8.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/112


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Marzu 2014

dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/124/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxu d-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-valuri u l-kompiti essenzjali tal-Unjoni.

(2)

L-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdu li l-Unjoni tfittex li telimina l-inugwaljanzi, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-attivitajiet kollha tagħha.

(3)

L-Artikolu 157(1) TFUE jobbliga lil kull Stat Membru biex jiżgura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali jkun applikat.

(4)

L-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(5)

L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur hija waħda mill-ħames prijoritajiet stabbiliti fil-Karta tan-Nisa, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni għal mobilizzazzjoni effettiva tal-istrumenti kollha, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi, biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. L-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tibni fuq il-prijoritajiet tal-Karta tan-Nisa. L-istrateġija tistipula li l-Kummissjoni tesplora mezzi possibbli biex ittejjeb it-trasparenza tal-pagi.

(6)

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistipula li għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq bażi ta’ sess fir-rigward tal-aspetti kollha u l-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni tiġi eliminata. B’mod partikolari, fejn tintuża sistema ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi biex tiġi determinata l-paga, din għandha tiġi bbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa u għalhekk għandha tkun imfassla b’mod tali li teskludi kull diskriminazzjoni minħabba s-sess.

(7)

In-nisa fl-Unjoni għadhom jaqilgħu medja ta’ 16,2 % inqas mill-irġiel għal kull siegħa maħduma (Eurostat 2011), minkejja l-progress sinifikanti tagħhom f’termini ta’ kisbiet edukattivi u esperjenza ta’ xogħol. Dan jindika differenzi persistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa li sa issa kienu biss imnaqqsa b’pass kajman ħafna.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2007) 424 finali (2) kkonkludiet li n-nisa għadhom qed jiġu affettwati minn diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri u inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol li jżommuhom milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Diskriminazzjoni diretta u viżibbli fil-pagi għall-istess xogħol eżatt saret xi ħaġa pjuttost rari. Madankollu, il-qafas ġuridiku eżistenti kien inqas effettiv fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Din id-diskriminazzjoni hija anqas probabbli li tkun is-suġġett ta’ kawża fil-qorti mhux biss minħabba li l-vittmi potenzjali probabbilment mhumiex konxji ta’ dan, iżda wkoll għaliex huwa aktar diffiċli għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi biex effettivament jinfurzaw il-prinċipju ta’ paga ugwali. Il-vittmi jridu jistabbilixxu l-fatti li jagħtu lok għal preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni sabiex jgħaddu l-oneru tal-provi fuq l-impjegatur. Strutturi oskuri tal-pagi u nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-livelli tal-pagi tal-impjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur huma fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal dawn id-diffikultajiet.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 543 finali (3) elenkat aktar titjib fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fost il-prijoritajiet tagħha fil-qasam tar-regolamentazzjoni intelliġenti.

(10)

Il-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Novembru 2008 (4) u fl-24 ta’ Mejju 2012 (5) adotta riżoluzzjonijiet dwar paga ugwali bejn l-irġiel u n-nisa b’rakkomandazzjonijiet dwar kif l-aħjar ikun implimentat il-prinċipju ta’ paga ndaqs. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi u sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tal-ġeneru

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tisħiħ tal-impenn u t-tisħiħ tal-azzjonijiet biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin (6), il-Kunsill stieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miżuri li jindirizzaw il-kawżi tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, b’mod partikolari dawk li jippromovu trasparenza dwar il-pagi u evalwazzjoni u klassifikazzjoni newtrali tax-xogħol.

(12)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013) 83 finali (7) tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, biex jiġu indirizzati ostakoli oħra għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex iħeġġu lill-impjegaturi biex jindirizzaw diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol bħala parti mill-isforzi biex tkun segwita strateġija ta’ inklużjoni attiva.

(13)

Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill COM(2013) 861 finali (8) jindika li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali huwa mxekkel minn nuqqas ta’ trasparenza fis-sistemi tal-pagi, nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali, u minn ostakli proċedurali. Dawn l-ostakli jinkludu impjegati li għandhom nuqqas ta’ informazzjoni li huma jeħtieġu biex jagħmlu b’suċċess pretensjoni għal paga ugwali u b’mod partikolari informazzjoni dwar il-livell tal-pagi għal kategoriji ta’ impjegati li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur.

