25.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/49


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' Ġunju 2014

dwar l-istabbilment tal-Konsorzju għal Infrastruttura tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali (CERIC-ERIC)

(2014/392/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tas-Slovenja ssottomettew applikazzjoni lill-Kummissjoni fejn għamlu domanda biex jistabbilixxu l-Konsorzju għal Infrastruttura tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (“CERIC-ERIC”).

(2)

Ir-Repubblika Taljana intagħżlet mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tas-Slovenja bħala l-Istat Membru Ospitanti ta' CERIC-ERIC.

(3)

Kull membru ta' CERIC-ERIC għandu jikkontribwixxi in natura billi jopera, jagħmel disponibbli u kontinwament jaġġorna Faċilità tal-Imsieħba waħda għal valur totali tal-investiment li jaqbeż il-EUR 100 miljun u spiża annwali tal-operat totali li taqbeż l-EUR 10 miljun.

(4)

Ir-Repubblika Taljana pprovdiet kontribuzzjoni ospitanti ta' EUR 5,5 miljuni għall-istabbilment u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet integrati ta' CERIC-ERIC, filwaqt li kkunsidrat kontribuzzjonijiet ulterjuri għall-aġġornament u t-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-operat ta' CERIC-ERIC, inkluż t-taħriġ, it-trasferiment teknoloġiku u l-komunikazzjoni.

(5)

Permezz tal-integrazzjoni ta' kapaċitajiet nazzjonali multidixxiplinarji analitiċi, ta' sinteżi u tħejjija ta' kampjuni tal-Membri f'infrastruttura tar-riċerka distribwita b'mod uniku, CERIC-ERIC għandu jikkontribwixxi għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konsorzju għal Infrastruttura tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (CERIC-ERIC) qed jiġi stabbilit.

2.   L-Istatuti ta' CERIC-ERIC huma stipulati fl-Anness. Dawn l-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu magħmula disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku ta' CERIC-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti ta' CERIC-ERIC li l-emendi tagħhom jirrikjedu approvazzjoni mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, huma previsti fl-Artikoli 1, 5, 8, 9, 18, 19, 21, 24, 26 u 27.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

STATUTI TA' CERIC-ERIC

KAPITOLU I — DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbilment, Isem u Sede Statutorja

Artikolu 2

Entità Rappreżentanti

Artikolu 3

Adeżjoni ta' Membri Ġodda

Artikolu 4

Osservaturi

Artikolu 5

Objettivi, Kompiti u Attivitajiet

Artikolu 6

Riżorsi

Artikolu 7

Sena Finanzjarja, Kontijiet Annwali u Prinċipji Baġitarji

Artikolu 8

Politika ta' Aċċess tal-Utenti

Artikolu 9

Responsabbiltà

KAPITOLU II — GOVERNANZA

Artikolu 10

Korpi ta' CERIC-ERIC

Artikolu 11

Assemblea Ġenerali

Artikolu 12

Setgħat u maġġoranzi tal-votazzjoni tal-Assemblea Ġenerali

Artikolu 13

Direttur Eżekuttiv

Artikolu 14

Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet Imsieħba

Artikolu 15

Kumitat Internazzjonali ta' Konsulenza Xjentifika u Teknika

Artikolu 16

Kumitat Espert ta' Verifika Indipendenti

Artikolu 17

Verifika u Valutazzjoni tal-Impatt

Artikolu 18

Politika tar-Riżorsi Umani

Artikolu 19

Proprjetà Intelletwali, Kunfidenzjalità u Politika tad-Dejta

Artikolu 20

Trasferiment Teknoloġiku u Relazzjoni mal-Industrija

Artikolu 21

Politiki tal-Akkwist

Artikolu 22

Komunikazzjoni u Disseminazzjoni

KAPITOLU III — DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Lingwa tal-Ħidma

Artikolu 24

Durata u Irtirar

Artikolu 25

Nuqqas ta' Sodisfar tal-Obbligi

Artikolu 26

Kundizzjonijiet għal Xoljiment

Artikolu 27

Stralċ u Saldu tal-Assi

Artikolu 28

Emendi tal-Istatuti

Artikolu 29

Verżjoni konsolidata tal-Istatuti

PREAMBOLU

Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tas-Slovenja, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Membri”,

B'KONSIDERAZZJONI tal-interessi ta' kull Membru fl-oqsma tar-riċerka rilevanti għall-użu ta' dawl sinkrotronu u sondi mikrosopiċi oħrajn u bbażati fuqu, għal tekniċi analitiċi u ta' modifika, notevolment għall-preparazzjoni u l-karatterizzazzjoni tal-materjali, l-investigazzjonijiet u l-immaġni strutturali fix-Xjenzi tal-Ħajja, in-Nanoxjenza u n-Nanoteknoloġija, il-Wirt Kulturali, l-Ambjent u x-Xjenzi tal-Materjali inġenerali, kif ukoll faċilitajiet li għandhom kapaċitajiet ta' preparazzjoni ta' kampjuni;

B'KONSIDERAZZJONI li dawn l-attivitajiet u tekniċi ta' riċerka huma bażi potenzjali b'saħħitha għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku tal-Membri involuti, u li approċċ internazzjonali fil-livell panEwropew jista' jkun vantaġġ speċifiku biex jitħaffef it-tkabbir, jgħin it-tisħiħ tal-kompetittività taż-Żona Ewropea Ċentrali u l-kontribuzzjoni tagħha għaż-Żona Ewopea tar-Riċerka, ukoll billi jittejbu l-kwalità u l-kapaċità fl-edukazzjoni, it-teknoloġija u fl-attrazzjoni ta' benefiċċji soċjoeknomiċi oħrajn;

B'GĦARFIEN tal-kollaborazzjonijiet diġà eżistenti bejn diversi mill-Istituzzjonijiet tar-Riċerka li joperaw fl-Istati Membri, u r-riżultati pożittivi ħafna ta' dawn il-kollaborazzjonijiet;

FILWAQT LI JQISU l-preżenza tal-istrumentazzjoni tal-ogħla livell u l-faċilitajiet fl-oqsma tar-riċerka msemmija, fil-Membri li jissemmew hawn fuq u f'pajjiżi oħrajn taż-Żona Ewropea Ċentrali;

