12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 357/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Novembru 2013

dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA 16237 (C58/02) (ex N118/02) implimentata minn Franza favur l-SNCM

(notifikata bid-dokument C(2013) 7066)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/882/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont l-Artikoli msemmija (2), u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

I.   PROĊEDURA

1.

Fit-18 ta’ Frar 2002, Franza informat lill-Kummissjoni dwar proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar lis-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (minn hawn ‘il qudddiem: “l-SNCM”), li tlesta fit-3 ta’ Lulju 2002 (3). Dan il-proġett ta’ ristrutturar kien isegwi n-notifika mill-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar l-avvanz ta’ flus ta’ EUR 22,5 miljun mogħtija mill-Compagnie Générale Maritime et Financière (il-Kumpanija Ġenerali Marittima u Finanzjarja, minn hawn ‘il quddiem: “is-CGMF”) (4) lill-SNCM bħala għajnuna għas-salvataġġ. Bid-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2002 (5) (minn hawn ‘il quddiem: “id-deċiżjoni tal-2002”), il-Kummissjoni awtorizzat l-għajnuna għas-salvataġġ lill-SNCM fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuniet prevista mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat dwar il-KE. L-għajnuna għar-ristrutturar innotifikata kienet tikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni tal-SNCM permezz tas-CGMF u kienet tammonta għal EUR 76 miljun.

2.

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni (6) skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill (7).

3.

Fit-8 ta’ Ottubru 2002 (8), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2002 (9).

4.

Fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi, ġew organizzati laqgħat ta’ ħidma mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-24 ta’ Ottubru 2002, fit-3 ta’ Diċembru 2002 u fil-25 ta’ Frar 2003.

5.

Fil-kuntest ta’ ftuħ ta’ proċedura, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn żewġ impriżi, jiġifieri minn Corsica Ferries France (minn hawn ‘il quddiem: “CFF”) fit-8 ta’ Jannar 2003 (10) u STIM d’Orbigny, il-grupp STEF-TFE (minn hawn ‘il quddiem: “STIM”) fis-7 ta’ Jannar 2003, u minn diversi awtoritajiet reġjonali u lokali Franċiżi fit-18 ta’ Diċembru 2002 u fid-9 u fl-10 ta’ Jannar 2003. Hija bagħtet dawn il-kummenti lil Franza permezz tal-ittri tat-13 u tas-16 ta’ Jannar u tal-5 u tal-21 ta’ Frar 2003.

6.

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar il-kummenti tas-CCF u tal-STIM fit-13 ta’ Frar (11) u fis-27 ta’ Mejju 2003 (12).

7.

Fis-16 ta’ Jannar 2003, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni addizzjonali li għaliha l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu fil-21 ta’ Frar 2003.

8.

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2003 (13), l-awtoritajiet Franċiżi żviluppaw argumenti bl-għan li juru li l-proġett ta’ għajnuna kien jirrispetta fi kwalunkwe punt il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (14) (minn hawn ‘il quddiem: “il-linji gwida tal-1999”).

9.

Fil-25 ta’ Frar 2003 (15), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu kopja tal-ftehim tal-azzjonisti ta’ bejn l-SNCM u l-STIM, fuq talba tal-Kummissjoni.

10.

Permezz tad-Deċijoni 2004/166/KE (16) (minn hawn ‘il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-2003”), il-Kummissjoni approvat, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar lill-SNCM pagabbli f’żewġ partijiet, waħda ta’ EUR 66 miljun, l-oħra tal-ammont massimu ta’ EUR 10 miljun li jiġu ddeterminati skont id-dħul nett mill-bejgħ tal-assi li jsir wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2003. Il-ħlas tal-ewwel parti ġie awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-2003.

11.

Fit-13 ta’ Ottubru 2003, is-CFF ippreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-2003 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-KE (minn hawn ‘il quddiem: “il-Qorti Ġenerali”) (Kawża T-349/03).

12.

Bid-Deċiżjoni 2005/36/KE (17) (minn hawn ‘il quddiem “id-Deċiżjoni tal-2004”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra li l-emendi li talbet Franza fit-23 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri l-iskambju tal-bastiment Aliso mal-bastiment Asco fil-lista ta’ bastimenti li l-SNCM kienet awtorizzata tuża wara d-Deċiżjoni tal-2003 u l-bejgħ tal-bastiment Aliso minflok il-bastiment Asco, ma kinux jikkompromettu l-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna għar-ristrutturar awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-2003.

13.

Bid-Deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005 (minn hawn ‘il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-2005”) (18), il-Kummissjoni approvat il-ħlas ta’ parti oħra mill-għajnuna għar-ristrutturar, li kienet tammonta għal EUR 3,3 miljun, u dan iwassal l-ammont totali tal-għajnuna għar-ristrutturar awtorizzata għal EUR 69,3 miljun.

14.

Fil-15 ta’ Ġunju 2005, fil-kawża T-349/03 (19), il-Qorti annullat id-Deċiżjoni tal-2003 minħabba li n-natura minima tal-għajnuna ġiet ivvalutata ħażin.

15.

Fil-25 ta’ Ottubru 2005 (20), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija minn meta nnotifikaw il-proġett tal-għajnuna għar-ristrutturar fit-18 ta’ Frar 2002.

16.

Fis-17 ta’ Novembru 2005 (21), l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew elementi li jirrigwardaw l-aġġornament tal-proġett ta’ ristrutturar tal-2002 u r-rikostituzzjoni tal-kapital proprju tal-SNCM (22).

17.

Fil-15 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu nota qasira dwar is-suq, il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju (il-parti dwar id-dħul) u rapport tal-introjtu previst lill-Kummissjoni (23). Dokumenti oħra ngħataw lis-servizzi tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Marzu 2006 u fis-7 ta’ April 2006 (24). F’din l-aħħar ittra, l-awtoritajiet Franċiżi stiednu wkoll lill-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba n-natura allegata tagħha ta’ “kumpens għal servizz pubbliku”, parti mill-għajnuna għar-ristrutturar tal-2002, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 53,48 miljun, ma tiġix ikkwalifikata bħala miżura li ttieħdet fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturar iżda bħala miżura mhux ta’ għajnuna skont il-każistika ta’ Altmark  (25) jew bħala miżura awtonoma u indipendenti mill-pjan ta’ ristrutturar skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat dwar il-KE.

18.

Fil-21 ta’ April 2006, ġiet innotifikata lill-Kummissjoni l-fużjoni ppjanata li fiha l-impriżi Veolia Transport (minn hawn ‘il quddiem: “VT”) (26) u Butler Capital Partners (minn hawn ‘il quddiem: “BCP”) akkwistaw il-kontroll konġunt tal-SNCM (27), skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (28). Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix l-operazzjoni notifikata u ddikjaratha kompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2006 (29).

19.

Fil-21 ta’ Ġunju 2006 (30), l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni d-Digriet tas-26 ta’ Mejju 2006 tal-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija li japprova t-tranżazzjonijiet finanzjarji deċiżi mis-Société nationale des chemins de fer français (minn hawn ‘il quddiem: “SNCF”) u d-Digriet Nru 2006-606 tas-26 ta’ Mejju 2006 dwar it-trasferiment tal-SNCM għas-settur privat.

20.

Informazzjoni dwar id-delega ta’ servizz pubbliku u l-għajnuniet ta’ natura soċjali relatati mas-servizzi tat-trasport lejn Korsika ntbagħtet lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju 2006 (31).

21.

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar il-KE, u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 dwar il-miżuri l-ġodda implimentati favur l-SNCM u l-pjan ta’ ristrutturar innotifikat fl-2002 (32) (minn hawn ‘il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-2006”).

22.

Fis-16 ta’ Novembru 2006, Franza bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha dwar d-deċiżjoni tal-2006 (33).

23.

Wara li saritilha talba minn xi wħud mill-partijiet interessati biex iż-żmien għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħhom jiġi estiż b’xahar (34), il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti dan iż-żmien supplementari lil kull parti interessata (35).

24.

Il-Kummissjoni rċeviet min-naħa tas-CFF (36) u mingħand l-STIM (37) kummenti li ntbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi b’ittra tal-20 ta’ Frar 2007. Parti terza interessata wkoll bagħtet xi kummenti, li ntbagħtu wkoll lill-awtoritajiet Franċiżi, iżda dawn ġew irtirati fit-28 ta’ Mejju 2008.

25.

Fit-30 ta’ April 2007 l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-kummenti li ressqu l-partijiet terzi (38).

26.

Fl-20 ta’ Diċembru 2007, is-CFF ippreżentat ilment lill-Kummissjoni kontra l-SNCM li ssupplementa l-informazzjoni mibgħuta fil-15 ta’ Ġunju 2007 u fit-30 ta’ Novembru 2007. Dan l-ilment jirrigwarda l-Artikolu 3 tal-Ftehim il-ġdid ta’ Delega ta’ Servizz Pubbliku ffirmat f’Ġunju 2007 bejn l-Awtoritajiet reġjonali ta’ Korsika u l-grupp Compagnie Méridionale de Navigation-SNCM għall-2007-2013. Skont is-CFF, l-implimentazzjoni ta’ din il-klawżola timmobilizza riżorsi finanzjarji ġodda għall-SNCM ta’ madwar EUR 10 miljun għas-sena 2007. Barra minn hekk, il-kumpens imħallas lill-SNCM għall-obbligi ta’ servizz pubbliku huwa għajnuna mill-Istat, li barra minn hekk huwa illegali peress li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

27.

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar id-deċiżjoni tagħha li testendi ż-żmien għall-preżentazzjoni tal-kummenti tal-partijiet terzi sal-14 ta’ Marzu 2008.

28.

Fis-26 ta’ Marzu 2008 il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-partijiet terzi interessati lill-Franza, li bagħtet il-kummenti tagħha fit-28 ta’ Marzu 2008, fl-10 ta’ April 2008 u fit-28 ta’ April 2008.

29.

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri l-ġodda tal-2006 ma kinux jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE, u li l-miżuri nnotifikati fl-2002 kienu għajnuniet kompatibbli mas-suq komuni.

30.

Din id-deċiżjoni kienet parzjalment annullata fil-11 ta’ Settembru 2012 mill-Qorti Ġenerali (39) li sabet li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-miżuri implimentati fl-2006 kienu affettwati minn żbalji ta’ valutazzjoni evidenti. Il-Qorti Ġenerali stipulat li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-2002 dwar l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tiġi rieżaminata peress li d-deċiżjoni annullata kienet ibbażata fuq il-fatt li l-miżuri tal-2006 ma kinux jinkludu għajnuna.

31.

L-unika miżura li ma ġietx annullata kienet id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna ta’ EUR 53,4 miljun bħala kontribuzzjoni għall-kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-SNCM għall-perjodu 1991-2001. Għaldaqstant, dan il-punt mhux ser ikun diskuss f’din id-deċiżjoni.

32.

Għaldaqstant il-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni finali ġdida. Ma hemm l-ebda ħtieġa li jinstabu elementi sussegwenti għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata. Wara l-annullament, il-Kummissjoni trid minn naħa tiddetermina jekk xi wħud mill-miżuri inkwistjoni jikkorrispondux mal-imġiba ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq, u min-naħa l-oħra, diment li l-miżuri eżaminati jkunu għajnuniet mill-Istat, jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti mil-linji gwida rilevanti humiex issodisfati. Għal kull waħda minn dawn ir-rieżamijiet, skont il-każistika tal-Qorti Ġenerali (40), il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra biss l-informazzjoni li kellha fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, jiġifieri fit-8 ta’ Lulju 2008 (41).

33.

Fit-13 ta’ Novembru 2012 saret laqgħa fil-preżenza tal-Kummissjoni, bejn l-awtoritajiet Franċiżi u rappreżentanti tal-SNCM.

34.

Permezz tal-ittri tas-6 ta’ Diċembru 2012 u tal-5 ta’ Frar 2013, l-awtoritajiet Franċiżi għamlu żewġ talbiet separati sabiex b’deċiżjoni tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura għal dawn ir-raġunijiet: meta ġew ppreċiżati l-kriterji ta’ investitur prudenti f’ekonomija tas-suq, il-Qorti Ġenerali tat sentenza innovativa li ħtieġet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kontradittorja. Permezz tal-ittri tal-15 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet, billi enfasizzat li l-proċedura setgħet titkompla mill-punt preċiż fejn seħħet l-illegalità u fakkret li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-2006 min-naħa tagħha, ma kienet bl-ebda mod mhux skont il-liġi. Madankollu hija informat ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi li huma setgħu jgħaddulha kwalunkwe element ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ riflessjoni, analiżi jew kull dokument ieħor li kien jidhrilhom xieraq.

35.

Fis-16 ta’ Mejju 2013 l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni nota ta’ informazzjoni.

36.

Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Ġunju 2013, l-SNCM talbet ukoll deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni għal raġunijiet simili ta’ dawk tal-awtoritajiet Franċiżi. Il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba permezz tal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2013. Madankollu, hija informat ukoll lill-SNCM li hija setgħet tgħaddilha kwalunkwe element ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ riflessjoni, analiżi jew kull dokument ieħor li kien jidrilha xieraq.

37.

Fis-27 ta’ Awwissu 2013, l-SNCM bagħtet nota ta’ informazzjoni u rapport ġdid dwar il-bejgħ tal-SNCM.

II.   DESKRIZZJONI

2.1.   IL-BENEFIĊJARJU TAL-MIŻURI KOPERTI MINN DIN ID-DEĊIŻJONI

38.

Il-benefiċjarju tal-miżuri koperti minn din id-deċiżjoni hija l-SNCM li tiġbor fi ħdanha bosta sussidjarji fis-settur marittimu u li hija involuta fit-trasport marittimu ta’ passiġġieri, karozzi u trakkijiet fuq ir-rotot bejn Franza u Korsika, l-Italja (Sardenja) u l-Magreb (l-Alġerija u t-Tuneżija).

39.

L-SNCM hija kumpanija b’responsabbiltà limitata li twaqqfet fl-1969 mill-amalgamazzjoni tal-Compagnie Générale Transatlantique u tal-Compagnie de Navigation Mixte, it-tnejn imwaqqfa fl-1850. Magħrufa dak iż-żmien bħala Compagnie Générale Transméditerranéenne, din ingħatat l-isem il-ġdid ta’ Société Nationale Maritime Corse–Méditerranée fl-1976, wara li s-Société Nationale des Chemins de Fer (SNCF) akkwistat ishma fil-kapital tagħha. Il-kumpanija kienet fil-fatt intgħażlet mill-gvern Franċiż sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ kontinwità territorjali ma’ Korsika, jiġifieri l-allinjament tat-tariffi tat-trasport marittimu mat-tariffi tal-SNCF għat-trasport ferrovjarju, abbażi ta’ ftehim konkluż fil-31 ta’ Marzu 1976 għal ħamsa u għoxrin sena. Il-Compagnie Générale Transatlantique kienet diġà inkarigata mill-gvern Franċiż sabiex tipprovdi s-servizz lil Korsika permezz ta’ ftehim preċedenti konkluż fit-23 ta’ Diċembru 1948.

40.

Meta saret in-notifika tar-rikapitalizzazzjoni fl-2002, l-SNCM kienet 20 % proprjetà tal-SNCF u 80 % proprjetà tas-CGMF. Wara l-bejgħ tal-kapital ta’ ekwità tal-SNCM fit-30 ta’ Mejju 2006 (ara l-punt 18 ta’ din id-deċiżjoni), il-BCP u l-VT kellhom rispettivament 38 % u 28 % tal-kapital tal-SNCM, filwaqt li s-CGMF żammet 25 % tal-ishma (9 % tal-kapital ikun riservat għall-impjegati).

41.

Fl-2008, is-sussidjarji ewlenin tal-SNCM kienu l-Compagnie Méridionale de Navigation (minn hawn ‘il quddiem is-“CMN”) (42), il-Compagnie Générale de Tourisme et d’Hôtellerie (is-CGTH) (43), Aliso Voyage (44), Sud-Cargos (45), is-Société Aubagnaise de Restauration et d’Approvisionnement (SARA) (46), Ferrytour (47) u Les Comptoirs du Sud (48).

42.

Wara d-disponiment tal-bastimenti ta’ veloċità qawwija Aliso f’Settembru 2004 u Asco  (49) f’Mejju 2005, il-flotta tal-SNCM kienet tikkonsisti f’għaxar bastimenti (ħames bastimenti li jġorru l-karozzi (50), erba’ bastimenti tat-trasport imħallat (merkanzija u passiġġieri) (51) u bastiment ta’ veloċità għolja (NGV) li jopera l-aktar minn Nizza (52)), li sebgħa minnhom jaqgħu fil-pussess tagħha (53).

43.

Fl-interess taċ-ċarezza, tajjeb li jiġi nnutat li sa mill-1948 is-servizzi tat-trasport marittimu bejn il-portijiet ta’ Franza kontinentali u Korsika operaw bħala servizz pubbliku. L-SNCM u s-CMN kienu d-detenturi ta’ konċessjoni bejn l-1976 u l-2001 skont ftehim qafas li fil-bidu ġie konkluż għal 25 sena. Skont ir-regoli Komunitarji fis-seħħ (54) u wara s-sejħa Ewropea għall-offerti (55) organizzata mill-awtoritajiet reġjonali ta’ Korsika (56), l-SNCM u s-CMN flimkien rebħu d-Delega ta’ Servizz Pubbliku (minn hawn ‘il quddiem “id-DSP”) għall-provvista tas-servizz ta’ trasport lejn Korsika minn Marsilja bi skambju għal kumpens finanzjarju matul il-perjodu tal-2002-2006.

44.

Peress li d-DSP skadiet fi tmiem l-2006, is-servizz pubbliku marittimu msemmi hawn fuq, wara li kien soġġett għal sejħa oħra għall-offerti fuq livell Ewropew (57), ingħata lill-impriża konġunta SNCM - CMN mill-1 ta’ Mejju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 għal sussidju ta’ madwar EUR 100 miljun fis-sena.

45.

Sadanittant, xi obbligi ta’ frekwenza tar-rotot ġew imposti fuq l-operaturi kollha li joffru s-servizz lill-gżira u li jitilqu minn Toulon u minn Nizza. Fuq dawn ir-rotot, ir-residenti ta’ Korsika kif ukoll il-kategoriji l-oħrajn tal-passiġġieri bbenefikaw mill-2002 sal-2013 minn assistenza soċjali implimentata skont id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2002 (58) u tal-24 ta’ April 2007 (59).

2.2.   KUNTEST KOMPETITTIV

46.

L-SNCM topera prinċipalment f’żewġ oqsma separati, dak tat-traffiku tal-passiġġieri u dak tat-traffiku tal-merkanzija. Hija sservi minn naħa, lill-Korsika u lill-Magreb, minn Franza, u min-naħa l-oħra, fuq bażi sekondarja, lill-Italja u lil Spanja.

2.2.1.   Is-servizz ta’ trasport għal Korsika

2.2.1.1.   It-trasport tal-passiġġieri

47.

Is-servizz għat-trasport tal-passiġġieri għal Korsika huwa suq ikkaratterizzat mill-istaġonalità qawwija tiegħu. Filfatt, huwa kkaratterizzat minn perjodi intensivi ta’ frekwentazzjoni staġonali li jistgħu jkunu għaxar darbiet aktar minn dawk tax-xahar l-aktar kwiet, u dan ikun jeħtieġ li l-operaturi jkabbru l-flotta sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ dawn il-perjodi. Nofs il-fatturat isir f’Lulju u f’Awwissu. Barra minn hekk jeżisti żbilanċ bejn id-direzzjonijiet tar-rotta, anki fl-eqqel perjodu: f’Lulju pereżempju, il-bastimenti li jitilqu mill-kontinent jkunu mimlijin iżda fir-ritorn ikunu kważi vojta. Minħabba dan, ir-rati ta’ tagħbija annwali medji tal-bastimenti huma relattivament baxxi.

48.

L-SNCM hija fil-fatt l-operatur storiku li jgħaqqad lil Korsika ma’ Franza kontinentali. B’mod ġenerali, iż-żewġ terzi tal-attività tagħha jsiru bejn Marsilja u Korsika bħala parti minn delega ta’ servizz pubbliku; l-aħħar terz tal-attività tagħha huwa magħmul minn rotot li jibdew minn postijiet jew għandhom destinazzjonijiet oħrajn (Nizza-Korsika, Toulon-Korsika, rotot internazzjonali lejn Sardinja jew il-Magreb).

49.

Għal żmien twil l-SNCM kellha monopolju fuq l-attività ewlenija tagħha. Madankollu, mill-1996, hija kellha kompetizzjoni li kibret malajr ħafna. B’hekk, il-kumpanija CFF illum hija l-attur dominanti tal-konnessjonijiet marittimi bejn il-kontinent u Korsika u s-sehem tagħha fis-suq għadu qed jikber. Għalkemm ilha biss preżenti f’dan is-suq mill-1996, it-traffiku tal-“passiġġieri” tas-CFF żdied b’44 % fis-sena bejn is-sena 2000 u l-2005 u dan it-tkabbir qed ikompli. B’hekk, fl-2008, madwar […] (*) % tal-passiġġieri marittimi bejn il-kontinent u Korsika qabdu vapur tas-CFF, filwaqt li […] (*) % biss użaw bastiment tal-SNCM, filwaqt li s-CMN ġarret il-bqija tal-passiġġieri, jiġifieri […] (*) %.

50.

Il-pożizzjoni li kisbet is-CFF mis-sena 2000 lil hawn fis-suq ikkonċernat hija evidenti wkoll rigward l-għadd ta’ passiġġieri ttrasportati skont l-istaġun bejn Korsika u Franza. Mill-grafika ta’ hawn taħt jirriżulta li s-sehem tas-suq tas-CFF żdied minn 45 % fl-2000 għal 70 % fl-2007 u dak tal-SNCM niżel minn 53 % għal 26 % matul l-istess perjodu, b’differenza ta’ aktar minn miljun passiġġier ittrasportati.

Grafika

Numru ta’ passiġġieri ttrasportati skont l-istaġun (Mejju-Settembru) bejn Franza kontinentali u Korsika: l-istaġuni 2000 sal-2007

Image

Sors:

Observatoire régional des transports de la Corse.

51.

Il-kompetituri ż-żgħar l-oħrajn tal-SNCM fuq is-servizz ta’ Korsika huma l-Compagnie Méridionale de Navigation (CMN), Moby Lines, Happy Lines u TRIS.

52.

Mill-2006, l-offerta tal-SNCM u l-ishma tagħha fis-suq għall-konnessjonijiet ma’ Korsika naqsu, bi tnaqqis ta’ 8 % tal-provvista ta’ postijiet (–20 % għas-servizzi minn Nizza u –3 % għal dawk minn Marsilja).

53.

Madankollu, il-fatt li l-ishma fis-suq qed ikomplu jonqsu juri li l-fiduċja tal-passiġġieri, li kienet affettwata ħafna mill-istrajks u t-taqlib li kien hemm minħabba l-kunflitti soċjali tal-2004 u l-2005, b’mod partikolari waqt il-privatizzazzjoni tal-impriża, qed terġa’ tinbena bil-mod ħafna.

54.

Is-suq tat-trasport marittimu tal-passiġġieri bejn il-kontinent u Korsika kiber b’medja ta’ 4 % mill-1993; it-tkabbir tiegħu kompla, b’żieda ta’ […] (*) % prevista wkoll għall-2008 (dak iż-żmien rilevanti għall-analiżi tal-fatti) imbagħad kien hemm żieda moderata fis-snin sussegwenti. Madankollu, ma jidhirx li hemm xi atturi ġodda interessati li jiżviluppaw dan is-suq. Meta saret is-sejħa għall-offerti mnedija mill-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Korsika biex tingħata, għall-perjodu 2007-2013, id-delega ta’ servizz pubbliku rigward is-servizz marittimu minn ċerti portijiet ta’ Korsika, ma daħlet l-ebda offerta oħra għajr dawk tas-CFF u tal-SNCM-CMN, anki jekk kien possibbli li wieħed jagħmel offerti parzjali fuq linji partikolari.

55.

Rigward il-kompetitur ewlieni tal-SNCM, is-CFF żiedet sew il-provvista ta’ postijiet tagħha minn 500 000 għal 4,5 miljuni bejn l-1999 u l-2007 (b’żieda ta’ 30 % minnhom bejn l-2006 u l-2007), u dan għenha żżid il-vjaġġi tagħha (minn 1,3 miljun fl-2005 għal 1,6 miljuni fl-2007) u s-sehem tagħha fis-suq. Din il-politika madankollu tirriżulta f’rati ta’ tagħbija strutturalment aktar baxxi għas-CFF milli għall-SNCM, b’differenza ta’ madwar 10 punti perċentwali fl-2007. Għall-SNCM, ir-rata medja ta’ tagħbija għas-sena 2007 kienet tammonta għal 48 %, li hija normali jekk wieħed jikkunsidra l-istaġonalità qawwija tas-suq (ara aktar ‘il fuq).

2.2.1.2.   It-trasport tal-merkanzija

56.

F’dak li jirrigwarda t-traffiku tal-merkanzija lejn Korsika, fl-2005 l-SNCM kellha madwar 45 % tas-suq ta’ Marsilja-Toulon lejn Korsika.

57.

F’dak li jirrigwarda t-traffiku ta’ merkanzija ġenerali (mhux akkumpanjata), l-SNCM u s-CMN għandhom kważi monopolju de facto. Bħala parti mill-kuntratt tad-delega ta’ servizz pubbliku, iż-żewġ kumpaniji jagħmlu vjaġġi spissi minn Marsilja lejn il-portijiet kollha ta’ Korsika.

58.

Għat-trejlers akkumpanjati, mgħobbija fuq il-bastimenti, li b’mod globali jirrappreżentaw 24 % tat-traffiku tal-merkanzija ġenerali mkejjel f’metri lineari, hemm kompetizzjoni bejn l-operaturi kollha tal-passiġġieri. L-SNCM u s-CMN għandhom ukoll il-maġġoranza ta’ dan it-traffiku akkumpanjat. L-operaturi l-oħrajn, b’mod partikolari s-CFF, għandhom 10 % tiegħu, jiġifieri 2 % tas-suq globali.

59.

Fil-każ tal-vetturi awtomottivi akkumpanjati (60) mgħobbija fuq il-bastimenti (madwar 24 % tat-traffiku tal-merkanzija ġenerali fl-2003), l-SNCM u s-CMN għandhom ukoll il-maġġoranza tas-suq inkwistjoni. Madankollu, mill-2002, is-CFF tat offerta u għandha madwar 15 % tas-suq.

2.2.2.   Is-servizz lejn il-Magreb

60.

It-Tuneżija u l-Alġerija joffru suq kbir, ta’ madwar 5 miljun passiġġier iddominat mit-trasport bl-ajru. F’dan il-kuntest, it-trasport marittimu jirrappreżenta madwar 15 % tal-flussi. Waqt li l-Alġerija tirrappreżenta suq marittimu konsiderevoli ta’ madwar 560 000 passiġġier, it-Tuneżija tirrappreżenta suq iżgħar ta’ madwar 250 000 passiġġier.

61.

Is-suq tat-trasport marittimu minn Franza lejn il-Magreb ra żieda regolari ta’ madwar 13 % bejn l-2001 u l-2005. Minħabba l-prospetti ta’ tkabbir tat-turiżmu lejn dan ir-reġjun, kien mistenni (fiż-żmien rilevanti għall-analiżi tal-fatti) li t-trasport marittimu jkollu rata ta’ tkabbir annwali ta’ madwar 4 % sal-2010.

62.

Fl-Alġerija, l-SNCM hija t-tieni l-akbar attur tas-suq wara l-Entreprise Nationale de Transport Maritime de Voyageurs (ENTMV), impriża pubblika Alġerina. Is-sehem mis-suq tal-SNCM tela’ minn 24 % fl-2001 għal 35 % fl-2005.

63.

L-SNCM hija t-tieni l-akbar operatur fis-suq lejn it-Tuneżija wara l-Compagnie tunisienne de navigation (CTN). Għalkemm, mill-2001, l-SNCM tilfet xi ishma mis-suq għall-benefiċċju tas-CTN li minn 44 % saru 39 % fl-2004, kien irreġistrat titjib fl-2005 (40 %).

2.3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI KOPERTI MINN DIN ID-DEĊIŻJONI

2.3.1.   Ir-rikapitalizzazzjoni tal-SNCM fl-2002

64.

Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2002 biex tawtorizza għajnuna ta’ salvataġġ lill-SNCM (61), l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2002 bi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar favur l-SNCM. Din il-miżura kienet tikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni tal-SNCM, permezz tal-kumpanija ewlenija tagħha, is-CGMF, għall-ammont ta’ EUR 76 miljun, li EUR 46 miljun minnhom imorru għall-ispejjeż ta’ ristrutturar (62). Din iż-żieda fil-kapital kellha l-għan li żżid l-ekwità tal-SNCM minn EUR 30 miljun għal EUR 106 miljun.

65.

Skont il-linji gwida tal-1999, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar (63) għall-SNCM li jsemmi ħames punti:

i.

tnaqqis fin-numru ta’ vjaġġi u l-mobilizzazzjoni tal-bastimenti tagħha bejn id-diversi rotot (tnaqqis ta’ servizzi ta’ trasport lejn Korsika u żieda fis-servizz lejn il-Magreb). Il-pjan ta’ ristrutturar kien ibassar tnaqqis fl-għadd ta’ vjaġġi minn 4 138 (3 835 għall-SNCM u 303 għas-sussidjarja tagħha Corsica Marittima) għal 3 410 fl-2003 b’dawn l-emendi li ġejjin fis-servizz tat-trasport:

it-tibdil fis-servizz bejn Marsilja u Korsika skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku 2001-2006;

il-waqfien kważi totali tar-rotot bejn Toulon u Korsika;

it-tnaqqis tas-servizz bejn Nizza u Korsika;

l-għeluq tal-linja b’tagħmir apposta ta’ Livorno-Bastia, li effettivament twaqqfet fl-2003;

iż-żieda tas-servizz marittimu mill-Alġerija u mit-Tuneżija bil-bastimenti Méditerranée, Ile de Beauté u Corse u l-waqfien tas-servizz bejn Ġenova u Tunis.

ii.

tnaqqis ta’ erba’ bastimenti mill-flotta tagħha li kellu jġib EUR 21 miljun ta’ assi likwidi;

iii.

it-trasferiment ta’ xi proprjetà immobbli;

iv.

tnaqqis tal-impjegati (64) b’madwar 12 % li, flimkien ma’ politika ta’ salarju raġjonevoli, kellu jippermetti li jonqsu l-ispejjeż tal-ekwipaġġ minn EUR 61,8 miljun fl-2001 għal medja ta’ EUR 54,8 miljun mill-2003 sal-2006, u l-ispejjeż fuq l-art minn EUR 50,3 miljun fl-2001 għal EUR 45,8 miljun fl-istess perjodu;

v.

it-tneħħija ta’ tnejn mis-sussidjarji tagħha, il-Compagnie Maritime Toulonnaise u l-kumpanija Corsica Marittima, li l-attivitajiet li jkun fadal jittieħdu mill-SNCM.

66.

Wara l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Awwissu 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ddeskrivew, fl-ittra tagħhom tal-31 ta’ Jannar 2003, it-titjib li sar fil-pjan ta’ ristrutturar dwar il-punti li ġejjin:

impenji u spjegazzjonijiet dwar il-politika tas-salarji;

pjan ta’ tnaqqis tal-infiq fix-xiri intermedjarju;

impenn li l-SNCM ma tkunx is-sors ta’ gwerra tariffarja mal-kompetituri tagħha fir-rigward ta’ Korsika.

67.

