30.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 261/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Ġunju 2014
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra
(2014/494/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 31(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja għall-konklużjoni ta’ ftehim ġdid bejn l-Unjoni u l-Ġeorġja biex jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (1). |
(2) |
Filwaqt li jitqiesu r-relazzjoni storika mill-qrib u r-rabtiet li progressivament joqorbu lejn xulxin bejn il-Partijiet kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġew finalizzati b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-29 ta’ Novembru 2013. |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u applikat parzjalment qabel jidħol fis-seħħ, fuq bażi provviżorja, f’konformità mal-Artikolu 431 tal-Ftehim, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
(4) |
L-applikazzjoni provviżorja ta’ partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont it-Trattati. |
(5) |
Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova l-modifiki għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni Kummerċjali tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, kif propost mis-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 179 tal-Ftehim. |
(6) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jingħataw ħarsien skont dan il-Ftehim. |
(7) |
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
1. Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, f’konformità mal-Artikolu 431 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b’mod provviżorju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, iżda biss safejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta’ sigurtà komuni:
(a) |
Titolu I; |
(b) |
Titolu II: l-Artikoli 3 u 4 u l-Artikoli 7 sa 9; |
(c) |
Titolu III: l-Artikoli 13 u 16; |
(d) |
Titolu IV; bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 151 safejn dan jikkonċerna l-infurzar kriminali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 223 u 224 safejn japplikaw għal proċedimenti amministrattivi u reviżjoni u appell fil-livell ta’ Stat Membru; |
(e) |
Titolu V: l-Artikoli 285 u 291; |
(f) |
Titolu VI: Kapitolu 1 (bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 293, il-punt (e) tal-Artikolu 293, il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 294(2), il-Kapitolu 2 (bl-eċċezzjoni tal-punt (k) tal-Artikolu 298), il-Kapitolu 3 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 30(1), il-Kapitoli 7 u 10 (bl-eċċezzjoni tal-punt (i) tal-Artikolu 333), il-Kapitolu 11 (bl-eċċezzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 338 u l-Artikolu 339), il-Kapitoli 13, 20 u 23, kif ukoll l-Artikoli 312, 319, 327, 354 u 357; |
(g) |
Titolu VII; |
(h) |
Titolu VIII: (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 423(1), safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dak it-Titolu huma limitati biex tkun żgurata l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Ftehim kif definit f’dan il-paragrafu); |
(i) |
L-Annessi II sa XXXI u l-Anness XXXIV, kif ukoll il-Protokolli I sa IV. |
2. Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat b’mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 4
Għall-finijiet tal-Artikolu 179 tal-Ftehim, modifiki tal-Ftehim permezz ta’ deċiżjonijiet tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jaqblu wara oġġezzjonijiet relatati ma’ indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni li tkun ibbażata fuq il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
Artikolu 5
1. Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu IV tal-Ftehim jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.
2. F’konformità mal-Artikolu 175 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni provduta fl-Artikoli 170 sa 174 tal-Ftehim, anke fuq it-talba ta’ parti interessata.
Artikolu 6
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Luxembourg, is-16 ta’ Ġunju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
G. KARASMANIS
(1) Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).
(2) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).