B'KONSIDERAZZJONI li jkun ta' interess għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi u għall-kostruzzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li tiżdied u tissaħħaħ il-kwalità u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet tagħhom f'Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka Distribwita komuni, fejn tingħeleb il-frammentazzjoni u jiġu sfruttati bis-sħiħ il-kapaċitajiet tal-Membri biex jilħqu u jattiraw l-utenti fil-livell dinji, u biex jikkonnettjaw ma' kapaċitajiet u riżorsi fil-livell internazzjonali;

B'GĦARFIEN tal-fatt li permezz tal-offerta ta' sett ta' servizzi integrati u usa', permezz ta' żvilupp ulterjuri u ġabra ta' kapaċitajiet kumplimentari ta' dawn il-faċilitajiet u l-ftuħ tagħhom għall-komunitajiet xjentifiċi internazzjonali permezz ta' aċċess ta' reviżjoni bejn il-pari, se jkompli jsaħħaħ is-sinifikat Reġjonali u Ewropew tagħhom permezz tal-impatt kompetittiv benefiku bis-saħħa ta' evalwazzjoni komuni ta' livell għoli, valutazzjoni komparattiva u ġestjoni, dwar l-iżvilupp soċjoekonomiku u edukattiv tar-Reġjun kollu, u permezz tal-prevenzjoni ta' eżodu tal-imħuħ u l-kontribuzzjoni għall-possibbiltà ta' iktar żviluppi industrijali;

B'KONSIDERAZZJONI tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 li jipprovdi qafas legali komuni għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC), minn hawn 'il quddiem magħruf bħala r-Regolament;

B'GĦARFIEN li r-Regolament jirrappreżenta qafas legali li jixraq għal impriża kooperattiva msaħħa;

B'KONSIDERAZZJONI li, abbażi tal-Memorandum ta' Qbil “Għall-Istabbilment ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) ta' Infrastrutturi Analitiċi tar-Riċerka — Konsorzju għal Infrastruttura tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali — ‘CERIC-ERIC’” iffirmat fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Grupp ta' Salzburg tal-Ministri tar-Riċerka fis-16 ta' Ġunju 2011, il-Membri interessati qablu dwar l-istabbilment ta' Grupp ta' Ħidma bil-kompitu li jwettaq l-attivitajiet preparatorji kollha meħtieġa għall-istabbilment ta' ERIC;

WARA L-EŻAMINAZZJONI tar-rapport prodott minn dan il-Grupp ta' Ħidma li, inter alia, jikkonferma li r-Regolament jirrappreżenta l-iktar qafas legali adattat għall-impriża kooperattiva tagħhom;

B'KONSIDERAZZJONI tal-appoġġ mogħti lill-kunċett ta' CERIC-ERIC mill-“Grupp ta' Salzburg” tal-Ministri tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali fil-laqgħa ta' Bregenz, fis-26 ta' Ġunju 2011, u d-dikjarazzjoni li kkommettiet lill-Membri jipproponu l-bidu ta' CERIC-ERIC, iffirmat fi Vjenna fil-31 ta' Awwissu 2012;

B'KONSIDERAZZJONI tal-appoġġ mogħti lill-kunċett ta' CERIC-ERIC mid-“Dikjarazzjoni ta' Trieste” adottat fil-Laqgħa Ministerjali tal-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali (CEI) dwar x-Xjenza u t-Teknoloġija fl-2011, ikkonfermat mill-ġdid fil-laqgħa tad-19 ta' Settembru 2012;

BILLI l-Membri jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi CERIC-ERIC bħala entità legali tal-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC).

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbilment, Isem u Sede Statutorja

1.   Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka distribwita li tissejjaħ il-“Konsorzju għal Infrastruttura tar-Riċerka tal-Ewropa Ċentrali”, minn hawn 'il quddiem magħruf bħala“CERIC-ERIC”.

2.   CERIC-ERIC għandu jkollu s-Sede Statutorja tiegħu fi Trieste, l-Italja. Kull ħames snin l-Assemblea Ġenerali għandha tikkunsidra jekk is-Sede Statutorja għandhiex tibqa' fl-istess pajjiż jew tiġi trasferita fit-territorju ta' Membru ieħor. Il-Membru li fih tkun tinsab is-Sede Statutorja permezz ta' Entità Rappreżentanti għandu jiżgura, kif stipulat fl-Artikolu 2, ir-riżorsi għall-attivitajiet operattivi ċentrali komuni ta' CERIC-ERIC inkluż kwalunkwe finanzjament meħtieġ għal dan il-għan, skont l-Artikolu 6.

Artikolu 2

Entità Rappreżentanti

1.   Kull Membru jista' jaħtar “Entità Rappreżentanti” waħda, li tkun entità pubblika, inkluż entitajiet reġjonali jew privati b'missjoni ta' sevizz pubbliku, skont il-paragrafu 3, għall-operat ta' drittijiet u obbligi speċifiċi li ġew delegati esklussivament f'konnessjoni diretta mal-kamp ta' applikazzjoni u l-attivitajiet ta' CERIC-ERIC.

2.   L-Entità Rappreżentanti għandha tkun Istituzzjoni li tista' tappoġġa l-operat xjentifiku/tekniku ta' CERIC-ERIC inkluż il-forniment ta' aċċess għal faċilità waħda (“Faċilità Imsieħba”) li tagħha jkollha s-sjieda u li għandha l-kapaċità xjentifika u teknika biex tikkontribwixxi għall-objettivi, skopijiet u kapaċitajiet ta' aċċess strateġiċi komuni kif hemm stipulat fl-Artikoli 5 u 6.

3.   Kull Membru għandu jinforma lill-Assemblea Ġenerali dwar kwalunkwe bidla fl-Entità Rappreżentanti tiegħu, tad-drittijiet u l-obbligi speċifi li ġew delegati lilha, tat-tmiem tal-ħatra jew kwalunkwe bidla rilevanti oħra, jekk hemm. L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta regoli interni li jispeċifikaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet u r-rwol tal-Entitajiet Rappreżentanti b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proċeduri għall-forniment ta' kontribuzzjonijiet-in natura.