Fuq dan l-aħħar punt, l-awtoritajiet Franċiżi speċifikaw li “l-SNCM tieħu dan l-impenn mingħajr riżervi, għaliex hija tikkunsidra li gwerra tariffarja de facto ma tkunx konformi mal-pożizzjoni strateġika tagħha, mal-interess tagħha (għax twassal għal tnaqqis fid-dħul tagħha), mal-prattiki tas-soltu jew lanqas mal-ispeċjalizzazzjoni tagħha”.

68.

Fil-pjan ta’ ristrutturar tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni mudell finanzjarju ddettaljat għall-perjodu 2002-2007 fuq il-bażi ta’ ipoteżijiet medjani marbutin ma’ sensiela ta’ varjabbli (65). Il-prospetti finanzjarji jindikaw, fost l-oħrajn, ritorn għal riżultati kurrenti pożittivi mill-2003.

Tabella 1

Mudell finanzjarju għall-perjodu 2002-2007

f’EUR miljun

2000 Reali

2001 Reali

2002 fil-Pjan

2002 Reali

2003 fil-Pjan

2004 fil-Pjan

2005 fil-Pjan

2006 fil-Pjan

2007 fil-Pjan

Fatturat

204,9

204,1

178

205,8

190,4

192,9

195,2

197,1

193,9

Sussidji għall-operat

85,4

86,7

74,5

77,7

69,9

68,8

68,4

67

68,5

Introjtu operatorju

–14,7

–5,1

1,2

–5,8

6,8

10,6

10,7

8,1

9

Riżultat nett

–6,2

–40,4

23

4,2

12

14

1

3

3

Kapital regolatorju

67,5

29,7

119

33,8

124

134

145

160

169

Djun finanzjarji netti (minbarra l-lokazzjonijiet)

135,8

134,5

67,7

144,8

55,2

38,2

57,1

115,7

228,1

Proporzjonijiet finanzjarji

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Introjtu operatorju/Fatturat+sussidji

–5  %

–2  %

0  %

–2  %

3  %

4  %

4  %

3  %

3  %

Kapital regolatorju/dejn fil-bilanċ

50  %

22  %

176  %

23  %

225  %

351  %

254  %

138  %

74  %

Ċifri 2000, 2001 u 2002 meħudin mir-rapporti annwali 2001 u 2002 tal-SNCM.

69.

L-injezzjoni f’kapital ta’ EUR 76 miljun kif ukoll ir-ritorn għall-profittabbiltà tal-operat previst mill-2003, kellhom jippermettu, skont l-awtoritajiet Franċiżi, li jwasslu l-kapital regolatorju mil-livell tagħha ta’ madwar EUR 30 miljun fl-aħħar tas-sena 2001 għal EUR 120 miljun fuq żmien qasir (2003), imbagħad sa EUR 160 170 miljun sal-aħħar tal-pjan (2006-2007). Dan kellu jippermetti tnaqqis tad-dejn finanzjarju ta’ EUR 145 miljun fl-2002 għal livelli bejn EUR 40 u EUR 55 miljun mill-2003 sal-2005. Fl-aħħar snin tal-pjan, kienet prevista mill-kumpanija żieda fid-dejn għat-tiġdid, bi sjieda sħiħa ta’ xi bastiment jew tnejn.

70.

L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew ukoll studju ta’ sensittività tar-riżultati previsti mqabbla mal-ipoteżijiet ta’ ħidma relatati mat-traffiku fuq ir-rotot diversi. Fuq din il-bażi, is-simulazzjonijiet differenti juru li l-SNCM kellha terġa’ tikseb il-vijabbiltà fix-xenarju previst.

71.

Għall-ewwel, l-awtoritajiet Franċiżi ddeskrivew żewġ metodi alternattivi li twarrbu għax qisuhom għaljin wisq.

(i)

L-ewwel metodu ta’ evalwazzjoni kien jikkonsisti fit-total tal-ispejjeż tal-miżuri kollha ta’ ristrutturar. Dan kien iwassal għal bżonn ta’ finanzjament ta’ EUR 90,9 miljun, mingħajr:

it-telf akkumulat mill-1991 sal-2001, jiġifieri EUR 41,7 miljun (jiġifieri EUR 29 miljun – ċifra vvalidata bid-Deċiżjoni 2002/149/KE tat-30 ta’ Ottubru 2001 (ĠU L 50, 21.2.2002, p. 66), EUR 6,1 miljun għall-2000 u EUR 6,6 miljun, qabel l-ispejjeż ta’ ristrutturar, fl-2001);

it-tnaqqis tar-riżorsi li jikkonsisti f’deprezzament żejjed fit-taxxa bejn l-istess dati, jiġifieri EUR 24 miljun (l-ammont jonqos minn EUR 86 għal 62 miljun fil-bilanċ fil-perjodu, u dan ifisser l-estensjoni tal-perjodu tal-ħlas regolari minn tnax għal għoxrin sena, użu inqas ta’ din ir-riżorsa u użu ta’ “ħlas bin-nifs” għall-aħħar unitajiet ikkunsinnati);

il-qligħ kapitali tat-trasferiment li rriżulta minn dan ir-ristrutturar, jiġifieri EUR 21 miljun, li ġej mit-tnaqqis tas-self nett u;

l-effett akkumulat tal-ispejjeż ta’ ristrutturar li żdiedu għal EUR 46,2 miljun (ara n-nota 58 f’qiegħ il-paġna).

(ii)

It-tieni metodu ta’ evalwazzjoni kien li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kapital regolatorju meħtieġ mill-banek għall-flotta kollha, ġaladarba l-banek biex jiffinanzjaw ix-xiri ta’ bastiment jeħtieġu kapital li jikkorispondi minn 20 % sa 25 % tal-valur tal-bastiment. Il-kalkolu magħmul mill-awtoritajiet Franċiżi, fuq il-bażi ta’ nfiq ta’ akkwist storiku tal-flotta ta’ EUR 843 miljun, wassal għal ħtiġijiet f’ekwità minn EUR 157 għal EUR 196 miljun. Meta sar it-tnaqqis mill-ekwità li kien hemm fl-2001, dan l-approċċ wassal għal ħtieġa ta’ rikapitalizzazzjoni minn EUR 101 miljun għal EUR 140 miljun.

72.

Il-metodu li finalment intgħażel mill-awtoritajiet Franċiżi biex jiddeterminaw l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni jikkonsisti fil-kalkolu tal-ħtieġa ta’ finanzjament abbażi tal-proporzjon medju tal-kapital fuq id-djun finanzjarji osservat fis-sena 2000 f’ħames kumpaniji marittimi Ewropej. Minkejja d-diskrepanzi fil-bilanċi ta’ dawn l-impriżi, il-medja magħżula mill-awtoritajiet Franċiżi hija ta’ 79 %. L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li l-prospetti finanzjarji għall-perjodu 2002 sal-2007 jirriżultaw fi proporzjon medju ta’ kapital fuq id-djun finanzjarji ta’ 77 %, b’kapital regolatorju li laħaq EUR 169 miljun fl-2007. Livell ta’ kapital regolatorju bħal dan kellu jinkiseb permezz ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 76 miljun kif ukoll is-suċċess tal-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar.

2.3.2.   Il-miżuri ta’ wara r-rikapitalizzazzjoni tal-2002

2.3.2.1.   Kumment preliminari

73.

Ir-rikapitalizzazzjoni u l-pjan ta’ ristrutturar tal-2002 ma tawx ir-riżultati previsti u, mill-2004 ‘il quddiem, il-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-SNCM marret għall-agħar ħafna. Din id-deġenerazzjoni ġrat kemm minħabba fatturi interni (kunflitti soċjali, għanijiet ta’ produzzjoni li ma ntlaħqux biżżejjed jew tard wisq, telf tal-ishma fis-suq), minħabba fatturi esterni mill-SNCM (inqas interess lejn id-destinazzjoni ta’ Korsika, akkwist ta’ ishma fis-suq mis-CFF, żbalji ta’ ġestjoni min-naħa tal-Istat (66)) kif ukoll minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil.

74.

Għalhekk, ir-riżultat kurrenti tal-SNCM wasal għal EUR –32,6 miljun fl–2004 u EUR –25,8 miljun fl-2005. Ir-riżultat nett kien ta’ EUR –29,7 miljun fl–2004 u EUR –28,8 miljun fl–2005.

75.

Id-deġenerazzjoni tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-SNCM wasslet lill-awtoritajiet Franċiżi biex ibigħu aktar assi milli kien previst mill-pjan ta’ ristrutturar tal-2002 u mitlub mid-Deċiżjoni tal-2003 kif ukoll biex iniedu proċedura ta’ riċerka ta’ sħab privati.

Tabella 2

Lista tal-assi mibjugħin mill-SNCM mill-2002

 

Dħul nett mill-bejgħ

Data

Bejgħ propost fin-notifika tal-2002 (f’eluf ta’ EUR)

25 165

 

Aliso

(minflok Asco, skont id-Deċiżjoni tat-8.9.2004 tal-Kummissjoni)

(315)

30.9.2004

Napoléon

6 396

6.5.2002

Monte Rotondo

591

31.7.2002

Liberté

10 088

27.1.2003

Il-propjetà Schuman kollha

8 405

20.1.2003

 

 

 

Bejgħ supplementari impost mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003 (f’eluf ta’ EUR)

5 022

 

SCI Espace Schuman

765,7

24.6.2003

Southern Trader

2 153

22.7.2003

Someca

1 423,9

30.4.2004

Amadeus

680

12.10.2004

CCM

 (67)

 

 

 

Bejgħ supplementari li sar bid-Deċiżjoni ta’ Lulju 2003 (f’eluf ta’ EUR)

12 600

 

Asco

7 100

24.5.2005

Sud-Cargos

4 300

15.9.2005

Bejgħ ta’ flettijiet mill-istokk ta’ akkomodazzjonijiet ta’ SNCM

(li qabel kienu okkupati mill-persunal ta’ SNCM)

1 200

minn 9.2003 sal-2006

TOTAL (f’eluf ta’ EUR)

42 385

 

2.3.2.2.   Il-miżuri ta’ wara r-rikapitalizzazzjoni tal-2002

76.

Il-proċess tal-għażla tas-sħab privati sar mis-26 ta’ Jannar 2005 sal-aħħar ta’ Settembru 2005.

77.

Fis-26 ta’ Jannar u fis-17 ta’ Frar 2005, il-Gvern Franċiż ħabbar li kien ser jibda jfittex sieħeb privat biex ikollu sehem mill-kapital regolatorju tal-SNCM, bl-għan li jsaħħaħ l-istruttura finanzjarja tagħha u jakkumpanjaha fil-bidliet meħtieġa għall-iżvilupp tagħha.

78.

Wara li ħatret persuna indipendenti sabiex tissorvelja l-proċess ta’ riċerka, l-Agence des Participation de l’Etat (l-“APE”) tat mandat lil bank konsulent (“HSBC”) biex jikkuntattja xi xerrejja prospettivi.

79.

F’dan il-kuntest, tnejn u sebgħin investitur industrijali u finanzjarju ġew ikkuntattjati, bl-għan li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ offerta li għandha l-għan li ssaħħaħ il-proġett industrijali tal-kumpanija u li żżomm ix-xogħol u l-eżekuzzjoni tajba tas-servizz pubbliku. Tlieta u għoxrin minnhom esprimew interess, ġew iffirmati ħmistax-il ftehim ta’ kunfidenzjalità u ntbagħtu ħmistax-il memorandum ta’ informazzjoni. Sitt kumpaniji ppreżentaw xi offerti fl-ewwel ftuħ fis-6 ta’ April 2005 u fit-tieni ftuħ fis-17 ta’ Ġunju 2005 ġew milqugħa tliet offerti (Connex li minn dakinhar saret Veolia Transdev (VT), Caravelle u BCP) kif ukoll espressjoni ta’ interess għal sehem minoritarju (Comanav). Tliet offerti ntlaqgħu fit-tielet stadju fit-28 ta’ Lulju 2005.

80.

Fl-14 ta’ Settembru 2005, kull impriża ġiet mistiedna biex terġa’ tagħti l-offerta tagħha fissa u definita qabel il-15 ta’ Settembru 2005. F’din id-data, billi l-kumpanija Connex irtirat l-offerta tagħha, is-servizzi tal-Istat laqgħu żewġ offerti fissi ta’ injezzjoni ta’ kapital u ta’ akkwiżizzjoni totali tal-kapital mill-gruppi BCP u Caravelle.

81.

Fis-27 ta’ Settembru 2005, Franza ppubblikat stqarrija uffiċjali li tindika li, fuq il-bażi ta’ analiżi fid-dettall taż-żewġ offerti, intgħażlet l-offerta tal-grupp BCP peress li, minbarra li kienet l-aktar waħda aċċettabbli mil-lat finanzjarju, kienet tissodisfa wkoll l-interessi tal-kumpanija, tas-servizz pubbliku u tax-xogħol. L-offerta tal-bidu tal-BCP kienet tipproponi prezz negattiv ta’ EUR 113-il miljun u kienet l-aktar stima baxxa tal-prezz negattiv.

82.

Din l-offerta inizjali tax-xerrejja prospettivi kienet tipprevedi espliċitament il-possibbiltà li tinbidel l-offerta tal-bidu skont il-verifiki li jsiru tal-kontijiet. L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-prezz negattiv tal-bidu ġie rivedut ‘il fuq wara l-verifika tal-kontijiet li ngħataw fis-16 ta’ Diċembru 2005 minħabba xi elementi oġġettivi li affettwaw il-kuntest regolatorju u ekonomiku li fih topera l-SNCM u li sar wara li ġiet ippreżentata l-offerta fil-15 ta’ Settembru 2005. Il-prezz negattiv għalhekk ġie mibdul għal EUR 200 miljun.

83.

In-negozjati li saru bejn l-awtoritajiet Franċiżi u x-xerrejja futuri, jiġifieri l-BCP assoċjat mal-grupp Connex, li wara sar Veolia Transdev, sussidjarja ta’ Veolia, wasslu biex din iċ-ċifra tilħaq EUR 142,5 miljun, miżjuda bil-ħlas ta’ parti mill-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-pensjonanti tal-SNCM (jiġifieri EUR 15,5-il miljun).

84.

Wara l-proċess ta’ għażla miftuħ, trasparenti u nondiskriminatorju, fl-aħħar intlaħaq ftehim fit-13 ta’ Ottubru 2005 bejn l-Istat, BCP u VT f’kuntest soċjali u finanzjarju diffiċli ħafna. Għalhekk VT hija l-operatriċi industrijali tal-SNCM (b’sehem ta’ 28 %) filwaqt li l-BCP hija l-azzjonista ta’ referenza b’sehem ta’ 38 %. L-Istat impenja ruħu, b’mod partikolari għall-impjegati, li jibqa’ azzjonist tal-kumpanija b’25 % (68) tal-ishma. BCP u VT stabbilixxew pjan ta’ negozju għall-SNCM li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ April 2006.

(a)   Il-kontenut tal-Memorandum ta’ Qbil

85.

Il-Memorandum ta’ Qbil li fih hemm imniżżel li 75 % tal-kapital tal-SNCM jingħata lil xerrejja privati, ġie ffirmat fis-16 ta’ Mejju 2006 bejn il-partijiet (BCP, VT u CGMF).

86.

Is-Sezzjoni II tal-Memorandum ta’ Qbil, tipprevedi li s-CGMF timpenja ruħha biex tapprova, tissottoskrivi u tillibera għal kollox żieda tal-kapitali tal-SNCM b’ammont globali ta’ EUR 142,5 miljun.

87.

Flimkien maż-żieda fil-kapital, is-CGMF timpenja ruħha li tagħmel disponibbli għall-SNCM, taħt forma ta’ ħlas minn qabel f’kont kurrenti, is-somma ta’ EUR 38,5 miljun. Dan l-avvanz f’kont kurrenti, ser jiġi ttrasferit mill-SNCM f’idejn fiduċjarju (il-bank CIC), sabiex jintuża għall-finanzjament ex gratia ta’ parti mill-ispiża, flimkien mal-ammonti pagabbli skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet f’każ li pjan ta’ tnaqqis tal-impjegati jiġi implimentat mix-xerrejja. Il-ħlas tal-kumpens, minbarra l-indennizzi li jiġu riċevuti skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi u konvenzjonali, jsir fuq bażi individwali u speċifika marbut mal-impjegati li telqu mill-impriżi u li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom ġie miksur.

88.

Dan il-mekkaniżmu huwa previst fl-Artikolu II.2 tal-protokoll ta’ bejgħ tas-16 ta’ Mejju 2006 li jimponi li dan il-kont għandu jintuża “Għall-finanzjament tal-porzjon tal-infiq tat-tluq volontarju possibbli jew ksur ta’ xi kuntratti tax-xogħol […] li jiżdied mal-ammonti ta’ kull natura li jridu jitħallsu mill-impjegatur skont id-dispożizzjonijiet ġuridiċi u kuntrattwali”. Il-fiduċjarju għandu “id-dmir li jillibera l-fondi malli l-impjegati kkonċernati li ma kinux soġġetti għal assenjazzjoni interna mill-ġdid fil-grupp SNCM jitilqu b’mod effettiv mill-kumpanija u li jillibera l-bilanċ tal-ammont iddepożitat meta jlesti d-dmir tiegħu ta’ sekwestrant”. It-tħaddim ta’ dan il-kont huwa s-suġġett ta’ ftehim ta’ fiduċja anness mal-Memorandum ta’ Qbil. Biex il-kont miżmum minn terzi jiġi attivat, l-SNCM ikollha tagħti lill-President tas-CGMF il-lista ta’ ismijiet ta’ persuni li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom ġie tterminat u li għalih tintalab l-attivazzjoni tas-sewkestru kif ukoll dikjarazzjoni ta’ kull xahar tan-nefqiet netti li hija dikjarazzjoni eżawrjenti tal-miżati u l-ispejjeż kollha mħallsa lill-impjegati kkonċernati. Fl-istess waqt, l-SNCM tinnotifika lill-fiduċjarju l-“ispiża addizzjonali ta’ kull xahar tal-impjegati”, spjegata skont kull impjegat, li tikkorrispondi għas-suppliment lil hinn minn kull tip ta’ somom li jridu jitħallsu minn min iħaddem taħt id-dispożizzjonijiet ġuridiċi u konvenzjonali. L-ammont globali tal-miżuri komplementari ex gratia żejda mill-Istat ma jistax fi kwalunkwe każ jaqbeż EUR 38,5 miljun u f’każ li dawn il-miżuri soċjali supplementari ma jilħqux dan il-limitu fit-tliet snin ta’ wara l-bejgħ, iż-żejjed jitħallas lura lill-Istat.

89.

Wara dawn l-operazzjonijiet, is-Sezzjoni III tal-Memorandum ta’ Qbil jipprevedi li s-CGMF tbigħ lil xerrejja privati l-ishma tagħha li jirrappreżentaw 75 % tal-ishma li jikkostitwixxu l-kapital azzjonarju tal-impriża u l-kont f’idejn terzi li għandu jintuża biex tiġi ffinanzjata l-parti tal-pjan soċjali li jaqbeż l-obbligi kuntrattwali jew ġuridiċi.

90.

Is-Sezzjoni III tal-Memorandum ta’ Qbil tipprevedi wkoll żieda kapitali addizzjonali ta’ EUR 8,75 miljun mill-BCP/VT, li tkun disponibbli għall-SNCM skont il-ħtiġijiet tal-fondi tagħha. Fil-paragrafu III.2.7 tal-Memorandum ta’ Qbil, huwa previst li l-valur tal-ishma tas-CGMF ikun l-istess, f’kull mument, bħall-valur nominali oriġinali miżjud bi […] % tal-valur nominali tiegħu mħallas, immultiplikat b’J/365, fejn J huwa n-numru ta’ jiem mid-data tat-twettiq, bi tnaqqis ta’ kull ammont imħallas (pereżempju dividendi). Dawn ir-regoli ma japplikawx f’każ ta’ salvataġġ jew stralċ ġudizzjarju tal-kumpanija.

91.

Il-Memorandum ta’ Ftehim (Sezzjoni III.5) għandu klawżola ta’ terminazzjoni tal-bejgħ tal-SNCM li tista’ tiġi pprattikata b’mod konkomitanti mix-xerrejja f’każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti li ġejjin jekk dawn l-ipoteżijiet ikollhom l-effett li jqiegħdu f’dubju l-kredibbiltà tal-pjan tan-negozju tagħhom u r-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpanija:

ma jingħatax il-kuntratt ta’ delega ta’ servizz marittimu pubbliku marittimu għal Korsika għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 jew jingħata taħt kundizzjonijiet imnaqqsa b’mod sostanzjali;

kull Deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni Ewropea jew sentenza mill-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, bħal rifjut tal-operazzjoni jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet li jkollhom impatt sostanzjali fuq il-valur tal-kumpanija, u dan fi żmien sitt snin mid-data tal-akkwist mill-imsieħba tad-drittijiet fuq il-kumpanija.

92.

Is-Sezzjoni VII tal-Memorandum ta’ Qbil tipprevedi li s-CGMF tieħu f’idejha parti mill-obbligi soċjali tal-SNCM bl-ispejjeż tal-assigurazzjonijiet tas-saħħa tal-pensjonanti għall-ammont stmat għal EUR 15,5-il miljun mill-jum li fih tiġi ttrasferita s-sjieda tal-impriża.

93.

Ir-regoli ta’ governanza tal-impriża huma speċifikati fis-Sezzjoni IV tal-Memorandum ta’ Qbil. Huwa previst li ser ikun hemm emenda tal-metodu ta’ ġestjoni tal-SNCM li ser tinbidel f’kumpanija pubblika b’direttorat u bord ta’ sorveljanza. Dan tal-aħħar ser ikun magħmul minn 10, imbagħad minn 14-il membru. Il-presidenza tiegħu ser tingħata b’mod tranżitorju lil rappreżentant tal-Istat. Jekk id-DSP tiġi allokata lill-SNCM, il-President tal-bord ta’ sorveljanza jiġi sostitwit minn rappreżentant tal-BCP. Id-direttorat għandu l-funzjoni li jiżgura l-ġestjoni operattiva tal-SNCM.

94.

Fis-26 ta’ Mejju 2006, il-gvern Franċiż ikkonferma l-bejgħ tal-SNCM kif ukoll il-miżuri msemmijin qabel.

(b)   Il-miżuri

95.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Memorandum ta’ Qbil għandu tliet tipi ta’ miżuri tal-Istat li jiġġustifikaw investigazzjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat:

il-bejgħ ta’ 75 % tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun (injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 142,5 miljun u l-ħlas tal-ispejjeż tal-assigurazzjoni tas-saħħa għall-ammont ta’ EUR 15,5-il miljun);

il-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti mis-CGMF ta’ EUR 38,5 miljun lill-persunal issensjat mill-SNCM;

iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 8,75 miljun sottoskritta mis-CGMF b’mod konġunt u konkomitanti mal-kontribuzzjoni ta’ EUR 26,25 miljun li saret mill-VT u l-BCP.

il-klawżola tat-terminazzjoni tal-bejgħ (69)

2.4.   IL-KUNTEST TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI

96.

Din id-Deċiżjoni finali tirrigwarda l-miżuri implimentati minn Franza favur l-SNCM mit-18 ta’ Frar 2002, li huma:

il-bilanċ tal-injezzjoni f’kapital tas-CGMF lill-SNCM għal ammont ta’ EUR 76 miljun li saret fl-2002, jiġifieri EUR 15,81 miljun;

- il-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-SNCM mis-CGMF għal ammont ta’ EUR 158 miljun;

il-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti mis-CGMF ta’ EUR 38,5 miljun lill-persunal issensjat mill-SNCM;

iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 8,75 miljun sottoskritta mis-CGMF;

97.

Din id-deċiżjoni ma tirrigwardax il-kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-SNCM għall-perjodu 1991-2001 li l-kompatibbiltà tiegħu kienet ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-11 ta’ Settembru 2012 (70).

98.

Lanqas ma tirrigwarda l-analiżi tal-kumpens finanzjarju li ngħatat jew li għandha tingħata l-SNCM taħt l-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-perjodu 2007-2013, li kien soġġett għal proċedura separata (71).

99.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2012 kienet is-suġġett ta’ żewġ appelli quddiem il-Qorti ppreżentati rispettivament mill-SNCM u minn Franza fil-kawżi konġunti C-533/12 P u C-536/12 P. Madankollu, din id-deċiżjoni qiegħda tkun implimentata bis-sentenza taħt appell, għaliex din is-sentenza annullat id-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008. F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk l-analiżi tal-appelli twassal għall-annullament parzjali jew sħiħ tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2012 u twassal għall-irkupru ta’ ċerti partijiet annullati minn din is-sentenza permezz tad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2008, din id-deċiżjoni taqa’, minħabba s-sentenzi ta’ appell, kif ukoll minħabba li din d-deċiżjoni tirrigwarda miżuri mdaħħlin mill-ġdid.

2.5.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI FL-2002 U GĦALL-ESTENSJONI TAGĦHA FL-2006

2.5.1.   Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-2002

100.

Fid-Deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura tad-19 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet lill-SNCM kienet impriża f’diffikultà, esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mal-kriterji deskritti fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida tal-1999 li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.

101.

Il-Kummissjoni esprimiet ċerti dubji fuq il-pjan ta’ ristrutturar minħabba n-nuqqas ta’ analiżi tar-raġunijiet ta’ telf tal-impriża. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet xi mistoqsijiet dwar il-konnessjoni bejn it-telf u l-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-impatt tal-politika tax-xiri ta’ bastimenti tal-SNCM fuq il-kontijiet tagħha ta’ qligħ u telf u l-miżuri previsti biex tiżdied il-produzzjoni tal-impriża.

102.

Barra minn hekk il-Kummissjoni enfasizzat xi nuqqasijiet fil-pjan ta’ ristrutturar, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ miżuri konkreti biex jitnaqqas l-ammont tal-konsum intermedjarju u n-nuqqas ta’ indikazzjoni fuq il-politika tariffarja futura tal-SNCM.

103.

Il-Kummissjoni kellha xi dubji wkoll dwar ir-rilevanza tal-metodu ta’ kalkolu magħżul mill-awtoritajiet Franċiżi biex jiġi stabbilit l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni u dwar xi ipoteżijiet magħżula biex jiġu stabbiliti xi simulazzjonijiet finanzjarji.

2.5.2.   L-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-2006

104.

Bid-Deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-2002 għall-miżuri previsti fil-qafas tat-trasferiment tal-SNCM fis-settur privat.

105.

F’każ li dan l-ammont jiġi kkwalifikat bħala għajnuna kompatibbli skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan kellu jkun evalwat fid-dawl tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (minn hawn ‘il quddiem: “il-linji gwida tal-2004”) (72). Minħabba li l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar huwa ħafna aktar baxx minn dak li kien innotifikat fl-2002 u approvat fl-2003, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar l-opportunità li żżomm il-kontropartijiet kollha imposti fuq l-SNCM bid-Deċiżjoni tal-2003.

106.

Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha wkoll fuq ir-rispett tal-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni tal-2003, jiġifieri l-prinċipju ta’ price leadership u n-numru ta’ vjaġġi għal Korsika.

107.

Dwar il-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-SNCM, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-konformità mal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq tar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat qabel il-bejgħ tal-SNCM. B’mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-validità tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-istralċ li l-Istat bħala azzjonist għandu jħallas f’każ ta’ stralċ tal-SNCM.

108.

Il-Kummissjoni ddubitat il-fatt li l-miżuri finanzjarji jistgħu jiġġustifikaw ruħhom skont il-linji gwida tal-2004.

109.

Hija esprimiet ukoll id-dubji tagħha fuq is-suġġett tat-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 8,75 miljun f’dak li jirrigwarda r-rispett tal-prinċipji ta’ konkomitanza bejn l-investiment privat u pubbliku u l-identità tal-kundizzjonijiet ta’ sottoskrizzjoni skont il-ġurisprudenza.

110.

Il-Kummissjoni fl-aħħar nett, esprimiet id-dubji tagħha għall-fatt li l-miżuri soċjali supplimentari ta’ EUR 38,5 miljun ta’ għajnuna personali jistgħu jkunu vantaġġ indirett għall-impriża. Hija speċifikat ukoll ir-riskju ta’ kontradizzjoni dwar l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija bħala parti mir-riskji li għandu investitur prudenti.

III.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

3.1.   DWAR IR-RIKAPITALIZZAZZJONI TAL-2002

111.

Il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat fl-2002 kien jikkonsisti f’injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 76 miljun, li minnhom EUR 53,48 miljun kienu jikkonsistu f’kumpens għal servizz pubbliku. Jekk wieħed iqis il-bejgħ tal-assi li għamlet l-SNCM (73), l-ammont tal-għajnuna attwalment imħallas issa jammonta għal EUR 69 292 400. L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li għalkemm l-ammont ta’ EUR 53,48 miljun huwa għajnuna kompatibbli, l-ammont tal-għajnuna li għandu jitqies bħala għajnuna għar-ristrutturar taħt in-notifika tal-2002, jammonta effettivament għal EUR 15,81 miljun.

3.2.   DWAR IL-MIŻURI TA’ WARA R-RIKAPITALIZZAZZJONI TAL-2002

112.

Franza tfakkar, b’mod preliminari, li l-gravità tal-movimenti soċjali tal-2004/2005 u d-deġenerazzjoni tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-SNCM ġiegħlu lill-Istat azzjonist iniedi f’Jannar 2005 proċedura ta’ selezzjoni ta’ investituri privati u jimplimenta miżuri ta’ emerġenza (b’mod partikolari l-bejgħ ta’ Asco u tas-sehem fis-Sud-Cargos (74)).

3.2.1.   Dwar il-prezz negattiv tal-bejgħ tal-SNCM

113.

Skont il-ġurisprudenza Komunitarja fil-qasam, fis-seħħ dak iż-żmien, l-awtoritajiet Franċiżi jistiednu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li l-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-SNCM ta’ EUR 158 miljun m’għandu ebda miżura li tikkwalifika bħala għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE, minħabba li l-Istat Franċiż aġixxa bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

114.

Fuq bażi preliminari, Franza tindika li l-prezz finali ta’ EUR 158 miljun, li huwa aktar baxx mill-prezz negattiv li x-xerrejja talbu fil-bidu wara l-awditu tagħhom tal-kontijiet tal-SNCM, huwa r-riżultat ta’ negozjar ta’ bejgħ ta’ kontroll li sar fil-qafas ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, u għal dan, huwa tassew prezz tas-suq.

115.

Franza tikkunsidra li, minħabba li din it-tfittxija ta’ sieħeb privat għall-SNCM saret fil-qafas ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja, meta tlestiet intgħażlet l-aħjar offerta, bil-prezz tal-bejgħ li huwa l-prezz tas-suq.

116.

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-bejgħ bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun sar fl-aktar kundizzjonijiet favorevoli għall-Istat b’mod konformi mal-ġurisprudenza Komunitarja u mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u għalhekk ma fih ebda element ta’ għajnuna. Franza hija tal-fehma li dan il-prezz negattiv huwa aktar baxx mill-ispiża tal-istralċ li l-Istat kieku kellu jħallas f’każ li kellu jsir stralċ tal-impriża.

117.

Din il-konklużjoni tixref kemm meta jiġi applikat l-approċċ meħud mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem: “il-każistika ta’ Gröditzer (75)) kif ukoll meta jiġi applikat l-approċċ ibbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż effettivi ta’ likwidazzjoni tal-SNCM (id-Deċiżjoni ABX  (76)).

118.

Rigward l-ewwel metodu li huwa bbażat fuq il-każistika ta’ Gröditzer, Franza tgħid li din is-sentenza kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Lulju 1999, li skont din “il-valur biss tal-likwidazzjoni […] tal-assi, […], irid jiġi kkunsidrat bħala nfiq tal-likwidazzjoni” (77).