(14)

Azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati rilevanti sabiex jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u d-diskriminazzjoni fil-pagi permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti ġuridiċi attwali. Filwaqt li jkun irrispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa meħtieġ li tittejjeb l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ndaqs fl-Istati Membri.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiffoka fuq it-trasparenza tal-kategoriji tal-pagi, li hija essenzjali għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Trasparenza ikbar tista’ tikxef preġudizzju fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u diskriminazzjoni fl-istrutturi tal-pagi ta’ intrapriża jew organizzazzjoni. Din tippermetti lill-impjegati, lill-impjegaturi u lill-imsieħba soċjali jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tippreżenta kaxxa tal-għodda ta’ miżuri mfassla biex jassistu lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ imfassal b’mod speċifiku għat-titjib tat-trasparenza fil-pagi. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex jimplimentaw il-miżuri l-aktar xierqa għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom u biex jimplimentaw tal-anqas waħda mill-miżuri ewlenin li jtejbu t-trasparenza stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni (id-dritt li tintalab informazzjoni dwar il-pagi, rappurtar mill-kumpaniji, awditi tal-pagi, negozjar kollettiv għall-pagi ugwali).

(16)

Li l-impjegati jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni dwar il-pagi, inklużi komponenti kumplimentari jew varjabbli bħal pagamenti in natura u bonusijiet, għal kategoriji oħra ta’ impjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali, maqsuma skont il-ġeneru, jagħmel il-politika dwar il-pagi ta’ intrapriża jew organizzazzjoni aktar trasparenti. Hija ttejjeb ukoll il-possibbiltajiet ta’ azzjoni legali individwali f’każijiet ta’ diskriminazzjoni li jasslu quddiem qrati nazzjonali u konsegwentament ikollha effett dissważiv.

(17)

Rappurtar regolari mill-impjegaturi dwar pagi skont il-kategorija tal-impjegat jew il-pożizzjoni, maqsuma skont il-ġeneru jtejjeb ukoll it-trasparenza tal-pagi u jikkostitwixxi bażi affidabbli għal diskussjonijiet dwar miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali. Tali żvelar kollettiv ta’ pagi ma għandux ikun meħtieġ għal intrapriżi u organizzazzjonijiet b’inqas minn 50 impjegat li jilħqu kriterji relatati mal-forza tax-xogħol għal intrapriżi żgħar fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9), minħabba li dan jista’ jitfa’ piż sproporzjonat fuqhom.

(18)

L-awditu tal-pagi għandu jħaffef l-analiżi tal-aspetti marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-paga u biex jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali. L-awditu tal-pagi jista’ jkun il-bażi għal diskussjoni bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-għan li tkun eliminata d-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-pagi. Il-miżuri relatati mal-awditu tal-pagi ma għandhomx ikunu meħtieġa għal intrapriżi u organizzazzjonijiet b’inqas minn 250 impjegat li jilħqu kriterji relatati mal-forza tax-xogħol għal intrapriżi medji fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, minħabba li dawn jistgħu jitfgħu piż sproporzjonat fuqhom.

(19)

Mod ieħor kif tiżdied it-trasparenza tal-pagi u tkun indirizzata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa huwa billi wieħed jinkoraġġixxi jew jobbliga lill-imsieħba soċjali jiddiskutu kwistjonijiet ta’ paga ugwali u jagħtu attenzjoni partikolari lil dan fin-negozjar kollettiv.

(20)

Il-kumpilazzjoni ta’ statistika tal-pagi mqassma skont il-ġeneru u l-forniment lill-Eurostat bi statistika akkurata u kompluta hija essenzjali għall-analiżi u l-monitoraġġ tal-bidliet fid-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fuq livell Ewropew. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 (10) jirrikjedi li l-Istati Membri jikkompilaw l-istatistika tal-qligħ strutturali ta’ kull erba’ snin li jiffaċilita l-kalkolu tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Għall-2006 u l-2010, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet ikkalkulata mid-dejta miġbura minn Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ. Għall-2007 sal-2009, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet trasmessa fuq bażi volontarja, spiss b’dewmien u f’forma ta’ abbozz soġġett għal reviżjoni aktar tard. Statistika ta’ kwalità għolja annwali tista’ żżid it-trasparenza u ttejjeb ulterjorment il-konoxxenza dwar il-problema tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-paga. Id-disponibbiltà u l-kumparabbiltà ta’ din it-tip ta’ dejta huma strumentali għall-valutazzjoni tal-iżviluppi fl-Unjoni kollha kemm hi.

