7.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 38/46 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Frar 2014
dwar miżuri ta’ kontroll tad-Diabrotica virgifera virgifera Le Conte f’żoni tal-Unjoni fejn il-preżenza tiegħu hija kkonfermata
(2014/63/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-Diabrotica virgifera virgifera Le Conte (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala: “Diabrotica”) huwa pest insett mhux endemiku tal-qamħirrum. Dan infirex u stabbilixxa lilu nnifisu f’aktar minn nofs iż-żona tal-Unjoni li fiha jitkabbar il-qamħirrum. |
(2) |
Il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid tad-Diabrotica fl-Unjoni mwettqa skont id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/766/KE (1) ma kinux ta’ suċċess. Barra minn hekk, skont valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni mhuwiex fattibbli li wieħed jipprova jeqred lil dan il-pest mit-territorju tal-Unjoni u lanqas li jiġi evitat it-tixrid tiegħu fl-oqsma li bħalissa huma ħielsa minn dan l-organiżmu ta’ ħsara. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/19/UE (2) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/62/UE (3) li tirtira r-rikonoxximent tad-Diabrotica bħala organiżmu ta’ ħsara rregolat bi status ta’ kwarantina, billi tħassru mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (4), u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/766/KE, rispettivament. |
(3) |
Skont id-Deċiżjoni 2003/766/KE n-newba tal-uċuħ tar-raba’ saret obbligatorja biss għall-qerda ta’ tifqigħ iżolat tad-Diabrotica. Madankollu, studji xjentifiċi wrew li n-newba tal-uċuħ tar-raba’ hija l-aktar teknika effettiva sabiex jitrażżan ukoll it-tifrix tad-Diabrotica u jitnaqqas l-impatt tiegħu. Apparti l-fatt li n-newba tal-uċuħ tar-raba’ hija metodu effettiv għall-kontroll tad-Diabrotica, din għandha diversi vantaġġi oħra mil-lat ambjentali. Dawn jinkludu t-titjib jew iż-żamma tal-fertilità u l-istruttura tal-ħamrija, u t-tkissir ta’ ċikli tal-pesti u tax-xibt bil-potenzjal li titnaqqas id-dipendenza tal-bdiewa fuq l-użu ta’ fertilizzanti li fihom il-kimiċi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. B’konsegwenza, in-newba tal-uċuħ tar-raba’ għandha wkoll impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja u tal-ilma, u fuq il-bijodiversità. Madankollu, minn studji oħrajn li saru dwar dan il-pest, deher ċar li bit-tixrid tiegħu hemm il-potenzjal ta’ dipendenza akbar fuq l-insettiċidi, peress li f’xi każijiet jista’ jkun diffiċli li jinstabu alternattivi ekonomikament attraenti għall-qamħirrum fin-newba. |
(4) |
Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu kontroll effettiv u sostenibbli tad-Diabrotica, anki wara l-irtirar tar-rikonoxximent tad-Diabrotica bħala orġaniżmu ta’ ħsara rregolat bi status ta’ kwarantina. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/128/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jipprovdi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu inċentivi xierqa biex iħeġġu lill-utenti professjonali sabiex jimplimentaw, fuq bażi volontarja, linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, li għandhom jitfasslu mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw utenti professjonali partikolari, skont il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, il-prevenzjoni tal-okkorrenza ta’ pesti għandha rwol ewlieni biex titnaqqas il-ħtieġa ta’ intervent bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Barra minn hekk, metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti minn metodi kimiċi jekk huma jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta’ ħsara. |
(5) |
Skont dawn il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, l-applikazzjoni tan-newba tal-uċuħ tar-raba’, tal-monitoraġġ xieraq tal-popolazzjonijiet tad-Diabrotica u miżuri rilevanti oħra jevitaw it-tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara, bħal miżuri ta’ iġjene u t-tindif tal-makkinarju agrikolu, għandhom ikunu inklużi f’linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur. |
(6) |
Barra minn hekk, sabiex jissaħħaħ ir-rispett mill-utenti tal-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jekk jintużaw insettiċidi biex jikkontrollaw id-Diabrotica, il-linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara li jikkonċernaw lil dan il-pest għandhom ikunu konformi mar-regoli dwar l-użu xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif stabbilit f’dik id-dispożizzjoni. |
(7) |
Utenti professjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni u għodod għall-monitoraġġ tad-Diabrotica, kif ukoll servizzi ta’ konsulenza dwar ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, inklużi prevenzjoni u metodi ta’ kontroll speċifiċi għad-Diabrotica. Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jgħinu lill-bdiewa biex jiddeċiedu jekk għadx hemm bżonn japplikaw il-miżuri ta’ protezzjoni tal-pjanti u meta. Huwa importanti li valuri ta’ limitu robusti u xjentifikament tajbin għall-popolazzjonijiet tad-Diabrotica jkunu ddefiniti għar-reġjun, peress li dawn huma komponenti essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