119.

Rigward dan, ir-rapporti tas-CGMF (78) u ta’ Oddo-Hastings (79) jistmaw li l-valur minimu tal-likwidazzjoni tal-assi huwa ta’ EUR 190,3 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005 (80).

120.

Għalhekk, minħabba li l-Istat bħala proprjetarju azzjonist ta’ kumpanija huwa responsabbli għad-djun tagħha biss sal-valur tal-likwidazzjoni tal-assi tagħhom (il-każistika Hytasa  (81)), Franza tafferma li l-valur tal-likwidazzjoni tal-assi tal-kumpanija stmat għal minimu ta’ EUR 190,3 miljun huwa b’mod ċar ogħla mill-prezz negattiv ta’ bejgħ ta’ EUR 158 miljun.

121.

Dwar it-tieni metodu, Franza tindika li dan jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Belġju favur l-ABX Logistics, li fiha l-Kummissjoni investigat prezz ta’ bejgħ negattiv, li għandu, bħal f’dan il-każ, in-natura ta’ prezz ta’ suq, billi qabblitu mal-ispejjeż li l-Istat azzjonist ħallas b’mod effettiv fil-qafas ta’ likwidazzjoni bonarja jew ġudizzjarja bħal meta jiġu stmati minn terz indipendenti. Skont Franza, il-Kummissjoni tammetti b’mod partikolari f’din id-Deċiżjoni l-validità ta’ ċertu numru ta’ spejjeż li jistgħu jirriżultaw minn azzjoni biex tagħmel tajjeb għad-djun mid-debituri (action en comblement de passif) jew mil-likwidazzjoni tal-fergħat l-oħra tal-grupp li jillikwidaw s-sussidjarja tiegħu.

122.

Fuq il-bażi tar-rapporti tas-CGMF u Oddo-Hastings imsemmijin qabel, l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li l-ispejjeż reali kollha li kellha tħallas ir-Repubblika Franċiża bħala azzjonista, kienu bejn EUR 312,1 u EUR 361 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005 u li jinqasmu kif ġej:

EUR [70-80]  (*) miljun taħt il-pjan soċjali konvenzjonali, li jinkludi l-ispejjeż kollha relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol u b’mod konvenzjonali għandhom jitħallsu mill-impriża;

EUR [30-40]  (*) miljun taħt il-pjan soċjali mhux konvenzjonali, li jinkludi l-ispejjeż kollha relatati mal-miżuri ta’ akkumpanjament marbuta mal-obbligi ġuridiċi u regolatorji tal-SNCM f’dak li jirrigwarda t-tkeċċija u spejjeż indiretti relatati mal-pjan soċjali konvenzjonali;

Bejn EUR [200-210]  (*) u [250-260]  (*) miljun għall-ħlas tal-indennizzi supplementari tas-sensji imputabbli lill-Istat mill-imħallef, minbarra l-kumpens imħallas taħt il-pjan soċjali konvenzjonali u mhux konvenzjonali, skont is-sentenza Aspocomp Group Oyj tal-Qorti tal-Appell ta’ Rouen tat-22 ta’ Marzu 2005.

123.

Dan il-metodu jikkunsidra b’mod partikolari r-riskju li kien ikollu l-Istat Franċiż li jiġi msejjaħ biex “jagħmel tajjeb għad-djun” kieku ġie kkunsidrat minn qorti bħala diriġent de facto tal-SNCM. L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li r-riskju ta’ azzjoni biex tagħmel tajjeb għad-djun ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ preċedent stabbilit mill-Qorti ta’ Kassazzjoni (Cour de Cassation) fi Franza (82). Għalhekk, f’bosta ittri lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi qalu li l-ipoteżi li l-Istat jiġi ordnat minn qorti nazzjonali biex jagħmel tajjeb għad-djun tal-impriża li jidderiġi hija xenarju possibbli ħafna u li għandha tiġi kkunsidrata fil-kalkolu tal-infiq effettiv ta’ stralċ possibbli tal-SNCM.

124.

Fit-30 ta’ Settembru 2005, il-valur residwali tal-assi tal-SNCM (jiġifieri EUR 190,3 miljun) kien, wara l-ħlas tad-djun privileġġati, EUR 36,5 miljun. L-elementi l-oħra ta’ nfiq ikkunsidrati għall-azzjoni kontra l-Istat biex jagħmel tajjeb għad-djun jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż għat-terminazzjoni tal-kuntratti ewlenin tal-operat, l-ispejjeż għat-terminazzjoni ta’ kiri tal-bastimenti u l-ħlas tad-djun bla garanzija, u dan jirriżulta għal insuffiċjenza ta’ assi li jammontaw għal EUR 134,4 miljun. L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-Istat kellu jiġi ordnat iħallas bejn 85 u 100 % ta’ dan l-ammont.

125.

Barra minn dan, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza mal-SNCM, u skont każistika oħra Franċiża (83), l-istralċ tal-impriża seta’ jġiegħel lill-qorti tordna l-ħlas tad-danni u interessi lill-impjegati. Skont din il-każistika, l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li kien ikun ferm possibbli li l-qorti tistabbilixxi l-ammont tal-indennizzi supplementari fuq il-bażi tal-indennizzi li setgħu jiġu mħallsa fil-qafas ta’ pjan soċjali ppreżentat qabel l-istralċ.

126.

Skont dan l-approċċ, l-analiżi tal-ispejjeż effettivi li kellhom jitħallsu mill-Istat azzjonist turi li l-infiq għall-Istat tal-bejgħ tal-SNCM bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun huwa inqas mill-infiq effettiv li kellu jħallas f’każ li jsir stralċ ġudizzjarju tal-impriża.

127.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li dan l-ammont ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

3.2.2.   Dwar l-injezzjoni ta’ kapital konġunt tal-azzjonisti

128.

Franza temmen li, permezz ta’ dan ix-xiri ta’ ishma, hija ġabet ruħha bħala investitur prudenti għaliex, minn naħa, hija intervjeniet b’mod konkomitanti u minoritarju mal-BCP u l-VT u, min-naħa l-oħra, dan is-sehem jibbenefika minn remunerazzjoni f’kapital fiss ta’ […] (*) % kull sena, u dan jeżonera lill-Istat mir-riskju ta’ attwazzjoni tal-pjan tan-negozju. Fil-fatt, Franza tgħid li din ir-rata ta’ profitt hija sodisfaċenti ħafna għal investitur privat (84). Madankollu, hija tispeċifika li m’għandha titħallas ebda remunerazzjoni f’każ li jsir salvataġġ jew stralċ ġudizzjarju tal-SNCM jew l-eżerċitar tal-klawżola ta’ terminazzjoni mix-xerrejja.

3.2.3.   Dwar il-miżuri soċjali supplementari (għajnuna individwali)

129.

Franza tikkunsidra, waqt li tirreferi għall-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari i-każ SFP (Société française de production) (85), li dan il-finanzjament huwa għajnuna individwali li mhix ta’ benefiċċju għall-impriża. Għalhekk, l-implimentazzjoni permezz ta’ fondi pubbliċi ta’ miżuri soċjali supplimentari favur xi persuni li jingħataw is-sensja, mingħajr ma dawn il-miżuri jneħħu r-responsabiltajiet normali ta’ min iħaddem, taqa’ taħt il-politika soċjali tal-Istati Membri u ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

3.2.4.   Dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni mħassra tal-2003

130.

L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru, minn naħa, li l-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni tal-2003 kienu implimentati kollha u ssodisfati fil-perjodu 2003-2006. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li dawn il-miżuri m’għadhomx meħtieġa biex jipprevjenu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li ż-żamma tagħhom tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta wieħed iqis il-limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuniet għar-ristrutturar, li issa naqas għal EUR 15,81 miljun. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li għandhom jitneħħew il-kundizzjonijiet li għadhom jistgħu jkunu applikati, jiġifieri dawk li huma relatati mal-projbizzjoni li tiġi mmodernizzata l-flotta tal-SNCM, ir-rispett tal-prinċipju tal-price leadership għal dak li għandu x’jaqsam mat-tariffi u ż-żamma ta’ ċertu numru ta’ frekwenzi.

3.3.   KONKLUŻJONI

131.

Jekk il-Kummissjoni minkejja kollox tikkwalifika l-miżuri l-ġodda kollha jew parti minnhom bħala għajnuna mill-Istat, Franza tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-miżuri l-ġodda, filwaqt li jiżguraw ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-SNCM, jistgħu jippermettu ż-żamma ta’ kompetizzjoni fis-swieq inkwistjoni, b’mod partikolari fis-suq tas-servizz ta’ trasport għal Korsika. Dan l-element, skont Franza, huwa wieħed mill-prinċipji tal-linji gwida dwar is-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà bħalma kien imfakkar, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni (paragrafu 283 tad-Deċiżjoni annullata tagħha) u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2005 (premessa 117). B’mod partikolari, din tal-aħħar fakkret li l-Kummissjoni tista’ tikkonsidra, fl-eżerċitar tad-diskrezzjoni wiesgħa tagħha, li l-preżenza ta’ impriża kienet meħtieġa biex tipprevjeni l-ħolqien ta’ struttura oligopolistika msaħħa tas-swieq inkwistjoni.

132.

Rigward l-iffissar tal-kumpensi li l-SNCM tista’ tiġi ordnata tħallas, Franza tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-istruttura tas-suq. Għalhekk, tnaqqis fil-kapaċitajiet tal-SNCM jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni li issa hija dominanti tas-CFF fis-suq tas-servizz ta’ trasport għal Korsika (86).

133.

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-pjan għar-ristrutturar, kif kien aġġornat, huwa konformi mal-kriterji ta’ kompatibbiltà maħruġa mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha tal-1999 u l-2004. Il-miżuri kollha li jidhru fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-SNCM jippermettu wkoll li tiġi stabbilita mill-ġdid mill-aħħar tal-2009 il-vijabbiltà fuq żmien twil tal-SNCM u jkunu limitati għall-minimu meħtieġ għal dan ir-ritorn lejn il-vijabbiltà.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

4.1.   DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI TAL-2002

4.1.1.   Osservazzjonijiet ta’ Corsica Ferries (CFF)

134.

Filwaqt li l-ewwel nett tikkontesta li l-SNCM hija impriża f’diffikultà skont il-linji gwida (87), is-CFF tqajjem dubji dwar il-kapaċità tal-SNCM li tibda tagħmel qligħ fuq ir-rotot li mhumiex issussidjati. Is-CFF tosserva wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jintqal fil-pjan ta’ ristrutturar (88), is-servizz ta’ trasport għal Livorno għadu jsir.

135.

Dwar il-kwistjoni ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, is-CFF jiddispjaċiha li m’għandhiex aċċess għal ċerti elementi tal-pjan ta’ ristrutturar li r-rappreżentanti tagħha kkritikaw (89).

136.

Is-CFF hija tal-opinjoni li l-kalkolu tal-awtoritajiet Franċiżi li wassal għall-ammont ta’ EUR 76 miljun huwa purament nozzjonali (90) filwaqt li jidhrilha li l-proporzjon tal-ekwità mad-djun finanzjarji ta’ 79 % stabbilit mill-awtoritajiet Franċiżi huwa eżaġerat (91). Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ishma tal-SNCM, is-CFF tosserva li xi wħud mis-sussidjarji mhumiex utli għall-attivitajiet tal-kumpanija marittima (92).

137.

B’konklużjoni, skont is-CFF, il-proġett ta’ għajnuna għandu l-għan li jevita r-Regolament dwar il-Kabotaġġ u jġib fix-xejn is-sejħa għall-offerti li ħarġet għas-servizz ta’ trasport lejn Korsika minn Marsilja. Is-CFF tinsisti li l-għajnuna ppjanata ma għandhiex tirriżulta biex tkun iktar faċli għall-SNCM biex tagħmel offerta kummerċjali aktar aggressiva. Hija tissuġġerixxi li għajnuna għar-ristrutturar tiġi allokata biss fl-2007 u biss jekk l-SNCM titlef is-sejħa għall-offerti li jmiss fl-2006, l-uniku xenarju li fil-fehma tagħha tabilħaqq jista’ jpoġġi lill-kumpanija marittima pubblika f’diffikultà.

4.1.2.   Osservazzjonijiet tal-STIM

138.

L-STIM, l-azzjonista ta’ referenza tas-CMN, tgħid uffiċjalment li l-ishma tal-SNCM fis-CMN għandhom jiġu analizzati bħala assi purament finanzjarji. Skont l-STIM, is-CMN u l-SNCM huma indipendenti u f’kompetizzjoni ma’ xulxin għar-rotot minbarra dawk li jitilqu minn Marsilja, anke jekk it-tnejn huma kokuntratturi fil-qafas tal-kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku.

139.

L-ittra tindika li l-STIM timpenja ruħha “li tixtri l-ishma kollha jew parti minnhom u bi preferenza l-ishma kollha tal-SNCM fis-CMN”, li hija tistma li għandhom valur ta’ bejn EUR 15 u 17-il miljun, jekk il-Kummissjoni kellha tqis, fil-kundizzjonijiet li tista’ timponi fid-Deċiżjoni finali tagħha, li “bejgħ bħal dan huwa meħtieġ għal bilanċ fil-pjan tar-ristrutturar”.

4.1.3.   Osservazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali

140.

Is-sindku tal-belt ta’ Marsilja, il-president tal-Kunsill Ġenerali tal-Bouches-du-Rhône u l-president tal-Kunsill reġjonali Provence-Alpes-Côte d’Azur jenfasizzaw l-importanza ekonomika li għandha l-SNCM fl-ekonomija reġjonali.

141.

Il-president tal-Kunsill Reġjonali Provence-Alpes-Côte d’Azur jgħid ukoll li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-pjan għar-ristrutturar tal-SNCM jiggarantixxi l-vijabbiltà tal-impriżi jidhru li huma ssodisfati.

142.

Il-president tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Assemblea ta’ Korsika bagħat deliberazzjoni ta’ din l-assemblea tat-18 ta’ Diċembru 2002 li fiha l-assemblea ta’ Korsika tat “opinjoni favur” il-proġett ta’ rikapitalizzazzjoni tal-SNCM.

4.1.4.   Osservazzjonijiet tal-Uffiċċju tat-Trasport ta’ Korsika (Office de Trasports de Corse (OTC))

143.

L-OTC jindika li, billi l-SNCM hija l-unika kumpanija llum li hija kapaċi tissodisfa l-eżiġenzi tal-kuntratt għal dak li għandu x’jaqsam mat-traffiku ta’ passiġġieri, l-għejbien tagħha “iwassal minnufih għal nuqqas kbir ta’ servizzi”. Huwa jfakkar ukoll l-importanza tal-SNCM fl-ekonomija ta’ Korsika.

4.2.   DWAR ID-DEĊIŻJONI TA’ ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA TAL-2006

4.2.1.   Osservazzjonijiet ta’ Corsica Ferries (CFF)

144.

Is-CFF tenfasizza l-kobor tal-ammonti finanzjarji inkwistjoni, in-natura sproporzjonata tagħhom meta mqabblin mal-fatturat tal-SNCM u l-fatt li ġew imħallsa lill-SNCM qabel mal-Kummissjoni tat l-opinjoni tagħha dwar il-kwalifikazzjoni skont l-Artikolu 87(1) KE.

145.

Is-CFF tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-appoġġ tal-Istat Franċiż lill-SNCM huwa ta’ natura strateġika għall-iżvilupp tas-CFF. Dawn il-miżuri mhux awtorizzati jippermettu lill-SNCM li jkollha politika tariffarja aggressiva ħafna fuq ir-rotot fejn is-CFF ilha attiva għal 10 snin u, fejn, għall-ewwel darba minn meta ġiet stabbilita, qiegħda titlef xi ishma fis-suq.

146.

Rigward il-proċess ta’ sejħa għall-offerti għall-bejgħ tal-kumpanija, is-CFF temmen li ma kienx kompletament trasparenti minħabba li l-impriża magħżula, jiġifieri l-BCP, mgħadhiex fil-kontroll operattiv tal-SNCM, wara li ċediet postha lill-grupp VT. Barra minn hekk, billi l-kundizzjonijiet finanzjarji nbidlu u saru aktar favorevoli għax-xerrejja, is-CFF tistaqsi dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-investituri li kellu jkun applikat għall-operazzjoni kollha.

147.

Rigward il-prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun, is-CFF tiddubita l-mod kif ġie applikat f’dan il-każ il-kriterju tal-investitur prudenti f’ekonomija tas-suq. Min-naħa, is-CFF tistaqsi jekk wieħed jistax jikkunsidra li l-operazzjoni inkwistjoni ġiet immexxija mill-Istat flimkien ma’ intervent sinifikanti u konkomitanti tal-operaturi privati kkonċernati b’kundizzjonijiet komparabbli meta l-Istat ikkapitalizza mill-ġdid il-kumpanija qabel ir-rikapitalizzazzjoni konġunta tal-azzjonisti u l-pjan il-ġdid ta’ ristrutturar. Min-naħa l-oħra, is-CFF temmen li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet finanzjarji serji tal-SNCM, investitur prudenti kien jintervjeni qabel biex ma jħallix l-investiment tiegħu jonqos fil-valur (93).

148.

Is-CFF temmen li r-referenza għall-kawża ABX Logistics mhijiex relevanti. Minbarra l-fatt li ċ-ċirkostanzi ta’ din il-kawża ma jistgħux jiġu ttrasferiti għal dan il-każ, is-CFF tinnota kontribuzzjoni sinifikanti mill-benefiċjarju għall-għajnuniet f’dik il-kawża, u dan żgur mhuwiex il-każ tal-SNCM. Barra minn hekk, skont is-CFF, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2006 ma kkunsidratx l-infiq relatat mar-riskju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji fil-qafas ta’ stralċ tal-impriża kkonċernata. Rigward dan, is-CFF temmen li l-ġurisprudenza nazzjonali invokata minn Franza sabiex tiġġustifika l-infiq li huwa relatat mal-istralċ tal-SNCM, mhijiex applikabbli għal dan il-każ. Skont is-CFF, il-Qorti ta’ Kassazzjoni, fil-kawża Mines et produits chimiques de Salsignes (tal-Minjieri u prodotti kimiċi ta’ Salsignes), ma tinvoka ebda responsabbiltà diretta tal-Istat azzjonist f’każ li jsir stralċ ta’ xi impriża li jkun azzjonist tagħha iżda pjuttost il-possibbiltà li jidderieġi xi azzjoni għall-ħlas tad-djun soċjali kontra stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali u l-impossibbiltà tad-diretturi tagħhom li jeħilsu mill-obbligi tagħhom billi jappellaw għall-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi.

149.

Rigward l-applikabbiltà għal dan il-każ tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rouen fil-kawża Aspocomp, is-CFF qalet b’mod uffiċjali li l-kontenut ta’ din il-kawża, li jirrigwarda kumpanija prinċipali li ġiet ordnata tħallas lill-impjegati ta’ sussidjarja tagħha kumpensi soċjali għan-“nuqqas ta’ rispett ta’ ftehim” approvat minn din tal-ewwel, m’għandux x’jaqsam maċ-ċirkostanzi tal-kwistjoni SNCM. Għalhekk ma hemm l-ebda riskju ċert li s-CGMF jew l-Istat jiġi ordnat iħallas xi kumpensi ta’ tkeċċija f’każ li jsir stralċ ġudizzjarju. Barra minn hekk, is-CFF tiddubita dwar l-istima kwantitattiva tal-ispejjeż soċjali l-oħra minħabba l-fatt li jidhru li mhux qed jaqblu skont l-esperti li ġew mitluba jistabbilixxuhom.

150.

Is-CFF temmen li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Komunitarja għal Gröditzer u Hytasa u għal dan il-każ tista’ biss twassal għall-konklużjoni li l-Istat ma ġabx ruħu bħala investitur privat minħabba li, skont il-ġurisprudenza msemmija, l-injezzjoni ta’ kapital tal-Istat kien relatat mal-bejgħ ta’ 75 % tas-sehem tiegħu fl-SNCM li kompla naqqas il-prospetti ta’ profitti li seta’ jieħu lura.

151.

Fl-aħħar, is-CFF temmen li l-paragun bejn l-ispejjeż ta’ stralċ u l-ispejjeż ta’ rikapitalizzazzjoni għandu jikkunsidra l-valur tal-assi, li huwa, fiż-żewġ każijiet, ittrasferit lix-xerrej. Is-CFF temmen li l-valur tal-assi mibjugħa lix-xerrejja jvarja bejn EUR 640 miljun u EUR 755 miljun (94), meta jiġi kkunsidrat il-valur tas-suq tal-flotta użata mill-SNCM li s-CFF jistma li kien bejn EUR 644 u EUR 664 miljun f’Awwissu 2006.

152.

Rigward l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ wara r-rikapitalizzazzjoni tal-2002 bħala għajnuniet għar-ristrutturar, is-CFF hija tal-opinjoni li, għalkemm l-SNCM tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ impriża f’diffikultà skont il-linji gwida tal-2004 fil-perjodu ta’ qabel l-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 142,5 miljun, din il-kwalifika ssir ferm kontestabbli għall-perjodu ta’ qabel it-tieni żieda fil-kapital ta’ EUR 8,75 miljun minħabba li l-ekwità tal-impriża nbniet mill-ġdid.

153.

Rigward il-vijabbiltà tal-impriża, is-CFF tenfasizza li l-bejgħ tal-SNCM huwa parzjali biss u ma jistax jiġi rrevokat minħabba l-klawżoli ta’ terminazzjoni nnegozjati max-xerrejja. Dawn l-elementi jirrappreżentaw elementi importanti ta’ inċertezza dwar il-volontà u l-kapaċità tax-xerrejja li jsalvaw lill-SNCM u għalhekk jiżguraw il-prospetti ta’ vijabbiltà sostenibbli tal-impriża. Barra minn dan, is-CFF tindika li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa mitlub mil-linji gwida tal-2004, l-awtoritajiet Franċiżi ma ppjanawx li jabbandunaw l-attivitajiet li jibqgħu jagħmlu telf strutturali anke wara r-ristrutturar (95). Barra minn hekk, is-CFF tesprimi xettiċiżmu dwar il-pjan ta’ tnaqqis tal-infiq meta l-flotta tal-SNCM kibret (96) u dwar il-pjan ta’ tnaqqis ta’ impjegati b’mod partikolari fid-dawl tal-falliment tal-pjan soċjali tal-2002.

154.

Is-CFF għandha d-dubji tagħha dwar il-fatt li l-għajnuniet il-ġodda huma limitati għall-minimu minħabba, min-naħa waħda, nuqqas ta’ ċarezza dwar xi jkopru l-ispejjeż soċjali u, min-naħa l-oħra, minħabba l-kontenut tal-minuti tal-Assemblea tal-SNCM tat-28 ta’ April 2006 li minnhom jidher li parti minn dawn l-għajnuniet serviet biex jiġi kopert it-telf operattiv tal-kumpanija fl-2006 u fl-2007. Is-CFF temmen ukoll li x-xerrejja tal-SNCM ma jikkontribwixxux b’mod sostanzjali għar-ristrutturar tal-impriża.

155.

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni, is-CFF temmen li jeħtieġ li jerġgħu jiġu mġedda u speċifikati l-kumpensi imposti fuq l-SNCM fl-2003 kif ukoll li jiġu miżjuda kumpensi ġodda li jkunu relatati mat-tnaqqis tal-preżenza tal-SNCM fis-suq (97). Is-CFF tikkunsidra ukoll li wħud mill-miżuri imposti fuq l-SNCM mid-Deċiżjoni tal-2003 ma ġewx issodisfati. Jidher li l-SNCM xtrat xi bastimenti ġodda bi ksur tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2003. Barra minn hekk, l-SNCM ma bigħetx is-sehem tagħha fis-CCM bi ksur tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-SNCM kienet qiegħda tippratika mill-2003 politika tariffarja aggressiva bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk offruti mis-CFF bi ksur tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni msemmija (biljetti sa 30 % inqas għoljin għall-istess servizzi jew simili).

156.

Dwar in-natura tat-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 8,75 miljun, is-CFF temmen li, minbarra l-konkomitanza tal-investiment pubbliku u privat, l-intervent privat irid jkun sinifikanti u għandu jsir f’kundizzjonijiet komparabbli b’mod li jkun ivvalidat l-intervent tal-Istat. Fil-każ inkwistjoni, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati. Min-naħa waħda, is-sehem tax-xerrejja, strettament relatat mal-ewwel żieda fil-kapital ta’ EUR 142,5 miljun, mhuwiex sinifikanti. Min-naħa l-oħra, l-intervent tax-xerrejja ma sarx f’kundizzjonijiet komparabbli ma’ dawk tal-Istat b’mod partikolari minħabba l-klawżoli ta’ terminazzjoni u l-profitt previst tas-sehem minoritarju tas-CGMF.

157.

Dwar il-miżuri soċjali ta’ ammont ta’ EUR 38,5 miljun, is-CFF tikkontesta l-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont bħala għajnuna individwali. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li dan l-ammont huwa ta’ benefiċċju dirett għall-impjegati tal-SNCM, is-CFF tenfasizza li din il-miżura jista’ jkollha effetti pożittivi indiretti għall-SNCM, b’mod partikolari biex tikkalma l-klima soċjali.

4.2.2.   Osservazzjonijiet tal-STIM

4.2.2.1.   Dwar il-miżuri ta’ wara r-rikapitalizzazzjoni tal-2002

158.

Rigward il-prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun, l-STIM temmen li dan il-prezz mhuwiex prezz ta’ suq li ġej minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u mhux diskriminatorja għax ir-rikapitalizzazzjoni saret f’kundizzjonijiet differenti minn dawk li normalment jiggwidaw investitur privat. L-STIM fil-fatt temmen li l-assi netti tal-kontabbiltà rivalutati għandhom jippermettu, fl-agħar ipoteżi, stralċ mingħajr infiq għall-Istat, jew anke li jwassal għal qligħ kapitali ta’ stralċ, li l-prezz ta’ bejgħ huwa baxx ħafna meta mqabbel mal-valur tal-impriża (stmata mill-STIM għal EUR 350 miljun) u li l-għajnuna hija sproporzjonata meta mqabbla mal-ħtiġijiet tal-impriża.

159.

L-STIM tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni għan-natura eżorbitanti tal-klawżola ta’ terminazzjoni tat-trasferiment għas-settur privat.

160.

L-STIM fl-aħħar nett tikkontesta l-ġustifikazzjoni tal-bejgħ bi prezz negattiv li hija bbażata fuq l-ipoteżi ta’ stralċ soċjalment diffiċli, li ma tantx tidher realistika.

161.

Rigward it-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 8,75 miljun, l-STIM temmen li din l-injezzjoni ta’ kapital ma tirrispettax il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq minħabba n-nuqqas ta’ garanziji ta’ qligħ fuq l-investiment. L-STIM tikkontesta l-argument relatat mal-konkomitanza tal-investiment privat u pubbliku biex din l-injezzjoni ma tkunx ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Konkomitanza bħal din, jekk tiġi stabbilita, hija biss indikazzjoni u waħedha ma tistax tkun meqjusa bħala kriterju ta’ kwalifikazzjoni (98). L-STIM tafferma fl-aħħar nett li din l-injezzjoni hija garanzija mogħtija lix-xerrejja mill-gvern Franċiż li l-SNCM hija tassew dik magħżula għad-DSP għas-servizz ta’ trasport għal Korsika.

162.

Rigward it-EUR 38,5 miljun ta’ għajnuniet individwali, l-STIM temmen li dan l-ammont fir-realtà għandu l-għan li jippermetti lill-SNCM tirrispetta ċerti aspetti essenzjali tal-pjan ta’ salvataġġ ippreżentat lill-Kummissjoni li ma ġewx implimentati, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-impjegati.

4.2.2.2.   Dwar il-kompatibbiltà mal-linji gwida tal-2004

163.

L-STIM hija tal-opinjoni li l-għajnuniet li rċeviet l-SNCM mhumiex limitati għall-minimu. Il-kontribuzzjoni tal-SNCM u tax-xerrejja fil-pjan għar-ristrutturar mhijiex biżżejjed għall-kundizzjonijiet imposti fil-linji gwida tal-2004 u mhux ser ikun ipprovat li l-qagħda tal-SNCM kienet daqshekk eċċezzjonali li tiġġustifika kontribuzzjoni proprja inqas għolja. Barra minn dan, l-STIM tenfasizza n-natura sproporzjonata tal-għajnuniet allokati fl-2006 minħabba li dawn ippermettew lill-SNCM tibni xi riżervi biex tkopri t-telf fil-futur. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-SNCM ma għamlitx pjanijiet li tbigħ l-assi mhux indispensabbli għas-sopravvivenza tal-impriża jmur kontra l-eżiġenzi stabbiliti fil-linji gwida tal-2004.

164.

L-STIM temmen li l-ammonti mħallsa kienu mħallsa bi ksur tal-prinċipju tal-uniċità stabbilit fil-linji gwida tal-2004. Id-deġenerazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-impriża kif ukoll il-kunflitti soċjali ma jistgħux jitqiesu bħala ċirkostanzi eċċezzjonali, imprevedibbli u mhux imputabbli għall-impriża benefiċjarja.

165.

Għalhekk, l-STIM teżiġi kumpensi supplementari ta’ nofs l-għajnuniet mogħtija, jiġifieri EUR 98,25 miljun permezz tal-bejgħ ta’ bastiment supplementari kif ukoll tal-ishma diretti u indiretti tal-SNCM fis-CMN. Rigward dan, l-STIM tafferma li dawn l-ishma mhumiex strateġiċi skont il-linji gwida tal-2004 dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar għax mhumiex “indispensabbli għas-sopravvivenza tal-impriża” u lanqas m’għandhom in-natura ta’ assi li ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

166.

L-STIM tgħid uffiċjalment ukoll li s-sinerġiji li suppost hemm bejn l-SNCM u s-CMN ma jeżistux għax l-SNCM m’għandha ebda rwol effettiv fil-ġestjoni u l-iżvilupp tas-CMN. L-STIM tenfasizza fl-aħħar nett li l-ftehim tal-azzjonisti li jgħaqqad iż-żewġ intrapriżi ma baqax jeżisti wara l-15 ta’ Marzu 2006, id-data li fiha ntemm mis-CMN, kif kien osservat mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi.

4.2.3.   Osservazzjonijiet tal-SNCM

167.

L-SNCM ippreżentat dokument lill-Kummissjoni li jevalwa l-qagħda ekonomika u kompetittiva tagħha, appoġġat minn parir legali li jevalwa, fil-qafas ta’ proċedura ta’ stralċ, ir-riskju ta’ kwalifikazzjoni ġudizzjarja tal-intervent tal-Istat bħala amministratur de facto tal-kumpanija għall-perjodu ta’ qabel ma saret il-privatizzazzjoni.

168.

Meta ġiet ikkonsultata mill-SNCM, id-ditta Baker & McKenzie waslet għall-konklużjoni li, fuq il-bażi tal-istatuti tal-kumpanija kkumplimentati bil-korrispondenza, l-interventi u r-rapporti verbatim tal-bordijiet, l-Istat Franċiż […] (*) deċiżjonijiet (99) […] (*) korpi (100), […] (*) bordijiet tal-kumpaniji (101). Ir-rapport jenfasizza wkoll li […] (*) l-SNCM (102). Fl-aħħar nett, l-istess rapport jindika li […] (*) l-SNCM.

169.

Fuq din il-bażi, l-espert tal-SNCM jikkonkludi li huwa ferm probabbli li l-kwalità ta’ diriġent de facto tal-Istat Franċiż ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Kummerċ ta’ Marsilja.