4.   Kull Membru jew Entità Rappreżentanti għandhom jippropononu faċilità waħda bħala l-Faċilità Imsieħba għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali. Il-Faċilità Imsieħba fi ħdan l-Entità Rapprenżentanti għandha tkun definita b'mod ċar sabiex twieġeb b'mod adegwat għall-impenji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet xjentifiċi u tekniċi ta' CERIC-ERIC.

5.   Il-Faċilità Imsieħba għandha tiġi evalwata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(3)(h) u għandha tkun il-punt uniku ta' referenza nazzjonali biex tistimola u tappoġġa l-aċċess u l-ilħuq għal riċerkaturi u persuni tekniċi kif ukoll it-taħriġ u l-valutazzjoni komparattiva internazzjonali tagħhom.

Artikolu 3

Adeżjoni ta' Membri Ġodda

1.   CERIC-ERIC għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni ta' Membri ġodda li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom faċilità analitika eċċellenti jew kampjun ta' kapaċitajiet preparatorji, f'konformità mal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) li jistgħu jintużaw biex jiżviluppaw, u/jew jagħmlu disponibbli għarfien espert u riżorsi tekniċi u xjentifiċi li jixirqu, u japplikaw politika ta' aċċess miftuħ.

2.   L-adeżjoni ta' Membri ġodda għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali.

3.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddefinixxi kriterji u proċeduri ta' evalwazzjoni għall-aċċetazzjoni ta' Faċilità Imsieħba ta' Membru ġdid.

Artikolu 4

Osservaturi

1.   L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jsiru Osservaturi f'CERIC-ERIC permezz ta' ftehimiet speċifiċi suġġett għall-approvazzjoni mill-Assemblea Ġenerali kif previst fl-Artikolu 12(3)(a).

2.   L-osservaturi għandhom ikunu:

(a)

pajjiżi jew organizzazzjonijiet intergovernattivi, b'mod partikolari meta għandhom l-intenzjoni li japplikaw għal sħubija sħiħa filwaqt li jkunu qed jiżviluppaw Faċilitajiet tal-Imsieħba;

(b)

pajjiżi jew organizzazzjoniijiet intergovernattivi involuti fi proġetti konġunti b'kamp ta' applikazzjoni u perspettiva taż-żmien speċifiċi.

3.   Kull Osservatur jista' jaħtar rappreżentant wieħed biex jattendi l-Assemblea Ġenerali mingħajr drittijiet ta' vot.

Artikolu 5

Objettivi, Kompiti u Attivitajiet

1.   L-objettiv ta' CERIC-ERIC għandu jkun li jikkontribwixxi għal riċerka u żvilupp teknoloġiku u programmi u proġetti ta' dimostrazzjoni Ewropej tal-ogħla livell, biex b'hekk jirrappreżenta valur miżjud għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) u għall-potenzjali ta' innovazzjoni tagħha, filwaqt li jistimula impatt benefiċjali fuq l-iżvilupp xjentifiku, industrijali u ekonomiku.

2.   CERIC-ERIC għandu jkompli l-integrazzjoni ta' kapaċitajiet preparatorji multidixxiplinarji nazzjonali analitiċi, ta' sinteżi u ta' kampjuni ta' Faċilitajiet Imsieħba li joperaw primarjament fiż-Żona Ewoprea Ċentrali, f'Infrastruttura tar-Riċerka Distribwita fil-livell tal-UE, miftuħa għar-riċerkaturi fil-livell dinji. CERIC-ERIC għandu jipprovdi, permezz ta' aċċess internazzjonali u sistema ta' reviżjoni bejn il-pari, aċċess miftuħ bla pagament ibbażat fuq il-mertu u r-riżorsi disponibbli, u użu ottimu ta' riżorsi u know-how disponibbli, fuq proposta tal-Membri.

3.   CERIC-ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-kisba tiegħu.

4.   Sabiex CERIC-ERIC jikseb l-objettivi tiegħu, għandu b'mod partikolari:

(a)

jisfrutta l-potenzjal xjentifiku sħiħ taż-Żona Ewropea Ċentrali fid-dawl sinkrotonu u sondi mikroskopiċi oħra għal tekniċi analitiċi u ta' modifika, notevolment għall-preparazzjoni u l-karatterizzazzjoni ta' materjali, investigazzjonijiet u immaġni strutturali ta' Xjenzi tal-Ħajja, in-Nanoxjenza u n-Nanoteknoloġija, il-Wirt Kulutarli, l-Ambjent u x-Xjenzi Materjali. Dan għandu jinkiseb permezz ta' kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet tal-utenti, permezz tal-iżvilupp u d-disponibbiltà ta' ġabra ta' sorsi u strumenti kumplimentari, servizz effiċjenti u kundizzjonijiet ottimi għall-utenti u permezz ta' attivitajiet ta' lħuq għal utenti potenzjali ġodda;

(b)

joffri aċċess miftuħ bla pagament lill-utenti magħżula permezz ta' reviżjoni internazzjonali bejn il-pari abbażi tal-kwalità. Dan l-approċċ għandu jiġi implimentat biex iżomm fil-Membri parteċipanti l-kapaċità li jtejbu l-valur, il-kwalità u l-effettività tal-komunitajiet tar-riċerka tagħhom f'approċċ ta' kooperazzjoni/kompetizzjoni internazzjonali;

(c)

jagħmel użu ottimu ta' riżorsi u know-how permezz ta' koordinazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji rilevanti, permezz tal-promozzjoni u l-koordinazzjoni ta' taħriġ konġunt ta' persunal xjentifiku u tekniku u riċerkaturi żgħażagħ, u permezz ta' kollaborazzjoni ma' komunitajiet tal-viċinat u l-industrija;

(d)

jiżviluppa strateġija u politika komuni għall-proprjetà intelletwali u protezzjoni u sfruttar tan-know-how, permezz tat-trawwim tal-appoġġ għall-iżviluppi industrijali u l-utenti;

(e)

jiżgura komunikazzjoni interna u esterna effiċjenti, promozzjoni tal-koordinazzjoni, attivitajiet ta' lħuq u kummerċjalizzazzjoni;

(f)

japplika għall-finanzjament.

