21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/9


DEĊIŻJONI Nru 534/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija ('it-Tuneżija') qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Tuneżija, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija”),daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. Skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija, it-Tuneżija ffinalizzat it-tneħħija tat-tariffi għall-prodotti industrijali fl-2008, biex b'hekk it-Tuneżija saret l-ewwel pajjiż tan-Nofsinhar tal-Mediterran li daħal f'żona ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni. Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali komplew jiżviluppaw fil-qafas tal-Pjani ta' Azzjoni tal-PEV, li l-aktar wieħed reċenti li qed jiġi diskuss ikopri l-perijodu 2013-2017.

(2)

L-ekonomija tat-Tuneżija kienet affettwata b'mod sinifikanti minn avvenimenti domestiċi relatati ma' avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran sa minn tmiem l-2010, magħrufa bħala r-“Rebbiegħa Għarbija”, kif ukoll mit-taqlib reġjonali ta' warajha, partikolarment fil-pajjiż ġar, il-Libja. Dawk l-avvenimenti u l-ambjent ekonomiku globali dgħajjef, b'mod partikolari r-reċessjoni fiż-żona tal-euro li hija s-sieħba kummerċjali u finanzjarja ewlenija tat-Tuneżija, kellhom impatt negattiv ħafna fuq l-ekonomija Tuneżina, li wassal għal tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir u ġġenera lakuni esterni kbar baġitarji u ta' finanzjament.

(3)

Wara t-tkeċċija tal-President Ben Ali fl-14 ta' Jannar 2011, l-ewwel elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi tat-Tuneżija seħħew fit-23 ta' Ottubru 2011. Assemblea Nazzjonali Kostitwenti ilha fis-seħħ minn dakinhar, u għalkemm it-tranżizzjoni politika ma kinitx waħda faċli, saru sforzi miftiehma mill-atturi politiċi ewlenin biex jipproċedu bir-riformi lejn sistema kompletament demokratika.

(4)

Il-Kostituzzjoni li ġiet adottata mill-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti tat-Tuneżija tinkludi xi progress fil-qasam tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwu u l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jidderieġu lit-Tuneżija lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

(5)

Minn meta bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija, l-Unjoni, f'diversi okkażjonijiet, iddikjaratl-impenn tagħha li tappoġġalit-Tuneżija fil-proċess ta' riforma ekonomika u politika tagħha. Dakl-impenn ġie affermat mill-ġdid, f'Novembru 2012, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u t-Tuneżija. L-appoġġ politiku u ekonomiku tal-Unjoni għall-proċess ta' riforma tat-Tuneżija huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, kif stabbilit fil-kuntest tal-PEV.

(6)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' għajnuna mingħajr irbit u mhux speċifikata għall-bilanċ tal-pagamenti, li għandu l-għan li jerġa' jġib sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-benefiċjarju u għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li jkun fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom intiżi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment matul il-perijodu tal-programm, u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni.

(7)

F'April 2013, l-awtoritajiet tat-Tuneżija u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu dwar Arranġament mhux prekawzjonarju ta' Riżerva ('il-programm tal-FMI') għal tliet snin tal-SDR (Drittijiet Speċjali ta' Prelevament) ta' 1 146 miljun bħala appoġġ għall-programm ta' aġġustamenti u riformi ekonomiċi tat-Tuneżija. L-objettivi tal-programm tal-FMI huma konsistenti mal-fini tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, partikolarment biex jittaffew diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti fuq perijodu ta' żmien qasir, u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom tkun konsistenti mal-għan tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni għamlet disponibbli EUR 290 miljun f'għotjiet għall-perijodu 2011-2013 bil-programm ta' kooperazzjoni regolari tagħha, biex tappoġġa l-aġenda ta' riforma ekonomika u politika tat-Tuneżija. Barra minn hekk, għall-perijodu 2011 sal-2013 ġew allokati EUR 155 miljun lit-Tuneżija bil-programm “Sostenn għas-sħubija, ir-riforma u t-tkabbir inklużiv” (SPRING, Support for partnership, reforms and inclusive growth).

(9)

F'Awwissu 2013, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika li qiegħda tiddeterjora u tal-prospetti li qegħdin jiħżienu, it-Tuneżija talbet lill-Unjoni għall-assistenza makrofinanzjarja.