170.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-fatti, b’mod partikolari dawk li ġew stabbiliti minn rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, li xi żbalji fil-ġestjoni attribwiti għall-Istat Franċiż u d-diriġent de facto tal-SNCM, ikkontribwixxew għan-nuqqas ta’ assi osservat tal-SNCM. Ir-rapport jikkritika fost oħrajn l-iżbalji ta’ ġestjoni li ġejjin: l-għażla […] (*) kummerċjali. Id-dannu li rriżulta mill-iżbalji ta’ ġestjoni tal-Istat kien ta’ […] (*).

171.

F’dan il-kuntest, skont l-espert tal-SNCM, m’hemmx dubju li l-Istat Franċiż għandu jinżamm responsabbli biex jagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-assi kollha jew parti minnhom fil-qafas ta’ azzjoni biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet, meta jitqies l-involviment qawwi tal-Istat fil-ġestjoni tal-SNCM, l-iżbalji ta’ ġestjoni ċari tiegħu u l-estensjoni tar-riżorsi finanzjarji tiegħu.

172.

Abbażi tal-ġurisprudenza relatata, l-espert tal-SNCM jikkonkludi li, kieku sar stralċ tal-SNCM, l-Istat żgur kien ikollu jħallas id-djun soċjali kollha tal-SNCM. Dan kien iwassal biex l-Istat azzjonist ikollu jagħmel tajjeb għal sehem stmat bejn 85 % u 100 % tal-insuffiċjenza tal-assi osservata (jiġifieri bejn EUR 316,6 u 385,7 miljun). Għalhekk, bid-Deċiżjoni li jipprivatizza l-SNCM filwaqt li jsaħħaħ minn qabel l-ekwità tiegħu għal ammont ta’ EUR 158 miljun, l-Istat Franċiż aġixxa bħala investitur prudenti.

V.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

5.1.   KUMMENTI TA’ FRANZA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI RELATATI MAD-DEĊIŻJONI TA’ FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI TAL-2002

5.1.1.   Dwar l-osservazzjonijiet tas-CFF

173.

L-awtoritajiet Franċiżi indikaw li parti mill-informazzjoni ppreżentata mis-CFF dwar l-offerta tal-SNCM mhijiex eżatta.

174.

L-Istat Franċiż jemmen, kontra l-affermazzjonijiet tas-CFF, li l-pjan għar-ristrutturar kien stabbilit b’mod li jippermetti s-salvataġġ tal-SNCM fl-iqsar żmien possibbli u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-vijabbiltà tagħha fuq żmien medju u twil. L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li parti kbira mill-programm ta’ tnaqqis tal-infiq diġà ġie implimentat. Il-bastimenti tnaqqsu u l-programm ta’ bejgħ tal-assi qed iseħħ skont il-proġett industrijali. Is-servizzi ta’ trasport ġew estiżi mill-ġdid u l-pjan ta’ azzjoni tat-tnaqqis tal-konsumi intermedjarji qed jagħti l-ewwel frott. Fl-aħħar nett, it-taqsima tal-impjiegi tal-proġett industrijali qed ikun implimentata gradwalment. Barra minn hekk, fl-2001 l-SNCM ipprovdiet fondi ta’ EUR 21,3 miljun għall-finanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturar, u b’mod partikolari tal-pjan ta’ ħarsien tal-impjiegi.

175.

Dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li proporzjon ta’ ekwità fuq dejn globali ta’ 0,79 huwa karatteristiku ħafna tal-bilanċi proprji fil-maġġoranza tal-kumpaniji marittimi, ħlief f’sitwazzjoni partikolari. Rigward il-proporzjon ta’ 0,497 imħabbar mis-CFF għas-CMN fl-2001, mhuwiex eżatt skont l-awtoritajiet Franċiżi, għax ma jinkludix id-disponibbiltajiet tal-assi fil-bilanċ. Meta ġie korrett dan in-nuqqas, il-proporzjon tas-CMN huwa 0,557. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan il-livell xorta mhuwiex biżżejjed għas-CMN u s-sitwazzjoni diffiċli li ffaċċjat s-CMN minħabba l-fondi fl-2002 hija l-prova. Is-CMN fil-fatt kellha tissellef sa EUR 8 miljun mingħand l-STIM biex tiffinanzja defiċit tal-fondi mhux kopert mill-banek.

5.1.2.   Dwar l-osservazzjonijiet tal-STIM

176.

L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li s-sehem tal-SNCM fil-kapital tas-CMN ma jistax jiġi analizzat bħala assi purament finanzjarju, kif jidher li tafferma l-STIM. Franza tiddefendi l-pożizzjoni li l-ishma tal-SNCM fis-CMN huma ta’ natura strateġika ħafna. Il-bejgħ tagħhom skont hi fil-fatt ikun mhux biss aberrazzjoni industrijali iżda wkoll żball strateġiku kbir.

5.1.3.   Dwar l-osservazzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali

177.

Għalkemm Franza tapprova b’mod globali l-kontenut tal-ittra tal-president tar-reġjun Provence-Alpes-Côte d’Azur, madankollu tixtieq tindika li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie affermat fil-punt 2 tal-ittra msemmija (103), l-offerta fuq is-servizz ta’ trasport bejn Franza kontinentali u Korsika mhijiex “kbira żżejjed meta mqabbla mad-domanda” u li l-politika tariffarja tal-SNCM taqbel mal-impenji li ħadet li ma tkunx il-kawża ta’ gwerra tariffarja u li ma tkunx “price leader”.

5.2.   DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI RIGWARD ID-DEĊIŻJONI TAL-2006

178.

B’mod ġenerali, Franza tinnota li ħafna mill-osservazzjonijiet tal-STIM u s-CFF huma identiċi għall-kummenti li dawn il-kumpaniji kienu diġà għamlu lill-Kummissjoni fl-2003. B’mod partikolari, huma jispeċifikaw li l-kummenti tas-CFF kienu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġenerali fil-qafas tar-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003 u l-maġġoranza tagħhom diġà ġew irrifjutati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Qorti Ġenerali.

5.2.1.   Dwar it-twettiq antiċipat tal-miżuri previsti mill-ewwel pjan għar-ristrutturar u l-emendi tiegħu

179.

Għar-rimarka ġenerali dwar l-implimentazzjoni antiċipata tal-miżuri kkwalifikati bħala għajnuniet minn Franza, l-awtoritajiet Franċiżi jwieġbu li l-implimentazzjoni msemmija hija ġġustifikata mill-partikolarità tal-proċedura, jiġifieri l-annullament fl-2005 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2003, u mhux mill-volontà tal-awtoritajiet Franċiżi li jinjoraw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mit-Trattat KE. Barra minn hekk, Franza tispeċifika li dejjem żammet lill-Kummissjoni informata dwar l-iżviluppi fil-kwistjoni u bid-diversi miżuri adottati minn Jannar 2005, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

180.

Rigward dawn l-aħħar miżuri, l-awtoritajiet Franċiżi jaħsbu li billi ebda waħda minnhom mhi meqjusa bħala għajnuna, l-Artikolu 88(3), KE fl-aħħar mill-aħħar ma japplikax għalihom, u li, għalhekk, m’hemm ebda obbligu li l-attwazzjoni tagħhom tkun sospiża.

5.2.2.   Dwar il-miżuri ta’ wara r-rikapitalizzazzjoni tal-2002

181.

Rigward il-proċedura ta’ bejgħ, Franza tispeċifika li kienet qed tipprevedi mill-bidu tagħha xi kriterji konvenzjonali ta’ selezzjoni li jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq il-prezz propost għall-valutazzjoni tat-titoli tal-SNCM u, b’mod sekondarju, fuq parametri oħra (proġett industrijali, proġett soċjali, eċċ.), li fosthom hemm l-ammont li l-applikanti kienu lesti jinvestu fil-kumpanija għar-rikapitalizzazzjoni. Franza tikkontesta bis-sod l-argument tat-terzi persuni, li l-proċedura ta’ tpoġġija għall-bejgħ ma kinitx trasparenti u tfakkar li, f’dan il-każ, l-Istat mar lil hinn mill-obbligi ġuridiċi u regolamentari tiegħu, li diġà kienu qawwijin u vinkolanti, previsti fil-każ li jinbiegħu ishma pubbliċi. Franza tfakkar li l-iżvilupp li seħħ wara l-offerta tal-BCP li tixtri 100 % tat-titoli tal-SNCM sar f’kuntest finanzjarju u soċjali diffiċli ħafna u li l-assoċjazzjoni tal-VT mal-offerta tal-BCP ma bidlitx it-termini kummerċjali u finanzjarji tal-operazzjoni (ħlief għat-tqassim tal-kapital).

182.

Rigward il-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, minħabba l-qagħda finanzjarja tal-SNCM fit-30 ta’ Settembru, l-impriża nbiegħet bi prezz tas-suq u li l-bejgħ kien aktar ta’ vantaġġ ekonomiku milli kien ikun l-istralċ tal-impriża. Rigward dan, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għall-każ ta’ bejgħ tal-impriża li qiegħda qrib l-istralċ m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala sforz biex jinkiseb “intervent pubbliku redditizju”, iżda bħala prevenzjoni ta’ telf akbar li kien ikollu l-azzjonist permezz ta’ stralċ li jiswa aktar flus.

183.

Rigward il-prezz imħallas, Franza tikkontesta l-argument li l-SNCM inbiegħet bi prezz li ma jikkorrispondix għall-valur reali tagħha. B’mod partikolari, hija tirrifjuta l-istima tal-valur tal-impriża ta’ madwar EUR 50 miljun li saret mill-STIM li tikkunsidra biss l-elementi tal-bilanċ li jtejbu l-valorizzazzjoni mill-ekwità tal-kontabbiltà (deprezzament żejjed fit-taxxa, qligħ kapitali sekondarju minn bastimenti eċċ.) mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-elementi ta’ djun li jistgħu jnaqqsuha. Dan il-metodu ta’ kalkolu ta’ natura purament kontabilistika ma jaqbilx mar-realtà ekonomika ta’ impriża marittima, bħalma hija l-SNCM, li fil-bilanċ għandha assi li jidhru li huma ta’ valur iżda li għandha wkoll redittu limitat u djun kbar ‘il barra mill-bilanċ.

184.

L-awtoritajiet Franċiżi jirrifjutaw ukoll l-argument tas-CFF li għamlu stima baxxa tal-valur tas-suq tal-flotta tal-SNCM, li s-CFF stmat bejn EUR 406,5 miljun u EUR 426,5 miljun. L-awtoritajiet Franċiżi jgħidu li l-bastimenti li ġew ikkunsidrati fil-kalkolu tas-CFF mhumiex dawk li kienu fil-pussess tal-SNCM fit-30 ta’ Settembru 2005. In-nuqqas ta’ skontijiet applikati għall-valur tas-suq tal-bastimenti ma jikkunsidrax il-kuntest li fih seta’ sar stralċ ġudizzjarju ta’ dawn l-assi u fl-aħħar nett, id-data magħżula biex jiġi kkalkolat dan il-valur tas-suq, jiġifieri Awwissu 2006, mhijiex id-data tal-istralċ li seta’ sar tal-SNCM li għaliha għandha ssir referenza, li hija t-30 ta’ Settembru 2005. Barra minn hekk, Franza tinnota li, jekk jintuża l-kalkolu propost mis-CFF, il-prezz negattiv ikun tliet darbiet inqas mill-valur tal-likwidazzjoni tal-assi skont il-ġurisprudenza Gröditzer, u għalhekk dan kien ikun aħjar mill-xenarji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi.

185.

Għall-argument imsemmi mis-CFF li jikkontesta l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Gröditzer billi jirreferi għall-fatt li l-injezzjoni ta’ kapital tal-Istat fl-SNCM ġiet marbuta mal-bejgħ ta’ 75 % tal-ishma tagħha, li jnaqqas aktar il-prospetti li jerġa’ jinkiseb profitt, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li l-prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun jikkorrispondi fir-realtà għall-bejgħ tal-kapital kollhu tal-SNCM, li warajh sar investiment ġdid mill-Istat ta’ 25 % li jibbenefika minn redditu ta’ […] (*) % fis-sena. Barra minn hekk, Franza tikkunsidra li r-redditu fuq l-investiment jibqa’ garantit minħabba s-sehem tiegħu fl-ishma tal-kumpanija ta’ 25 % għax dan is-sehem jibbenefika minn garanzija ta’ redditu għoli ħafna.

186.

Franza tikkontesta wkoll l-argument tas-CFF dwar il-fatt li ma jistax jiġi applikat l-approċċ ABX għall-każ inkwistjoni, li huwa bbażat b’mod partikolari fuq l-analiżi tal-infiq ta’ stralċ effettiv tal-SNCM u fuq ir-riskju li l-Istat seta’ jitqies bħala responsabbli għad-djun tal-impriża f’azzjoni biex wieħed jagħmel tajjeb għad-djun bħalma kienet prevista fil-proċeduri kollettivi Franċiżi u kkonfermata mill-ġurisprudenza nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rouen tat-22 ta’ Marzu 2005). Anke jekk l-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li l-aġir tagħhom bħala amministraturi tal-SNCM ma jistax jiġi kkwalifikat bħala wieħed “żbaljat” f’din l-azzjoni, huma jinsistu fuq l-eżistenza ta’ riskju għoli li l-Istat jinżamm responsabbli minn qorti nazzjonali għall-insuffiċjenza ta’ assi tal-SNCM minħabba l-kriterji mhux riġidi ta’ kwalifikazzjoni ta’ żbalji ta’ ġestjoni skont l-Artikolu L.651-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u skont il-ġurisprudenza msemmija qabel li tista’ tkun trasposta għal din il-kawża.

187.

Rigward ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 8,75 miljun, Franza tfakkar li, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tas-CFF u l-STIM, din l-injezzjoni ta’ kapital mhijiex għajnuna mill-Istat minħabba l-konkomitanza ta’ dan l-investiment, is-similarità tal-kundizzjonijiet tas-sottoskrizzjoni tiegħu u r-remunerazzjoni ogħla mill-medja miksuba mill-Istat permezz tas-CGMF.

188.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-investituri ma ġiex affettwat mill-eżistenza tal-klawżoli ta’ terminazzjoni minħabba li dawn tal-aħħar kienu previsti fil-qafas tal-bejgħ ta’ 100 % tal-SNCM u mhux fil-qafas tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 35 miljun li saret wara dan.

189.

Barra minn hekk, Franza tfakkar li l-investiment tagħha huwa ħafna aktar baxx minn dak tax-xerrejja minħabba li huwa l-ammont ta’ EUR 8,75 miljun biss li jrid jiġi mqabbel mal-investiment li sar mix-xerrejja (EUR 26,25 miljun). Fil-fatt, l-investigazzjoni tal-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 142,5 miljun kellha ssir biss fil-qafas tat-tqabbil mal-prezz tal-istralċ.

190.

Fl-aħħar nett, Franza tikkontesta l-argument tal-STIM dwar il-fatt li din il-kontribuzzjoni tista’ tkun garanzija mogħtija lix-xerrejja privati li l-SNCM hija tassew dik magħżula fid-DSP għas-servizz ta’ trasport ta’ Korsika. L-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li din iż-żieda fil-kapital hija prudenti u indipendenti mill-effiċjenza tal-impriża u li l-allokazzjoni tad-DSP lill-SNCM ma tippermettix li jitjieb ir-redditu mistenni minn dan l-investiment.

191.

Dwar it-EUR 38,5 miljun f’miżuri soċjali, Franza terġa’ ssemmi l-argument li dawn il-miżuri huma għajnuniet individwali u li l-ħlas tagħhom mill-Istat ma jistax jiġi kkunsidrat li qed jipprovdi vantaġġ indirett lill-impriża minħabba li dawn jissupplimentaw l-obbligi ġuridiċi u kuntrattwali li għandha l-SNCM. Barra minn hekk, Franza tfakkar li dawn il-miżuri ma jippermettux li jitilqu l-impjegati li, fin-nuqqas ta’ dawk il-miżuri, jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-SNCM.

192.

Għall-kuntrarju tal-argument tas-CFF, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li t-EUR 38,5 miljun ma jikkorrispondux mal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-impjegati previst fil-qafas tal-pjan soċjali tal-2003 għax dan it-tnaqqis kien, minkejja d-dewmien, diġà implimentat. Il-pjan soċjali l-ġdid għalhekk jikkumplimenta l-ewwel miżuri soċjali tal-2003.

5.2.3.   Dwar il-kompatibbiltà mal-linji gwida

193.

Franza hija tal-fehma li, fid-dawl ta’ dak li ssemma qabel, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi evalwat huwa ta’ EUR 15,81 miljun.

194.

Għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tas-CFF, l-awtoritajiet Franċiżi jaħsbu li, skont il-punt 11 tal-linji gwida tal-2004, l-ewwel rikapitalizzazzjoni, filwaqt li ppermettiet lill-SNCM biex terġa’ tibni l-ekwità tagħha, ma wasslithiex biex titlef in-natura tagħha ta’ impriża f’diffikultà minħabba li din ir-rikapitalizzazzjoni kellha l-għan li tiżgura ż-żamma tal-attività tal-kumpanija.

195.

Franza tirrifjuta l-allegazzjonijiet tas-CFF li hija ma kellhiex tagħmel injezzjonijiet finanzjarji ġodda fl-impriża billi l-SNCM setgħet tirrikorri għal self mill-bank. Rigward dan, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, fl-24 ta’ Awwissu 2005, il-banek kienu rrifjutaw l-allokazzjoni ta’ self ġdid barra mill-baġit favur l-SNCM u li, għalhekk, l-uniċi alternattivi possibbli kienu l-privatizzazzjoni jew l-istralċ tal-impriża.

196.

Franza tikkontesta l-argumenti tas-CFF u l-STIM dwar il-falliment tal-pjan għar-ristrutturar tal-2002 li, minkejja ċertu dewmien, kien implimentat u ppermetta li jintlaħqu l-għanijiet fl-2005. Id-deġenerazzjoni tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-SNCM minħabba xi fatturi estraneji għall-impriża stess wasslet għall-ħtieġa ta’ estensjoni tal-pjan innotifikat fl-2002 u l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda.

197.

Franza hija tal-fehma li l-SNCM għandha prospetti tajbin ta’ salvataġġ u li l-miżuri previsti mill-azzjonisti l-ġodda, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-pjan soċjali, it-titjib tas-servizz ta’ trasport u t-tiġdid ta’ ċerti bastimenti, ser jippermettu r-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża. Rigward dan, Franza tosserva li minħabba d-dħul mid-DSP (madwar [50-70] (*) % tal-fatturat tal-SNCM) u meta jiġi kkunsidrat il-kobor tal-ispejjeż fissi u d-diffikultajiet tal-mobilizzazzjoni tas-sitt bastimenti li jintużaw għar-rotta Marsilja-Korsika, id-DSP hija element essenzjali fl-istrateġija tal-impriża u għall-vijabbiltà tagħha.

198.

Dwar il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu, Franza hija tal-fehma li hija illimitat għall-minimu possibbli l-ispejjeż ta’ ristrutturar meħtieġa biex issir l-implimentazzjoni tar-ristrutturar. Dwar dan, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, bħalma ammettiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-2003, l-impriża stess ikkontribwixxiet biżżejjed għall-pjan għar-ristrutturar mir-riżorsi tagħha stess bil-bejgħ ta’ assi għal ammont ta’ EUR 30,2 miljun. Barra minn dan, meta jiġi kkunsidrat bejgħ ieħor li għamlet l-SNCM għal ammont ta’ EUR 12,2 miljun, it-total tal-kontribuzzjonijiet tal-impriża stess jammontaw għal EUR 42,38 miljun. Franza hija tal-fehma li dan l-ammont huwa ferm ogħla mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet proprji meħtieġa biex jiġu approvati xi għajnuniet għar-ristrutturar, li finalment jammontaw għal EUR 15,81 miljun għax il-miżuri l-oħra mhumiex għajnuniet mill-Istat.

5.2.4.   Dwar il-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2003 u dwar kumpensi ġodda possibbli

199.

Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-STIM u s-CFF, l-awtoritajiet Franċiżi jaffermaw li ssodisfaw il-kundizzjonijiet kollha imposti mid-Deċiżjoni tal-2003, li kienu marbutin magħhom sal-aħħar tal-2006, b’mod partikolari ż-żamma tal-flotta bi 11-il bastiment u l-applikazzjoni ta’ tariffi aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħhom.

200.

Barra minn hekk, Franza hija tal-fehma li, fil-qafas tad-Deċiżjoni finali l-ġdida, il-livell tal-kumpensi li għandhom jiġu imposti fuq l-SNCM irid ikun adattat, minħabba li l-ammont tal-għajnuniet għar-ristrutturar issa huwa ta’ EUR 15,81 miljun minflok EUR 69,3 miljun.

201.

Rigward dan, Franza tikkontesta l-osservazzjonijiet tal-STIM dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni, bħala kumpens, timponi lill-SNCM biex tittrasferixxi s-sehem tagħha fis-CMN. Franza tikkontesta l-argument tal-STIM, li d-definizzjoni ta’ assi strateġiċi ġiet ikkontestata fil-linji gwida tal-2004 meta mqabbla ma’ dawk tal-1999.

202.

Rigward il-miżuri invokati mis-CFF li għandhom l-għan li jnaqqsu l-preżenza tal-SNCM fis-suq, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, bħalma semmiet ukoll il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-2003 (punt 87), is-swieq ikkonċernati (Franza - Korsika u l-Magreb) m’għandhomx kapaċità żejda u li konfigurazzjoni mill-ġdid tar-rotot lejn Korsika taħt u barra mid-DSP tista’ terġa’ tpoġġi l-vijabbiltà tal-impriża fil-periklu.

203.

Rigward l-argument tas-CFF li l-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti hawn fuq għall-benefiċċju tal-SNCM tista’ toħloq periklu serju fejn tiġi eliminata mis-suq il-kompetitriċi ewlenija tagħha min fuq ir-rotta ta’ bejn Franza kontinentali u Korsika, jiġifieri s-CFF, l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li, skont il-konfigurazzjoni attwali tas-suq li fih is-CFF hija maġġoritarja, iż-żamma ta’ qafas kompetittiv tiddependi fuq l-awtorizzazzjoni ta’ pjan għar-ristrutturar tal-SNCM u fuq il-preżenza ta’ din tal-aħħar fis-suq inkwistjoni.

VI.   EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

6.1.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TKE

204.

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula: “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

205.

Il-kwalifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE tistipula li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin jiġu ssodisfati, jiġifieri: (1) il-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv; (2) dan il-vantaġġ ikun iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat; (3) dan il-vantaġġ iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni u, fl-aħħar nett; (4) dan il-vantaġġ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (104).

206.

Il-Kummissjoni tosserva li l-SNCM irċeviet xi riżorsi tal-Istat bl-ammont totali ta’ EUR 274,54 (105) miljun permezz tas-CGMF li hija 100 % proprjetà tal-Istat Franċiż.

207.

Billi l-SNCM topera fis-settur tat-trasport marittimu, miftuħ għall-kompetizzjoni intra-Ewropea, il-vantaġġ ekonomiku li setgħet irċeviet jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

208.

Iċ-ċirkostanza li fiha s-suq tal-kabotaġġ mal-gżejjer tal-Mediterran kien, sal-1 ta’ Jannar 1999, eżentat b’mod temporanju mill-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) ma tippermettix li jiġi eskluż a priori li s-sussidji mħallsa għas-servizz tar-rotot ta’ kabotaġġ mal-gżejjer tal-Mediterran fil-qafas tad-DSP setgħu jolqtu lill-kummerċ bejn l-Istati Membri u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

209.

Fi kwalunkwe każ, anke jekk xi sussidji allokati għas-servizz tar-rotot ta’ kabotaġġ setgħu ma laqtux il-kummerċ u ma wasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1999, il-qagħda nbidlet minn dik id-data ‘l hawn, għax, skont ir-Regolament Nru (KEE) Nru 3577/92, l-attivitajiet ta’ kabotaġġ issa huma miftuħa għall-operaturi tal-Unjoni Ewropea kollha. Barra minn dan, għandu jiġi speċifikat li l-SNCM ma tagħmilx biss trasport ta’ kabotaġġ iżda topera wkoll fis-suq tat-trasport marittimu internazzjonali, li kien illiberalizzat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 (106).

210.

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’dan il-każ l-aħħar tliet kriterji tal-Artikolu 107(1) TFUE, imsemmija fil-punt 205 ta’ din id-Deċiżjoni, huma ssodisfati. Għaldaqstant, hija jkollha teżamina suċċessivament għal kull miżura l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv, skont is-sentenza tal-Qorti tal-11 ta’ Settembru 2012.

6.1.1.   Iż-żmien tal-analiżi

211.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (107), il-Kummissjoni, wara li ġiet annullata waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, għandha tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha esklussivament fuq l-informazzjoni li kellha meta adottat id-deċiżjoni annullata, f’dan il-każ fit-8 ta’ Lulju 2008.

212.

L-avvenimenti sussegwenti li setgħu seħħew wara t-8 ta’ Lulju 2008 ma għandhomx għalhekk jittieħdu inkonsiderazzjoni. Il-bidliet jew l-iżviluppi fis-suq li jirrigwardaw il-qagħda tal-benefiċjarju tal-għajnuna, għandhom ikunu esklużi mill-analiżi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar wara x-xahar ta’ Lulju 2008 (108).

213.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li terġa’ tibda l-investigazzjoni tal-każ, u lanqas li tlestiha permezz ta’ kompetenzi tekniċi ġodda (109). L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tikkonsisti f’diversi fażijiet mhux bilfors iwassal għall-annullament tal-proċedura sħiħa. Meta, bħal f’dan il-każ, minkejja atti ta’ struzzjoni li jippermettu analiżi eżawrjenti tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni ma tkunx kompluta u għalhekk tikkawża l-illegalità tad-deċiżjoni, il-proċedura maħsuba li tissostitwixxi din id-deċiżjoni tista’ titkompla fuq il-bażi tal-atti ta’ istruzzjoni diġà mwettqa (110).

214.

Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni jkollha tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha esklussivament fuq informazzjoni li kellha f’Lulju 2008, informazzjoni li fuqha l-awtoritajiet Franċiżi u l-SNCM diġà ħadu pożizzjoni, mhemmx bżonn ta’ konsultazzjonijiet ġodda (111). Fl-aħħar nett, id-dritt tal-partijiet terzi li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ġie pprovdut bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura (112) f’Il-Ġurnal Uffiċjali, u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma timponi li jingħataw din l-opportunità mill-ġdid meta l-pjan ta’ ristrutturar inizjali jkun emendat waqt l-eżami (113).

215.

Għaldaqstant din id-deċiżjoni hija bbażata biss, primarjament, fuq elementi disponibbli fit-8 ta’ Lulju 2008. Madankollu, bħala argument alternattiv, il-Kummissjoni sejra turi li l-possibbiltà li tikkunsidra n-nota tal-awtoritajiet Franċiżi tas-16 ta’ Mejju 2013 għall-fatti msemmija qabel it-8 ta’ Lulju 2008 kif ukoll l-informazzjoni mogħtija mill-SNCM fis-27 ta’ Awwissu 2013 mhix sejra tibdel il-konklużjonijiet tagħha.

6.1.2.   Il-bejgħ tal-SNCM bi prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun

216.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni trid tinvestiga jekk l-injezzjoni f’kapital tal-Istat ta’ EUR 158 miljun ta’ qabel il-bejgħ tal-SNCM lil xerrejja privati, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar il-prezz ta’ bejgħ negattiv tal-impriża għal ammont ekwivalenti, hijiex eżenti minn elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

217.

Proċedura pubblika ta’ selezzjoni miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja li twassal biex l-Istat ibigħ l-impriża wara rikapitalizzazzjoni li tkun saret qabel (għal ammont aktar għoli mill-prezz tal-bejgħ) mhux neċessarjament tippermetti li tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna li tista’ tibbenefika minnha kemm lill-impriża privatizzata kif ukoll lix-xerrej tagħha (114).

218.

Sabiex wieħed jivverifika jekk xi impriża bbenefikatx minn vantaġġ ekonomiku li rriżulta minn xi injezzjoni f’kapital tal-Istat, il-Kummissjoni tapplika, bħala regola, il-kriterju tal-“investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq” (minn hawn ‘il quddiem “il-kriterju tal-investitur privat”) diment li l-benefiċjarju ma jkunx meħtieġ iħallas lura għajnuniet oħrajn mill-Istat u li din l-injezzjoni tista’ tkun analizzata taħt dan il-kriterju. Il-kriterju tal-investitur privat huwa parti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn is-setturi pubbliċi u privati li jirriżulta mill-Artikolu 345 tat-TFUE. Skont dan il-prinċipju, il-kapital li jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ impriża mill-Istat, direttament jew indirettament, f’ċirkostanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet mill-Istat (115).

219.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tevalwa jekk min jipprovdi r-riżorsi jkunx aġixxa bħala investitur privat li segwa politika strutturali, globali jew settorjali, iggwidata minn prospetti ta’ redditu fuq żmien twil tal-kapital investit. Il-validità ta’ dan l-approċċ ġiet approvata mill-qrati tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ bosta kawżi (116).

220.

Skont ġurisprudenza konstatata, injezzjoni f’kapital magħmula minn investitur pubbliku fin-nuqqas ta’ kull prospett ta’ profitt, anke fuq żmien twil, hija għajnuna mill-Istat (117).

221.

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet ukoll li investitur privat li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali ggwidata minn prospetti ta’ redditu fuq żmien twil ma jistax jippermetti b’mod raġonevoli, wara snin ta’ telf kontinwu, li jagħmel injezzjoni f’kapital li, f’termini ekonomiċi, mhux biss tkun aktar għola minn likwidazzjoni tal-assi, iżda tkun ukoll relatata mal-bejgħ tal-impriża, u dan ineħħilha kull prospett ta’ qligħ, anke fit-tul (118).

222.

B’mod aktar preċiż, fis-sentenza tagħha Gröditzer, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li, sabiex jiġi deteminat jekk il-privatizzazzjoni ta’ impriża bi prezz ta’ bejgħ negattiv għandhiex xi elementi ta’ għajnuna mill-Istat: “għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkostanzi simili, investitur privat ta’ livell li jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ korpi li jamministraw is-settur pubbliku setax jiġi mħajjar li jipproċedi għal injezzjonijiet f’kapital tal-istess daqs fil-qafas tal-bejgħ tal-impriża msemmija jew jekk kienx jagħżel li tiġi stralċjata” (119).

223.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, biex tiddetermina l-karattru ta’ għajnuna tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha “tivvaluta jekk is-soluzzjoni li għażel l-Istat hijiex, b’mod assolut, u b’paragun ma’ kwalunkwe soluzzjoni oħra inkluża dik ta’ ebda intervent, l-orħos waħda, li jwassal, kieku dan ikun il-każ, għall-konklużjoni li l-Istat aġixxa bħal investitur privat” (120).

224.

Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-għażla li ssir injezzjoni f’kapital ta’ dan il-kobor hijiex effettivament orħos minn stralċ.

6.1.2.1.   Dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż tal-istralċ

(a)   Dwar il-kunsiderazzjoni tal-ħlas ta’ indennizzi supplementari ta’ tkeċċija

225.

Sabiex jiġi kkwantifikat l-infiq ta’ stralċ għall-azzjonist, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-gruppi kbar ta’ impriżi ma jistgħux attwalment, meta jipproċedu għall-għeluq ta’ siti jew stralċ ta’ sussidjarji, ma jinterressawx ruħhom fil-konsegwenzi soċjali li jirriżultaw minn tali għeluq jew stralċ. Għalhekk bosta drabi huma jimplimentaw pjanijiet soċjali li jistgħu jinkludu miżuri ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal, għajnuna biex jinstab xogħol ġdid, kumpensi għat-terminazzjoni tal-impjieg, jew anke azzjonijiet relatati man-nisġa ekonomika lokali, li jmorru lil hinn minn dak li jimponu l-liġi u l-ftehimiet kollettivi.