Artikolu 6

Riżorsi

1.   Ir-riżorsi magħmula disponibbli għal CERIC-ERIC għandhom jikkonsistu minn:

(a)

kontribuzzjonijiet in natura mill-Membri jew Entitajiet Rappreżentanti għall-attivitajiet ordinarji ta' CERIC-ERIC. Fuq kunsens tal-Assemblea Ġenerali, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Membri jew Entitajiet Rappreżentanti jistgħu jsiru wkoll fejn jintlaħqu l-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fl-Artikolu 12.

(b)

kontribuzzjonijiet in natura u/jew kontribuzzjonijiet finanzjarji minn Membri, osservaturi u/jew entitajiet pubbliċi jew privati għal proġetti speċifiċi ta' CERIC-ERIC L-Assemblea Ġeneali għandha tapprova proġetti speċifiċi u responsabbiltajiet relatati skont l-Artikolu 9. Għandhom japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi tal-kontabbiltà għall-kontribuzzjonijiet in natura.

(c)

għotjiet finanzjarji, appoġġi, kontribuzzjonijiet minn attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp. L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta regoli u proċeduri għall-użu ta' introjtu minn kuntratti u kontribuzzjonijiet esterni, approvati mill-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 12(3)(l), b'mod partikolari minn attivitajiet iffinanzjati mill-UE.

(d)

introjtu minn attivitajiet ekonomiċi limitati. CERIC-ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati bħal żvilupp konġunt ta' servizzi kummerċjali. Dawn is-servizzi jridu jkunu finanzjarjament awtosostenibbli u jkopru investimenti tal-bidu sal-limitu u d-durata użati għas-servizzi. L-introjtu għandu jiġi magħdud separatament.

(e)

Entitajiet oħrajn u riżorsi finanzjarji. CERIC-ERIC jista' jissellef, sabiex jiżviluppa attivitajiet jew proġetti speċifiċi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 5, suġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali permezz ta' maġġoranza kwalifikata tal-Membri, kif previst fl-Artikolu 12.

(f)

offerti u għotjiet bħal dawk minn karitajiet, fondi tal-lotteriji, entitajiet mhux għal profitt. Suġġett għall-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali, CERIC-ERIC għandu jkun intitolat jaċċetta għotjiet, kontribuzzjonijet speċjali, rigali, donazzjonijiet jew pagamenti oħra minn kwalunkwe persuna naturali jew entità legali bħal karità jew fond ta' lotterija, għall-kompiti u l-attivitajiet stipulati fl-Istatuti.

2.   Ir-riżorsi magħmula disponibbli għal CERIC-ERIC għandhom jintużaw biss għat-twettiq ta' kompiti u attivitajiet stipulati fl-Artikolu 5.

3.   Il-kapaċitajiet ta' CERIC-ERIC għandhom ikunu bbażati fuq kontribuzzjonijiet in natura mill-Membri jew Entitajiet Rappreżentanti biex jissodisfaw il-kamp ta' applikazzjoni komuni. Kontribuzzjonijiet bħal dawn, inkluż il-kondiviżjoni u l-ftuħ tal-aċċess għal faċilitajiet, kapaċitajiet u abbiltajiet tekniċi speċjalizzati, u taħriġ, għandhom jiġu evalwati u mgħaduda sabiex jikkreditaw il-valur tagħhom bħala kontribuzzjonijiet in-natura lil CERIC-ERIC.

4.   Barra minn hekk, riżorsi strumentali u kontribuzzjonijiet oħrajn in natura jistgħu jinkludu żmien ta' aċċess għal strumenti, persunal ssekondat, u kwalunkwe tip ieħor ta' riżors kif maqbul mill-Membri jew Entitajiet Rappreżentanti. L-Assemblea Ġenerali għandha tistabbilixxi sistema ta' kontabbiltà komuni u regoli għall-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet in natura, u l-estimi tagħhom, l-evalwazzjoni tal-ispiża tagħhom u l-valutazzjoni tal-kreditu. Il-valur ta' dawn il-kontribuzzjonijiet in natura għandhom ikunu parti mill-baġit annwali u inklużi fir-rapporti finanzjarji korrispondenti.

Artikolu 7

Sena Finanzjarja, Kontijiet Annwali u Prinċipji Baġitarji

1.   Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru. Il-kontijiet annwali għandhom jinkludu l-valur maqbul tal-kontribuzzjonijiet in natura riċevuti u introjtu ieħor previst fl-Artikolu 6.

2.   Il-kontijiet annwali u l-baġits annwali għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali. Il-kontijiet annwali għandhom jiġu approvati fi żmien erba' xhur jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, sitt xhur, wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Il-kontijiet annwali għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

3.   CERIC-ERIC għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti tal-liġijiet nazzjonali u r-regolamenti nazzjonali rilevanti fir-rigward tal-preparazzjoni, l-iffajljar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

4.   CERIC-ERIC għandu jżomm kont ta' kontribuzzjonijiet u spejjeż in natura u finanzjarji u għandu jiżgura ġestjoni finanzjarja soda li timmira għall-ilħuq ta' baġit bilanċjat.

5.   Il-VAT, id-Dazju tas-Sisa u eżenzjonijiet mogħtija oħrajn, ibbażati fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u rispettivament f'konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2), u fuq l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill (3) 2008/118/KE, għandhom japplikaw biss għal xiri magħmul minn CERIC-ERIC kif ukoll dawk magħmula minn kull Membru, f'konnessjoni diretta mal-użu uffiċjali u esklussiv ta' CERIC-ERIC u għalih, bil-kundizzjoni li tali xiri jsir biss għal attivitajiet mhux ekonomiċi ta' CERIC-ERIC f'konformità mal-attivitajiet tiegħu. L-eżenzjonijiet tal-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta' EUR 300.