(21)

In-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ xogħol ta’ valur ugwali, inkluża indikazzjoni ċara tal-kriterji ta’ valutazzjoni għat-tqabbil ta’ impjiegi differenti, hija ostaklu ewlieni biex vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi jressqu l-pretensjonijiet tagħhom quddiem il-qrati. Biex ikun ivvalutat jekk impjegati humiex qed jagħmlu xogħol ta’ valur ugwali għandhom jiġu kkunsidrati firxa ta’ fatturi inklużi n-natura tax-xogħol, it-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-inklużjoni ta’ tali definizzjoni u kriterji ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol fil-liġijiet nazzjonali tgħin lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi li jressqu pretensjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali.

(22)

Evalwazzjoni tax-xogħol u sistemi ta’ klassifikazzjoni newtrali fir-rigward tal-ġeneru huma effettivi biex tkun stabbilita sistema ta’ pagi trasparenti. Huma jikxfu diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni ta’ impjiegi tipikament magħmula min-nisa peress li jkejlu u jqabblu l-impjiegi li l-kontenut tagħhom huwa differenti iżda ta’ valur ugwali u b’hekk jappoġġaw il-prinċipju ta’ xogħol ta’ valur ugwali. L-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-impjegaturi huma mħeġġa li jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward tal-ġeneru, li huma ispirati mill-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE. (11)

(23)

L-involviment ta’ korpi ta’ ugwaljanza huwa strumentali biex ikun applikat b’mod effettiv il-prinċipju ta’ paga ugwali. Is-setgħat u l-mandati ta’ korpi nazzjonali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom għalhekk ikunu adegwati sabiex ikopru d-diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri, inkluż kull obbligi ta’ trasparenza. Ostakli proċedurali u dawk relatati mal-kost li jiffaċċaw il-vittmi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi għandhom jittaffew billi l-korpi ta’ ugwaljanza jinagħtaw is-setgħa li jirrappreżentaw l-individwi. Dan inaqqas ir-riskju ta’ litigazzjoni għal impjegati individwali u jista’ jkun sinifikanti għal rimedju possibbli għall-iskarsezza sinifikanti attwali ta’ kawżi ta’ paga ugwali li jittressqu quddiem il-qorti.

(24)

Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar l-eżistenza u l-importanza tal-prinċipju ta’ paga ugwali. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa li jqajmu kuxjenza fost intrapriżi u organizzazzjonijiet, imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali sabiex jippromwovu b’mod effettiv il-prinċipju ta’ pagi ugwali, jużaw metodi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol mingħajr preġudizzji relatati mal-ġeneri u jindirizzaw id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa b’mod aktar ġenerali. Azzjonijiet fil-livell ta’ intrapriżi u organizzazzjonijiet huma wkoll meħtieġa,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   IS-SUĠĠETT

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri biex tassistihom f’implimentazzjoni aħjar u aktar effikaċi tal-prinċipju ta’ paga ugwali sabiex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi u li tikkontribwixxi biex tiġi nidirizzata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

II.   IT-TRASPARENZA TAL-PAGI

2.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu impjegaturi pubbliċi u privati u lill-imsieħba soċjali biex jadottaw politika ta’ trasparenza dwar il-kompożizzjoni u l-istrutturi tal-pagi. Huma għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri speċifiċi biex jippromwovu t-trasparenza tal-pagi. B’mod partikolari, dawn il-miżuri għandhom jinkludu waħda jew aktar mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti minn 3 sa 6 f’approċċ magħmul apposta għas-sitwazzjoni domestika speċifika.

Id-dritt tal-impjegati li jiksbu informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi

3.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri xierqa u proporzjonati biex jiġi żgurat li l-impjegati jistgħu jitolbu aktar informazzjoni dwar il-livell tal-pagi, maqsuma skont il-ġeneru, għal kategoriji ta’ impjegati li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur. Din l-informazzjoni għandha tinkludi komponenti kumplimentari jew varjabbli lil hinn mis-salarju bażiku fiss, bħal ħlasijiet in natura u bonusijiet.

Rappurtar dwar il-paga

4.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri li jiżguraw li impjegaturi f’intrapriżi u organizzazzjonijiet b’mill-inqas 50 impjegat regolarment jinformaw lill-impjegati, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-imsieħba soċjali dwar ir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija ta’ impjegat jew il-pożizzjoni, imqassma skont il-ġeneru.