226.

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Franċiżi għażlu, fuq il-bażi tal-pjan soċjali tal-2005, li minnu nnifsu bbażat fuq il-pjan soċjali tal-2002, il-medda bejn EUR [90 000-100 000] (*) u EUR [120 000-130 000] (*) għal kull impjegat, jiġifieri ammont totali ta’ bejn EUR [200-210] (*) miljun u EUR [250-260] (*) miljun. L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li l-limitu inferjuri tal-medda msemmija jieħu inkonsiderazzjoni l-fatt li l-ispiża tal-pjan soċjali ta’ referenza hija miżjuda minħabba l-proporzjon kbir ħafna ta’ impjegati li kienu qrib l-età tal-irtirar u li t-tluq tagħhom isir fuq termini partikolarment vantaġġjużi. Barra minn hekk, ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-kuntest tal-istralċ tal-kumpanija u tat-tkeċċija tal-ħaddiema kollha ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ aġġustament tal-ħaddiema li jippermetti li l-attivitajiet ikomplu bħalma huwa l-każ tal-pjan soċjali ta’ referenza.

227.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li, anki jekk japplikaw il-qafas tal-analiżi stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Settembru 2012, il-bejgħ tal-kontroll tal-SNCM għal prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun ma kienx jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Huma jikkunsidraw fil-fatt li l-Kummissjoni għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb għall-kritika tal-Qorti Ġenerali.

228.

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din l-analiżi f’dan il-każ.

229.

Skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (121), il-ħlas ta’ indennizzi supplementari ta’ tkeċċija jista’ fil-prinċipju jikkostitwixxi prattika leġittima u f’waqtha, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, bl-għan li jinkoraġġixxi djalogu soċjali paċifiku u jżomm l-immaġni tal-marka ta’ kumpanija jew grupp ta’ kumpaniji. Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament bejn is-settur privat u dak pubbliku, il-possibbiltà li jitħallsu indennizzi supplementari ta’ tkeċċija hija għalhekk miftuħa għall-Istati Membri f’każ ta’ stralċ ta’ kumpanija pubblika, anki meta l-obbligi tagħhom ma jistgħux a priori jaqbżu l-minimu ġuridiku u kuntrattwali strett. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tindika li “… il-piż ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali, minħabba t-tħassib leġittimu, ma jistax ikollu għan esklussivament soċjali, jew saħansitra politiku, inkella joħroġ mill-ambitu tat-test tal-investitur privat … Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe raġuni ekonomika, anki fit-tul, il-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż li jiżbqu l-obbligi legali u kuntrattwali stretti trid għalhekk titqies bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1), KE.” (122)

230.

Rigward l-argument dwar il-protezzjoni tal-profil ta’ marka tal-Istat, imqajjem mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Qorti Ġenerali tqis li “… il-protezzjoni tal-profil ta’ marka ta’ Stat Membru bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq ma tistax tkun, ħlief f’ċirkostanzi partikolari u mingħajr motivazzjoni partikolarment konvinċenti, ġustifikazzjoni suffiċjenti biex turi r-razzjonalità ekonomika fit-tul tal-ispejjeż addizzjonali bħal ta’ indennizzi supplementari ta’ tkeċċija” (123). Madankollu, ċirkostanzi partikolari bħal dawn huma nieqsa f’dan il-każ.

231.

Il-Kummissjoni tinnota li, wara li tnediet il-proċedura, l-awtoritajiet Franċiżi baqgħu ma ddeffinixxewx l-attivitajiet ekonomiċi, b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali. Għandha titħejja valutazzjoni dwar il-loġika ekonomika fit-tul tal-miżuri inkwistjoni, anki jekk finalment l-awtoritajiet Franċiżi indikaw fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Mejju 2013 li l-imġiba tal-Istat kellha titqabbel ma’ dik ta’ impriża diversifikata, li tfittex li tikseb l-aqwa profitt u tħares il-profil tal-marka tagħha bħala kumpanija globali, l-aktar f’termini ta’ ġestjoni tal-persunal tagħha.

232.

Rigward il-profil tal-marka tas-CGMF, il-Kummissjoni tinnota li din ma kellha l-ebda assi ieħor għajr l-SNCM fis-settur tat-trasport marittimu. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax japplika għaliha.

233.

Rigward il-profil tal-marka tal-Istat bħala azzjonist, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li jeżisti riskju għoli ta’ kunflitti soċjali fi ħdan l-impriżi kkontrollati mill-Istat mhux biss f’dawk li huma ġeografikament qrib l-attivitajiet tal-SNCM iżda wkoll ikun xi jkun is-settur u b’mod partikolari fis-settur tat-trasport. Il-Kummissjoni tinnota minn naħa li l-awtoritajiet Franċiżi ma urewx ir-realtà ta’ dan ir-riskju ta’ kontaġju għall-kumpaniji pubbliċi kollha u tikkunsidra min-naħa l-oħra li ma urewx lanqas li l-ħlas tal-indennizzi supplementari seta’ impedixxa l-ħolqien ta’ strajks ġodda. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġustifikazzjoni esklussivament soċjali tal-ħlas mill-Istat ta’ dawn l-indennizzi supplementari, mhijiex suffiċjenti sabiex twarrab il-preżenta ta’ għajnuna mill-Istat.

234.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Franċiżi ma ppreżentawx elementi oġġettivi u verifikabbli biżżejjed sabiex juru li l-ħlas tal-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija, f’ċirkostanzi simili, hija prattika stabbilita forst l-imprendituri privati tal-istess settur. Il-Kummissjoni tinnota fil-fatt li s-sempliċi referenza għal numru limitat ta’ pjanijiet soċjali ma tistax turi l-eżistenza ta’ prattika stabbilita biżżejjed f’każijiet komparabbli ma’ dan il-każ, li l-pjanijiet soċjali msemmija mill-awtoritajiet Franċiżi jirrigwardaw pjanijiet ta’ ristrutturar u mhux ta’ stralċ u li għadd kbir fosthom jirrigwardaw setturi li a priori ma għandhom xejn inkomuni mal-infrastrutturi tat-trasport, bħall-industrija tal-kożmetiċi (pereżempju Yves Saint-Laurent Haute couture), dik agroalimentari (Danone) jew elettronika (Hewlett Packard). Barra minn hekk, it-tabella prodotta mill-awtoritajiet Franċiżi fin-nota tas-16 ta’ Mejju 2013 li tipprovdi lista ta’ pjanijiet soċjali tindika sitt pjanijiet wara l-privatizzazzjoni tal-SNCM u li għaldaqstant ma jistgħux ikunu kkunsidrati sabiex jiġġustifikaw l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija.

235.

L-SNCM ipproduċiet lista ġdida ta’ ħames pjanijiet soċjali fin-nota tas-27 ta’ Awwissu 2013. Il-Kummissjoni temmen li din il-lista ma tistabbilixxix li l-ħlas ta’ indennizzi supplementari ta’ tkeċċija, f’ċirkostanzi simili, hija prattika stabbilita fost l-imprendituri privati tal-istess settur. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva l-ewwel nett li mill-ħames pjanijiet imsemmija, tnejn minnhom biss jirrigwardaw lill-SNCM fosthom dak li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Dawn iż-żewġ pjanijiet ma jistgħux iservu għalhekk ta’ elementi oġġettivi ta’ tqabbil għal żewġ raġunijiet: minn naħa, l-SNCM ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prattiki tal-passat tagħha stess f’dan il-qasam sabiex tiġġustifika biżżejjed il-karattru stabbilit ta’ din il-prattika u min-naħa l-oħra, il-pjan soċjali tal-2002 jikkorrispondi għal perjodu li fih l-SNCM kienet għadha impriża pubblika meta l-Qorti Ġenerali bħala kriterju ta’ tqabbil użat impriżi privati tal-istess settur. Dwar dan, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan soċjali tal-port ta’ Marsilja ma jistax jitqies peress li fl-2004 il-port kien stabbiliment pubbliku u mhux impriża privata. Fl-aħħar nett, rigward l-aħħar żewġ pjanijiet imsemmija, dawk ta’ Air Lib u ta’ Eurostar, il-Kummissjoni tosserva li dawn huma pjanijiet ta’ ristrutturar u mhux pjanijiet ta’ stralċ. B’mod superfluwu, il-Kummissjoni tosserva li l-kumpens addizzjonali medju ta’ dawn iż-żewġ pjanijiet huwa inqas minn aktar min-nofs il-medja tal-indennizzi supplementari mogħtija mill-SNCM.

236.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma stabbilixxewx li l-azzjonijiet tal-Istat Franċiż kienu mmotivati mill-probabbiltà raġonevoli li kien ser ikollu qligħ materjali indirett, anki fit-tul, waqt li jevita deterjorament ulterjuri tal-klima soċjali fi ħdan il-kumpanija, peress li preċiżament fl-ipoteżi ta’ stralċ, l-impriża kellha tispiċċa. Rigward l-ipoteżi ta’ ħlasijiet akbar għall-ħaddiema ta’ impriżi pubbliċi oħrajn, din mhijiex sostanzjata biżżejjed. Dan huwa aktar minnu meta, anki fil-kuntest ta’ raġunament ta’ investitur globali bħal dak imressaq mill-awtoritajiet Franċiżi, l-għoti ta’ kumpensi ta’ tluq kbar ħafna lill-ħaddiema ta’ kumpanija jista’ jikkumplika r-ristrutturar possibbli ta’ kumpaniji oħrajn li jappartjenu għall-istess investitur. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi ma kkwantifikawx l-importanza tal-ispejjeż soċjali possibbli li huma jsemmu bħala ġustifikazzjoni tal-ħlas tal-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija.

237.

L-awtoritajiet Franċiżi sostnew ukoll li proċedura ta’ stralċ kienet tkun itwal u potenzjalment aktar riskjuża għall-Istat azzjonist, meta mqabbla mal-bejgħ tal- SNCM bi prezz negattiv. Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdew l-ebda evidenza ta’ dan ir-riskju u ma spjegawx għalfejn it-tul ta’ proċedura ta’ stralċ kienet tkun ikkunsidrata minn azzjonist privat. Il-każ Frucona Kosice  (124) kkwotat mill-awtoritajiet Franċiżi mhuwiex rilevanti f’dan il-każ għaliex jirrigwarda l-prova tal-kreditur privat. It-tul ta’ proċedura ta’ stralċ huwa rilevanti biex wieħed janalizza jekk l-Istat, fil-pożizzjoni ta’ kreditur ta’ Frucona Kosice, immassimizzax il-ħlas lura tad-djun tiegħu billi aċċetta rifużjoni parzjali iżda immedjata jew jekk kellux jistenna r-riżultat tal-istralċ tal-kumpanija. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija differenti minħabba li l-Istat jinsab fil-pożizzjoni ta’ azzjonist tal-SNCM u mhux f’pożizzjoni ta’ kreditur privat. Peress li f’każ ta’ stralċ tal-SNCM l-assi huma manifestament insuffiċjenti sabiex ikopru d-dejn, l-Istat ma jkunx jista’ jirkupra l-kontribut tiegħu. Għaldaqstant, l-invokazzjoni tat-tul ta’ proċedura ta’ stralċ mhijiex rilevanti f’dan il-każ.

238.

Għaldaqstant l-awtoritajiet Franċiżi ma urewx li l-appoġġ għall-ispiża ta’ dan il-kumpens addizzjonali mill-Istat fir-rwol tiegħu bħala investitur privat fix-xenarju ta’ stralċ, kien iġġustifikat.

239.

F’dan l-istadju tal-analiżi, il-Kummissjoni issa trid tiddetermina l-valur tal-istralċ tal-SNCM minbarra l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija.

(b)   Dwar il-valur tal-istralċ tal-SNCM

240.

Skont il-metodu tal-assi netti vvalutati mill-ġdid, l-insuffiċjenza tal-assi hija rikonoxxuta meta l-valur ekonomiku tal-assi reali (ġeneralment akbar mill-valur nett kontabbli) ma jkoprix il-valur ekonomiku tad-djun reali.

241.

Għall-finijiet li tiġi osservata l-insuffiċjenza tal-assi f’dan il-każ, il-Kummissjoni bl-għajnuna tal-espert tagħha (125), ivverifikat bħalma huwa spjegat hawn taħt li fit-30 ta’ Settembru 2005 il-valur tal-assi tal-SNCM ma kienx biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri privileġġati u l-kredituri mhux privileġġati.

242.

Il-Kummissjoni temmen li l-valutazzjoni tal-assi netti hija metodu użat ħafna biex jiġu valwati kumpaniji fis-settur tat-trasport marittimu. Hija taħseb ukoll li dan il-metodu huwa b’mod partikolari adattat għas-sitwazzjoni tal-SNCM minħabba li l-azzjonist ta’ referenza tagħha bħala għażla alternattiva għall-bejgħ għandu biss l-għażla tal-istralċ.

243.

Dwar metodi oħra ta’ valutazzjoni, b’mod partikolari l-metodu tal-likwiditajiet liberi operattivi aġġornati, il-Kummissjoni temmen li, meta jiġi kkunsidrat il-fatt li hija tippreżumi li titkompla l-attività tal-kumpanija, li mhuwiex il-każ fl-ipoteżi prevista ta’ stralċ tal-SNCM, dan mhuwiex rilevanti għall-każ inkwistjoni.

244.

Il-Kummissjoni tagħżel it-30 ta’ Settembru 2005 bħala d-data ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-SNCM minħabba li hija d-data li fiha ġiet effettivament magħmula l-għażla bejn l-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ xiri jew l-istralċ tal-kumpanija, billi d-Deċiżjoni dwar is-selezzjoni ta’ BCP ittieħdet fis-27 ta’ Settembru 2005.

(i)   Dwar il-valur tal-assi tal-SNCM

245.

Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari li l-azzjonist tal-SNCM ipproċeda, b’kollaborazzjoni mad-ditta Ernst & Young, għal kwantifikazzjoni tal-ispiża tal-istralċ tal-impriża (ir-rapport CGMF imsemmi qabel) fit-30 ta’ Settembru 2005 li ġie vverifikat mill-ġdid minn Oddo Corporate Finance u d-ditta Paul Hastings. Il-Kummissjoni tfakkar li r-rapport Oddo-Hastings imsemmi qabel ivvaluta li l-assi tal-SNCM jiswew EUR 190,3 miljun.

246.

Rigward il-valitazzjoni tal-flotta f’pussess proprju (126), billi l-valur tas-suq gross tal-bastimenti tal-SNCM kien stmat mis-sensar speċjalizzat SAB għal EUR 224 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005, il-flotta tal-SNCM kienet ivvalutata mir-rapport Oddo li tammonta għal EUR 150,7 miljun wara l-iskont fuq il-valur (127), il-kummissjoni tas-senserija (128) u r-riskju legali (129).

Tabella 3

Xenarji ta’ valutazzjoni tal-assi tal-SNCM fit-30 ta’ Settembru 2005

 

Valur tal-assi

ir-rapport Oddo

f’EUR miljun

Valur tal-assi

espert tal-Kummissjoni

f’EUR miljun

Assi fissi intanġibbli

Assi fissi tanġibbli

 

 

Flotta f’pussess proprju

150,7

151,7

Bini  (130)

11,2

11,2

Assi finanzjarji  (131)

32,7

38,3

Assi fissi

194,6

201,2

Stokks

Ħlasijiet bil-quddiem u depożiti

Riċevibbli

0,8

0,8

Riċevibbli oħra  (132)

9,4

9,4

Likwidità netta

–14,5

Prepagamenti u introjtu dovut

Assi oħra

–4,3

10,20

Total ta’ assi

190,3

211,4

Sorsi:

rapport Oddo-Hastings, rapport tal-espert tal-Kummissjoni

247.

Mill-qari tat-tabella hawn fuq, il-Kummissjoni tosserva li l-flotta tal-bastimenti hija l-element ewlieni tal-valutazzjoni tal-assi tal-impriża. Rigward dan, l-espert tal-Kummissjoni kien tal-fehma, wara li għamel meta kien possibbli analiżi komparattiva, li l-iskont fuq il-valur tas-suq gross tal-bastimenti u r-riskju ġudizzjarju kienu koerenti. Fuq din il-bażi, huwa kkonkluda li m’għandux argumenti biex jirrifjuta l-evalwazzjoni tal-valur tal-flotta stabbilit mill-Istat.

248.

Dwar l-iskont, il-Kummissjoni temmen li l-livell tiegħu huwa koerenti mal-iskonti li saru fil-bejgħ ta’ bastimenti f’każ ta’ stralċ ġudizzjarju. Skont l-espert tal-Kummissjoni, ir-Régie des Transports Maritimes pereżempju, kumpanija nazzjonali tal-Belġju li tieħu ħsieb ir-rotta Ostende-Ramsgate, biegħet żewġ car ferries fl-1997 bi skontijiet stmati għal 35 % u 45 %. Fi żmien aktar reċenti, il-kumpanija Festival Cruises biegħet tliet bastimenti tal-kruċieri bi skont medju ta’ 20 %. L-iskonti li saru f’każijiet simili għalhekk huma ta’ ammonti simili għall-iskontijiet applikati mill-awtoritajiet Franċiżi fil-każ inkwistjoni.

249.

Dwar ir-riskju legali, billi ma saret ebda transazzjoni komparabbli fis-suq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-argumenti li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tar-riskju legali huma koerenti maċ-ċokon tas-suq għal bastimenti ta’ dan it-tip, li ġew maħluqa għal użu speċifiku.

250.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-espert indipendenti tagħha rreveda l-valutazzjoni tal-assi finanzjarji ‘l fuq, b’mod partikolari dik tas-sehem tal-SNCM fis-CMN (minn EUR 21,8 miljun għal EUR 28 miljun). F’dan ir-rigward, minħabba l-offerta ta’ xiri mill-ġdid ta’ dan is-sehem minn STEF-TFE għal EUR 35,2 miljun ippreżentata lill-Kummissjoni fil-qafas ta’ din l-istruzzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-valutazzjoni tas-sehem tal-SNCM fis-CMN ta’ EUR 28 miljun hija raġonevoli f’kuntest ta’ stralċ tal-kumpanija.

251.

Dwar il-valutazzjoni tal-punti l-oħra tal-assi, l-espert tal-Kummissjoni m’għamilx oġġezzjoni partikolari. Madankollu ma żammx il-punt “likwidità netta” fl-assi billi dan kien f’defiċit. Il-Kummissjoni temmen li filfatt dan il-punt għandu jiġi elenkat mad-djun tal-SNCM.

252.

Meta jiġu kkunsidrati l-aġġustamenti li saru, il-Kummissjoni tivvaluta l-assi tal-SNCM għal EUR 211,4 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005.

(ii)   Dwar l-evalwazzjoni tad-djun tal-SNCM

253.

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jikkwantifikaw l-ammont dovut għall-krediti privileġġati għal EUR 153,8 miljun, u għal EUR 170,9 miljun l-ammont dovut għall-krediti mhux privileġġati (minbarra l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija).

254.

Fir-rigward tal-obbligazzjonijiet soċjali, b’mod partikolari, l-awtoritajiet Franċiżi jivvalutaw l-infiq tal-pjan soċjali konvenzjonali għal EUR [70-80] (*) miljun. L-infiq relatat mal-pjan soċjali konvenzjonali ġie stabbilit fuq bażi individwali li jikkunsidra t-tip ta’ kuntratt (kuntratt indefinit –u kuntratt għal terminu fiss –), l-istatuti u ftehimiet kollettivi applikabbli (l-ekwipaġġ, il-persunal tal-uffiċċji u l-uffiċjali ta’ fuq il-vapuri), l-anzjanità, il-kariga u s-salarju ta’ kull impjegat. Dan l-ammont ikopri l-kumpensi ta’ avviż bil-quddiem (EUR [20-30] (*) miljun), il-kumpens tal-liv imħallas fuq l-avviż bil-quddiem (EUR [0-10] (*) miljun), il-kumpensi konvenzjonali ta’ tkeċċija (EUR [30-40] (*) miljun) u l-kontribuzzjoni Delalande (EUR [0-10] miljun) (133).

255.

L-infiq tal-pjan soċjali extra-konvenzjonali huwa vvalutat mill-awtoritajiet Franċiżi għal EUR [30-40] (*) miljun. Dan il-pjan soċjali jiġbor il-miżuri ta’ appoġġ kollha li huma relatati mal-obbligi ġuridiċi (134) u regolamentari tal-SNCM għal dak li għandu x’jaqsam mat-tkeċċija u l-ispejjeż indiretti relatati mal-pjanijiet soċjali skont ftehim kollettiv (135).

256.

L-infiq tax-xoljiment tal-kuntratti ewlenin tal-operat għandu x’jaqsam l-aktar mal-implikazzjoni tal-garanzija bankarja li tammonta għal EUR 7,4 miljun mogħtija bħala garanzija għat-twettiq tajjeb mill-SNCM tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku li magħha tiġi miżjuda l-penali prevista fil-ftehim imsemmi, ugwali għal 2 % tal-kumpens finanzjarju ta’ referenza ta’ ammont ta’ EUR 63 miljun għas-sena 2005, jiġifieri madwar EUR 1,2 miljun f’każ li l-mandatarju ma jissodisfax l-obbligi tiegħu.

257.

Rigward id-djun netti relatati mal-bejgħ tal-bastimenti b’lokazzjoni (136), l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li, fuq il-bażi ta’ ċerti assunzjonijiet (137), id-dħul nett ta’ bejgħ huwa evalwat, mis-sensar speċjalizzat SAB, għal EUR 144,8 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005 wara l-iskont, is-senserija u l-infiq finanzjarju tal-ġarr. L-ekonomiji ta’ taxxi u d-djun bankarji jammontaw għal EUR 193,5 miljun, il-bilanċ ta’ djun bankarji relatati mal-bastimenti mħallsa bin-nifs li għandu jrid jitħallas lura jammonta għal EUR 48,7 miljun.

Tabella 4

Xenarji marbutin mal-valutazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-SNCM fit-30 ta’ Settembru 2005

 

Valur tal-obbligazzjonijiet

ir-rapport Oddo

f’EUR miljun

Valur tal-obbligazzjonijiet

espert tal-Kummissjoni

f’EUR miljun

Djun superjuri inklużi:

 

 

Djun soċjali u fiskali

[20-30]*

[20-30]*

Djun finanzjarji garantiti minn assi  (138)

15,9

15,9

Infiq tal-pjan soċjali skont ftehim kollettiv

[70-80]*

[70-80]*

Infiq tal-assigurazzjonijiet tas-saħħa tal-pensjonanti  (139)

10,2

10,2

Infiq tal-proċedura ta’ stralċ

4,7

4,7

Telf operattiv temporanju  (140)

26,5

26,5

Ħlas tal-kredituri privileġġati

153,8

153,8

Djun bla garanzija  (141)

69,7

84,2

Infiq tal-pjan soċjali mhux skont ftehim kollettiv

[30-40]*

[30-40]*

Infiq għat-terminazzjoni tal-kuntratti ewlenin ta’ operat

[10-20]*

[10-20]*

Infiq supplementari relatat mad-disponiment tal-bastimenti b’lokazzjoni

48,7

48,7

Pagamenti lill-kredituri ordinarji

170,9

181,1

Sorsi:

ir-rapport ta’ Oddo-Hastings, ir-rapport tal-espert tal-Kummissjoni

258.

Il-Kummissjoni tinnota li d-dejn soċjali huwa l-element ewlieni tad-djun tal-SNCM. Rigward l-infiq tal-pjan soċjali konvenzjonali, l-espert tal-Kummissjoni vverifika l-formoli ta’ kalkolu tal-komponenti kollha tal-pjan fuq il-bażi ta’ kampjuni ta’ kontijiet u ma osserva ebda anomalija jew żball. Meta kkunsidrat din il-verifika, il-Kummissjoni temmen li l-ammont ta’ EUR [70-80] (*) miljun imħallas bil-quddiem mill-awtoritajiet Franċiżi għall-pjan soċjali konvenzjonali huwa raġonevoli.

259.

Rigward it-telf operattiv temporanju, il-Kummissjoni temmen li l-istima hija prudenti skont il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli L.622-10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u 119-2 tad-Digriet Nru 85-1388 tas-27 ta’ Diċembru 1985 skont liema l-SNCM tista’ tkun obbligata mill-Qorti tal-Kummerċ kompetenti li tkompli n-negozju tagħha għal terminu ta’ xahrejn li jista’ jiġi mġedded b’talba tal-ministeru pubbliku minħabba l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku.

260.

Rigward id-djun bla garanzija, l-espert tal-Kummissjoni ma għamilx oġġezzjoni partikolari. Madankollu huwa żied l-ammont ta’ EUR 69,7 miljun bl-ammont ta’ EUR 14,5 miljun li jirriżulta mill-eżami mill-ġdid tal-punt tal-assi “Likwidità netta”. Il-Kummissjoni temmen li dan l-eżami mill-ġdid huwa konformi mal-emendi li saru fil-valutazzjoni tal-assi tal-SNCM.

261.

Rigward l-infiq tal-pjan soċjali mhux skont ftehim kollettiv (minbarra l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija), l-espert tal-Kummissjoni jemmen li l-ammont tal-infiq tal-kwistjonijiet ġuridiċi għandu jkun mibdul għal EUR [0-5] (*) miljun minflok il- [0-10] (*) miljun mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trejdjunjins żgur ser jitolbu klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti fuq terminu fiss għal kuntratti permanenti (142), iżda hija taħseb li l-figuri għandhom jikkonċernaw l-impjegati b’kuntratt għal żmien fiss biss li għalihom kważi żgur hemm dan ir-riskju (jiġifieri 150 kuntratt għal terminu fiss). Meta jiġi kkunsidrat salarju gross fix-xahar ta’ EUR [2 000-2 500] (*) b’kumpens ta’ 9 xhur salarju għall-ewwel [100-120] (*) kuntratt għal żmien fiss u 6 xhur għall- [50-70] (*) kuntratt ta’ wara, l-ammont jiġi stabbilit għal EUR [0-10] (*) miljun.

262.

Rigward l-obbligazzjonijiet netti li għandhom x’jaqsmu mal-bejgħ tal-bastimenti b’lokazzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ipoteżijiet sottostanti għall-kalkolu huma ġġustifikati b’mod partikolari minħabba l-istruttura tal-kuntratti tal-EIG, li tillimita kull sostituzzjoni ta’ terzi fl-SNCM u tikkundizzjona l-benefiċċji għat-taxxa għall-użu tal-bastimenti taħt il-bandiera Franċiża. Huwa wkoll iġġustifikat li r-riskju legali ma japplikax fil-qafas tal-bastimenti b’lokazzjoni għax dawn huma mibjugħin mill-banek kredituri tal-EIG. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni temmen li huwa ġġustifikat li jkun ikkunsidrat infiq finanzjarju ta’ ġarr bejn it-30 ta’ Settembru 2005 u d-data tal- bejgħ effettiv tal-bastiment.

263.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni temmen li fit-30 ta’ Settembru 2005 id-dejn privileġġat tal-SNCM kien ta’ EUR 153,8 miljun u d-dejn mhux privileġġat tal-SNCM kien ta’ EUR 181,1 miljun.

(iii)   Dwar l-identifikazzjoni ta’ insuffiċjenza ta’ assi

264.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni temmen li fit-30 ta’ Settembru 2005 il-valur tal-assi tal-SNCM (jiġifieri EUR 211,4 miljun) ma kienx biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri privileġġati (jiġifieri EUR 153,8 miljun) u l-kredituri mhux privileġġati (jiġifieri EUR 181,1 miljun), jiġifieri s-somma totali ta’ EUR 334,9 miljun. Għaldaqstant l-insuffiċjenza tal-assi tammonta għal madwar EUR 123,5 miljun.

(c)   Dwar l-ikkunsidrar ta’ azzjoni li tagħmel tajjeb għad-dejn

265.

Il-Kummissjoni investigat ukoll l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi u tal-SNCM, li l-Istat, bħala azzjonist maġġoritarju, jista’ jiġi msejjaħ biex jagħmel tajjeb għad-djun f’każ ta’ stralċ tal-impriża. Waħda mill-partijiet interessati, is-CFF, ikkontestat l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata mill-awtoritajiet Franċiżi f’dan il-każ. Fil-fatt, is-CFF hija tal-fehma li rigward l-applikabbiltà għal dan il-każ tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rouen fil-kawża Aspocom Group Oyj, il-Qorti kkundannat lill-kumpanija ewlenija Finlandiża tħallas kumpens lill-impjegati tas-sussidjarja Franċiża tagħha li ġiet illikwidata, peress li dan il-kumpens kien diġà pprovdut fi pjan soċjali bbażat fuq ftehim tal-kumpanija approvat mill-kumpanija ewlenija. Fl-aħħar mill-aħħar ma kinux tħallsu.

266.

L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li l-ispejjeż reali kollha li kien ikollu jħallas l-Istat bħala azzjonist, permezz tas-CGMF, kienu jammontaw għal bejn EUR 312,1 u EUR 361 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005. Dejjem fil-fehma tagħhom, din l-istima tikkunsidra b’mod partikolari r-riskju li l-Istat Franċiż jintalab biex “jagħmel tajjeb għad-djun” jekk xi qorti tikkunsidrah bħala amministratur de facto tal-SNCM u tikkunsidra wkoll ir-riskju li l-Istat ikollu jħallas l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija lill-persunal imkeċċi. L-awtoritajiet Franċiżi jemmnu li dawn ir-riskji jridu jiġu inklużi fil-kalkolu tal-prezz effettiv kieku jsir stralċ tal-SNCM.

267.

Minn dan tirriżulta l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-ispejjeż reali kollha li probabbilment ikollha tħallas Franza bħala azzjonista f’każ li jsir stralċ ġudizzjarju tal-SNCM sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet li tiġi mitluba tħallas dawn l-ispejjeż u fid-dawl tal-ammont kbir tagħhom, azzjonist privat prudenti kienx jippreferi jbigħ is-sussidjarja tiegħu minnufih bi prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun milli jieħu dan ir-riskju.

268.

Skont il-liġi Franċiża, l-istralċjarju ta’ kumpanija li qed isir stralċ tagħha għandu l-poter li jibda azzjoni għad-danni kontra d-diriġenti l-antiki tal-kumpanija, li hija msejħa “action en comblement de passif” (azzjoni biex tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-assi), f’każ li pjan ta’ rkupru jiġi kkanċellat jew ta’ riċevitura jew fil-każ ta’ stralċ obbligatorju (143).

269.

L-introduzzjoni ta’ azzjoni biex tagħmel tajjeb għad-djun kontra d-diriġenti l-antiki tal-kumpanija li qed tfalli hija mmotivata mill-ħtieġa li jerġa’ jinbena l-patrimonju tal-kumpanija, li hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-istralċjarju.

270.

F’bosta ittri lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li l-ipoteżi li l-Istat jiġi ordnat minn qorti nazzjonali biex jagħmel tajjeb għad-djun tal-impriża mmexxija minnu hija xenarju possibbli ħafna u li din għandha tiġi inkluża fil-kalkolu tal-infiq effettiv ta’ stralċ possibbli tal-SNCM.

271.

Fin-noti tagħha tat-28 ta’ Frar 2008, l-SNCM ipprovdiet ir-rapport ta’ Baker & McKenzie li jevalwa l-konsegwenzi ġuridiċi ta’ azzjoni “en comblement de passif” (biex tagħmel tajjeb għall-obbligazzjonijiet) kontra l-Istat Franċiż. Dan ir-rapport jikkonkludi li qorti tal-kummerċ li quddiemha titressaq din il-kawża probabbilment tiddeċiedi li l-Istat huwa responsabbli fuq din il-bażi u tordnalu jħallas id-djun soċjali kollha tal-SNCM.