6.   CERIC-ERIC għandu jżomm rendikont tal-ispejjeż u l-introjtu tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, l-ispejjeż totali b'marġni raġonevoli. Dawn l-attivitajiet ma għandhomx jiġu koperti minn eżenzjonijiet tat-taxxa.

Artikolu 8

Politika ta' Aċċess tal-Utenti

1.   CERIC-ERIC għandu joffri lill-utenti esterni aċċess miftuħ bla pagament għall-utilitajiet xjentifiċi disponibbli fil-Faċilitajiet tal-Imsieħba, permezz ta' punt tad-dħul u selezzjoni komuni bbażat fuq sistema internazzjonali ta' reviżjoni bejn il-pari, permezz tal-użu uniku ta' kriterji ta' kwalità xjentifika tal-esperimenti proposti, biex b'hekk tiġi żviluppata “modalità Operattiva miftuħa ta' ERA” li timmira li tattira l-aħjar utenti internazzjonali. Għal din il-fini CERIC-ERIC għandu jieħu kull azzjoni possibbli biex jiżgura “aċċess miftuħ bla pagament” għall-utilitajiet xjentifiċi.

2.   Utenti li jkunu jirrikjedu u jaċċessaw servizzi tekniċi u/jew xjentifiċi fuq bażi proprjetarja u/jew għat-taħriġ u l-eduakzzjoni jistgħu jiġu aċċettati wkoll jekk ma jkunux f'kunflitt mal-politika tal-aċċess miftuħ u għandhom iħallsu l-ispiża li tixraq tas-servizzi.

3.   L-Assemblea Ġenerali għandha tistabbilixxi strateġiji u proċeduri għall-Politika tal-Aċċess tal-Utenti kemm għar-riċerka mhux proprjetajra kif ukoll għal dik proprjetarja.

Artikolu 9

Responsabbiltà

1.   CERIC-ERIC għandu jkun responsabbli għad-dejn tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja, għad-dejn ta' CERIC-ERIC, tal-Membri jew tal-Entitajiet Rappreżentanti tagħhom, għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet annwali rispettivi tagħhom għal CERIC-ERIC.

3.   CERIC-ERIC għandu jieħuassikurazzjonijiet xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-kostruzzjoni u l-operat tal-infrastruttura ta' CERIC-ERIC.

4.   Ir-responsabbiltajiet marbuta ma' proġetti speċifiċi mwettqa f'CERIC-ERIC f'isem Membru wieħed jew iktar u/jew Osservaturi għandhom ikunu stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddefinixxi r-responsabbiltà dwar kwistjonijiet oħrajn li jistgħu jkunu konnessi bħal pereżempju għall-użu ta' kontribuzzjonijiet in natura, inkluż dawn li ġejjin minn Osservaturi u entitajiet ta' finanzjament estern.

KAPITOLU II

GOVERNANZA

Artikolu 10

Korpi ta' CERIC-ERIC

Il-korpi amminsitrattivi ta' CERIC-ERIC għandhom ikunu l-Assemblea Ġenerali, id-Direttur Eżekuttiv, il-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba u l-Kumitat Internazzjonali ta' Konsultazzjoni Xjentifika u Teknika (ISTAC).

Artikolu 11

Assemblea Ġenerali

1.   Kull Membru għandu jkun rappreżentat fl-Assemblea Ġenerali minn massimu ta' żewġ delegati. Id-delegati għandhom jinħatru mill-Membru għal terminu ta' tliet snin. It-terminu tad-delegati jista' jiġi mġedded tliet xhur qabel it-tmiem tat-terminu tagħhom. Kull Membru għandu jinforma mingħajr dewmien lill-President tal-Assemblea Ġenerali bil-miktub dwar kwalunkwe ħatra jew tmiem ta' ħatra tad-delegati tiegħu. Jekk delegat wieħed ta' Membru jew it-tnejn li huma ma jkunux jistgħu jattendu laqgħa u jeħtieġu li jiġu rappreżentati minn individwu ieħor awtorizzat, għandha tintbagħat notifika bil-miktub qabel il-laqgħa, mill-Membru konċernat, skont ir-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Assemblea Ġenerali.

2.   Id-delegati jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti u esperti skont ir-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Ġenerali.

3.   Kull Membru għandu jkollu vot wieħed indivisibbli u huwa rappreżentat meta jkun preżenti mill-inqas delegat wieħed jew permezz ta' telekonferenza skont ir-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Ġenerali.

4.   L-Artikolu 15 jistipula li l-President ta' ISTAC għandu jattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali f'kapaċità konsultattiva.

5.   Il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali għandha titlaqqa' b'mod validu jekk żewġ terzi tal-Membri jkunu rappreżentati. Jekk ma tkunx sodisfatta din il-kundizzjoni, għandha tissejjaħ laqgħa ta' repetizzjoni tal-Assemblea Ġeneali bl-istess aġenda kemm jista' jkun malajr skont ir-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Ġenerali. Ħlief f'kwistjonijiet speċifikati fl-Artikolu 12(2) u (3), il-kworum għandu jkun ikkunsidrat milħuq jekk ikunu rappreżentati mill-inqas nofs il-Membri f'laqgħa ta' repetizzjoni tal-Assemblea Ġenerali.

6.   Il-President tal-Assemblea Ġenerali għandu jiġi elett minn fost id-delegati permezz ta' maġġoranza kwalifikata kif jistipula l-Artikolu 12, għal terminu ta' tliet snin. Jista' jinħatar Viċi President bl-istess maġġoranza fuq proposta tal-President u jkollu l-istess terminu tal-President. Fil-każ tal-assenza tal-President u l-Viċi President, l-Assemblea Ġenerali għandha tiġi ppreseduta mill-iżjed delegat anzjan għat-tul tat-terminu tal-ħatra.

7.   Id-Deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 12.

8.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa' mill-inqas darba fis-sena. L-Assemblea Ġenerali għandha titlaqqa' wkoll fuq talba ta' mill-inqas tliet Membri, jew tad-Direttur Eżekuttiv, jekk hekk ikun meħtieġ fl-interess ta' CERIC-ERIC.

