8.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/80


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta' April 2014

dwar it-tnaqqis tal-preżenza tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/193/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (1) jistabbilixxi l-livelli massimi għall-kadmju f'firxa ta' oġġetti tal-ikel.

(2)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (il-Bord Contam) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar il-Kadmju fl-ikel fit-30 ta' Jannar 2009 (2). F'din l-opinjoni, l-EFSA stabbiliet Doża Tollerabbli fil-Ġimgħa ġdida (TWI) ta' 2,5 μg/kg ta' piż tal-ġisem. Fid-dikjarazzjoni tagħha dwar “Ir-rivalutazzjoni tad-doża tollerabbli fil-ġimgħa għall-kadmju stabbilita mill-Bord Contam fl-2009” (3) EFSA qieset il-valutazzjoni tar-riskju riċenti li twettqet mill-Kumitat Konġunt tal-Esperti FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA) (4) u kkonfermat it-TWI ta' 2,5 μg/kg ta' piż tal-ġisem.

(3)

Fl-opinjoni xjentifika, il-Bord Contam ikkonkluda li l-espożizzjonijiet medji fl-ikel fil-pajjiżi Ewropej huma qrib jew jaqbżu bi ftit it-TWI ta' 2,5 μg/kg ta' piż tal-ġisem. Ċerti sottogruppi tal-popolazzjoni jistgħu jaqbżu t-TWI b'madwar darbtejn. Il-Bord Contam ikkonkluda wkoll li, għalkemm mhuwiex probabbli li jkun hemm effetti negattivi fuq il-funzjoni tal-kliewi f'individwi esposti għal dan il-livell, l-espożizzjoni għall-kadmju fil-livell tal-popolazzjoni għandha titnaqqas.

(4)

Skont l-opinjoni xjentifika tal-Bord Contam, il-gruppi tal-ikel li jikkontribwixxu għall-parti l-kbira tal-espożizzjoni għall-kadmju fl-ikel, primarjament minħabba r-rata għolja ta' konsum, huma: iċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali, il-ħxejjex, il-ġewż u l-legumi, l-għeruq lamti jew il-patata u l-laħam u l-prodotti tal-laħam. L-ogħla konċentrazzjonijiet ta' kadmju ġew individwati fil-prodotti tal-ikel tal-alka, fil-ħut u fil-frott tal-baħar, fiċ-ċikkulata u fl-ikel għal użi speċjali relatati mal-ikel kif ukoll fil-faqqiegħ, fiż-żrieragħ taż-żejt u fil-ġewwieni tal-annimali li jittiekel.

(5)

Il-livelli massimi għall-kadmju ġew stabbiliti fl-2001 f'firxa ta' oġġetti tal-ikel, inklużi ċ-ċereali, il-ħxejjex, il-laħam, il-ħut, il-frott tal-baħar, il-ġewwieni tal-annimali u s-supplimenti tal-ikel. Fid-dawl tal-konklużjonijiet riċenti tal-EFSA, ġew ikkunsidrati livelli massimi ġodda għall-ikel tat-trabi/prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata u huwa mistenni li dawn il-livelli jiġu adottati fi żmien qasir.

(6)

Barra minn hekk, wara l-opinjonijiet xjentifiċi dwar il-kadmju tal-Bord Contam, il-Kummissjoni investigat ukoll il-possibbiltajiet biex jitnaqqsu xi wħud mil-livelli massimi eżistenti għall-kadmju fl-oġġetti tal-ikel li huma kontributuri ewlenin għall-espożizzjoni (eż. iċ-ċereali, il-ħxejjex, il-patata).