272.

Il-leġiżlazzjoni rilevanti tipprevedi li d-djun soċjali tal-kumpanija li qed isir stralċ tagħha jistgħu jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà tad-diriġenti antiki de jure jew de facto kemm-il darba jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet.

(i)   Ir-rikonoxximent tal-Istat bħala diriġent de jure jew de facto tal-impriża li qiegħed isir l-istralċ ġudizzjarju tagħha

273.

Ir-rapport ta’ Baker &Mc Kenzie, li l-SNCM bagħtet lill-Kummissjoni, ipprovdielha analiżi li waslet għall-konklużjoni li […] (*). Essenzjalment, ir-rapport tal-esperti msemmi hawn fuq għandu l-għan li juri, b’mod konformi mal-ġurisprudenza rilevanti (144), li l-Istat kien ikkommetta […] (*) b’mod rikorrenti. B’mod partikolari, skont dan l-istess rapport, l-Istat ħa […] (*) deċiżjoni. Barra minn hekk, jidher li l-korpi amministrattivi […] (*) l-impriża. Fl-aħħar nett, jidher li l-Istat […] (*).

274.

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi, fin-noti tagħhom tat-28 ta’ Marzu 2008, ma oġġezzjonawx […] (*). Fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Novembru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw huma stess li l-qorti […] (*) l-impriża.

275.

Madankollu, il-Kummissjoni temmen li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta’ Novembru 2006, ippreżentata fil-qafas ta’ proċedura relatata mal-għajnuniet mill-Istat, ma tistax tkun biżżejjed waħedha biex tistabbilixxi bi dritt jekk qorti tkunx ikkunsidrat lill-awtoritajiet nazzjonali bħala diriġenti de facto tal-impriża benefiċjarja bil-miżuri inkwistjoni u, fuq kollox, il-livell ta’ probabbiltà ta’ eventwalità bħal din.

276.

B’mod partikolari, fil-każ tad-deċiżjonijiet kontroversjali, għadu ma ġiex stabbilit li d-deċiżjoni finali meħuda mill-Istat tiddevja b’mod sinifikanti mill-prattika segwita fil-ġestjoni tal-Istat tal-parteċipazzjonijiet tiegħu. Anki r-rapport ta’ Baker &Mc Kenzie jfakkar l-eżistenza ta’ kontroversja rikorrenti dwar il-livell ta’ involviment mixtieq tal-Istat fil-ġestjoni tal-parteċipazzjonijiet tiegħu u jsemmi rwol estensiv ħafna, fil-każ ġenerali, ta’ […] (*).

277.

Madankollu, l-elementi ta’ ġurisprudenza nazzjonali mressqa mill-Istat kif ukoll mill-SNCM ma jinkludux b’mod dirett din it-tip ta’ sitwazzjoni. Il-każijiet ewlenin imsemmija jirrigwardaw l-awtoritajiet lokali u s-sentenza BRGM tas-6 ta’ Frar 2001 tirrigwarda stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali.

278.

Fi kwalunkwe każ għadu ma ġiex ipprovat li l-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika jkun ikkunsidrat bħala amministratur de facto.

(ii)   L-eżistenza ta’ żball jew żbalji ta’ ġestjoni mill-Istat Franċiż bħala l-amministratur de facto tal-impriża li qed isir l-istralċ ġudizzjarju tagħha.

279.

Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li r-rapport tal-espert tal-SNCM, fuq il-bażi ta’ lista mhux eżawrjenti ta’ elementi bbażati fuq il-fatti, semma serje ta’ elementi sabiex juri li l-Istat, […] (*), wettaq żbalji ta’ ġestjoni.

280.

B’mod partikolari, huwa indikat li l-Istat Franċiż kien responsabbli għal żbalji fil-qasam tal-investimenti marbuta […] (*) l-SNCM. L-Istat kien responsabbli għal bosta żbalji ta’ ġestjoni marbutin mal-kapaċità […] (*) l-SNCM.

281.

Fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ April 2007, l-awtoritajiet Franċiżi kkwalifikaw ir-riskju ta’ kundanna tal-Istat għar-responsabbiltà minħabba l-kriterji ta’ kwalifikazzjoni ta’ żball ta’ ġestjoni skont l-Artikolu L.651-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ bħala għoli ħafna.

282.

Għal darb’oħra, il-Kummissjoni tqis din id-dikjarazzjoni tat-30 ta’ April 2007, magħmula fil-qafas ta’ proċedura fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat, ma tistax tkun biżżejjed waħedha biex tistabbilixxi bi dritt jekk qorti tikkunsidrax li l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-iżbalji msemmijin u, fuq kollox, il-livell ta’ probabbiltà ta’ eventwalità bħal din. Aktar u aktar meta l-awtoritajiet Franċiżi jikkontestaw l-eżistenza stess ta’ żbalji ta’ ġestjoni, li madankollu huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni li tagħmel tajjeb għad-dejn.

283.

B’mod aktar fondamentali, wieħed josserva li l-SNCM bħall-awtoritajiet Franċiżi jiffukaw ħafna fuq deċiżjonijiet ta’ ġestjoni antiki ħafna. B’hekk ir-rapport ta’ Baker &Mc Kenzie jiffoka fuq […] (*) li saru sas-sena 2000. Ma jaħsibhiex darbtejn biex jirreferi għal rapporti tal-Qorti tal-Awdituri għas-snin finanzjarji 1993-1999. L-iżbalji ewlenin ta’ ġestjoni allegati jinsabu lejn in-nofs tas-snin disgħin. Madankollu, il-kredituri tal-SNCM kienu jafu dwar dan il-metodu ta’ ġestjoni meta dawn kienu japprovawlu l-kreditu. Għalhekk kienu talinqas jaċċettaw b’mod impliċitu r-riskju assoċjat ma’ din it-tip ta’ ġestjoni. Xejn ma jindika li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ effettivament tintalab biex tagħmel tajjeb għad-dejn fit-tali sitwazzjoni.

284.

Barra minn hekk, dawn l-allegati żbalji ta’ ġestjoni huma r-riżultat ta’ għażliet politiċi li saru mill-awtoritajiet pubbliċi u ma hemm ebda indikazzjoni li dawn l-għażliet politiċi jistgħu jikkwalifikaw bħala żbalji ta’ ġestjoni skont it-tifsira tal-ġurisprudenza dwar il-ħlas tad-dejn.

285.

Fl-aħħar nett, ir-rapport ta’ Baker &Mc Kenzie huwa nieqes mill-kredibbiltà speċjalment meta jqis li s-sitwazzjoni tal-SNCM hija attribwibbli għal żbalji ta’ komunikazzjoni esterna mwettqa mill-Istat rigward is-sitwazzjoni tal-SNCM. Fil-fatt jirriżulta biss minn dan ir-rapport li l-Istat semma sitwazzjoni li diġà kienet magħrufa. L-aġir tal-Istat għalhekk ma jikkwalifikax bħala żball ta’ ġestjoni.

(iii)   Is-sejba ta’ insuffiċjenza tal-assi

286.

F’dan il-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva li r-rapport Oddo-Hastings sab insuffiċjenza ta’ assi li fit-30 ta’ Settembru 2005 kienet tammonta għal EUR 134,4 miljun, ikkalkulata bħala d-differenza bejn, min-naħa, il-valur tal-assi tal-SNCM (EUR 190,3 miljun) u, min-naħa l-oħra, il-valur tad-dejn tal-impriża (djun privileġġati u mhux privileġġati vvalutati rispettivament għal EUR 153,8 miljun u EUR 170,9 miljun).

287.

Il-Kummissjoni qabel kienet stmat l-insuffiċjenza tal-assi tal-SNCM għal EUR 123,5 miljun fit-30 ta’ Settembru 2005 (ara l-premessa 264).

(iv)   L-eżistenza ta’ konnessjoni każwali bejn ġestjoni ħażina u n-nuqqas ta’ assi osservat

288.

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-amministratur ta’ persuna ġuridika jista’ jkun iddikjarat responsabbli, abbażi tal-Artikolu L. 624-3 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, anke jekk l-iżball ta’ ġestjoni li jkun għamel ikun biss waħda mill-kawżi tal-insuffiċjenza tal-assi u jista’ jiġi ordnat iħallas id-djun soċjali kollha jew parti minnhom, anke jekk in-nuqqas huwa l-oriġini ta’ parti minnhom biss. (145) Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-Istat Franċiż ikollu jġorr sehem stmat bejn it-85 % u 100 % tal-insuffiċjenza tal-assi misjuba, jiġifieri medda ta’ bejn EUR 114,3 miljun u EUR 134,4 miljun.

289.

Din l-analiżi ma għandha l-ebda bażi solida. Tabilħaqq, minħabba li l-iżbalji ta’ ġestjoni allegati jibbażaw fuq deċiżjonijiet li ttieħdu f’nofs is-snin disgħin u li ġġeneraw spiża żejda immedjata għall-SNCM, huwa diffiċli ħafna li wieħed jattribwilhom il-kawża tal-insuffiċjenza tal-assi fl-2005 l-aktar meta seħħew diversi avvenimenti bejn iż-żewġ dati.

290.

Barra minn hekk, jekk jidher tabilħaqq li ma hemm l-ebda konnessjoni awtomatika bejn l-ammont tal-kumpens mogħti biex jagħmel tajjeb għad-dejn u l-ammont tal-kopertura tad-dejn iġġenerat mill-iżball ta’ ġestjoni tal-amministratur (jekk ikun stabbilit), dan ifisser ukoll li l-qorti tista’ tiddeċiedi li tiffissal-ammont tal-kundanna tad-diriġent għal somma ħafna aktar baxxa mill-insuffiċjenza tal-assi misjuba (146).

291.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jemmnu l-awtoritajiet Franċiżi (u l-SNCM) xejn ma jindika li d-deċiżjonijiet inkwistjoni jitqiesu mill-qorti tal-ħlas tad-dejn bħala deċiżjonijiet tant serji li jiġġustifikaw li l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu responsabbli ta’ sehem kbir tad-dejn irreġistrat. Skont l-allegazzjonijiet eżaminati, dawn kienu fil-fatt deċiżjonijiet b’għan protettiv li ttieħdu f’kuntest politiku (u wkoll, fil-parti l-kbira minnhom għaxar snin qabel) jew deċiżjonijiet aktar reċenti meħuda biex l-impjegati jinħelsu mill-obbligu li jagħmlu qligħ ta’ produttività jew sabiex jippruvaw jistabbilixxu mill-ġdid klima soċjali aħjar.

(v)   Jista’ jiġi ddeterminat li possibilment hemm responsabbiltà għall-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija, fl-ipoteżi ta’ stralċ ġudizzjarju tal-SNCM

292.

Minbarra l-insuffiċjenza tal-assi, skont l-awtoritajiet Franċiżi, meta tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza (147) f’dan il-qasam, il-qorti żgur kien ikollha tikkundanna lill-Istat Franċiż biex iħallas l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija (jiġifieri bejn EUR [200-210] (*) u [250-260] (*) miljun). Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-total tal-ispejjeż reali li l-Istat kien ikollu jħallas bħala azzjonist kienu jilħqu medda ta’ bejn EUR 212,1 miljun u EUR 361 miljun.

293.

L-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li, f’sentenzi reċenti, il-qrati Franċiżi kkundannaw lid-diriġent de jure jew de facto biex iħallas, minbarra l-insuffiċjenza tal-assi, l-indennizzi supplementari ta’ tkeċċija kkalkolati fuq il-bażi ta’ pjan soċjali stabbilit mill-impriża qabel ma jsir l-istralċ tagħha.

294.

L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw b’mod partikolari li, fil-kawża Aspocomp, il-kumpanija Franċiża Aspocomp SAS, li 99 % tal-ishma tagħha huma tal-kumpanija Finlandiża Aspocomp Group Oyj, kienet iffirmat ftehim ta’ impriża fit-18 ta’ Jannar 2002 li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-indennizzi ta’ pjan soċjali li jikkonċerna 210 impjegat minn total ta’ 550. Dan il-ftehim kien jiddeskrivi b’mod partikolari l-ammont tal-indennizzi ta’ kumpens u supplementari kif ukoll l-għajnuniet għat-tluq volontarju. Madankollu, wara tibdil fl-istrateġija tal-grupp, il-kumpanija ewlenija Aspocomp Group Oyj iddeċidiet fil-21 ta’ Frar 2002 li ma tiffinanzjax aktar lis-sussidjarja tagħha Aspocomp SAS u għalhekk wasslet biex jiġi ppreżentat rikors għall-istralċ volontarju ta’ din tal-aħħar. Din id-Deċiżjoni impedixxiet de facto lis-sussidjarja milli tonora l-impenji tagħha meħuda fil-qafas tal-ftehim tal-impriża u wasslitha biex tkeċċi lill-impjegati l-oħra kollha.

295.

F’dan il-kuntest, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Rouen ikkonfermat id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-Tribunal Industrijali ta’ Evreux u għalhekk ikkundannat lill-kumpanija Aspocomp Group Oyj, li kienet tikkontrolla 99 % tal-ġestjoni tas-sussidjarja tagħha, biex tħallas: (i) lill-impjegati kkonċernati mill-ftehim ta’ impriża, it-total tal-indennizzi ta’ kumpens u supplementari previsti f’dan l-uniku ftehim ta’ impriża, kif ukoll id-danni u l-interessi għat-tkeċċija mingħajr kawża reali u serja u (ii) lill-impjegati mkeċċija fil-qafas tal-istralċ volontarju tal-Aspocomp xi indennizzi ekwivalenti meta jiġi kkunsidrat li billi ma ssodisfatx l-impenji meħuda, il-kumpanija prinċipali aġixxiet b’mod żleali u b’nuqqas ta’ serjetà kundannabbli.

296.

Għalkemm Franza invokat ukoll sentenza tad-19 ta’ April 2005 tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Qorti ta’ Kassazzjoni (148) biex tappoġġja t-teorija tagħha, il-Kummissjoni ma tara l-ebda element determinanti f’din is-sentenza fir-rigward ta’ din il-kontroversja. Il-Qorti ta’ Kassazzjoni tillimita ruħha fil-fatt li tosserva li qorti tal-appell ma kkaratterizzatx biżżejjed legalment il-konfużjoni tal-ġid bejn il-kumpanija ewlenija u s-sussidjarja tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssib li l-fatti tal-ġurisprudenza Aspocomp mhumiex l-istess bħal dawk f’dan il-każ. Fil-fatt, f’dan il-każ, is-CGMF ma naqsitx li tonora l-impenji tagħha li tħallas l-indennizzi supplementari tas-sensji.

297.

Wieħed jinnota li kemm l-SNCM kif ukoll l-awtoritajiet Franċiżi jidhru li jagħtu importanza lill-fatt li pjan soċjali […] (*). Huwa estremament dubjuż li […] (*) jista’ jitqies bħala żball ta’ ġestjoni li jista’ jimplika r-responsabbiltà tal-Istat lejn l-impjegati […] (*). Anki jekk wieħed jissupponi li, b’mod straordinarju, […] (*), l-Istat seta’ daħal responsabbli fir-rigward tal-impjegati u tahom dritt għal kumpens imħallas mill-Istat (149), l-għoti ta’ tali dritt jikkostitwixxi fih innifsu vantaġġ mogħti lill-impriża SNCM, u għalhekk għajnuna mill-Istat, għal raġunijiet simili għal dawk esposti hawn taħt dwar il-miżuri ta’ għajnuna individwali ta’ EUR 38,5 miljun. Filfatt, din il-miżura setgħet tikkalma xi ftit il-klima soċjali fl-impriża.

(vi)   Konklużjoni dwar il-konsiderazzjoni ta’ azzjoni li tagħmel tajjeb għad-dejn

298.

Ma ġiex stabbilit għall-istandard legali meħtieġ, li l-awtoritajiet Franċiżi, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, kienu jkunu kkundannati minn qorti nazzjonali biex iħallsu d-danni ħalli jagħmlu tajjeb għan-nuqqas fl-assi, u wisq inqas li l-flejjes li kellhom jitħallsu kienu jaqbżu l-prezz negattiv li bih “inbiegħet” l-SNCM.

299.

Wieħed għandu jikkunsidra wkoll il-fatt li l-azzjoni tal-Istat, anki jekk wieħed jassumi li f’dan il-każ kien amministratur ħażin, ikollha l-ħsieb li tħares l-industriji u s-servizzi nazzjonali, inkluża l-SNCM u l-impjegati tagħha, filwaqt li tevita b’mod partikolari li timponilhom tibdil li ma jintlaqax tajjeb soċjalment. Fir-realtà, anki jekk il-persuni pubbliċi, inkluż l-Istat jistgħu jkunu kkunsidrati f’ċerti ċirkostanzi bħala diriġenti de facto ta’ impriża, xejn ma jindika li l-azzjoni ta’ tpattija għad-dejn tista’ tintuża biex tispjega l-għażliet politiċi tal-Istat b’mod partikolari f’ċirkostanzi bħal dawn. F’dan il-każ ninsabu ħafna ‘l bogħod miċ-ċirkostanzi tal-kawża Aspocomp li bl-ebda mod ma kienet tirrigwarda problema bħal din.

300.

Il-Kummissjoni tikkunsidra fi kwalunkwe ipoteżi li llum l-awtoritajiet Franċiżi ma jistgħux jistrieħu fuq l-għażliet politiċi tal-passat sabiex jiġġustifikaw involviment pubbliku maħsub sabiex jirrimedja l-effetti tal-involvimenti li saru qabel. Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġ interventi, jiġifieri l-interferenzi tal-passat u l-interventi pubbliċi ġodda, jiġu analizzati bħala żewġ distorsjonijiet kumulattivi tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk wieħed jaċċetta r-responsabbiltà tal-Istat li jagħmel tajjeb għad-dejn ikun qed jippermetti lill-Istat jirrikonoxxi li wettaq żbalji ta’ ġestjoni tal-impriża sabiex jiġġustifika li l-injezzjoni finanzjarja mhijiex għajnuna mill-Istat, li jwassal għal distorsjoni oħra tal-kompetizzjoni. L-Istat b’hekk jinvoka l-iżbalji ta’ ġestjoni tiegħu sabiex jiġġustifika injezzjoni finanzjarja addizzjonali, b’kontradizzjoni mal-prinċipju ġenerali li ħadd ma jista’ jinvoka l-iżball tiegħu stess (nemo auditur propriam turpitudinem allegans) (150).

301.

Ikun ukoll artifiċjali ħafna li wieħed jissepara l-imġiba tal-Istat ta’ “amministratur ħażin” (anki jekk wieħed jassumi l-fatt stabbilit) u dik tal-Istat li jsalva l-impriża li mexxa ħażin. Madankollu, l-iżball ta’ ġestjoni ma jagħmilx parti mill-imġiba normali tal-investitur privat prudenti fl-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ salvataġġ inseparabbli minn dan in-nuqqas ma jaqax lanqas taħt din l-aħħar imġiba.

302.

L-aċċettazzjoni tat-teorija pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi u mill-SNCM ikollha wkoll bħala konsegwenza li tippermetti lill-Istat jagħti garanzija lil impriża billi kuxjentement jikkommetti “żball ta’ ġestjoni”. Dan bl-ebda mod ma huwa aċċettabbli skont ir-regoli dwar l-għajnuna.

303.

F’dan il-każ, l-imġiba li toħloq ir-responsabbiltà tal-Istat, skont it-teorija mressqa mill-SNCM u mill-awtoritajiet Franċiżi tkun fir-realtà mġiba tal-Istat li qed jaġixxi bħala awtorità pubblika u mhux bħala azzjonist. Peress li azzjonist privat prudenti ma kienx jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet politiċi u pubbliċi, ir-riskju ta’ tpattija għad-dejn li jirriżulta mit-teħid ta’ deċiżjonijiet bħal dawn ma jistax ikun ikkunsidrat għall-prova tal-investitur privat prudenti fl-ekonomija tas-suq (151).

304.

L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar ABX, il-Kummissjoni qieset li tikkunsidra l-fatt li “f’ċerti każijiet eċċezzjonali, ċerti liġijiet nazzjonali jipprovdu l-possibbiltà għal partijiet terzi li jduru kontra l-azzjonisti ta’ kumpanija stralċjata, speċjlament jekk dawn l-azzjonisti jistgħu jitqiesu li huma [test imħassar] u/jew li wettqu żbalji ta’ ġestjoni.” (152).

305.

Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna jrid jkun evalwat b’mod oġġettiv u tinnota li d-deċiżjoni ta’ ftuħ fir-rigward tal-istess każ, kienet tgħid li “fl-aħħar nett, anki fl-ipoteżi improbabbli li dawn il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-liġi nazzjonali sabiex jinvolvu r-responsabbiltà […] ikunu ssodisfati, dan ma jeskludix il-karattru ta’ għajnuna mill-Istat ta’dawn l-interventi favur il-kumpanija sussidjarja.” (153).

306.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi ma qajmux biżżejjed dubji fil-Kummissjoni dwar il-fatt li l-azzjonist tal-SNCM seta’ sab ruħu espost, b’mod suffiċjenti, għar-riskju li jinżamm responsabbli.

307.

F’dawn il-kundizzjonijiet u wara li rrifjutat li tikkunsidra l-kontribuzzjonijiet addizzjonali ta’ tkeċċija (ara l-premessa (225) u dawk sussegwenti), il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemm l-ebda spiża tal-istralċ tal-SNCM għall-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat bħala azzjonist ma jistax ikun attribwit bl-ispejjeż tal-istralċ peress li l-espożizzjoni tal-azzjonist hija marbuta mal-valur tal-injezzjoni tiegħu fil-kapital azzjonarju tal-kumpanija.

6.1.2.2.   Konklużjoni

308.

Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li investitur privat kien jagħżel l-orħos soluzzjoni, jiġifieri l-istralċ tal-SNCM. Il-Kummissjoni tikkonkludi, għalhekk, li l-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun huwa għajnuna mill-Istat.

6.1.3.   L-injezzjoni ta’ kapital tas-CGMF li tammonta għal EUR 8,75 miljun

309.

Fl-osservazzjonijiet sussegwenti tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 8,75 miljun mill-Istat saret fl-istess waqt tal-kontribuzzjoni mill-investituri privati. Huma jispjegaw li l-koinċidenza hija msaħħa mis-sehem żgħir li ħa l-Istat meta mqabbla mal-maġġoranza ta’ fondi pprovduti mis-suq. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li r-rata ta’ remunerazzjoni għall-injezzjoni tal-Istat, jiġifieri […] (*) % fis-sena, hija redditu fit-tul adegwat tal-kapital investit minn investitur privat. Fl-aħħar nett, fin-nota tas-16 ta’ Mejju 2013, huma jemmnu wkoll li r-riskji assoċjati mal-klawżola ta’ terminazzjoni huma kkumpensati minn għażla ta’ riakkwist mill-azzjonisti privati.

310.

L-injezzjoni tal-Istat issa għandha tiġi mqabbla mal-injezzjoni tax-xerrejja privati, jiġifieri EUR 26,25 miljun. Madankollu, kif intwera fit-taqsima 6.1.2, l-injezzjoni tal-Istat tammonta għal EUR 158 miljun li magħhom wieħed għandu jżid it-38,5 miljuni f’għajnuna lill-individwi u l-15,81 miljun imħallsa taħt il-pjan tal-2002 kif ser jintwera fit-taqsimiet 6.1.4 u 6.1.5.

311.

Tabilħaqq, il-miżuri kollha tal-2006 jinsabu fil-Memorandum ta’ Qbil. Il-partijiet għal dan il-Memorandum, is-CGMF, il-BCP u l-VT, qablu dwar l-injezzjoni ta’ EUR 158 miljun, dwar il-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljuni u dwar iż-żieda tal-kapital bi EUR 8,75 miljun f’dan l-istess dokument. F’dan il-każ, dawn it-tliet miżuri jikkostitwixxu l-istess operazzjoni li timmira għall-privatizzazzjoni tal-SNCM. Kif innutat mill-Qorti fil-punt 125 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, “din l-injezzjoni ta’ kapital [ta’ EUR 8, 75 miljun] isseħħ fil-kuntest ta’ ftehim globali ta’ bejgħ, li rriżulta minn negozjat wieħed, fejn l-injezzjonijiet tax-xerrejja huma l-kontroparti ta’ impenji kbar, taħt diversi forom, tal-Istat Franċiż”. Għaldaqstant huma t-tliet miżuri msemmija qabel li għandhom ikunu kkunsidrati globalment bħala injezzjoni mill-fondi lill-SNCM mill-Istat u mqabbla mal-injezzjoni tal-investituri privati sabiex wieħed jevalwa l-karattru sinifikanti jew le tal-interventi tagħhom.

312.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-injezzjoni tal-azzjonisti privati, jiġifieri 10,6 % tat-total tal-injezzjoni, ma tistax titqies sinifikanti.

313.

Kif diġà kien innutat fil-premessa 311, it-tliet miżuri f’dan il-każ jikkostitwixxu operazzjoni waħda ta’ privatizzazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-injezzjonijiet ta’ kapital pubbliku u privat huma għalhekk preżunti konkomitanti.

314.

Fl-aħħar nett fir-rigward tal-kriterju tal-injezzjonijiet li saru f’kundizzjonijiet komparabbli, il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li l-partijiet interessati, is-CCF u l-STIM, tefgħu dubju fuq il-karattru sinifikanti tal-intervent privat u l-aktar fuq il-preżenza tal-kundizzjonijiet komparabbli bejn l-investiment pubbliku u l-investituri privati, minħabba l-preżenza ta’ klawżola ta’ terminazzjoni.

315.

Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ta’ din iż-żieda fil-kapital juru waħedhom li r-riskji ffaċċjati mill-investituri privati u pubbliċi mhumiex l-istess. Il-preżenza u l-kundizzjonijiet tal-klawżola ta’ terminazzjoni tal-bejgħ juru waħedhom li d-destin rispettiv tal-investituri privati u tal-investitur pubbliku f’termini ta’ riskji mhuwiex l-istess f’każ li jseħħu l-kundizzjonijiet elenkati fil-klawżola. Skont il-Memorandum ta’ Qbil, l-investituri privati għandhom il-possibbiltà li jirtiraw u li jirkupraw il-kontribut tagħhom f’każ ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni, tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew jekk ma tiġġeddidx id-delegazzjoni tas-servizz pubbliku. Din l-aħħar parti tal-klawżola ta’ terminazzjoni hija saħansitra aktar negattiva għall-Istat għax tirrigwarda l-qalba tal-attività tal-SNCM. L-SNCM hija fil-fatt l-operatur storiku li jgħaqqad lil Korsika ma’ Franza kontinentali. B’mod skematiku, iż-żewġ terzi tal-attività tagħha jsiru bejn Marsilja u Korsika bħala parti mid-delega ta’ servizz pubbliku. Għalhekk l-investituri privati huma mħarsa mill-klawżola ta’ terminazzjoni kontra r-riskju kummerċjali għall-maġġoranza tal-attivitajiet tal-SNCM. Filfatt dan ir-riskju huwa appoġġjat biss mill-Istat.

316.

Madankollu, l-eżerċitar tal-klawżola ta’ terminazzjoni msemmija jkun jinvolvi, min-naħa, obbligu ta’ rimborż tal-injezzjonijiet kollha tax-xerrejja mill-SNCM għall-benefiċċju ta’ dawn l-investituri privati. Min-naħa l-oħra, is-CGMF issib ruħha mill-ġdid 100 % detentur tal-kapital tal-SNCM, waqt li r-riskju tal-istralċ u allura tat-telf ta’ parti konsiderevoli tal-investimenti pubbliċi jkun kiber b’mod sostanzjali.

317.

Rigward il-wegħda tax-xiri mill-azzjonisti privati, din ma tistax tiġi attivata mis-CGMF f’każ ta’ salvataġġ ġudizzjarju jew stralċ tal-SNCM. Dan jikkonferma li f’każ ta’ diffikultà, din l-għażla ma tistax tkun attivata u r-riskji jkunu prinċipalment ibbażati fuq is-CGMF, u għalhekk l-Istat. Il-Kummissjoni tqis għalhekk li din il-wegħda ta’ xiri ma tistax titqies bħala l-kontroparti tal-klawżola ta’ terminazzjoni.

318.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-Memorandum ta’ Qbil kien jinkludi sensiela ta’ garanziji sabiex iħarsu l-investiment tal-Istat. Filfatt, l-obbligi imposti fuq ix-xerrejja mhumiex riskji jew restrizzjonijiet addizzjonali sostnuti mix-xerrejja li jqiegħduhom f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tas-CGMF. Dawn huma maħsuba biss sabiex jiżguraw li matul il-perjodu li fih il-klawżola ta’ terminazzjoni tista’ tkun attivata mix-xerrejja privati, dawn tal-aħħar ma jagħmlu l-ebda emenda legali għall-SNCM u jwettqu biss l-atti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan tan-negozju u tal-patt soċjali.

319.

Barra minn hekk, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, l-analiżi tad-dħul previst biss mhijiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-investiment sar mill-Istat fil-kundizzjonijiet tas-suq, minħabba li r-riskji mhumiex imqassma ndaqs bejn l-azzjonisti pubbliċi u dawk privati.

320.

Anki jekk il-kundizzjoni tal-investiment pari passu mhijiex issodisfata, il-miżura dejjem tista’ tkun konformi mal-prinċipju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant għandu jintwera li l-azzjoni tal-Istat kienet dik li kien jadotta investitur privat prudenti f’sitwazzjoni simili, pereżempju permezz tal-analiżijiet ex ante tal-qligħ mill-investiment. Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi ma taw l-ebda prova ta’ analiżi ex ante bħal din. L-awtoritajiet Franċiżi kkunsidraw biss ex post fil-kummenti tagħhom li r-rata ta’ remunerazzjoni fissa ta’ […] (*) % hija adegwata għal investitur privat, meta wieħed iqabbilha ma’ rati ta’ redditu ta’ OAT (Obligation Assimilable du Trésor – bond tat-Teżor) maħruġ mill-Istat li r-redditu tiegħu dak iż-żmien kien bejn 3,72 u 3,95 %. Iżda huma ma pprovdew l-ebda analiżi li turi li r-rata ta’ 10 % kienet tkun aċċettabbli għal investitur privat meta wieħed jikkunsidra r-riskji li sostna l-Istat, pereżempju dawk tal-klawżola ta’ terminazzjoni u dawk relatati mas-sitwazzjoni tal-impriża.

321.

Fuq kollox, ir-rata ta’ […] (*) % tapplika biss għall-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 8,75 miljun iżda tali analiżi kellha tikkunsidra l-injezzjoni kollha tal-Istat aċċettata fil-Memorandum. Minħabba li ma hemm l-ebda redditu assoċjat mal-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun jew mal-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun, ir-rata ta’ redditu għall-investiment kollu tal-Istat fl-SNCM meta saret il-privatizzazzjoni fl-2006 kienet tkun żgur aktar baxxa mir-rata ta’ redditu ta’ OAT. Minħabba r-riskji assoċjati, investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx jaċċetta rata bħal din.

322.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex teskludi qabel kollox in-natura ta’ għajnuna tal-miżura inkwistjoni mhumiex issodisfati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-injezzjoni ta’ kapital tal-Istat ta’ EUR 8,75 miljun jagħti vantaġġ ekonomiku lill-SNCM minħabba li din l-injezzjoni saret b’mod parallel ma’ injezzjoni ta’ kapital privat f’kundizzjonijiet mhux komparabbli mat-termini tal-ġurisprudenza tal-Unjoni. Il-miżura inkwistjoni għaldaqstant tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.1.4.   Il-miżuri ta’ għajnuna lill-individwi (EUR 38,5 miljun)

323.

