31.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/82


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Ottubru 2014

dwar l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija

(2014/761/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija parti mill-Komunità tal-Enerġija li għandha l-għan li toħloq spazju regolatorju uniku għas-swieq tal-enerġija fl-Ewropa.

(2)

Il-Partijiet Kontraenti (1) għall-Komunità tal-Enerġija għandhom l-għan li jintegraw is-swieq tal-enerġija tagħhom fis-suq intern tal-enerġija tal-UE billi jadattaw il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku u jinkorporawha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

(3)

Il-prinċipji ewlenin tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u għall-elettriku huma stipulati fid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (2), id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (3), ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (4) u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (5), li ilhom japplikaw fl-Istati Membri mit-3 ta' Marzu 2011. Regoli importanti tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku huma stabbiliti wkoll f'kodiċijiet tan-netwerks u linji gwida legalment vinkolanti, adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq u parzjalment f'fażi ta' żvilupp.

(4)

Il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija huma obbligati jimplimentaw id-Direttivi u r-Regolamenti msemmija hawn fuq mill-1 ta' Jannar 2015 (6) u japplikaw il-miżuri ta' implimentazzjoni mill-istess data, soġġetti għal ftit eċċezzjonijiet. Il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida huma wkoll progressivament inkorporati fis-sistema legali tal-Komunità tal-Enerġija.

(5)

Huwa previst li l-Partijiet Kontraenti se jimplimentaw aktar leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku, partikolarment id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura (7), ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (8) u r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (9).

(6)

L-applikazzjoni ġeografika tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku tinkludi t-territorju kollu tal-UE.

(7)

Fit-23 ta' Settembru 2014, il-Komunità tal-Enerġija adottat Interpretazzjoni mill-Kunsill Ministerjali skont l-Artikolu 94 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija sabiex fl-atti legali tal-Komunità tal-Enerġija li fihom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tittratta l-flussi tal-enerġija, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, kif ukoll tranżazzjonijiet kummerċjali u tal-ibbilanċjar, il-kapaċitajiet tan-netwerks u interkonnetturi bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE bl-istess mod bħall-flussi rispettivi, l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet, tranżazzjonijiet, kapaċitajiet u l-infrastruttura bejn il-Partijiet Kontraenti fil-liġi tal-Komunità tal-Enerġija.

(8)

It-trattament uniformi tal-flussi transfruntieri, it-tranżazzjonijiet transfruntieri u l-infrastruttura transfruntiera (interkonnessjonijiet) bejn il-partijiet kollha għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija huwa element importanti tal-ispazju regolatorju uniku għall-kummerċ fil-gass u l-elettriku, u huwa element indispensabbli biex jinkisbu l-għanijiet tal-Komunità tal-Enerġija. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn il-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fir-rigward tad-deċiżjonijiet tagħha, hija neċessarja sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tal-partijiet kontraenti fis-suq intern tal-UE tal-enerġija,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet regolatorji li jridu jaħtru skont il-leġiżlazzjoni tas-suq intern għall-gass u l-elettriku, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, u l-operaturi ekonomiċi, huma mistiedna jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi ekonomiċi tal-Partijiet Kontraenti għall-Komunità tal-Enerġija fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE.

2.

L-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet regolatorji li jridu jaħtru skont il-leġiżlazzjoni tas-suq intern għall-gass u l-elettriku, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, u l-operaturi ekonomiċi, meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku, huma mistiedna japplikaw kwalunkwe referenza għal

(a)

flussi tal-enerġija, importazzjonijiet u esportazzjonijiet, kif ukoll tranżazzjonijiet kummerċjali u ta' bbilanċjar;

(b)

kapaċità tan-netwerk;

(c)

infrastrutturi għall-gass jew għall-elettriku, ġodda jew li diġà jeżistu

li jaqsmu fruntieri, żoni, żoni ta' kontroll jew tad-dħul u l-ħruġ bejn l-Istati Membri għall-flussi, importazzjonijiet, esportazzjonijiet, tranżazzjonijiet, kapaċitajiet u infrastruttura li jaqsmu l-fruntieri bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Istati Membri tal-UE.

3.

Ir-referenzi fil-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE tal-gass u l-elettriku għall-kooperazzjoni u l-attivitajiet konġunti bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mifhuma li jinkludu kooperazzjoni u attivitajiet konġunti bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti.

4.

Fejn l-atti legali tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-UE għall-gass u l-elettriku jirreferu għal “impatti” fuq Stat Membru wieħed jew iktar, tali referenza għandha tinftiehem ukoll bħala impatt fuq il-Partijiet Kontraenti jew fuq Parti Kontraenti u Stat Membru.

5.

Fejn għandha l-kompetenza li tieħu deċiżjonijiet skont il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE għall-gass u l-elettriku, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija hija mistiedna tikkoopera mal-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija, fejn il-Bord huwa kompetenti taħt acquis tal-Komunità tal-Enerġija, bil-għan li jippermettu l-adozzjoni ta' atti koerenti taż-żewġ korpi.

6.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-operaturi ekonomiċi, u lill-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Viċi President


(1)  Ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja, l-Ukraina u l-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(3)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(4)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(5)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(6)  B'xi eċċezzjonijiet kif speċifikat fl-acquis dwar il-Komunità tal-Enerġija. Għal aktar dettalji żur is-sit http://www.energy-community.org/portal/page/portal/ENC_HOME/ENERGY_COMMUNITY/Legal/EU_Legislation/Consolidated_acts#GAS

(7)  ĠU L 33, 4.2.2006, p. 22.

(8)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1

(9)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.