1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/34


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Jannar 2014

li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu

(2014/53/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini tal-Unjoni bħala atturi politiċi billi jistabbilixxi rabta mill-qrib bejn iċ-ċittadini, l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi tagħhom u l-ħajja demokratika tal-Unjoni. L-Artikolu 10(1) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li l-funzjonament tal-Unjoni jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva u li kull ċittadin tal-Unjoni jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. L-Artikolu 10(2) tat-TUE, li jikkostitwixxi espressjoni ta’ tali prinċipji, jistabbilixxi li ċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u li l-Kap tal-Istat jew il-Gvern u l-Gvernijiet li jirrapreżentaw l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 20 tat-TFUE, l-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali.

(3)

L-Artikolu 21 tat-TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jagħtu liċ-ċittadini tal-UE d-dritt fundamentali tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea.

(4)

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jissaħħaħ id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u l-Istati Membri taċ-ċittadini tal-UE li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fl-Unjoni.

(5)

Kif enfasizzat fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (1), waħda mill-problemi li jħabbtu wiċċhom magħha ċ-ċittadini tal-Unjoni minn ċerti Stati Membri bħala atturi politiċi fl-Unjoni, hija li jitilfu d-dritt li jivvutaw (“jitneħħielhom id-dritt għall-vot”) fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom ladarba jkunu residenti fi Stat Membru ieħor għal ċertu perjodu ta’ żmien.

(6)

Bħalissa, l-ebda Stat Membru ma għandu politika ġenerali li tagħti d-dritt għall-vot liċ-ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħrajn residenti fit-territorju tiegħu fl-elezzjonijiet nazzjonali. Konsegwentement, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jitneħħielhom id-dritt għall-vot normalment jispiċċaw mingħajr dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali f’kull parti tal-Istati Membri.

(7)

Is-sitwazzjoni attwali tista’ tinħass inkompatibbli mal-premessa kostituttiva taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri li din tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u li hija mfassla biex tagħti drittijiet addizzjonali liċ-ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li f’dan il-każ l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu jista’ jwassal għal telf ta’ dritt ta’ parteċipazzjoni politika.

(8)

Barra minn hekk, għalkemm iċ-ċittadini tal-Unjoni li jitneħħielhom id-dritt għall-vot b’dan il-mod iżommu d-dritt li jeleġġu l-membri tal-Parlament Ewropew, dawn ma għandhomx id-dritt li jipparteċipaw fil-proċessi nazzjonali li jwasslu għall-kompożizzjoni tal-gvernijiet nazzjonali, li l-Membri tagħhom jiffurmaw il-Kunsill, il-koleġiżlatur l-ieħor tal-Unjoni.

(9)

Dan it-telf tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż tan-nazzjonalità minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment f’pajjiż ieħor tal-UE huwa meqjus miċ-ċittadini tal-Unjoni bħala nuqqas fid-drittijiet politiċi tagħhom.

(10)

Fir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza tal-2013 “Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom” (2) il-Kummissjoni enfasizzat li l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni fil-livelli kollha hija l-parti l-aktar importanti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tipproponi modi kostruttivi biex tippermetti liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor sabiex jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja demokratika tal-UE billi jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

(11)

Id-dritt għall-vot huwa dritt ċivili bażiku. Kif rikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għall-vot mhuwiex privileġġ. Kull tbegħid ġenerali, awtomatiku u indiskriminat mill-prinċipju tal-vot universali jirriskja li jimmina l-validità demokratika tal-leġiżlatura eletta b’dan il-mod u l-liġijiet li tniedi (3). Għaldaqstant, il-preżunzjoni fi Stat demokratiku għandha tkun favur l-inklużjoni. Din il-Qorti sabet ukoll li hemm xejra ċara favur il-permess għall-vot għaċ-ċittadini li mhumiex residenti, anke jekk għadu ma jeżisti l-ebda approċċ Ewropew komuni.