(10)

Minħabba li t-Tuneżija hija pajjiż kopert mill-PEV, din għandha tkun ikkunsidrata bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(11)

Minħabba li għad hemm differenza residwa sinifikanti fil-finanzjament estern fil-bilanċ tal-pagamenti tat-Tuneżija lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, u minkejja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' stabbilizzazzjoni ekonomika u ta' riformi b'saħħithom min-naħa tat-Tuneżija, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lit-Tuneżija (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies li tkun tweġiba xierqa għat-talba tat-Tuneżija biex tiġi appoġġata l-istabbilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tgħin l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tat-Tuneżija, filwaqt li tissupplimenta ir-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha jkollha l-għan li tappoġġa r-ripristinar tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna għat-Tuneżija, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tat-Tuneżija u għandha tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tieħu wkoll kont ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fit-Tuneżija u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, objettivi u miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni lejn it-Tuneżija. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(16)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tat-Tuneżija fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha u l-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(17)

Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, u li jiġu promossi r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Kemm il-konformità mal-prekondizzjoni kif ukoll l-ilħuq ta' dawk l-objettivi għandhom jiġu ssorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

(18)

Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu protetti b'mod effiċjenti, it-Tuneżija għandha tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta mal-assistenza. Barra minn hekk, għandu jiġi previst li l-Kummissjoni tagħmel kontrolli u li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħmel awditi.

(19)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(20)

L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(21)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinformahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(23)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal kondizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kondizzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri previst mir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament, il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa adatt li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. B'kont meħud tal-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lit-Tuneżija, il-proċedura ta' eżami għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, jew għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel l-assistenza finanzjarja disponibbli għat-Tuneżija (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) bl-ammont massimu ta' EUR 300 miljun, sabiex jiġu appoġġati l-istabbiltà ekonomika u r-riformi tat-Tuneżija. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tat-Tuneżija għall-bilanċ tal-pagamenti kif identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut lit-Tuneżija fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lit-Tuneżija. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' ħmistax-il sena.

3.   L-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b'mod li jkun konsistenti mal-ftehimiet li saru jew qbil li ntlaħaq bejn l-FMI u t-Tuneżija, u bil-prinċipji ewlenin u l-objettivi tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija u l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija għall-perijodu mill-2013 sal-2017 li ntlaħaq qbil dwaru skont il-PEV. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborż tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli, għal perijodu ta' sentejn u nofs, bil-bidu tagħha mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni.

5.   Fejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament tat-Tuneżija jonqsu b'mod fundamentali matul il-perijodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq ta' din il-prekondizzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Tuneżini dwar politika ekonomika u kondizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jitniżżlu f'Memorandum ta' Qbil (“il-Memorandum ta' Qbil”) li għandu jinkludi perijodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3) inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mit-Tuneżija, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jimmiraw, partikolarment, li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, inkluż l-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom jitqiesu wkoll b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress lejn l-ilħuq ta' dawk l-objettivi għandu jiġi ssorveljat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tuneżini.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-politiki ekonomiċi tat-Tuneżija jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet pagamenti ta' self. Id-daqs ta' kull pagament għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu proviżjonati, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (6).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti soġġetti għat-twettiq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġat minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni, f'perijodu ta' żmien speċifiku, tal-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

L-iżborż tat-tieni pagament m'għandux iseħħ qabel tliet xhur wara li jsir l-ewwel pagament. L-iżborż tat-tielet pagament m'għandux iseħħ qabel tliet xhur wara li jsir it-tieni pagament.

4.   Fejn il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tikkomunika r-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew dik il-kanċellazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja għandha titħallas lill-Bank Ċentrali tat-Tuneżija. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tat-Tuneżija bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' teħid jew għoti ta' self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid ta' self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha tal-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mit-Tuneżija.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim tas-Self li għandhom jiġu miftehma mal-awtoritajiet Tuneżini għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li t-Tuneżija tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ntuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew indebitament approprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tagħha biex iwettqu verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditi matul u wara l-perijodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditi ta' dokumenti u awditi fuq il-post, bħal valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għar-ripagament bikri tas-self fejn ikun ġie stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, it-Tuneżija tkun involuta fi kwalunkwe att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew fi kwalunkwe attività illegali oħra li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operazzjonali, il-validità tal-arranġamenti finanzjarji tat-Tuneżija, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tat-Tuneżija, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tat-Tuneżija u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perijodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

(2)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2).

(3)  Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija ghall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(7)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).