4.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 167/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Ġunju 2014

li tistabbilixxi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Kanċer u li tħassar id-Deċiżjoni 96/469/KE

2014/C 167/05

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 168(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma meħtieġa, b’kuntatt mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-politiki u l-programmi tagħhom fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista’, b’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva siewja sabiex tħeġġeġ dan il-koordinament, b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw skambji tal-aħjar prattika u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perjodiċi.

(2)

Il-White Paper tal-Kummissjoni “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013” (1) adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Ottubru 2007, li tiżviluppa l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa, identifikat il-mard rari bħala prijorità għall-azzjoni.

(3)

Il-Kunsill, fit-2 ta’ Diċembru 2003 adotta Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer (2);

(4)

Il-Kunsill, fl-10 ta’ Ġunju 2008 adotta Konkużjonijiet dwar it-“Tnaqqis tal-piż tal-Kanċer” (3) u fit-13 ta’ Settembru 2010 dwar “Azzjoni kontra l-Kanċer” (4).

(5)

Fl-24 ta’ Ġunju 2009 il-Kummissjoni Ewropea adottat il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea” (5).

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-10 ta’ Novembru 2010, mill-President lill-Kummissjoni, bl-isem “Framework for Commission Expert Groups:Horizontal rules and public register” (Qafas għall-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni: Regoli orizzontali u reġistru pubbliku) (6) (minn hawn ‘il quddiem, il-“qafas għall-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni”) tistabbilixxi sett rivedut ta’ regoli għal kull grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(7)

Il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-kanċer jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi speċjalizzati fl-Istati Membri u mal-partijiet interessati. Dan għandu jwieġeb għad-domandi mir-rappreżentanti u l-partijiet interessati tal-Istat Membru għal koordinazzjoni mtejba fid-dawl tal-espansjoni tal-ħidma kontra l-kanċer. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ għarfien u informazzjoni jista’ jgħin biex isolvi wħud mid-diffikultajiet li qed jaffaċċaw l-Istati Membri fil-kontroll tal-kanċer u se jiffaċilita l-kooperazzjoni ma’ atturi sinifikanti oħra bħall-organizzazzjonijiet tal-pazjenti.

(8)

Il-pariri minn esperti Ewropej ta’ livell għoli fil-qasam tal-kanċer għandhom ikunu dejjem disponibbli f’forma ta’ grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni. Il-grupp ta’ esperti dwar il-kontroll tal-kanċer għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, jipprovdi pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kanċer u jrawwem skambji tal-esperjenzi, tal-politiki u tal-prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-partijiet differenti involuti.

(9)

Dan il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kanċer, rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet Ewropej li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kanċer, assoċjazzjonijiet professjonali Ewropej jew soċjetajiet xjentifiċi li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer, rappreżentant tal-produtturi tal-prodotti jew tal-fornituri tas-servizz fil-qasam tal-kanċer u rappreżentant tal-Aġenżija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, sabiex ikun hemm rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ partijiet interessati u ta’ esperti fil-qasam tal-kanċer.

(10)

Il-grupp ta’ esperti dwar il-kontroll tal-kanċer ma għandux jaġixxi bħala kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(11)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).

(12)

Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/469/KE tat-30 ta’ Lulju 1996 (9) li tistabbilixxi kumitat konsultattiv għal prevenzjoni tal-kanċer għandha titħassar,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-grupp ta’ esperti

Il-grupp ta’ esperti dwar il-kontroll tal-kanċer tal-Kummissjoni, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-grupp ta’ esperti”, huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti tal-grupp ta’ esperti

1.   Fuq talba tal-Kummissjoni jew tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp ta’ esperti għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin fil-qasam tal-kanċer:

(a)

jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ strumenti legali u dokumenti ta’ politika, linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-kontroll tal-kanċer, kif ukoll ta’ dejta dwar il-kanċer li tinkludi l-epidemjoloġija, id-detezzjoni bikrija tal-kanċer u l-iskrining tal-kanċer, l-informazzjoni lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni tal-kanċer, il-proċedura għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-ġestjoni tal-kanċer u aspetti preventivi li jistgħu jiġu żviluppati abbażi tar-riżultati ta’ riċerka fundamentali, traduzzjonali u klinika dwar il-kanċer imwettqa skont il-programmi ta’ riċerka tal-UE u inizjattivi oħra nazzjonali jew internazzjonali ta’ riċerka, kif ukoll dwar temi trażversali relatati mal-kanċer;

(b)

jagħti pariri lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet tal-Unjoni u jissuġġerixxi titjib għall-miżuri meħuda;

(c)

jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(d)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni internazzjonali;

(e)

jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri;

(f)

jipprovdi lill-Kummissjoni b’ħarsa ġenerali dwar il-politiki tal-Unjoni u nazzjonali;

(g)

jiġbor informazzjoni dwar esperjenzi, politiki u prattiki rilevanti tal-Istati Membri u l-partijiet differenti involuti.

2.   Sabiex iwettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, il-grupp ta’ esperti jista’, fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, iressaq opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u rapporti.

3.   Il-kompiti tal-grupp ta’ esperti ma għandhomx jidħlu fi kwistjonijiet koperti mill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (ACSH) imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/C 218/01 (10), mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (11) jew skont id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (12), u lanqas fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompiti tal-Kumitat Farmaċewtiku mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 75/320/KEE (13).

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp ta’ esperti dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kanċer.