(12)

Ir-regoli applikabbli fil-preżent f’ċerti Stati Membri jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stati Membri oħrajn jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom għall-vot biss fuq il-bażi li huma ilhom residenti barra mill-pajjiż għal ċertu perjodu ta’ żmien. Dan huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li li tkun residenti barra mill-pajjiż għal tul ta’ żmien partikulari jfisser li l-konnessjoni mal-proċess politiku fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikun intilef. Madankollu, din il-preżunzjoni mhijiex korretta f’kull każ individwali. Għaldaqstant, jista’ jkun xieraq li ċ-ċittadini b’riskju li jitneħħielhom id-dritt għall-vot jingħataw il-possibbiltà li juru l-interess kontinwu tagħhom fil-ħajja politika fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini.

(13)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jżommu rabtiet mill-qrib matul ħajjithom mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u jistgħu jkomplu jiġu direttament milquta minn atti adottati mil-leġiżlatura eletta hemmhekk. L-aċċess mifrux għax-xandir televiżiv bejn il-fruntieri u d-disponibbiltà tal-Internet u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni mobbli oħra bbażati fuq l-Internet jagħmluha aktar faċli minn qatt qabel li ssegwi mill-qrib u tieħu sehem fl-iżviluppi soċjali u politiċi fl-Istat Membru ta’ domiċilju.

(14)

Ir-raġunament tal-politiki li jneħħu d-dritt għall-vot liċ-ċittadini għandu jiġi vvalutat mill-ġdid fid-dawl tar-realtajiet soċjoekonomiċi u teknoloġiċi kurrenti, ix-xejra kurrenti lejn parteċipazzjoni politika inklużiva u l-istat preżenti ta’ integrazzjoni Ewropea, flimkien mal-importanza ewlenija tad-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u d-dritt għall-moviment liberu.

(15)

Approċċ aktar inklużiv u proporzjonat ikun jikkonsisti fl-iżgurar li ċ-ċittadini li jużaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Unjoni jistgħu jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali meta juru interess kontinwu fil-ħajja politika tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini.

(16)

Azzjoni pożittiva min-naħa tal-individwi bħall-applikazzjoni tagħhom li jibqgħu reġistrati fir-reġistru elettorali tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom għandu jitqies bħala kriterju xieraq – u l-aktar mezz sempliċi - għall-finijiet ta’ turija ta’ interess kontinwu fil-ħajja politika nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dawk l-Istati Membri jitolbu li-ċittadini tagħhom li jġeddu dawn l-applikazzjonijiet f’intervilli xierqa, b’hekk jikkonfermaw il-persistenza ta’ dan l-interess.

(17)

Biex jiġi mminimizzat il-piż għal ċittadini barra minn pajjiżhom, is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom li jirreġistraw jew li jibqgħu reġistrati fir-reġistru elettorali għandha tkun possibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi.

(18)

Ikun importanti li tiġi żgurata liċ-ċittadini li jiċċaqalqu lejn jew li jgħixu fi Stat Membru ieħor, informazzjoni xierqa u f’waqtha dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jżommu d-drittijiet tal-vot tagħhom u dwar l-arranġamenti prattiċi korrispondenti,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Meta l-politiki tal-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi esklużiva ta’ kundizzjoni ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jużaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Unjoni biex juru interess kontinwu fil-ħajja politika fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, inkluż permezz ta’ applikazzjoni biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali, u billi jagħmlu hekk, iżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw.

2.

Jekk l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal dawk l-Istati Membri li jwaqqfu arranġamenti proporzjonati ta’ akkumpanjament, bħal applikazzjoni mill-ġdid f’intervalli xierqa.

3.

L-Istati Membri li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor li jżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali permezz ta’ applikazzjoni jew ta’ applikazzjoni mill-ġdid biex jibqgħu rreġistrati fir-reġistru elettorali għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet rilevanti kollha jkunu jistgħu jiġu sottomessi b’mod elettroniku.

4.

L-Istati Membri li jipprovdu għat-telf tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali miċ-ċittadini tagħhom residenti fi Stat Membru ieħor għandhom jinfurmawhom b’mezzi xierqa u f’ħin f’waqtu dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti prattiċi biex iżommu d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  COM(2010) 603.

(2)  COM(2013) 269.

(3)  Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta’ Mejju 2013 fil-kawża Shindler.