(7)

Il-Kummissjoni tqis li jkun diffiċli li jinkiseb tnaqqis immedjat tal-livelli massimi. Il-preżenza tal-kadmju fl-oġġetti tal-ikel mhijiex uniformi, iżda tvarja ħafna skont, pereżempju, il-pożizzjoni ġeografika taż-żona tat-tkabbir (il-livelli differenti tal-preżenza naturali tal-kadmju fil-ħamrija minħabba distribuzzjoni differenti fil-qoxra tad-dinja), id-disponibbiltà tal-kadmju mill-ħamrija (il-livelli differenti ta' trasferiment mill-ħamrija għall-pjanti skont il-pH tal-ħamrija u komponenti oħra tal-ħamrija), il-varjetajiet tal-pjanti differenti b'mudelli differenti tal-akkumulazzjoni tal-kadmju, iżda wkoll ta' fatturi antropoġeniċi bħall-użu agrikolu tal-ħama tad-dranaġġ, tad-demel jew tal-fertilizzanti tal-fosfat u fatturi oħra. Fir-rigward tal-preżenza tal-kadmju fil-fertilizzanti tal-fosfat, li dwarha għaddejja ħidma, il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li tieħu azzjoni skont l-istrateġija tagħha għat-tnaqqis tar-riskji għall-kadmju u l-ossidu tal-kadmju, adottata fl-2008 (5).

(8)

Madankollu, diġà jeżistu xi metodi ta' mitigazzjoni għat-tnaqqis tal-preżenza tal-kadmju fl-ikel iżda dawn jeħtieġu ftit taż-żmien biex jiġu implimentati b'mod sħiħ mill-bdiewa u mill-operaturi fis-settur tal-ikel. F'xi każijiet il-metodi eżistenti jridu jiġu adattati speċifikament għall-għelejjel u għaż-żoni ġeografiċi li għalihom iridu jiġu applikati u jridu jiġu kkomunikati u promossi lill-bdiewa sabiex jinkiseb tnaqqis fil-livelli tal-kadmju fl-ikel fil-medda ta' żmien medju u twil. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-metodi ta' mitigazzjoni li diġà huma disponibbli jiġu kkomunikati u promossi lill-bdiewa u jibdew jew ikomplu jiġu implimentati bl-għan li jitnaqqsu l-livelli tal-kadmju fl-ikel. Fejn meħtieġ, għandhom jitwettqu aktar riċerka u investigazzjonijiet biex jimlew xi lakuni possibbli fl-għarfien dwar il-metodi ta' mitigazzjoni.

(9)

Il-progress tal-effetti tal-miżuri meħuda għandu jkun immonitorjat regolarment u rrappurtat lill-Kummissjoni. Għandha tinġabar aktar dejta dwar okkorrenza tal-kadmju li għandha tiġi rrapportata regolarment lill-EFSA biex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018 bil-għan li tittieħed deċiżjoni dwar aktar miżuri xierqa.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta' mitigazzjoni disponibbli għat-tnaqqis tal-livelli tal-kadmju fl-ikel, b'mod partikolari fiċ-ċereali, fil-ħxejjex u fil-patata, jiġu implimentati progressivament mill-bdiewa u mill-operaturi fis-settur tal-ikel. Dan jinkludi modi effettivi ta' komunikazzjoni u promozzjoni ta' metodi tal-mitigazzjoni magħrufa lill-bdiewa u lill-operaturi fis-settur tal-ikel.

(2)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn jinħtieġ għarfien ulterjuri sabiex jiġu identifikati miżuri ta' mitigazzjoni xierqa, eż. għal ċertu għalla jew f'żona ġeografika speċifika, jitwettqu investigazzjonijiet/riċerka biex jimtlew dawn il-lakuni fl-għarfien.

(3)

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw regolarment il-progress tal-miżuri ta' mitigazzjoni implimentati permezz tal-ġbir ta' dejta dwar l-okkorrenza tal-livelli tal-kadmju fl-ikel. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li

1.

ir-riżultati analitiċi jiġu pprovduti lill-EFSA fuq bażi regolari sabiex jiġu kkumpilati f'bażi ta' dejta unika u li

2.

rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni jiġi pprovdut lill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2015 segwit minn rapport finali mhux aktar tard minn Frar 2018. F'dawn ir-rapporti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal dawk il-livelli tal-kadmju qrib jew ogħla mil-livelli massimi.

(4)

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (6).

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(2)  EFSA Journal (2009) 980, 1-139.

(3)  EFSA Journal (2011);9(2):1975.

(4)  Is-Serje 64 tad-WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel, it-73 laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-Esperti FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (JECFA), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2011.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Kadmju u ossidu tal-kadmju (ĠU C 149, 14.6.2008, p. 6).

(6)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29.