Artikolu 4

Sħubija — Ħatra tal-Membri

1.   Il-grupp ta’ esperti għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:

(a)

Awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(b)

Tliet rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kanċer;

(c)

Żewġ rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej li jaħdmu fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kanċer;

(d)

Tliet rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet professjonali Ewropej jew tas-soċjetajiet xjentifiċi li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer;

(e)

Rappreżentant tal-produtturi ta’ prodotti jew tal-fornituri tas-servizz fil-qasam tal-kanċer;

(f)

Rappreżentant tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu wkoll ikunu membri tal-grupp, fuq talba tal-Istati tal-EFTA kkonċernati.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jistgħu wkoll ikunu membri tal-grupp, fuq talba tal-Istati kkonċernati.

4.   Il-membri għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

5.   Il-membri msemmija fil-punti (b), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 1 għandhom jinħatru minn lista ta’ kandidati eliġibbli stabbiliti wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għandha tispeċifika l-kwalifiki u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed isir membru tal-grupp ta’ esperti.

6.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (f) u l-paragrafi 2 u 3 għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti u s-sostituti li jieħdu post ir-rappreżentant meta jkun assenti jew indispost. Il-membri sostituti għandhom jinħatru abbażi tal-istess kundizzjonijiet tar-rappreżentanti. Il-membri sostituti għandhom awtomatikament jieħdu post kwalunkwe membru li jkun assenti jew li jkun indispost.

7.   Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi jista’ jirrifjuta rappreżentant jew membru sostitut propost minn organizzazzjoni jekk ma jkunx jissodisfa l-profil mitlub fis-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess imsemmi fil-paragrafu 5. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni kkonċernata tintalab taħtar rappreżentant jew membru sostitut ieħor.

8.   Il-mandat tal-membri tal-grupp ta’ esperti għandu jkun ta’ tliet snin u jista’ jiġġedded wara li jkunu wieġbu għal sejħa oħra għal espressjonijiet ta’ interess.

9.   Il-mandat ta’ membru għandu jintemm qabel ma jagħlaq il-perjodu ta’ tliet snin f’ każ ta’ riżenja.

10.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(b) sa (f), jew ir-rappreżentanti tagħhom, jistgħu jiġu esklużi jew sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

Nuqqas ta’ kapaċità permanenti li jattendu laqgħat;

(b)

Nuqqas ta’ kapaċità li jikkontribwixxu b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(c)

Nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(d)

Nuqqas sussegwenti ta’ konformità mal-kwalifiki u l-kundizzjonijiet speċifikati fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess kif imsemmija fil-paragrafu 5.

11.   Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi jista’ jitlob li membru msemmi fil-paragrafu 1(b) sa (f) jaħtar rappreżentant jew sostitut ieħor fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 10.

12.   Il-membri li l-mandat tagħhom jintemm qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet snin skont il-paragrafi 8 u 9, jistgħu jkunu sostitwiti għall-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

13.   L-ismijiet tal-membri u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħra (“ir-Reġistru”) (14). L-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jiġu ppubblikati fir-Reġistru.

14.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat

1.   Il-grupp ta’ esperti għandu jitmexxa mid-Direttur responsabbli mill-politika dwar is-saħħa pubblika fid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni. Id-Direttur jista’ jiddelega presidenza lil uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni.

2.   Bi qbil mal-Kummissjoni, il-grupp ta’ esperti jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi tat-termini ta’ referenza ddefiniti mill-grupp. Dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden esperti minn barra l-grupp ta’ esperti li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tagħti status ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet, kif inhu ddefinit fir-Regola 8(3) tal-qafas għall-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE.

4.   Il-membri tal-gruppi ta’ esperti u r-rappreżentanti u s-sostituti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (15). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-grupp ta’ esperti u tas-sottogruppi għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni, b’eċċezzjoni għal-laqgħat li jiġu organizzati xi mkien ieħor minħabba raġunijiet debitament motivati. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. L-aġenda u l-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta’ esperti għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni. Uffiċjali oħra tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ esperti u tas-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp ta’ esperti għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard tal-proċeduri tal-Kummissjoni għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Id-dokumenti rilevanti kollha (bħall-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti), dwar l-attivitajiet imwettqa mill-grupp ta’ esperti għandhom ikunu disponibbli mill-Kummissjoni billi tinkludihom fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit elettroniku ddedikat, fejn tista’ tintsab l-informazzjoni. Dokument ma għandux jiġi ppubblikat jekk l-iżvelar tiegħu jkun jostakola l-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (16).

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp ta’ esperti ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp ta’ esperti għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Tħassir

Titħassar id-Deċiżjoni 96/469/KE.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2007) 630 finali, 23.10.2007.

(2)  ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.

(3)  L-2876 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, l-10 ta’ Ġunju 2008.

(4)  It-3032 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2010.

(5)  COM(2009) 291 finali, 24.6.2009.

(6)  C(2010) 7649 final, 10.11.2010..

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(9)  ĠU L 192, 2.8.1996, p. 31 u ĠU L 204, 14.8.1996, p. 20.

(10)  ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18.

(12)  ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

(13)  ĠU L 147, 9.6.1975, p. 23.

(14)  Membri li ma jixtiqux ikollhom isimhom żvelat jistgħu japplikaw għal deroga minn din ir-regola. It-talba li ma jiġix żvelat l-isem ta’ membru ta’ grupp ta’ esperti għandha titqies bħala ġġustifikata kull meta l-pubblikazzjoni tista’ tipperikola s-sigurtà jew l-integrità tiegħu jew tipperikola b’mod mhux dovut il-privatezza tiegħu.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KESE, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli interni tal-Proċedura tagħha (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(16)  Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba sabiex iħarsu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċeduri fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditjar u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.