għas-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

ikunu responsabbli, minbarra jew minflok min iħaddem, biex iħallsu kwalunkwe kumpens dovut lill-ħaddiem staġonali f’konformità mal-paragrafu 2;

(c)

ikunu responsabbli, minbarra jew minflok min iħaddem, biex iħallsu kwalunkwe ħlas b’lura dovut lill-ħaddiem staġonali skont il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal regoli aktar stretti dwar ir-responsabbiltà taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 18

Salvagwardji proċedurali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni lill-applikant bil-miktub, f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika taħt il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta.

2.   Fil-każ ta’ applikazzjoni għal estensjoni tas-soġġorn jew għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li l-ħaddiem staġonali ma jkunx obbligat iwaqqaf ir-relazzjoni tal-impjieg tiegħu jew tagħha mal-istess persuna li tħaddmu, jew li ma jitħalliex jibdel il-persuna li tħaddmu, minħabba proċeduri amministrattivi li jkunu għaddejjin.

Fejn il-validità tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali tiskadi matul il-proċedura għall-estensjoni jew it-tiġdid, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-ħaddiem staġonali jibqa’ fit-territorju tagħhom sa meta l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, dment li l-applikazzjoni kienet ippreżentata fiż-żmien tal-validità ta’ dik l-awtorizzazzjoni u li l-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 14(1) ma skadiex.

Fejn ikun japplika t-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jiddeċiedu li:

(a)

joħrġu permessi ta’ residenza nazzjonali temporanji jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti sakemm tittieħed deċiżjoni; jew

(b)

jippermettu lill-ħaddiem staġonali jaħdem sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni.

Matul il-perijodu tal-analiżi tal-applikazzjoni għal estensjoni jew tiġdid, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva.

3.   Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta b’appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f’perijodu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli sabiex din tiġi pprovduta. Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sa meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu irċievu l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

4.   Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tiddikjara bħala inammissibbli applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali jew li tirrifjuta estensjoni ta’ soġġorn jew tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol staġonali għandhom jingħataw bil-miktub lill-applikant. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali għandha tingħata bil-miktub kemm lill-ħaddiem staġonali u, jekk previst fil-liġi nazzjonali, lil min iħaddem.

5.   Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara bħala inammissibbli applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali jew li tirrifjuta l-applikazzjoni, li tirrifjuta l-estensjoni tas-soġġorn jew it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol staġonali jew li tirtira awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika miktuba għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li lihom jista’ jsir rikors ta’ appell u l-limitu ta’ żmien għall-appell.

6.   Is-salvagwardji proċedurali rigward il-viżi għal soġġorn qasir huma regolati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Artikolu 19

Tariffi u spejjeż

1.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu ħlas ta’ tariffi għall-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet f’konformità ma’ din id-Direttiva. Il-livell ta’ tali tariffi ma għandux ikun sproporzjonat jew eċċessiv. It-tariffi għall-viżi għal soġġorn qasir huma regolati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen. Fejn dawk it-tariffi huma mħallsa miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sabiex huma jkunu intitolati li jiġu rimburżati mill-persuna li tħaddem f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li min iħaddem ħaddiema staġonali jħallas għal:

(a)

l-ispiża tal-vjaġġ mill-post ta’ oriġini tal-ħaddiema staġonali sal-post tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat u l-vjaġġ lura;

(b)

l-ispiża tal-assigurazzjoni kontra l-mard imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 6(1).

Meta jkunu mħallsa minn min iħaddem, dawn l-ispejjeż ma għandhomx ikunu rkuprabbli mill-ħaddiema staġonali.

Artikolu 20

Akkomodazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu evidenza li l-ħaddiem staġonali ser jibbenefika minn akkomodazzjoni li tiżgura standard ta’ għajxien adegwat skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, għat-tul kollu tas-soġġorn tiegħu. L-awtorità kompetenti għandha tiġi informata bi kwalunkwe tibdil ta’ akkomodazzjoni tal-ħaddiem staġonali.

2.   Fejn l-arranġamenti għall-akkomodazzjoni jsiru minn jew permezz ta’ min iħaddem:

(a)

il-ħaddiem staġonali jista’ jiġi meħtieġ iħallas kera li ma għandhiex tkun eċċessiva meta mqabbla mar-remunerazzjoni netta tiegħu u meta mqabbla mal-kwalità tal-akkomodazzjoni. Il-kera ma għandhiex tiġi mnaqqsa awtomatikament mill-paga tal-ħaddiem staġonali;

(b)

min iħaddem għandu jipprovdi lill-ħaddiem staġonali b’kuntratt ta’ kera jew dokument ekwivalenti li fih huma ddikjarati b’mod ċar il-kondizzjonijiet ta’ kera tal-akkomodazzjoni;

(c)

min iħaddem għandu jiżgura li l-akkomodazzjoni tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sikurezza li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 21

Stazzjonament mis-servizzi pubbliċi ta’ impjieg

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-istazzjonament tal-ħaddiema staġonali għandu jsir biss mis-servizzi pubbliċi ta’ impjieg.