9.   L-Assemblea Ġenerali għandha tfassal ir-regoli ta' proċedura tagħha f'konformità mal-Istatuti.

10.   L-ispiża tal-parteċipazzjoni fl-Assemblea Ġenerali għandha tiġġarrab mill-Membri jew mill-Entitajiet Rappreżentanti tagħhom.

11.   L-ispejjeż tal-organizzazzjoni lokali tal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjoni in natura mill-Membru li jospita l-laqgħa.

Artikolu 12

Setgħat u maġġoranzi tal-votazzjoni tal-Assemblea Ġenerali

1.   L-Assemblea Ġenerali għandha tkun l-ogħla korp amministrattiv ta' CERIC-ERIC u għandha tiddeċiedi l-politika ta' CERIC-ERIC f'kwistjonijiet xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi. L-Assemblea Ġenerali għandha tipproduċi struzzjonijiet adattati lid-Direttur Eżekuttiv.

2.   L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta' kunsens kwalunkwe proposta għal emenda fl-Istatuti f'konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament.

3.   Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali permezz ta' maġġoranza kwalifikata ta' żewġ terzi tal-Membri li għandhom dritt tal-vot:

(a)

l-adeżjoni ta' membri ġodda u l-istatus ta' Osservaturi;

(b)

il-proposti għal kontribuzzjonijiet ta' flus mill-Membri suġġett għal limiti u kundizzjonijiet indikati minn kull Membru;

(c)

l-istruttura organizzattiva u funzjonali ta' CERIC-ERIC;

(d)

ir-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Ġenerali;

(e)

ir-regoli finanzjarji kif ukoll kwalunkwe regola u proċedura għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istatuti;

(f)

il-ħatra tal-President u l-membri tal-Kumitat Internazzjonali ta' Konsulenza Xjentifika u Teknika;

(g)

it-teħid ta' self;

(h)

l-approvazzjoni jew ċaħda ta' Faċilità speċifika indikata minn Membru bħala Faċilità tal-Imsieħba, abbażi tal-evalwazzjoni minn ISTAC jew minn Kumitat Internazzjonali tal-Evalwazzjoni ad hoc;

(i)

il-ħatra jew tmiem ta' ħatra tad-Direttur Eżekuttiv u l-attributi tas-setgħat;

(j)

it-tmiem tal-parteċipazzjoni f'CERIC-ERIC ta' Membru li ma jkunx qed jissodisfa l-obbliġi tiegħu;

(k)

l-istralċ ta' CERIC-ERIC u s-saldu tal-assi;

(l)

l-approvazzjoni ta' kuntratti u l-kontribuzzjonijiet esterni.

4.   Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali permezz ta' maġġoranza kwalifikata ta' żewġ terzi tal-Membri preżenti u li għandhom dritt tal-vot:

(a)

l-elezzjoni tal-President u l-Viċi President tal-Assemblea Ġenerali;

(b)

l-adozzjoni tal-programm xjentifiku u tekniku ta' CERIC-ERIC;

(c)

l-adozzjoni tal-programm annwali tal-attivitajiet ordinarji u l-baġit ta' CERIC-ERIC;

(d)

l-adozzjoni ta' proġetti speċifiċi u baġits relatati;

(e)

il-qbil dwar valuri kreditati għall-kontribuzzjonijiet in natura;

(f)

l-adozzjoni tar-Rapport Annwali tal-Attività;

(g)

l-għeluq tal-kontijiet annwali;

(h)

l-istabbilment tal-Kumitati konsultattivi jew Korpi oħra.

5.   Ħlief fejn ikun indikat mod ieħor fl-Istatuti, id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha tal-Assemblea Ġenerali għandhom jittieħdu permezz ta' maġġoranza tal-Membri preżenti u li jivvutaw.

6.   Kull Membru għandu jkollu vot wieħed fl-Assemblea Ġenerali, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot b'mod konġunt fil-mumenti kollha. L-astensjonijiet mhux se jiġu kkunsidrati għall-kisba tal-maġġoranza tal-voti. Fil-każ li jġibu voti indaqs, għandu jiddomina l-vot tal-President tal-Assemblea Ġenerali.

7.   L-Assemblea Ġenerali għandha jkollha wkoll tali setgħat u twettaq tali funzjonijiet oħrajn kif jista' jkun meħtieġ għall-kisba tal-objettivi ta' CERIC-ERIC.

Artikolu 13

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-korp eżekuttiv ta' CERIC-ERIC u r-rappreżentant legali ta' CERIC-ERIC. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' CERIC-ERIC u għandu jattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali f'kapaċità konsultattiva.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Assemblea Ġenerali:

(a)

ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' CERIC-ERIC;

(b)

il-programm annwali xjentifiku u tekniku propost ta' CERIC-ERIC flimkien ma' deskrizzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura li se jiġu pprovduti minn kull Membru f'konsultazzjoni ma' ISTAC u/jew kwalunkwe Korp Amministrattiv ieħor;

(c)

il-baġit propost ta' CERIC-ERIC għas-sena finanzjarja sussegwenti skont ir-regoli finanzjarji, inkluż il-kontijiet tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet ordinarji u l-proġetti speċifiċi;

(d)

il-kontijiet għas-sena finanzjarja preċedenti;

(e)

kwalunkwe oġġett ieħor li jrid jiġi diskuss u approvat mill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 14

Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba

1.   Il-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba għandu jikkonsisti minn Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba nominati mill-Membri jew l-Entitajiet Rappreżentanti.

2.   Il-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

3.   Il-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba għandu jissorvelja l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji approvati mill-Assemblea Ġenerali. Għandu jżomm koerenza u konsistenza f'CERIC-ERIC u l-kollaborazzjoni bejn il-Membri.

4.   Il-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba għandu jiġi kkonsultat mid-Direttur Eżekuttiv dwar il-proposti kollha li għandhom jiġu sottomessi lill-Assemblea Ġenerali dwar:

(a)

il-programm annwali xjentifiku u tekniku propost ta' CERIC-ERIC flimkien mal-kontribuzzjonijiet in natura li se jiġu fornuti minn kull Membru;

(b)

il-baġit propost ta' CERIC-ERIC għas-sena finanzjarja sussegwenti skont ir-regoli finanzjarji, inkluż il-kontabbiltà tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet ordinarji u l-proġetti speċifiċi.

