19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/158


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar ir-rikonoxximent tal-Ġappun skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2014) 9590)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/935/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-1978 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW), kif emendata.

(2)

Permezz ta' ittra tat-13 ta' Mejju 2005, ir-Repubblika ta' Ċipru talbet ir-rikonoxximent tal-Ġappun. Wara din it-talba, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet Ġappuniżi bil-għan li twettaq valutazzjoni tas-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom biex tivverifika jekk il-Ġappun jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri x-xierqa biex tiġi evitata l-frodi li tinvolvi ċ-ċertifikati. Kien spjegat li l-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni li għandha titwettaq mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Wara diskussjonijiet twal dwar il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Ġappuniżi aċċettaw missjoni ta' spezzjoni permezz ta' ittra tat-8 ta' Marzu 2011. Il-Kummissjoni mbagħad ipproċediet bil-valutazzjoni tas-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fil-Ġappun, li kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni li twettqet mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fi Frar tal-2012 u fuq ir-risposta tal-awtoritajiet Ġappuniżi tal-10 ta' Jannar 2014 għal talba tal-25 ta' Ottubru 2012 għal pjan volontarju ta' azzjoni korrettiva.

(3)

Il-valutazzjoni ma żvelatx tħassib serju, minkejja li identifikat xi oqsma li jeħtieġu attenzjoni. B'mod partikolari, is-sistema tal-istandards tal-kwalità tal-amministrazzjoni marittima u tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Marittimi ma tkoprix ċerti proċessi. Barra minn hekk, is-sillabi u t-taħriġ prattiku stabbiliti bl-istandards nazzjonali ma żgurawx il-kisba ta' ċerti standards tal-kompetenza preskritti għall-korsijiet tas-“Salvataġġ” u tat-“Tifi tan-Nar”.

(4)

Il-leġiżlazzjoni Ġappuniża ppermettiet lill-kandidati għaċ-ċertifikazzjoni jagħmlu s-servizz tat-tbaħħir abbord vapuri b'tunnellaġġ jew b'limiti tas-saħħa tal-propulsjoni li huma inqas minn dawk li jikkorrispondu għaċ-ċertifikat li għandu jinħareġ jew abbord bastimenti tas-sajd jew bastimenti tal-Gwardja tal-Kosta. Sabiex tiżgura li dan it-tip ta' servizz tat-tbaħħir ikun rilevanti għaċ-ċertifikat li tkun saret applikazzjoni għalih u li l-kompetenzi rilevanti kollha jkunu nkisbu matul is-servizz tat-tbaħħir, l-amministrazzjoni applikat ċerti kriterji għall-kandidati li kienu lestew 12-il xahar ta' servizz tat-tbaħħir bħala parti minn programm tat-taħriġ approvat. Madankollu, abbażi tal-analiżi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġappuniżi, deher li l-amministrazzjoni ma żguratx li dan it-tip ta' servizz tat-tbaħħir kien rilevanti għaċ-ċertifikat li saret applikazzjoni għalih u li l-kompetenzi rilevanti kollha kienu nkisbu matul dan is-servizz tat-tbaħħir għall-kandidati li kienu lestew 36 xahar ta' servizz tat-tbaħħir. Barra minn hekk, deher li l-amministrazzjoni ma żguratx li dan it-tip ta' servizz tat-tbaħħir kien rilevanti għaċ-ċertifikat li saret applikazzjoni għalih u li l-kompetenzi rilevanti kollha kienu nkisbu matul dan is-servizz tat-tbaħħir għall-validazzjoni mill-ġdid u l-aġġornament taċ-ċertifikati għall-kandidati kollha.

(5)

Fl-aħħar nett, l-amministrazzjoni kienet tirrikjedi li l-kandidati li jkollhom servizz tat-tbaħħir approvat ta' 12-il xahar bħala parti minn programm tat-taħriġ approvat ilestu l-edukazzjoni approvata sabiex japplikaw għal ċertifikazzjoni fil-livell operattiv. Madankollu, deher li l-amministrazzjoni ma rrikjeditx li l-kandidati li kienu lestew 36 xahar ta' servizz tat-tbaħħir ilestu wkoll l-edukazzjoni approvata sabiex japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni fil-livell operattiv.

(6)

Permezz ta' ittra tal-5 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ġappuniżi jagħtuha l-kjarifiki meħtieġa fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma fil-valutazzjoni u jappoġġaw dawn il-kjarifiki bid-dokumentazzjoni rilevanti. Fl-4 ta' Awwissu 2014, l-awtoritajiet Ġappuniżi ssottomettew it-tweġiba tagħhom.

(7)

Fit-tweġiba tagħhom, l-awtoritajiet Ġappuniżi pprovdew dokumentazzjoni biex juru li l-proċessi neqsin kollha issa huma koperti b'sistema ta' standards tal-kwalità. Barra minn hekk, huma abbozzaw leġiżlazzjoni ġdida u aġġornaw il-faċilitajiet tagħhom biex ikopru l-istandards neqsin fil-korsijiet tas-“Salvataġġ” u tat-“Tifi tan-Nar”.

(8)

Dwar il-verifika mill-amministrazzjoni li s-servizz tat-tbaħħir huwa rilevanti għaċ-ċertifikat li tkun saret applikazzjoni għalih u li l-kompetenzi rilevanti kollha jinkisbu matul is-servizz tat-tbaħħir għall-kandidati li jkunu lestew 36 xahar ta' servizz tat-tbaħħir u għal dawk li jkunu applikaw għall-validazzjoni mill-ġdid u għall-aġġornament taċ-ċertifikati tagħhom, l-awtoritajiet Ġappuniżi argumentaw li huma japplikaw kriterji għaċ-ċertifikazzjoni, għall-aġġornament u għall-validazzjoni mill-ġdid marbutin mad-daqs tal-vapur, maż-żona ta' navigazzjoni u mal-kapaċità mwettqa. Madankollu, l-informazzjoni mogħtija ma kinetx turi biżżejjed l-applikazzjoni tat-tali kriterji.

(9)

Dwar it-tlestija tal-edukazzjoni approvata mill-kandidati li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni fil-livell operattiv li jkunu lestew 36 xahar ta' servizz tat-tbaħħir, l-awtoritajiet Ġappuniżi argumentaw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Konvenzjoni STCW. Madankollu, l-informazzjoni mogħtija ma kinetx turi biżżejjed l-applikazzjoni tat-tali kriterji.

(10)

Minkejja li l-ġustifikazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ punti ma jtaffux kompletament it-tħassib imqajjem mill-valutazzjoni, il-livell ġenerali ta' konformità tal-Ġappun mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara mhix ikkontestata.

(11)

Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li l-Ġappun jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u li dan il-pajjiż ħa l-miżuri x-xierqa biex tiġi evitata l-frodi li tinvolvi ċ-ċertifikati.

(12)

L-Istati Membri ngħataw rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, il-Ġappun huwa rikonoxxut f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.