(8) |
Għalhekk l-Istati Membri li jiżguraw, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/128/KE, li l-utenti professjonali kollha jkollhom aċċess għal taħriġ dwar suġġetti speċifiċi, għandhom jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-programm ta’ taħriġ rispettiv. |
(9) |
Ir-riċerka u l-iżvilupp fuq għodod teknoloġiċi għall-kontroll sostenibbli tad-Diabrotica għandhom ikunu promossi biex ikunu żgurati miżuri aktar effiċjenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli kontra dak l-organiżmu ta’ ħsara, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. |
L-Istati Membri għandhom iqisu l-prinċipji ġenerali ta’ ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE għall-kontroll tad-Diabrotica virgifera virgifera Le Conte (minn hawn ‘il quddiem “Diabrotica”) f’żoni tal-Unjoni fejn il-preżenza tiegħu hija kkonfermata. Għall-iskopijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni “kontroll” tfisser it-tneħħija tad-densità tal-popolazzjoni ta’ pest b’tali mod li ma tikkawżax telf ekonomiku sinifikanti, bil-ħsieb li tiġi żgurata produzzjoni ekonomikament sostenibbli tal-qamħirrum. |
2. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, imfassla mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw utenti professjonali partikolari, dwar id-Diabrotica indirizzati lill-bdiewa tal-qamħirrum u utenti professjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma konformi mar-regoli dwar l-użu xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif stabbiliti fl-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
3. |
Metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti minn metodi kimiċi jekk ikunu jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta’ ħsara. Għalhekk, il-kontroll tad-Diabrotica minn utenti professjonali għandu jinkiseb jew jiġi appoġġat bl-azzjonijiet li ġejjin:
In-newba tal-uċuħ tar-raba’ għandha tiġi ppreferuta fid-dawl tal-effettività għolja tagħha fil-kontroll tad-Diabrotica u minħabba l-benefiċċji agronomiċi u ambjentali tagħha fit-tul. |
4. |
Il-miżuri kollha stabbiliti fil-punt 3 għandhom ikunu akkumpanjati mill-monitoraġġ tal-preżenza tad-Diabrotica sabiex jiġu identifikati l-ħtieġa u ż-żmien xieraq għal azzjoni protettiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-monitoraġġ effettiv tal-popolazzjoni tad-Diabrotica jsir billi jintużaw metodi u għodod xierqa. Il-valuri ta’ limitu xjentifikament tajbin għall-popolazzjonijiet tad-Diabrotica għandhom jiġu stabbiliti skont ir-reġjun, billi dawn huma komponenti essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ kontroll. |
5. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/128/KE, li l-utenti professjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni u għodod għall-monitoraġġ tad-Diabrotica. |
6. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ konsulenza dwar ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, kif previst fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/128/KE, jipprovdu wkoll pariri speċifiċi dwar il-kontroll tad-Diabrotica lill-utenti professjonali kollha tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu inċentivi xierqa biex iħeġġu lill-utenti professjonali sabiex jimplimentaw il-linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur imsemmija fil-punt 2. |
7. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali kollha tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkollhom aċċess għal taħriġ rigward il-kontroll sostenibbli tad-Diabrotica. Id-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom isiru parti mit-taħriġ żgurat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/128/KE. |
8. |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp ta’ għodod teknoloġiċi għall-kontroll sostenibbli tad-Diabrotica. |
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2014.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/766/KE tal-24 ta’ Ottubru 2003 dwar miżuri ta’ emerġenza biex ma jitħalliex it-tixrid ta’ Diabrotica virgifera Le Conte fil-Komunità (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 49).
(2) Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/19/UE tas-6 ta’ Frar 2014 li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità. Ara paġna 30 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/62/UE tas-6 ta’ Frar 2014 li tħassar id-Deċiżjoni 2003/766/KE dwar miżuri ta’ emerġenza biex ma jitħalliex it-tixrid ta’ Diabrotica virgifera Le Conte fil-Komunità. Ara paġna 45 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1)