Awditi tal-pagi

5.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-awditi tal-pagi jitwettqu f’intrapriżi u organizzazzjonijiet b’mill-inqas 250 impjegat. Dawn l-awditi għandhom jinkludu analiżi tal-proporzjon tan-nisa u l-irġiel f’kull kategorija ta’ impjegati jew pożizzjoni, analiżi tas-sistema ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol użata u informazzjoni ddettaljata dwar il-pagi u d-differenzjali tal-pagi abbażi tal-ġeneru. Dawn il-awditi għandhom ikunu magħmula disponibbli lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lill-imsieħba soċjali fuq talba.

Negozjar kollettiv

6.

Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwistjoni ta’ pagi ugwali, inkluż l-awditi tal-paga, tkun diskussa fil-livell xieraq ta’ negozjar kollettiv.

Statistika u dejta amministrattiva

7.

L-Istati Membri għandhom itejbu aktar id-disponibbiltà ta’ dejta aġġornata dwar id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa billi jipprovdu lil Eurostat bl-statistika annwali u f’waqtha. Din l-istatistika għandha maqsuma skont il-ġeneru, is-settur ekonomiku (12), il-ħin tax-xogħol (full-time/part-time), il-kontroll ekonomiku (sjieda pubbliku/privat) u l-età u tiġi kkalkulat fuq bażi annwali.

8.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni b’dejta dwar in-numru u t-tipi ta’ kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi meta jinnotifikawha skont il-punt 18.

Protezzjoni tad-Dejta

9.

Sal-punt li kull informazzjoni pprovduta skont il-miżuri meħuda skont il-punti minn 3 sa 8, tinvolvi l-iżvelar ta’ dejta personali, hija għandha tiġi pprovduta skont il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari dawk li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali

10.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiċċaraw il-kunċett ta’ “xogħol ta’ valur ugwali” fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Il-valur tax-xogħol għandu jkun ivvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol li wieħed jagħmel u n-natura tal-kompiti involuti.

Sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol

11.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward ta’ ġeneri, inklużi fil-kapaċità tagħhom bħala impjegaturi fis-settur pubbliku, biex jipprevjenu jew jidentifikaw u jindirizzaw diskriminazzjonijiet fil-pagi bbażati fuq skali tal-pagi li huma preġudikati mill-ġeneru. Huma għandhom speċifikament iħeġġu lill-impjegaturi u lill-imsieħba soċjali biex jintroduċu sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward ta’ ġeneri.

12.

Fir-rigward ta’ sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol newtrali fir-rigward ta’ ġeneri, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jiġu ispirati mill-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE.

III.   DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Korpi tal-Ugwaljanza

13.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-setgħat u l-mandati tal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza tagħhom ikopru kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi bejn il-ġeneri, inklużi obbligi ta’ trasparenza. Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-korpi għall-ugwaljanza d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u l-awditi msemmija fil-punti 4 u 5 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

14.

L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-ostakli proċedurali għall-bidu ta’ kawżi relatati mal-paga ugwali fil-qorti billi jippermettu lill-korpi għall-ugwaljanza li jirrappreżentaw l-individwi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi.

15.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn korpi nazzjonali għall-ugwaljanza u korpi nazzjonali li għandhom funzjoni ta’ spezzjoni fis-suq tax-xogħol.

Monitoraġġ u infurzar

16.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ konsistenti tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli għal diskriminazzjoni fil-pagi.

Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni

17.

L-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza fost l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, l-imsieħba soċjali, u l-pubbliku ġenerali biex jippromwovu l-paga ugwali, il-prinċipju ta’ xogħol ta’ valur ugwali u t-trasparenza tal-pagi, biex jindirizzaw il-kawżi tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, u joħolqu għodda li tgħin fl-analiżi u l-valutazzjoni tal-inugwaljanza fil-pagi.

IV.   SEGWITU

18.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u huma mistiedna jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sal-31 ta’ Diċembru 2015, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib, biex tfassal rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u, abbażi ta’ dan, tivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri.

V.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

19.

Ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha. Hija indirizzata ukoll lill-imsieħba soċjali, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, l-imsieħba soċjali għandhom responsabbiltà speċifika li jimplimentaw il-prinċipju ta’ paga ugwali billi jikkonkludu ftehimiet kollettivi.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(2)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta’ Lulju 2007 — “Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel”.

(3)  il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Ottubru 2010 — “Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea”.

(4)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.

(5)  P7_TA(2012)0225.

(6)  ĠU C 345, 18.12.2010, p. 1.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta’ Frar 2013 — “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni — inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020” (il-paġna 11).

(8)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6).

(11)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, SWD(2013) 512 finali.

(12)  Mill-inqas NACE Rev. 2, it-Taqsimiet minn B sa S ħlief O.

(13)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).