L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li dan il-finanzjament huwa għajnuna individwali li minnha ma tgawdix l-impriża u għalhekk mhijiex għajnuna mill-Istat. Il-partijiet interessati, is-CCF u l-STIM, ma qablux mal-kwalifika ta’ din il-miżura bħala għajnuna individwali għaliex iqisu b’mod partikolari li din il-miżura tista’ toħloq effetti indiretti pożittivi għall-SNCM.

324.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna individwali huma l-impjegati mhuwiex biżżejjed biex jintwera n-nuqqas ta’ għajnuna favur min iħaddimhom. Il-Qorti Ġenerali tiddikjara dan li ġej: “[…] il-fatt li l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna individwali huma impjegati mhuwiex biżżejjed sabiex juri n-nuqqas ta’ għajnuna lil min iħaddimhom.” (154)

325.

Kif tosserva wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 138 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, “sabiex wieħed jeżamina jekk din l-għajnuna individwali hijiex għajnuna skont l-Artikolu 87(1) tal-KE, jeħtieġ li jkun iddeterminat jekk l-SNCM tiħux xi vantaġġ ekonomiku indirett li jippermettilha tevita li ġġorr spejjeż li normalment kien ikollha tħallas mir-riżorsi finanzjarji tagħha stess u għalhekk li ma jħallix il-forzi tas-suq jipproduċu l-effetti normali tagħhom.”

326.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li skont il-Memorandum ta’ Qbil, din il-miżura hija impenn tal-Istat lejn l-imsieħba privati fejn jiffinanzja “il-proporzjon tal-ispiża ta’ kwalunkwe tluq volontarju jew ksur ta’ kuntratti tax-xogħol (ikun xi jkun it-tip), imsejħa ‘ta’ ġenerożità’, li tikkumplimenta l-ammonti ta’ kull tip li jridu jitħallsu minn min iħaddem (…)”. Bħalma tinnota l-Qorti Ġenerali fil-punt 145 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, il-preżenza ta’ din l-għajnuna individwali fil-Memorandum “tal-bejgħ” tissuġġerixxi li din tagħti vantaġġ. Il-partijiet użawha għax setgħu jieħdu ċertu benefiċċju minnha.

327.

Din l-għajnuna għalhekk hija tali li tagħti vantaġġ ekonomiku għall-SNCM billi tevitalha li titgħabba bl-ispiża sħiħa ta’ kwalunkwe tluq eventwali u futur ta’ ċerti impjegati. Jekk l-Istat jeħles lil impriża minn dawn l-ispejjeż, dan jikkostitwixxi vantaġġ għaliha. Il-Kummissjoni tfakkar li dawn il-miżuri soċjali addizzjonali huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-pjanijiet ta’ tkeċċija li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-impriża u li mhumiex ġejjin minn xi obbligu ġuridiku. F’dan il-każ, il-frekwenza tat-taqlib soċjali fi ħdan l-SNCM turi li t-twettiq ta’ pjan soċjali f’din il-kumpanija jwassal kważi dejjem għal strajkijiet u azzjonijiet industrijali oħrajn. Dawn il-miżuri soċjali addizzjonali huma bla ebda dubju ta’ vantaġġ għall-SNCM.

328.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li din il-miżura hija għajnuna skont l-Artikolu 107(1), TFUE.

6.1.5.   Il-bilanċ ta’ EUR 15,81 miljun imħallas bħala għajnuna għar-ristrutturar fl-2002

329.

Il-miżuri tal-2006 jipprovdu żieda sostanzjali tal-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar eżaminata taħt il-pjan tal-2002 u li tammonta għal EUR 69,29 miljun u hija deskritta bħala modifika tal-pjan ta’ ristrutturar u tal-ispiża tiegħu. Fil-fatt, meta ġiet ikkunsidrata l-privatizzazzjoni, il-pjan ta’ ristrutturar kien għadu għaddej. Iżda l-għanijiet ta’ ritorn għall-vijabbiltà tiegħu ma ntlaħqux mill-SNCM. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “[f’] dan ir-rigward, jeħtieġ fil-fatt li jkun innotat li d-deċiżjoni tal-2006 hija espliċita dwar il-fatt li, fil-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna għar-ristrutturar fil-pjan tal-2006, dawn tal-aħħar għandhom ikunu analizzati fl-istess waqt mal-għajnuna għar-ristrutturar tal-pjan tal-2002 (…)” (155). Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li din l-analiżi saret “kif suppost”. L-ammont ta’ EUR 69,29 miljun jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 66 miljun mogħtija fl-2002 taħt l-ewwel parti tal-pjan ta’ ristrutturar u ta’ EUR 3,29 miljun f’għajnuna mogħtija fl-2005 taħt it-tieni parti.

330.

Minn dan l-ammont ta’ għajnuna mogħti taħt il-pjan ta’ ristrutturar tal-2002, EUR 53,4 miljun jirrigwardaw effettivament id-delega ta’ servizz pubbliku. Peress li l-legalità ta’ din l-għajnuna ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni trid teżamina b’mod konġunt il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar proprju, jiġifieri EUR 15,81 miljun mogħtija għar-ristrutturar fl-2002 u l-kompatibbiltà tal-miżuri kollha tal-2006, fid-dawl tal-linji gwida tal-2004.

6.2.   ANALIŻI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR IMĦALLSA FL-2002 U FL-2006

6.2.1.   Il-linji gwida li għandhom ikunu kkunsidrati

331.

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan għar-ristrutturar tal-2002 ġie eżaminat skont il-linji gwida tal-1999. Hija tinnota wkoll li l-miżuri l-ġodda tal-2006 li jinkorporaw il-pjan tal-2002 iseħħu wara d-dħul fis-seħħ tal-linji gwida ġodda tal-2004 u ġew implimentati qabel mal-Kummissjoni awtorizzathom.

332.

Skont ir-regoli ta’ tranżizzjoni previsti skont il-linji gwida tal-2004 (156), dawn tal-aħħar għandhom japplikaw minħabba li din hija għajnuna illegali li parti minnha ngħatat wara d-dħul fis-seħħ tagħhom.

333.

Għaldaqstant, billi l-miżuri tal-2006 huma għajnuna, dawn jaqgħu taħt il-qafas tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturar mibdija fl-2002 u għandhom ikunu analizzati flimkien ma’ dawn tal-aħħar. Il-kompatibbiltà tal-għajnuniet kollha għalhekk sejra tkun analizzata fil-qafas tal-linji gwida tal-2004.

6.2.2.   In-natura ta’ impriża f’diffikultà

334.

Biex tkun eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar, l-impriża għandha tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida.

335.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li hija osservat li dan il-kriterju kien issodisfat kemm fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna għas-salvataġġ favur l-SNCM (157) kif ukoll f’dik tad-19 ta’ Awwissu 2002 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-proġett ta’ rikapitalizzazzjoni, fuq il-bażi tal-kontijiet annwali tal-SNCM għas-sena 2001.

336.

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni vverifikat li l-SNCM kienet tissodisfa din il-kundizzjoni abbażi tal-kontijiet annwali tal-impriża għas-sena 2002. Għalhekk, il-kapital regolatorju, esklużi l-provvedimenti rregolati, (158) lien għadu negattiv: b’EUR -26,5 miljun fl-2002, wara t-EUR -30,7 miljun fl-2001. Livell bħal dan jirriżulta mill-għajbien ta’ aktar minn nofs il-kapital azzjonarju tal-impriża, il-kapital azzjonarju li aktar minn kwart minnu għeb matul it-12-il xahar wara n-notifika, u għalhekk ġiet ivverifikata l-kundizzjoni deskritta fil-punt 5a) tal-linji gwida.

337.

Minbarra l-bidla fil-kapital azzjonarju, il-Kummissjoni tosserva inter alia li:

bejn l-2001 u l-2002, ir-riżultat kurrenti qabel it-taxxi nbidel minn EUR -5,1 miljun fl-2001 għal EUR -5,8 miljun fl-2002, billi t-telf nett fl-2002 seta’ jiġi mnaqqas biss bil-bejgħ ta’ xi bastimenti;

il-kapaċità ta’ awtofinanzjament tal-SNCM li kien jilħaq EUR 39,2 miljun fl-aħħar tal-2001, sar EUR 35,7 miljun fl-aħħar tal-2002;

id-djun finanzjarji netti esklużi l-kuntratti ta’ lokazzjoni żdiedu minn EUR 135,8 miljun sa EUR 144, 8 miljun bejn l-2000 u l-2002;

l-ispejjeż finanzjarji (interessi u spejjeż simili) żdiedu minn EUR 7,0 miljun fl-2000 għal EUR 9,503 miljun fl-2002.

338.

L-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw ukoll lill-Kummissjoni li l-banek irrifjutaw li jsellfulha l-flus minħabba d-djun tagħha, minkejja l-fatt li l-SNCM ipproponiet li tagħti bħala garanzija l-aħħar bastimenti tagħha li ma kellhomx ipoteki jew restrizzjonijiet simili oħra.

339.

Fl-aħħar nett, il-kuntratt ta’ DSP xejn ma biddel din l-analiżi. Għalkemm dan il-kuntratt kellu żgur jippermetti lill-SNCM, flimkien mas-suċċess tal-pjan għar-ristrutturar, li fl-aħħar tilħaq riżultati pożittivi ta’ produzzjoni, xorta waħda n-nuqqas kbir ta’ fondi proprji tagħha, id-djun dejjem jiżdiedu u l-prezz tal-miżuri operattivi tal-pjan għar-ristrutturar huma mistennija li jwasslu lill-SNCM, wara ċertu żmien, għall-insolvenza.

340.

Peress li l-perjodu ta’ ristrutturar kien jestendi mill-2002 sal-2006, jeħtieġ li jkun ivverifikat li l-SNCM tissodisfa din il-kundizzjoni matul dan il-perjodu, u b’mod partikolari meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ injezzjonijiet ġodda ta’ fondi pubbliċi.

341.

Id-deċiżjoni tal-2003 osservat li l-SNCM kienet tissodisfa dan il-kriterju fuq is-snin finanzjarji 2001 u 2002 (159).

342.

Issa jeħtieġ li jkun ivverifikat jekk l-SNCM għadhiex tissodisfa din il-kundizzjoni fis-snin finanzjarji 2003 sal-2005, jiġifieri l-aħħar sena fiskali qabel l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda tal-2006 relatati mal-privatizzazzjoni tal-SNCM.

343.

Kif diġà ntqal fil-premessa 73 u dawk sussegwenti, is-sitwazzjoni tal-SNCM marret lura ferm fl-2004 u fl-2005. Għalhekk, l-introjtu kurrenti tal-SNCM stabbilixxa ruħu għal EUR -32,6 miljun fl-2004 u EUR -25,8 miljun fl-2005. L-introjtu nett, min-naħa tiegħu, kien ta’ EUR -29,7 miljun fl-2004 u ta’ EUR -28,8 miljun fl-2005. L-ekwità tal-ażżjonisti fl-2005 (EUR-1,7 miljuni) irreġistrat tnaqqis ta’ EUR 25,5 miljuni meta mqabbla mal-2004. Dan it-tnaqqis jikkorrispondi għall-għajbien ta’ aktar min-nofs l-ekwità tagħha, b’aktar minn kwart ta’ din l-ekwità li ntilfet matul l-aħħar 12-il xahar, u dan huwa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-punt 10(a) tal-linji gwida tal-2004.

344.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-SNCM tista’ tkun ikkwalifikata bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida tal-2004.

6.2.2.1.   Kontribuzzjoni proprja

345.

Skont il-punt 43 tal-linji gwida, “L-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu strett tal-ispejjeż ta’ ristrutturar meħtieġ sabiex jitwettaq ir-ristrutturar skont ir-riżorsi finanzjarji tal-kumpanija, tal-azzjonisti tagħha u tal-grupp li minnu tagħmel parti. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ mogħtija qabel. Il-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż permezz tal-bejgħ ta’ assi li mhumiex essenzjali għas-sopravvivenza tal-impriża, jew permezz ta’ finanzjament estern miksub skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Din il-kontribuzzjoni turi li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà. Din trid tkun reali, jiġifieri effettiva, teskludi l-benefiċċji kollha potenzjali, bħal-likwidità, u trid tkun l-ogħla possibbli.”

346.

Il-punt 44 tal-linji gwida jgħid li “Il-Kummissjoni normalment tikkunsidra bħala adegwati l-kontribuzzjonijiet għar-ristrutturar li ġejjin: mill-inqas 25 % fil-każ tal-impriżi ż-żgħar, mill-inqas 40 % għall-impriżi ta’ daqs medju u mill-inqas 50 % għall-impriżi l-kbar. F’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà partikolari li jridu jintwerew mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni proprja reali aktar baxxa.”

347.

Il-punt 7 tal-linji gwida jiddikjara wkoll li “jeħtieġ li jkun affermat mill-ġdid b’mod ċar il-prinċipju li [il-kontribuzzjoni sostanzjali tal-benefiċjarju għar-ristrutturar] għandha tkun reali u ħielsa mill-għajnuna Il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għandha għan doppju: minn naħa, hija għandha sservi sabiex turi li s-swieq (sidien, kredituri) jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà fi żmien raġonevoli. Min-naħa l-oħra, hija għandha tiggarantixxi li l-għajnuna għar-ristrutturar hija limitata għall-minimu meħtieġ sabiex tkun stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà filwaqt li jkunu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni …”

348.

Il-ġurisprudenza enfasizzat ukoll li l-kontribuzzjoni proprja għandha tindika li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà (160). Il-Kummissjoni tenfasizza li dan ir-rekwiżit huwa partikolarment rilevanti fil-każ tal-SNCM minħabba s-sitwazzjoni tagħhom sa mill-2002. Fil-fatt, il-Kummissjoni tfakkar li l-miżuri inizjali ta’ ristrutturar tal-2002 ma wasslux ir-riżultati mistennija. Xi wħud minnhom jew ma ġewx irrispettati, jew ma ntlaħqux (ara l-premessa(351)). Minħabba li l-SNCM ma kinitx f’qagħda li timplimenta għal kollox dawn l-ewwel miżuri ta’ ristrutturar, mill-2004, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kompliet tmur lura (ara l-premessi minn 73 sa 75).

349.

L-ispejjeż ta’ ristrutturar kienu jammontaw għal EUR 46 miljun fl-2002. Rigward il-miżuri tal-2006, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ammont tal-ispejjeż ta’ ristrutturar kien jikkorrispondi għall-ammont tal-għajnuna (161), jiġifieri EUR 202,55 miljun li magħhom wieħed irid iżid iż-żieda fil-kapital tas-sħab privati, jiġifieri EUR 26,25 miljun, jew b’kollox EUR 274,8 miljun. Il-kontribuzzjoni proprja hija magħmula minn EUR 42,385 miljun f’bejgħ nett ta’ assi u minn EUR 26,25 miljun f’żieda ta’ kapital tal-imsieħba privati, jew kontribuzzjoni proprja ta’ EUR 68,635 miljun. Għaldaqstant, jekk wieħed jikkunsidra l-miżuri l-ġodda tal-2006, il-kontribuzzjoni proprja tilħaq il-25 % meta l-linji gwida jeħtieġu kontribuzzjoni ta’ mill-inqas 50 %. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-awtoritajiet Franċiżi ma invokawx xi ċirkostanzi eċċezzjonali u sitwazzjonijiet ta’ diffikultà partikolari sabiex il-Kummissjoni taċċetta kontribuzzjoni proprja reali aktar baxxa. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ ma hemm l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali li tiġġustifika tnaqqis fil-livell tal-kontribuzzjoni proprja meħtieġa mil-linji gwida tal-2004.

350.

Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li l-kontribuzzjoni proprja tal-SNCM għall-isforz ta’ ristrutturar tibqa’ insuffiċjenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida.

6.2.2.2.   Ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul

351.

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji rigward ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul tal-SNCM fir-rigward b’mod partikolari tal-fatti li ġejjin:

L-SNCM ma kinitx qiegħda tikkontempla twaqqaf l-attivitajiet tagħha kollha li jagħmlu telf;

Is-suċċess tal-pjan ta’ ristrutturar kien relatat mill-qrib mal-attribuzzjoni tad-DSP bejn Marsilja u Korsika għall-perjodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2012;

Il-projezzjonijiet ta’ tnaqqis tal-persunal abbord previst skont il-pjan tal-2002 ma ġewx irrispettati u ż-żieda fil-produttività ta’ 10 % ma ntlaħqitx;

It-tnaqqis ta’ 400 impjieg ekwivalenti full-time u tal-miżuri ta’ produttività previsti skont il-pjan tal-2006 minħabba d-diskrepanzi mal-pjan tal-2002.

352.

L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu li l-bidla tal-azzjonisti u l-implimentazzjoni tat-tliet miżuri tal-pjan ta’ privatizzazzjoni kellhom jippermettu lill-SNCM tiżviluppa l-attività tagħha fuq bażi soda u li t-telf ta’ ċerti partijiet tal-attività tagħha ma kellu xejn irrimedjabbli.

353.

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2002 ma setgħux jitlestew, fattur li wassal għal tnaqqis drastiku tal-introjtu tal-kumpanija fl-2004 u fl-2005. Fl-2006, iż-żieda fil-fatturat ta’ EUR 20 miljun u ż-żieda tal-kumpens għas-servizz pubbliku ta’ EUR 9 miljun ma wasslux għall-irkupru tal-introjtu operatorju peress li ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil u ż-żieda fl-ispejjeż tal-operat kienu ferm akbar minn kemm kien mistenni. L-espert tal-Kummissjoni nnota li t-twettiq tal-pjan tan-negozju tax-xerrejja ġie mfixkel minn diversi avvenimenti (162) u minn dan jikkonkludi li t-telf akkumulat aktarx kien ser ikun ħafna akbar minn kemm kien maħsub fil-bidu għall-2007.

354.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tweġibiet tal-awtoritajiet Franċiżi ma neħħewlhiex id-dubji kollha tagħha. Fil-fatt, li wieħed jorbot ir-ritorn għall-vijabbiltà mal-għoti tad-delega ta’ servizz pubbliku 2007-2013 u mal-implimentazzjoni tat-tliet miżuri tal-pjan ta’ privatizzazzjoni li l-legalità u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern ma kinux ġew ikkonfermati, jidher riskjuż. Il-kredibbiltà ta’ pjan ta’ ritorn għall-vijabbiltà fit-tul ta’ impriża jassumi mill-inqas li l-ipoteżijiet magħmula jkunu realistiċi. Iżda, f’dan il-każ, is-suċċess tal-pjan jistrieħ kważi esklussivament fuq it-twettiq ta’ żewġ avvenimenti ipotetiċi li l-SNCM ma kellhiex kontroll fuqhom. Barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-SNCM ta’ dak iż-żmien, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-kapaċitajiet tagħha li tiffinanzja t-tiġdid meħtieġ ta’ xi wħud mil-laneċ tagħha. Madankollu dan it-tiġdid huwa ppreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi bħala li jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ ritorn għall-vijabbiltà.

355.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjoni ta’ ritorn għall-vijabbiltà fit-tul meħtieġa mil-linji gwida, mhijiex issodisfata.

6.2.2.3.   Il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni (miżuri ta’ kumpens)

356.

Id-deċiżjoni annullata tal-2008 kienet issemmi erba’ miżuri ta’ kumpens:

l-għeluq tas-sussidjarja Corsica Marittima (82 000 passiġġier fis-sena 2000), li kienet inkarigata mill-konnessjonijiet bejn l-Italja u Korsika, u għalhekk l-irtirar tal-grupp SNCM mis-suq relatat mas-servizzi bejn l-Italja u Korsika;

l-irtirar kważi sħiħ tal-SNCM mis-servizzi bejn Toulon u Korsika, suq li kien jirrappreżenta fl-2002 mhux inqas minn 460 000 passiġġier;

it-tnaqqis tan-numru totali ta’ postijiet offruti u tan-numru ta’ rotazzjonijiet użati kull sena mill-2003 mill-SNCM, b’mod partikolari fuq ir-rotta bejn Nizza u Korsika;

il-bejgħ ta’ erba’ bastimenti.

357.

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li dawn il-miżuri kienu proposti mill-awtoritajiet Franċiżi meta mqabbla mal-ammont ta’ EUR 15,81 miljuni ta’ għajnuna, ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija fl-2002.

358.

Wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2008 permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, l-ammont totali tal-għajnuna issa jammonta għal aktar minn EUR 210 miljun. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dubji tagħha ma setgħux jitneħħew għar-raġunijiet li ġejjin.

359.

Rigward il-bejgħ tal-erba’ bastimenti previst waqt ir-ristrutturar tal-2002, il-Kummissjoni tinnota li dan il-bejgħ kien parzjalment ikkompensat bil-kunsinna ta’ Danielle Casanova f’Ġunju 2002, mill-bastiment tat-tagħbija mħallta Paglia Orba, u mill-bastiment tat-tagħbija mħallta Pascal Paoli, fl-2003.

360.

Rigward l-għeluq tal-Corsica Marittima, il-punt 40 tal-linji gwida jiddikjara b’mod partikolari li “it-tneħħija mill-kontijiet u l-għeluq tal-attivitajiet ta’ telf li fi kwalunkwe każ ikunu meħtieġa għall-istabbiliment mill-ġdid tal-vijabbiltà mhumiex ikkunsidrati bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kontropartijiet”. Għaldaqstant, l-għeluq ta’ Corsica Marittima li kienet ta’ telf minn meta nħolqot fl-1990, ma jistax ikun ikkwalifikat bħala miżura ta’ kumpens, iżda pjuttost miżura li tipparteċipa fir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul.

361.

Dan l-istess raġunament japplika wkoll għas-servizz bejn Korsika u Nizza. Il-Kummissjoni tinnota li l-SNCM għandha sehem mis-suq minoritarju, b’Corsica Ferries li għandha 70 % tal-ishma tas-suq (163). Skont ir-rapport ta’ Stephens, it-traffiku li jitlaq minn Nizza u b’mod partikolari matul il-perjodu tas-sajf huwa s-suġġett ta’ domanda qawwija. Barra minn hekk, fuq din ir-rotta teżisti wkoll domanda barra l-istaġun tas-sajf. Madankollu, l-introjtu attwali fuq din il-linja sofra telf bejn l-2004 u l-2007. Għaldaqstant, din il-miżura ma tistax tkun ikkwalifikata bħala miżura ta’ kumpens iżda pjuttost bħala miżura li tikkontribwixxi għar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul.

362.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-traffiku tal-passiġġieri żdied b’mod konsiderevoli bejn Korsika u l-port ta’ Toulon, fejn tela’ minn inqas minn 200 000 passiġġier fis-sena fl-1999 għal kważi miljun fl-2007 (164). Għaldaqstant, l-irtirar kważi sħiħ tal-SNCM minn din ir-rotta jista’ jkun ikkwalifikat bħala miżura ta’ kumpens. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li l-linja Toulon – Korsika hija l-linja l-inqas importanti tal-SNCM f’termini ta’ passiġġieri.

363.

Madankollu, anki jekk din il-miżura kellha tkun ikkwalifikata bħala miżura ta’ kumpens, il-Kummissjoni tikkunsidra li din xejn ma tkun biżżejjed. Fil-fatt, il-punt 40 tal-Linji gwida jgħid li “l-miżuri iridu jkunu proporzjonati mal-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna (…)”. Kif diġà kien imfakkar fil-premessi 341 u 342, il-Kummissjoni tinnota li dawn il-miżuri kienu proposti mill-awtoritajiet Franċiżi meta mqabbla mal-ammont ta’ EUR 15,81 miljun f’għajnuna, ammont li jikkorrispondi għall-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija fl-2002. Madankollu peress li l-ammont totali tal-għajnuna issa jammonta għal madwar EUR 218-il miljun, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżuri proposti mhumiex suffiċjenti meta mqabbla mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għoti ta’ dawn l-għajnuniet.

364.

Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li d-dubji li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jew bħala miżuri ta’ kumpens, kif ukoll bħala miżuri meħtieġa għar-ritorn għall-vijabbiltà, ma tneħħewx. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri proposti jibqgħu ferm insuffiċjenti.

365.

L-awtoritajiet Franċiżi qajmu r-riskju ta’ monopolju favur is-CFF kieku l-SNCM kellha tispiċċa. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Franċiżi ma wrewx biżżejjed l-eżistenza u l-kobor ta’ dan ir-riskju. Filfatt, it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn Franza u Korsika huwa suq miftuħ u kompetittiv għall-operaturi kollha preżenti fil-Mediterran. Dan is-suq huwa kkaratterizzat ukoll min-nuqqas ta’ ostakoli għad-dħul. Fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni ta’ Corsica Ferries mhijiex tali li tiġġustifika li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla mill-miżuri kkontestati.

366.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri proposti ma jissodisfawx il-kriterji mniżżla fil-punti 38 sa 42 tal-linji gwida.

VII.   KONKLUŻJONI

7.1.   INKOMPATIBBILTÀ U RKUPRU TAL-INJEZZJONI F’KAPITAL INNOTIFIKATA MILL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI FL-2002 U TAT-TLIET MIŻURI ĠODDA IMPLIMENTATI MILL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI FL-2006

367.

L-injezzjoni f’kapital ta’ EUR 15,81 miljun innotifikata mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2002 u t-tliet miżuri ġodda implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2006, jiġifieri, il-bejgħ ta’ 100 % tal-SNCM għall-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, iż-żieda tal-kapital ta’ EUR 8,75 miljun sottoskritta mis-CGMF u l-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun għall-impjegati tal-SNCM, hija għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1), tat-TFUE. Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

368.

Il-Kummissjoni tfakkar li skont l-Artikolu 14(1), tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, kull għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern trid tkun irkuprata mingħand il-benefiċjarju.

369.

Għall-finijiet ta’ dan l-irkupru, l-awtoritajiet Franċiżi jridu ukoll iżidu mal-ammont tal-għajnuna l-imgħaxijiet tal-irkupru kurrenti mid-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni saret disponibbli għall-impriża, u dan sal-irkupru effettiv (165), skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (166).

7.2.   INKOMPATIBBILTÀ U RKUPRU TAL-GĦAJNUNA GĦAS-SALVATAĠĠ

370.

Minħabba li l-miżuri nnotifikati skont l-għajnuna għar-ristrutturar ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà previsti fil-linji gwida, normlament wieħed irid jassumi l-konsegwenzi ta’ din l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ awtorizzata lill-SNCM mill-awtoritajiet Franċiżi li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2002, u jintalab l-irkupru tagħha.

371.

Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni kopja tal-ftehimiet ta’ ħlas bil-quddiem bejn l-SNCM u s-CGMF kif ukoll il-provi tar-rimborż tal-ħlas bil-quddiem tas-CGMF lill-SNCM permezz ta’ żewġ trasferimenti bid-data tat-13 ta’ Mejju u tal-14 ta’ Ġunju 2002,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-injezzjoni f’kapital ta’ EUR 15,81 miljun u t-tliet miżuri ġodda implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2006, jiġifieri, il-bejgħ ta’ 75 % tal-SNCM għall-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, iż-żieda tal-kapital b’EUR 8,75 miljun sottoskritti mis-CGMF u l-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun favur l-impjegati tal-SNCM, implimentati minn Franza, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, favur l-SNCM huma għajnuna mill-Istat mhux skont il-liġi u inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Franza tirċievi mingħand il-benefiċjarju l-ħlas lura tal-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu l-imgħax mid-data li fiha ġew magħmula disponibbli għall-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħaxijiet huma kkalkolati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 (167).

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2.   Franza tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fl-erba’ xhur ta’ wara d-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fix-xahrejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, Franza tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u mgħaxijiet) li għandu jkun irkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u dawk previsti sabiex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Franza żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li tkun ħadet sabiex timplimenta din id-deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1. Hija tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu u dawk previsti sabiex tikkonforma ma’ din id-deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuniet u l-imgħaxijiet li tkun diġà rkuprat mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franża.

Magħmula fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru rispettivament l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet, fis-sustanza, huma identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jirreferu, jekk ikun hemm bżonn, għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti emendi fit-terminoloġija, bħal pereżempju s-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni”, ta’ “suq komuni” b’“suq intern” u ta’ “Qorti tal-Prim’Istanza” b’“Qorti Ġenerali”. F’din id-deciżjoni qiegħda tintuża t-terminaloġija tat-TFUE.

(2)  ĠU C 303, 13.12.2006, p. 53.

(3)  Irreġistrata bir-referenza TREN A/61846.

(4)  Is-CGMF hija kumpanija azzjonarja finanzjarja totalment proprjetà tal-Istat Franċiż li sservi bħala intermedjarja għal dan tal-aħħar għal kull operazzjoni ta’ trasport marittimu, ta’ tagħmir u ta’ kiri ta’ bastimenti fil-Mediterran.

(5)  ĠU C 148, 25.6.2003, p. 7.

(6)  ĠU C 308, 11.12.2002, p. 29.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). Billi l-awtoritajiet Franċiżi talbu fil-11 ta’ Settembru 2002 il-korrezzjoni ta’ xi żbalji fattwali fid-deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fis-27 ta’ Novembru 2002 li temenda d-deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2002 (ippubblikata fil-ĠU C 308, 11.12.2002 p. 29). Il-partijiet interessati kienu mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-pjan ta’ għajnuna minn din id-data.

(8)  Fil-11 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi talbu għal aktar żmien sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2002. Dan iż-żmien ġie approvat mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2002.

(9)  Irreġistrati bir-referenza SG(2002) A/10050.

(10)  Irreġistrati fil-15 ta’ Jannar 2003 taħt ir-referenza DG TREN A/10962.

(11)  Irreġistrati bir-referenza SG(2003) A/1691.

(12)  Irreġistrata bir-referenza TREN A/21531.

(13)  Irreġistrati bir-referenza SG(2003) A/1546.

(14)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(15)  Irreġistrata bir-referenza TREN A/21701.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/166/KE tad-9 ta’ Lulju 2003 dwar l-għajnuna għar-ristrutturar li Franza għandha l-intenzjoni timplimenta favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU L 61, 27.2.2004, p. 13).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/36/KE tat-8 ta’ Settembru 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2004/166/KE dwar l-għajnuna għar-ristrutturar li Franza għandha l-intenzjoni li timplimenta favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (ĠU L 019, 21.1.2005, p. 70).

(18)  ĠU C 16, 21.1.2006, p. 20.

(19)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Ġunju 2005, il-Kawża T-349/03 Corsica Ferries France SAS vs il-Kummissjoni, (2005) Ġabra II-2197.

(20)  Irreġistrata bir-referenza TREN A/27546.

(21)  Irreġistrata bir-referenza TREN A/30842.

(22)  Informazzjoni addizzjonali ntbagħtet bil-posta fit-30 ta’ Novembru 2005 (SG(2005) A/10782), fl-14 ta’ Diċembru 2005 (SG(2005)A/11122), u fit-30 ta’ Diċembru 2005 (TRENA/10016).

(23)  Irreġistrata bir-referenza TREN/A/16904.

(24)  Irreġistrata bir-referenza TREN/A/19105.

(25)  Is-sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans GmbH vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH (il-Kawża C-280/00, Ġabra 7747).

(26)  Veolia Transport kienet sussidarja akkwiżita totalment ta’ Veolia Environnement. Hija kienet toffri bl-isem ta’ Connex des services de transport de voyageurs pour le compte de collectivités publiques (sistemi tat-trasport pubbliku suburbani, interurbani u reġjonali) u kienet tamministra għal dan l-iskop netwerks tat-triq u tal-ferrovija u, fi grad iżgħar, xi servizzi tat-trasport marittimu.

(27)  ĠU C 103, 29.4.2006, p. 28.

(28)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(29)  ĠU C 148, 24.6.2006, p. 42.

(30)  Irreġistrat bir-referenza TREN/A/25295.

(31)  Irreġistrat bir-referenza TREN/A/24111.