5.   Il-modalitajiet għall-operat tal-Bord tad-Diretturi tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba għandhom jiġu stabbiliti f'regoli ta' proċedura li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 15

Kumitat Internazzjonali ta' Konsulenza Xjentifika u Teknika (ISTAC)

1.   Skont l-Artikolu 12 l-Assemblea Ġenerali għandha taħtar il-membri ta' ISTAC li għandhom ikunu personalitajiet eċċellenti fl-oqsma rilevanti għal CERIC-ERIC, li l-għadd tagħhom għandu jiġi definit fl-Assemblea Ġenerali.

2.   Sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali, ISTAC għandu jipproponi President minn fost il-membri tiegħu biex jinħatar mill-Assemblea Ġenerali.

3.   ISTAC għandu jipprovdi konsulenza indipendenti lill-Assemblea Ġenerali u lid-Direttur Eżekuttiv dwar il-kwistjonijiet strateġiċi kollha kif ukoll dwar l-attivitajiet xjentifiċi u tekniċi kollha mwettqa minn CERIC-ERIC.

4.   ISTAC għandu, b'mod partikolari, jevalwa proposti għal Faċilitajiet tal-Imsieħba ġodda, u l-operat ta' oħrajn eżistenti, u joffri konsulenza lill-Assemblea Ġenerali dwar l-aċċetazzjoni u l-kontinwazzjoni.

5.   L-ispejjeż tal-funzjonament ta' ISTAC għandhom jiġġarrbu mill-Membri fuq bażi ekwa, jew mill-baġit ta' CERIC-ERIC.

Artikolu 16

Kumitat Indipendenti Espert ta' Verifika

1.   Għandu jiġi stabbilit Korp Indipendenti Espert tal-Verifika mill-Assemblea Ġenerali biex jiċċertifika li x-xiri miksub għall-użu bħala kontribuzzjonijiet in natura, li huma inklużi mill-Assemblea Ġenerali fil-Baġit Annwali ta' CERIC-ERIC, huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(5).

2.   Il-membri tal-Kumitat Indipendenti Espert tal-Verifika għandhom jinħatru mill-Assemblea Ġenerali għal terminu ta' tliet snin li ma jiġġeddidx.

3.   Il-Kumitat Indipendenti Espert tal-Verifika għandu jiġi assistit mill-esperti tekniċi u għandu jipprovdi rapport dwar is-sejbiet tiegħu f'kull laqgħa tal-Assemblea Ġenerali.

Artikolu 17

Verifika u Valutazzjoni tal-Impatt

1.   Il-kontijiet ta' CERIC-ERIC u l-baġits u l-valuri globali tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet tiegħu għandhom jiġu ċċertifikati minn awdituri indipendenti maħtura mill-Assemblea Ġenerali. L-ispejjeż ta' dawn il-verifiki għandhom jiġġarrbu minn CERIC-ERIC.

2.   CERIC-ERIC għandu jipproċedi bl-evalwazzjoni perjodika tal-kwalità tal-attivitajiet xjentifiċi tiegħu, u l-valutazzjoni tal-impatt tiegħu dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, dwar ir-Reġjuni li jospitaw il-Faċilitajiet tal-Imsieħba tiegħu u fil-livell internazzjonali. Dan għandu jikkunsidra kemm il-prestazzjoni ta' CERIC-ERIC bħala konsorzju kif ukoll tal-Faċilitajiet tal-Imsieħba uniċi.

Artikolu 18

Politika tar-Riżorsi Umani

1.   CERIC-ERIC għandu jiżgura trattament u opportunitajiet indaqs għall-persunal tiegħu u għandu jappoġġa l-mobbiltà bejn l-Imsieħba u b'mod ġenerali fi ħdan iż-Żona Ewropea Ċentrali jew lil hinn. CERIC-ERIC għandu jistinka biex jattira persunal żgħażugħ bħal studenti, riċerkaturi u persuni tekniċi għal taħriġ f'ambjent internazzjonali miftuħ.

2.   B'mod ġenerali, il-persunal meħtieġ biex iwettaq l-attivitajiet ta' CERIC-ERIC għandu jkun issekondat lil CERIC-ERIC mill-Membri jew Entitajiet Rappreżentanti, Osservaturi jew istituzzjonijiet oħrajn ta' kollaborazzjoni.

3.   L-ispejjeż marbuta mal-persunal issekondat għandhom jiġġarrbu mill-Membru li qed jissekonda jew l-Entità Rappreżentanti u ħlief għal każijiet eċċezzjonali jkun responsabbli bħala parti mill-kontribuzzjoni in natura. L-issekondar marbut ma' proġetti speċifiċi jew għal skopijiet ta' taħriġ jista' jkun ukoll responsabbiltà f'konformità mal-modalitajiet ta' proġett speċifiku.

4.   Il-politika u r-regoli interni għall-kiri tal-persunal minn CERIC-ERIC għandhom ikunu definiti mill-Assemblea Ġenerali u bbażati fuq kuntratti ta' terminu fiss.

Artikolu 19

Proprjetà Intellettwali, Kunfidenzjalità u Politika tad-Dejta

1.   It-terminu “Proprjetà Intellettwali” (IP) għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta' Lulju 1967.

2.   L-iskambju u l-integrazzjoni tal-proprjetà intellettwali bejn il-Membri jew l-Entitajiet Rappreżentanti għandhom ikunu suġġett għal regoli interni approvati mill-Assemblea Ġenerali fejn jimmiraw lejn it-titjib tal-valur miżjud tal-IP u l-impatt fuq l-ekonomiji reġjonali u tal-UE. Ir-regoli interni għandhom jindirizzaw ukoll it-termini tal-kunfidenzjalità tad-dejta skambjata.