KAPITOLU IV

DRITTIJIET

Artikolu 22

Drittijiet abbażi tal-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali

Matul il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 12, id-detentur għandu mill-inqas igawdi d-drittijiet li ġejjin:

(a)

id-dritt għal dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ l-awtorizzazzjoni,

(b)

l-aċċess liberu għat-territorju kollu tal-Istat Membru li ħareġ l-awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali;

(c)

id-dritt li jeżerċita l-attività konkreta tal-impjieg li ġiet awtorizzata skont l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 23

Dritt għat-trattament ugwali

1.   Il-ħaddiema staġonali huma intitolati għal trattament ugwali meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tal-anqas fir-rigward ta’:

(a)

it-termini ta’ impjieg, inkluża l-età minima ta’ impjieg, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga u s-sensja, is-sigħat tax-xogħol, il-btajjel u l-vakanzi, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

(b)

id-dritt tal-istrajkjar u li tittieħed azzjoni industrijali, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha huma impenjati f’xi xogħol speċifiku, inklużi d-drittijiet u l-benefiċċji konferiti minn organizzazzjonijiet bħal dawn, inkluż id-dritt għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika;

(c)

il-pagamenti b’lura li għandhom isiru minn min iħaddem, dwar kwalunkwe remunerazzjoni pendenti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(d)

il-fergħat ta’ sigurtà soċjali, kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(e)

l-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista ta’ prodotti u servizzi li jkunu disponibbli għall-pubbliku, minbarra l-akkomodazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali;

(f)

is-servizzi ta’ konsulenza dwar ix-xogħol staġonali mogħtija minn uffiċċji tal-impjieg;

(g)

l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(h)

ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(i)

il-benefiċċji tat-taxxa, kemm-il darba l-ħaddiem staġonali jkun meqjus bħala residenti għal finijiet fiskali fl-Istat Membru kkonċernat.

Il-ħaddiema staġonali li jmorru joqogħdu f’pajjiż terz, jew is-superstiti ta’ ħaddiema staġonali bħal dawn li jkunu residenti f’pajjiż terz li jkollhom drittijiet derivanti mill-ħaddiem staġonali, għandhom jirċievu pensjonijiet statutorji bbażati fuq l-impjieg preċedenti tal-ħaddiem staġonali u akkwiżiti skont il-leġiżlazzjoni stipulata fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, b’dawk l-istess kondizzjonijiet u b’dawk l-istess rati bħalma jkunu dovuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jmorru joqogħdu f’pajjiż terz.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

(i)

taħt il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, billi jeskludu l-benefiċċji għall-familja u l-benefiċċji tal-qgħad, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1231/2010;

(ii)

taħt il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, billi tiġi limitata l-applikazzjoni tiegħu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li huwa direttament marbut mal-attività speċifika ta’ impjieg u billi jiġu esklużi l-għotjiet ta’ studju u ta’ manteniment u self jew għotjiet u self oħrajn;

(iii)

taħt il-punt (i) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fir-rigward tal-benefiċċji tat-taxxa billi tiġi limitata l-applikazzjoni għal każijiet fejn il-post ta’ residenza rreġistrat jew tas-soltu tal-membri tal-familja tal-ħaddiem staġonali, li għalihom hu/hi titlob benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Id-dritt għal trattament ugwali stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew li jirrifjuta li jestendi jew iġedded l-awtorizzazzjoni għall-fini ta’ xogħol staġonali f’konformità mal-Artikoli 9 u 15.

Artikolu 24

Monitoraġġ, valutazzjoni u ispezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal miżuri biex jipprevjenu abbużi possibbli u biex jissanzjonaw kontravenzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-miżuri għandhom jinkludu l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u, fejn ikun il-każ, l-ispezzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali jew mal-prattika amministrattiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi responsabbli mill-ispezzjoni tax-xogħol jew l-awtoritajiet kompetenti u, fejn previst skont il-liġi nazzjonali għall-ħaddiema nazzjonali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-ħaddiema jkollhom aċċess għall-post tax-xogħol u, bi ftehim tal-ħaddiem, għall-akkomodazzjoni.

Artikolu 25

Il-faċilitazzjoni tal-ilmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmi effikaċi li permezz tagħhom ħaddiema staġonali jistgħu jressqu ilmenti kontra l-persuni li jħaddmuhom, direttament jew permezz ta’ partijiet terzi li jkollhom, skont il-kriterji stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu fl-iżgurar tal-konformità ma’ din id-Direttiva, jew permezz ta’ awtorità kompetenti tal-Istat Membru meta dan ikun previst fil-liġi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet terzi li għandhom, skont il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ din id-Direttiva, jistgħu, jew f’isem il-ħaddiem staġonali, jew b’appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, ikunu parti fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ċivili, esklużi l-proċeduri u d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ viżi għal soġġorn qasir, li jkunu previsti għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema staġonali jkollhom l-istess aċċess bħall-ħaddiema l-oħra f’pożizzjoni simili għal miżuri ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija jew trattament ħażin ieħor mill-persuna li tħaddem bħala reazzjoni għal ilment fi ħdan l-intrapriża jew għal kwalunkwe proċediment legali maħsub għall-infurzar tal-konformità ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-istatistika dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-fini ta’ xogħol staġonali maħruġa għall-ewwel darba u, sa fejn possibbli, dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-fini ta’ xogħol staġonali ġiet estiża, imġedda jew irtirata. Dik l-istatistika għandha tkun diżaggregata skont iċ-ċittadinanza, u sa fejn hu possibbli skont il-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni u s-settur ekonomiku.

2.   L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-1 ta’ Ottubru 2017.

3.   L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

Artikolu 27

Rappurtar

Kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kwalunkwe emenda neċessarja.

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Settembru 2016. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk tal-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk tal-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 97.

(2)  ĠU C 166, 7.6.2011, p. 59.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2014..

(4)  Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(7)  Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(8)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(9)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(10)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(12)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(13)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(14)  Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).

(15)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(16)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).

(18)  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(19)  Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

(21)  Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).