(32)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(33)  Irreġistrat bir-referenza TREN/A/37907.

(34)  Mill-grupp STEF-TFE fit-28 ta’ Diċembru 2007 (A/20313) u minn Corsica Ferries fis-27 ta’ Diċembru (A/20056).

(35)  Ittri tal-4 ta’ Jannar 2007 (D 2007 300067) mibgħuta lill-grupp STEF-TFE u (D 2007 300068) lill-grupp Corsica Ferries.

(36)  Fil-11 ta’ Jannar, fis-16 ta’ Jannar u fid-9 ta’ Frar 2007, irreġistrati rispettivament bir-referenzi TREN/A/21142, A/21669 u A/23798.

(37)  Fit-13 ta’ Frar 2007, irreġistrati bir-referenzi TREN/A/24473 u TREN/A/23981.

(38)  Irreġistrati mis-servizzi tal-Kummissjoni bin-Nru TREN/A/30979. L-awtoritajiet Franċiżi talbu u ngħataw żewġ estenzjonijiet supplimentari ta’ xahar biex jagħtu l-kummenti tagħhom b’ittra tal-15 ta’ Marzu 2007 u tad-19 ta’ April 2007 irreġistrati bir-referenza TREN/A//27002 u A/29928.

(39)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2012, T-565/08, Corsica Ferries France SAS (minn hawn ‘il quddiem: “is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012”).

(40)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs il-Kummissjoni (T-301/01, Ġabra 2008 p. II-01753), b’mod partikolari l-punti 137 u 146.

(41)  Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-5 ta’ Ġunju 2012, EDF vs il-Kummissjoni (il-Kawża C-124/10 P), punti 83-85 u 104-105, f’dak li jirrigwarda l-elementi li għandhom ikunu kkunsidrati biex ikun iddeterminat jekk Stat ġabx ruħu bħal investitur privat għaqli f’ekonomija tas-suq.

(42)  L-SNCM għandha sehem mhux maġġoritarju dirett ta’ 45 % fis-CMN u sehem mhux maġġoritarju indirett permezz fil-Compagnie Générale de Tourisme et d’Hôtellerie (CGTH) ta’ 24,1 %. Il-kontroll effettiv ingħata mill-1992 lill-grupp STEF-TFE permezz tas-sehem tiegħu ta’ 49 % fil-Compagnie Méridionale de Participations (CMP). L-SNCM u s-CMN kienu sħab fil-qafas tad-DSP fil-perjodu 2001-2006 u ffirmaw b’mod konġunt il-kuntratt il-ġdid ta’ delega ta’ servizz pubbliku għall-perjodu 2007-2012/2013.

(43)  Is-CGTH hija kumpanija azzjonarja pposseduta kollha mill-SNCM.

(44)  Aliso Voyage huwa l-mezz ta’ distribuzzjoni proprju tal-SNCM. Magħmula minn 17-il aġenzija mqassma ma’ Franza kollha, din il-kumpanija tamministra l-bejgħ tal-biljetti marittimi li 49,9 % minnhom huma biljetti tal-SNCM.

(45)  Meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2003, l-SNCM kellha, b’parità mal-grupp tat-trasport Delmas, sehem fil-kumpanija marittima Franċiża tat-trasport tal-merkanzija Sud-Cargos, li hija speċjalizzata fis-servizz ta’ trasport għall-Marokk. Dan is-sehem inbiegħ fl-aħħar tal-2005 għal ammont ta’ EUR 3,3 miljun bħalma jirriżulta mill-pjan ta’ investiment tal-2005 mogħti mill-awtoritajiet Franċiżi fit-28 ta’ Marzu 2006.

(46)  L-SNCM għandha 100 % tal-ishma ta’ din il-kumpanija li tforni l-provvisti tal-ikel għall-bastimenti tal-SNCM.

(47)  Is-soċjetà Ferrytour, hija operatur turistiku li hija pposseduta kollha mill-SNCM. Hija toffri vjaġġi bil-baħar għal Korsika, Sardinja u t-Tuneżija iżda wkoll titjiriet lejn numru kbir ta’ destinazzjonijiet. Hija toffri wkoll, bħala servizz sekondarju, kruċieri qosra u servizzi għat-turiżmu tan-negozju.

(48)  Comptoirs du Sud, li hija sussidjarja stabbilita fl-1996 u pposseduta kollha mill-SNCM tamministra l-ħwienet kollha fuq il-bastimenti.

(49)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna16.

(50)  Napoléon Bonaparte (kapaċità ta’ 2 150 passiġġier u 708 karozza, saħħa ta’ 43 MW, veloċità 23,8 mil nawtiku), bastiment lussuż kbir li jġorr il-karozzi; il-ġdidDanielle Casanova, ikkonsenjat f’Mejju 2002 (kapaċità ta’ 2 204 passiġġier u 700 karozza, saħħa ta’ 37,8 MW, veloċità 23,8 mil nawtiku), kif ukoll bastiment lussuż kbir li jġorr il-karozzi; Île de Beauté (kapaċità ta’ 1 554 passiġġier u 520 karozza, saħħa ta’ 37,8 MW, veloċità 21,5 mil nawtiku), beda s-servizz fl-1979 u ssewwa fl-1989/1990; Méditerranée (kapaċità ta’ 2 254 passiġġier u 800 karozza, saħħa ta’ 35,8 MW, veloċità 24 mil nawtiku) u Corse (kapaċità ta’ 2 150 passiġġier u 600 karozza, saħħa ta’ 27,56 MW, veloċità 23,5 mil nawtiku).

(51)  Paglia Orba (kapaċità ta’ 500 passiġġier, 2 000 metru lineari għall-merkanzija u 120 karozza, saħħa ta’ 19,7 MW, veloċità 19-il mil nawtiku); Monte d’Oro (kapaċità ta’ 508 passiġġier, 1 615-il metru għall-merkanzija u 130 karozza, saħħa ta’ 14,8 MW, veloċità 19,5-il mil nawtiku); Monte Cinto (kapaċità ta’ 111 passiġġier, 1 200 metru għall-merkanzija, saħħa ta’ 8,8 MW, veloċità 18-il mil nawtiku); sa minn Mejju 2003, Pascal Paoli (kapaċità ta’ 594 passiġġier, 2 300 metru għall-merkanzija u 130 karozza, saħħa ta’ 37,8 MW, veloċità 23 mil nawtiku).

(52)  Il-bastiment ta’ veloċità għolja Liamone (kapaċità ta’ 1 116 passiġġier u 250 karozza, saħħa ta’ 65 MW, veloċità ta’ 42 mil nawtiku) li jagħmel ukoll vjaġġi għal Toulon.

(53)  Kollha mogħtija b’lokazzjoni, ħlief għal Danielle Casanova, Pascal Paoli u Liamone.

(54)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(55)  ĠU S 2001/10 – 007-005.

(56)  Awtorità tal-liċenzji għall-obbligi ta’ servizz pubbliku mill-1991 skont il-Liġi Franċiża msemmija Nru 91428 tat-13 ta’ Mejju 1991.

(57)  ĠU 2006/S 100-107350.

(58)  Għajnuna mill-Istat Nru 781/2001 awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2.7.2002, ĠU C 186, 6.8.2002, p. 3.

(59)  Għajnuna mill-Istat Nru 13/2007 awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2007, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/transports_2007.htm

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali

(60)  Ix-xufier jakkompanja l-vetturi kollha matul il-vjaġġ. F’ċerti każijiet, xufier jista’ jgħabbi l-vettura fit-tluq u ieħor iħottha meta tasal. Dan huwa mniżżel bħala traffiku akkompanjat, kuntrarju għat-trasport ro-ro li bih it-trejler jivvjaġġa mingħajr it-trakk.

(61)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(62)  Dan l-ammont tqassam kif ġej: EUR 20,4 miljun għall-pjan ta’ ristrutturar innifsu, EUR 1,8 miljun għall-ispejjeż ta’ żarmar tal-bastimenti għall-bejgħ, EUR 14,8 miljun diprezzament ta’ Liamone u EUR 9 miljun infiq għall-mobilizzazzjoni mill-ġdid tal-attività lejn il-Magreb.

(63)  Dan il-pjan ġie adottat fis-17 ta’ Diċembru 2001 mill-Bord tad-Diretturi tal-SNCM.

(64)  It-tnaqqis tal-impjegati kellu jsir permezz ta’ tluq naturali jew antiċipat abbażi ta’ xi kriterji ta’ età (il-waqfien bikri mix-xogħol), lif tal-mobilità u billi ma jiġġeddux il-kuntratti temporanji. Madankollu dawn kellhom jirrappreżentaw nefqa stmata ta’ EUR 20,4 miljun għall-SNCM.

(65)  Bħat-traffiku, it-tkabbir previst tad-dħul intern gross (1,5 %), ir-rata tas-self (5,5 %), ir-rata tar-redditu tal-prodotti finanzjarji (4,5 %) u r-rata tad-djun fuq żmien qasir (5 %).

(66)  Ara hawn taħt.

(67)  L-SNCM ma sabitx xerrejja għall-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha fis-CCM.

(68)  Il-proċess intern tal-SNCM rigward l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ privatizzazzjoni beda b’mod uffiċjali fit-12 ta’ April 2006 u ntemm fil-31 ta’ Mejju 2006. Irid jiġi speċifikat li fis-27 ta’ Novembru 2007, l-iskema ta’ sjieda ta’ azzjonijiet mill-impjegati ma ġietx implimentata.

(69)  Din il-klawżola sera tkun analizzata fil-kuntest tar-reviżjoni taż-żieda kapitali, filwaqt li huwa ppreċiżat li din il-klawżola nnifisha għandha valur sostanzjali.

(70)  Il-Kawża T 565/08 Corsica Ferries France SAS vs European Commission, għadha ma ġietx irrappurtata.

(71)  Deċiżjoni C(2013) 1926 finali tat-2 ta’ Mejju 2013.

(72)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2

(73)  Ara t-tabella 2

(74)  Fl-2002, l-awtoritajiet Franċiżi kienu ddefendew in-natura strateġika tas-sehem tal-SNCM f’Sud-Cargos. L-iżviluppi fit-traffiku tal-merkanzija (żvilupp tal-kontejner għad-detriment tat-traffiku ro-ro), ix-xiri mill-ġdid ta’ Delmas, azzjonist ieħor ta’ Sud-Cargos, minn CMA CGM u d-diffikultajiet ekonomiċi ta’ Sud-Cargos huma fatturi li jispjegaw għaliex dan is-sehem ma baqax jiġi kkunsidrat bħala wieħed strateġiku u seta’ jinbiegħ fl-2005 mill-SNCM.

(75)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs il-Kummissjoni (il-Kawża 334/99, Ġabra I-1139).

(76)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar l-għajnuna tal-Istat implimentata mill-Belġju favur l-ABX Logistics Nru C 53/2003 (ex NN 62/2003) (ĠU L 383, 28.12.2006, p. 21).

(77)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 1999 dwar l-għajnuna milll-Istat implimentata mill-Ġermanja favur il-Gröditzer Stahlwerke GmbH u s-sussidjarja tagħha Walzwrk Burg GmbH (ĠU L 292, 13.11.1999, p. 27).

(78)  Dan ir-rapport intbagħat lill-Kummissjoni f’Marzu tal-2006 u ġie stabbilit mis-CGMF bl-appoġġ ta’ Ernst & Young, l-awditur legali tal-SNCM (minn hawn ‘il quddiem: “ir-rapport ta’ CGMF”).

(79)  Ir-rapport stabbilit fid-29 ta’ Marzu 2006 minn Oddo Corporate Finance u d-ditta kummerċjali Paul Hastings (rapport Oddo-Hastings) intbagħat lill-Kummissjoni fis-7 ta’ April 2006. Dan jikkonsisti f’reviżjoni kritika, mitluba mill-Agence des Participations de l’Etat (APE) dwar ir-rapporti ta’ CGMF u f’approċċ tal-ispejjeż tal-istralċ iġġudikati bħala aċċettabbli fuq il-livell Komunitarju.

(80)  Meta jitqiesu l-assi fissi tanġibbli (EUR 161,9 miljun) u finanzjarji (EUR 32,7 miljun), il-kontijiet riċevibbli (EUR 0,8 miljun), djun oħra (EUR 9,4 miljun) u d-defiċit f’likwidità ta’ EUR 14,5 miljun. Franza speċifikat li stima aktar realistika, li tikkunsidra xi elementi finanzjarji oħra, twassal dan il-valur għal EUR 330 miljun.

(81)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs il-Kummissjoni l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Ġabra I-4103.

(82)  Sentenza Nru 98-15129 tal-Qorti ta’ Kassazzjoni tas-6 ta’ Frar 2001. Din il-kawża tikkonċerna stabbiliment pubbliku, il-BRGM (Bureau de Recherches Géologiques et Minières) li ġie ordnat iħallas it-total tal-insuffiċjenza tal-assi tas-sussidjarja tiegħu, il-Mines de Salsignes, minħabba li d-direttur tagħha, il-BRGM, minkejja li kien konxju mid-deterjorament tal-attivitajiet u tal-avviżi mogħtija, aġixxa b’mod irresponsabbli billi ħalla l-attività tkompli.

(83)  Il-Kawża Aspocomp Group Oyj; sentenza tal-Qorti tal-Appell (Cour d’Appel) ta’ Rouen tat-22 ta’ Marzu 2005.

(84)  Bħala paragun, ir-rata ta’ redditu ta’ OAT (Obligation Assimilable du Trésor, bonds maħruġa mill-Istat Franċiż) ta’ maturità ta’ 30 sena, 10 snin, 5 snin u sentejn (2) huma ta’ 3,95 %, 3,82 %, 3,75 % u 3,72 % rispettivament fil-31 ta’ Ottubru 2006.

(85)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2002, Société Française de Production, C(2002) 2593 fin – (ĠU C 71, 25.3.2003 p. 3).

(86)  Fil-fatt, skont studju tas-suq indipendenti rraportat minn Franza f’dan ir-rigward, is-CFF […] attwalment għandha madwar 60 % tas-suq tal-passiġġieri filwaqt li sehem l-SNCM għadda minn 82 % tas-suq fl-2000 għal 33 % fl-2005 u kellha żieda kbira fis-suq tat-trasport tal-merkanzija li fih l-SNCM għadha t-trasportatur ewlieni bis-saħħa tas-sehem tagħha fis-CMN.

(87)  Is-CFF tfakkar li l-kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku jiżgura lill-kumpanija sussidju pubbliku ta’ madwar medja ta’ EUR 64,3 miljun kull sena, jiġifieri total ta’ EUR 321,5 miljun fuq medda ta’ ħames snin. Skont hi, l-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ delega ta’ servizz pubbliku jiggarantixxi lill-SNCM likwidità ta’ EUR 72,8 miljun. Barra minn dan, Corsica Ferries tispeċifika li mill-EUR 40,6 miljun ta’ telf irreġistrati fl-2001 mill-SNCM, EUR 15-il miljun ġejjin minn deprezzament ta’ bastiment ta’ veloċità għolja Liamone.

(88)  Id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura kienet tindika li l-pjan għar-ristrutturar kien jipprevedi, fost l-oħrajn, “l-għeluq tar-rotta Bastia-Livorno b’materjal speċifiku”.

(89)  Il-kritika magħmula mis-CFF kienet rigward il-punti li ġejjin: ebda tnaqqis reali tal-impjegati, ebda mobilizzazzjoni tal-ishma tal-SNCM għall-isforz tar-ristrutturar, ma ġiex ikkunsidrat il-qligħ kapitali fuq il-bastimenti.

(90)  Is-somma ta’ EUR 76 miljun tikkorrispondi skont is-CFF għall-500 miljun Frank Franċiż (FRF) li l-kumpanija għandha titlef mal-allokazzjoni ta’ kontinwità territorjali fil-perjodu l-ġdid 2002-2006.

(91)  Meta mqabbel mal-proporzjonijiet li stmat hija stess fuq kampjun ta’ għaxar kumpaniji marittimi. Dawn il-proporzjonjiet ivarjaw minn 23,69 % (għal Moby Lines) sa 55,09 % (għal Grimaldi) u sa 49,7 % għas-CMN.

(92)  Is-CFF tikkwota s-sehem ta’ 50 % fil-kumpanija marittima Sud-Cargos, is-sehem ta’ 13 % f’Amadeus, kumpanija speċjalizzata fis-sistemi ta’ riservazzjoni fit-trasport bl-ajru, is-sehem fis-CMN u l-patrimonju immobiljari tal-CGTH.

(93)  Rigward dan, is-CFF tfakkar li, fit-tieni semestru 2005, infetħet proċedura ta’ twissija quddiem il-Qorti tal-Kummerċ (Tribunal de commerce) ta’ Marsilja u li mill-ħarifa tal-2005 setgħet issir dikjarazzjoni ta’ falliment għat-telf stmat fl-2005 ta’ EUR 30 miljun.

(94)  Għal din ir-raġuni, is-CFF temmen li l-valur reali tal-bastimenti bħalma kien indikat mill-SNCM fil-preżentazzjoni tal-offerta tagħha bħala parti mid-DSP kellu jiġi kkunsidrat fl-istima tal-assi tal-SNCM magħmula mir-rapporti Oddo u CGMF.

(95)  Skont is-CFF, Franza qiegħda tinsisti fuq in-natura essenzjali tal-integrità tas-servizz ta’ trasport minn Nizza, fuq iż-żamma tal-flotta fuq il-livell attwali u fuq in-natura meqjusa strateġika tas-sehem tal-SNCM fil-grupp CMN.

(96)  Fl-1 ta’ Jannar 2007 bl-introduzzjoni tas-Superfast X.

(97)  Is-CFF tipproponi li tillimita għal-livelli tal-2005 il-kapaċitajiet offruti f‘kull wieħed mis-swieq kompetittivi (Nizza, it-Tuneżija u l-Alġerija), li ma tiftaħx rotot ġodda oħra u li tbiddel f’ġarr ta’ merkanzija kif ukoll ta’ passiġġieri s-servizz ta’ trasport Marsilja-Korsika sabiex jonqsu l-ispejjeż.

(98)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, l-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni (il-Kawżi Magħquda 328/99 u 399/00, Ġabra I-4035).

(99)  Fost il-fatti invokati minn dan ir-rapport, jidher li l-bord tad-diretturi tal-SNCM […] (*) is-setgħa tiegħu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

(100)  B’appoġġ għal rapport tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rapport isemmi pereżempju li l-Istat iddeċieda […] (*) jista’ jiddiskuti dwar dan.

(101)  Fost il-fatti invokati minn dan ir-rapport, jirriżulta li l-Istat […] (*) proġett industrijali.

(102)  L-Istat għandu pereżempju […] (*) tal-manigment superjuri tal-SNCM.

(103)  Fl-ittra tiegħu tad-9 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill Reġjonali Provence-Alpes-Côte d’Azur semma fil-fatt l-istudju tas-suq li kien ingħata lill-Kummissjoni fil-qafas tan-notifika u li huwa kellu kopja tiegħu filwaqt li speċifika l-osservazzjoni li ġejja: “Il-forniment [tas-servizz ta’ trasport bejn Korsika u l-kontinent Franċiż] huwa aktar mid-domanda. Il-fattur tat-tagħbija tal-passiġġieri tvarja b’medja ta’ 20 % fix-xitwa u 50 % fis-sajf.

(104)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Ministero dell’Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze (il-Kawża 222/04, Ġabra I-289, paragrafu 129).

(105)  Dan l-ammont jikkorrispondi maż-żieda tal-injezzjoni f’kapital ta’ EUR 15,81 miljun innotifikata fl-2002 u l-ammont tad-DSP, jiġifieri EUR 53,48 miljun, u t-tliet miżuri ġodda implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2006, jiġifieri l-bejgħ ta’ 100 % tal-SNCM għall-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, iż-żieda f’kapital ta’ EUR 8,75 miljuni sottoskritti mis-CGMF u l-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun għall-impjegati tal-SNCM.

(106)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1).

(107)  Is-sentenza Alitalia vs il-Kummissjoni, ara n-nota 40 f’qiegħ il-pagna.

(108)  Is-sentenza Alitalia vs il-Kummissjoni, iċċitata qabel, il-paragrafu 137.

(109)  Is-sentenza Alitalia vs il-Kummissjoni, iċċitata qabel, il-paragrafi 144 u 159.

(110)  Is-sentenza Alitalia vs il-Kummissjoni, iċċitata qabel, il-paragrafi 99 sa 101 u 142.

(111)  Is-sentenza Alitalia vs il-Kummissjoni, iċċitata qabel, il-paragrafu 174.

(112)  Ara nota ta’ qiegħ il-pagna Nru 29.

(113)  Ara nota ta’ qiegħ il-pagna Nru 110.

(114)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2003, il-Kawża 334/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (Ġabra I-1139).

(115)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri: l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KEE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għall-impriżi pubbliċi tas-settur tal-manifattura (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3,il-punt 11). Din il-komunikazzjoni hija relatata mas-settur tal manifattura, iżda tapplika wkoll b’analoġija għas-setturi ekonomiċi l-oħra kollha.

(116)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs il-Kummissjoni l-Kawża 233/99, Ġabra II-435.

(117)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, il-Każijiet Magħqudin 2/96 u 129/95 Neue Maxhütte Stahlwerke GmbH and Lech-Stahlwerke GmbH vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Ġabra II-17, il-paragrafu 116.

(118)  Ara nota ta’ qiegħ il-pagna Nru 80.

(119)  Ara nota ta’ qiegħ il-pagna Nru 113.

(120)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/204/KE tat-30 ta’ Lulju 1997 li tapprova b’mod kundizzjonali l-għajnuniet allokati minn Franza lill-grupp GAN (ĠU L 78, 16.3.1998, p. 6).

(121)  Corsica Ferries France SAS vs il-Kummissjoni, imsemmija fin-nota 39 f’qiegħ il-paġna, il-paragrafi minn 81 sa 83.

(122)  Il-paragrafu 84 tas-sentenza ċċitata qabel

(123)  Il-paragrafu 85 tas-sentenza ċċitata qabel

(124)  Kawża C-73/11 P, Frucona Kosice vs Kummissjoni Ewropea.

(125)  Wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti, il-Kummissjoni innominat espert indipendenti, Moore Stephens, Chartered Accountants, li r-rapport finali tiegħu ħareġ fil-25 ta’ Jannar 2008.

(126)  Dawn huma s-seba’ (7) bastimenti li ġejjin: Corse, Ile de Beauté, Méditerranée, Napoléon Bonaparte, Paglia Orba, Monte d’Oro, Monte Cino.

(127)  Dan it-tnaqqis, li huwa ta’ EUR 52,2 miljun (jiġifieri medja ta’ bejn 25 u 30 % tal-valur tas-suq gross), huwa inter alia ġġustifikat mill-ispeċifiċità tal-bastimenti tal-SNCM li huma adattati għas-servizz ta’ trasport offrut mill-impriża, mill-istat tal-bastimenti u miċ-ċirkustanzi tal-bejgħ tal-flotta kollha (b’mod partikolari l-pożizzjoni dgħajfa ta’ min qed ibigħ). Il-valutazzjoni ta’ BRS tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-ipoteżi tal-bejgħ ta’ bastimenti kompletament f’posthom u aġġornati, fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni u li jaħdmu tajjeb f’kundizzjonijiet kummerċjali normali.

(128)  Stmat għal EUR 4,6 miljun.

(129)  Ir-riskju ġudizzjarju huwa ġġustifikat mill-probabbiltà li l-istralċjarju jkun imġiegħel jipproċedi malajr għall-bejgħ tal-bastimenti u mill-effett ta’ konġestjoni tas-suq minħabba l-kapaċità limitata tiegħu ta’ assorbiment.

(130)  Rigward il-bini (inkluż l-uffiċċju prinċipali tal-SNCM), l-awtoritatjiet Franċiżi jispeċifikaw li l-valur ta’ stralċ magħżul huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni ta’ espert tal-bini f’Novembru 2003 aġġornata b’żieda ta’ 20 % sabiex tiġi kkunsidrata ż-żieda fil-prezzijiet.

(131)  L-assi finanzjarji jikkonċernaw essenzjalment l-investimenti f’ekwità tal-SNCM f’Sudcargos, Aliso, CGTH, CMN u Ferrytour.

(132)  Dan l-oġġett fil-lista jikkonċerna essenzjalment xi krediti sovrani, b’mod partikolari l-kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku għax-xahar ta’ Settembru 2005 u l-ħlas lura tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem mingħand Assedic għas-sena finanzjarja 2004.

(133)  Dan huwa obbligu stabbilit fl-Artikolu L.321-13 tal-kodiċi tax-xogħol li jipprevedi l-ħlas minn min iħaddem ta’ kumpens meta jitkeċċa impjegat ta’ mill-inqas 50 sena.

(134)  Infiq għall-ħolqien tax-xogħol (EUR [0-10]* miljun), infiq għal ftehimiet ta’ tqassim mill-ġdid (EUR [10-20]*miljun), infiq għall-unita ta’ appoġġ u ta’ assistenza għal stazjonar bl-isem ta’ “mobilità” (EUR [0-10]*miljun).

(135)  Infiq għat-tkeċċija tal-persunal b’kuntratt tal-SNCM issekondat lill-kumpaniji affiljati u tal-persunal tas-sussidjarji li sar l-istralċ tagħhom (EUR [0-5]* miljun) u nfiq għal kwistjonijiet relatati mat-terminu tal-kuntratti tax-xogħol u għat-talbiet ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tax-xogħol (EUR [0-10]* miljun).

(136)  Fit-30 ta’ Settembru 2005, l-SNCM operat tliet bastimenti b’lokazzjoni: l-NGV Liamone (proprjetà ta’ EIG Véronique Bail), Danielle Casanova (EIG Joliette Bail) u Pascal Paoli (EIG Castellane Bail).

(137)  Il-suppożizzjonijiet li wasslu għal din il-valutazzjoni huma: L-SNCM twaqqaf il-kuntratti ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri tagħha sat-30 ta’ Settembru 2005, li jfisser li l-bastimenti jiġu rritornati lill-propjetarji rispettivi tagħhom (EIG) u li ma titħallas ebda kera; l-opzjonijiet ta’ xiri ma jistgħux ikunu pprattikati; il-bastimenti jinbiegħu mill-banek kredituri tal-EIG sat-30 ta’ Settembru 2005; id-dħul nett tal-bejgħ tal-bastimenti jintuża b’mod prijoritarju għall-ħlas tad-djun bankarji u tat-taxxa.

(138)  Il-bastimenti Napoléon Bonaparte u Paglia Orba jiggarantixxu l-ammont tas-self għall-bastimenti li serva għall-finanzjament tagħhom.

(139)  Dan il-punt huwa relatat mal-użu li wara li jintemm l-SNCM timpenja ruħha li tħallas parti mill-ispejjeż tal-assigurazzjoni supplementari favur ħaddiema rtirati tagħha.

(140)  Sakemm jispiċċa l-istralċ. It-telf temporanju għandu bħala ipoteżi sottostanti l-ħlas tal-pagi għal xahar wieħed biss. Dan jinkludi wkoll l-infiq ta’ żarmar tal-bastimenti f’pussess proprju, mhux imnaqqas mill-valur tal-assi. Dan l-infiq jikkorrispondi għall-waqfien tal-bastimenti fil-moll sakemm isir il-bejgħ tagħhom.

(141)  Id-djun bla garanzija huma mqassma kif ġej: il-provvediment għal riskji u spejjeż (EUR 3,3 miljun) djun relatati/ishma (EUR 0,1 miljun), fornituri kummerċjali (EUR 28,6 miljun), rappreżentazzjoni ġenerali (EUR 23 miljun), djun tal-grupp u l-imsieħba (EUR 7,8 miljun), kont ta’ regolarizzazzjoni tad-debitu (EUR 6,9 miljun).

(142)  Minħabba l-użu intensiv mill-SNCM ta’ kuntratti suċċessivi għal terminu fiss.

(143)  Il-Liġi Nru 85-98 tal-25 ta’ Jannar 1985 dwar is-salvataġġ u l-istralċ ġudizzjarju tal-impriżi kkodifikata fil-Kodiċi tal-Kummerċ fl-Artikoli L620-1 u ta’ wara; Liġi Nru 2005-845 tas-26 ta’ Lulju 2005 dwar il-protezzjoni, is-salvataġġ u l-istralċ tal-impriżi, ikkodifikata fl-Artikoli 620-1 sa 670-8 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

(144)  Il-ġurisprudenza Franċiża teżiġi li l-maniġer de facto jkun għamel xi atti pożittivi ta’ ġestjoni jew ta’ direzzjoni b’mod rikorrenti.

(145)  Sentenza tal-Qorti ta’ Kassazzjoni, it-30 ta’ Novembru 1993, Nru 91-20 554, Bull. civ. IV, Nru 440, p. 319.

(146)  Ara l-paġni 46 sa 48 tar-rapport Baker &Mc Kenzie.

(147)  Ara b’mod partikolari ż-żewġ sentenzi li tat il-Qorti tal-Appell ta’ Rouen fit-22 ta’ Marzu 2005 – sentenza Nru RG 04/02549 Aspocomp Group Oyj u sentenza Nru RG 01/02667 – 04/02675.

(148)  Cass. com., id-19 ta’ April 2005, Métaleurop.

(149)  Jew li f’din l-okkażjoni ħa impenn ta’ kumpens f’każ ta’ telf ta’ impjiegi fil-ġejjieni.

(150)  Deċiżjoni 98/204/KE, pt. 3.3

(151)  Ara pereżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2003, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (Gröditzer) (il-Kawża C-334/99, Ġabra 2003 p. I-1139), il-paragrafi 133-141 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland e.a. vs il-Kummissjoni (Kawżi konġunti T-268/08 u T-281/08), il-paragrafi 152-159.

(152)  Premessa 208 tad-Deċiżjoni

(153)  ĠU C 142, 11.6.2005, p. 2, premessa (63).

(154)  Il-Punt 137 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012.

(155)  Il-Punt 150 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012.

(156)  Il-paragrafi 102 sa 104 tal-linji gwida tal-2004.

(157)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(158)  Il-provvisti regolamentati huma spejjeż li ddaħħlu fil-kontijiet b’applikazzjoni tar-regoli fiskali.

(159)  Il-paragrafi minn 209 sa 297.

(160)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košica vs il-Kummissjoni, il-Kawża T-11/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, il-paragrafi 244 u 245.

(161)  Il-miżuri tal-2006 jikkonsistu fil-privatizzazzjoni tal-SNCM.

(162)  Ara r-rapport Stephens, studju dwar ir-ristrutturar tal-kumpanija marittima SNCM, p. 85, il-paragrafu 3: l-implimentazzjoni tad-DSP f’Lulju 2007 minflok f’Jannar; il-ħafna tilwim mas-CFF.

(163)  Ara r-rapport Stephens, Studju dwar ir-ristrutturar tal-kumpanija marittima SNCM, p. 96.

(164)  Ara l-Awtorità għall-Kompetizzjoni, Nota Nru 12-A-05 tas-17 ta’ Frar 2012, il-paragrafi 124 u 125.

(165)  Ara l-Artikolu 14(2), tar-Regolament (KE) Nru 659/99.

(166)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30 ta’ April 2004, p. 1).

(167)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


ANNESS

INFORMAZZJONI DWAR L-AMMONTI MOGĦTIJA, LI GĦANDHOM IKUNU RKUPRATI U LI DIĠÀ ĠEW IRKUPRATI

Identità tal-benefiċjarju

L-ammont totali tal-għajnuna mogħtija mill-iskema (*)

L-ammont totali tal-għajnuna li għandu jkun irkuprat (*)

(Kapital)

L-ammont totali diġà mħallas lura (*)

Kapital

Imgħaxijiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*)  F’miljuni tal-munita nazzjonali.