3.   L-IP iġġenerata b'riżultat tal-attivitajiet ffinanzjati minn CERIC-ERIC għandha tkun il-proprjetà ta' CERIC-ERIC.

4.   CERIC-ERIC għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

Artikolu 20

Trasferiment Teknoloġiku u Relazzjoni mal-Industrija

CERIC-ERIC, bħala faċilità distribwita, għandu jaġixxi bħala punt fokali għall-industrija Ewropea billi:

(a)

jipprovdi għajnuna fir-R&Ż u kollaborazzjoni mal-industrija, eż. żviluppi konġunti, prekwalifikazzjoni permezz ta' tfassil ta' prototipi;

(b)

itejjeb l-effett ekonomiku tal-Membri individwali jew Entitajiet Rappreżentanti permezz tal-bini ta' sinerġiji u oġġetti komuni fit-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija;

(c)

jisħaq fuq l-involviment u l-opportunitajiet tal-industrija;

(d)

jistimula u jappoġġa industriji li huma spin-offs tar-Riċerka.

Artikolu 21

Politiki tal-Akkwist

Il-Politika tal-Akkwist ta' CERIC-ERIC għandha tkun bbażata fuq il-prinċipji ta' trasparenza, in-nondiskriminazzjoni, u l-kompetizzjoni, b'konsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-offerti jissodisfaw l-aħjar rekwiżiti tekniċi, finanzjarji u ta' twassil, filwaqt li jipprovdu notifika minn qabel lill-industrija dwar l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għar-realizzazzjoni ta' komponenti u sistemi avvanzati.

Artikolu 22

Komunikazzjoni u Disseminazzjoni

1.   Il-kompiti u l-attivitajiet ta' CERIC-ERIC jimmiraw għat-tisħiħ tar-riċerka Ewropea u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni tiegħu għandhom jappoġġaw dan l-approċċ strateġiku.

2.   CERIC-ERIC għandu jippromwovi d-disseminazzjoni tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u l-għarfien xjentifiku u tekniku li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu lill-komunità xjentifika, l-ambjent industrijali u l-pubbliku ġenerali.

3.   CERIC-ERIC għandu, fejn jixraq, jinteraġixxi ma' fassala rilevanti tal-politika sabiex javvanza l-objettivi tiegħu.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Lingwa tal-Ħidma

Il-lingwa tal-ħidma ta' CERIC-ERIC għandha tkun l-Ingliż.

Artikolu 24

Durata u Irtirar

1.   CERIC-ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta' għaxar snin u għandu jiġi estiż awtomatikament għal perjodi suċċessivi ta' għaxar snin.

2.   Il-Membri jistgħu jirtiraw minn CERIC-ERIC wara perjodu inizjali ta' ħames snin ta' sħubija billi jagħtu avviż bil-miktub minn sena qabel. Kwalunkwe irtirar għandu jidħol fis-seħħ fl-aħħar tas-sena finanzjarja wara dik li fiha jkun ingħata l-avviż jew f'data iktar tard kif jista' jipproponi Membru.

3.   Membru li jirtira għandu jibqa' marbut fir-rigward tal-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha pendenti lejn CERIC-ERIC u l-partijiet terzi fil-mument li fih daħal fis-seħħ l-irtirar u għal kwalunkwe kumpens għal danni fir-responsabbiltà ta' CERIC-ERIC minħabba deċiżjoni jew atti li inġabru f'daqqa qabel l-irtirar tiegħu.

Artikolu 25

Nuqqas ta' Sodisfar tal-Obbligi

Jekk Membru jonqos li jissodisfa l-obbligi prinċipali tiegħu skont l-Istatuti, għandu jieqaf ikun membru ta' CERIC-ERIC wara deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali meħuda permezz ta' maġġoranza kwalifikata ta' żewġ terzi tal-Membri li għandhom dritt tal-vot. Il-Membru inadempjenti ma għandux ikollu dritt tal-vot fid-deċiżjoni dwar l-inadempjenza.

Artikolu 26

Kundizzjonijiet għal Xoljiment

CERIC-ERIC għandu jiġi xolt b'riżultat ta':

(a)

irtirar ta' Membru wieħed jew iktar b'liema effett ir-rekwiżiti tar-Regolament ma jistgħux jibqgħu jiġu sodisfatti;

(b)

l-impossibbiltà tal-ilħuq tal-objettivi ta' CERIC-E RIC;

(c)

ftehim reċiproku tal-Membri.

Artikolu 27

Stralċ u Saldu tal-Assi

1.   F'każ ta' xoljiment ta' CERIC-ERIC, CERIC-ERIC għandu jibqa' marbut fir-rigward tal-obbligi u l-impenji kollha pendenti fir-rigward ta' partijiet terzi.

2.   L-istralċ ta' CERIC-ERIC b'riżultat ta' waħda mill-kundizzjonijiet ta' xoljiment elenkati fl-Artikolu 26, għandu jirrikjedi deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali meħuda minn maġġoranza kwalifikata ta' żewġ terzi tal-Membri kollha li għandhom dritt ta' vot u notifikata lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 16 tar-Regolament. Tali deċiżjoni għandha mill-inqas tispeċifika:

(a)

l-għadd ta' likwidaturi u regoli tal-funzjonamnet tal-bord tal-likwidatur fil-każ ta' pluralità tal-likwidaturi;

(b)

il-ħatra tal-likwidaturi u indikazzjoni tal-likwidaturi li għandhom ikunu rappreżentanti legali tal-istralċ ta' CERIC-ERIC;

(c)

il-kriterji tal-istralċ, inkluż it-trasferimnet possibbli ta' attivitajiet għal entità legali oħra, u s-setgħat tal-likwidaturi.

Artikolu 28

Emendi tal-Istatuti

Il-proposti għall-emendi tal-Istatuti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali permezz ta' kunsens u sottomessi lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament.

Artikolu 29

Verżjoni konsolidata tal-Istatuti

L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku ta' CERIC-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu. Kwalunkwe emenda fl-Istatuti għandha tkun indikata b'mod ċar b'nota li tispeċifika jekk l-emenda tikkonċernax element essenzjali jew mhux essenzjali tal-Istatuti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament u l-proċedura segwita għall-adozzjoni tiegħu.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).