24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/135


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta' Ġunju 2014

dwar l-emissjonijiet storiċi addizzjonali mill-avjazzjoni u l-kwoti addizzjonali tal-avjazzjoni biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/389/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja (1), u b'mod partikolari t-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt (i) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja li jikkonċerna l-inklużjoni tat-titjiriet kollha bejn iż-żewġ ajrudromi li jinsabu fit-territorju Kroat, u t-titjiriet kollha bejn ajrudrom li jinsab fit-territorju Kroat u ajrudrom li jinsab f'pajjiż barra ż-żona taż-ŻEE (minn issa “attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni”) jistipula li, b'deroga mill-Artikolu 3c(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-perjodu msemmi fl-Artikolu 13(1) ta' dik id-Direttiva u li jibda mill-1 ta' Jannar 2013 għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2014 għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni.

(2)

Skont il-punt (ii) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, b'deroga mill-Artikolu 3c(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, b'segwitu għall-proċedura msemmija f'dik l-istess dispożizzjoni, dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni fi żmien perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-adeżjoni.

(3)

Il-kwantità totali ta' kwoti li jridu jiġu allokati għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru hija ddefinita bħala perċentwal tal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni. Il-punt (s) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE jiddefinixxi/u l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni bħala l-medja tal-emissjonijiet annwali fis-snin kalendarji 2004, 2005 u 2006 mill-inġenji tal-ajru li jkunu wettqu xi attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I ta' dik id-Direttiva. L-Artikolu 3c(2) ta' dik id-Direttiva jistipula li l-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi kkalkulata abbażi ta' dik il-medja storika.

(4)

Il-Kummissjoni ġiet megħjuna mill-EUROCONTROL, skont l-Artikolu 18b tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-kalkolu ta' emissjonijiet storiċi tal-avjazzjoni għal attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni. L-aħjar dejta disponibbli għall-kalkolu tal-emissjonijiet storiċi tqieset li kienet id-dejta komprensiva dwar it-traffiku tal-ajru li tinsab fil-bażijiet tad-dejta tal-EUROCONTROL mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot (Central Route Charges Office — CRCO) u mill-Unità Ċentrali Amministrattiva tal-Fluss (Central Flow Management Unit — CFMU). Dawn jipprovdu t-tul reali tar-rotta għal kull titjira individwali. L-emissjonijiet imbagħad ġew ikkalkolati b'kull titjira meħuda separatament bl-użu tal-metodoloġija ANCAT 3 (Abatement of Nuisances Caused by Air Transport — Tnaqqis tal-Fastidji Kkaġunati mit-Trasport bl-Ajru) u l-metodoloġija CASE (Calculation of Emissions by Selective Equivalence — Kalkolu tal-Emissjonijiet permezz tal-Ekwivalenza Selettiva). Dan l-approċċ biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet storiċi kien imsaħħaħ aktar permezz tal-użu tal-informazzjoni dwar il-konsum reali tal-fjuwil mogħtija volontarjament minn għadd rappreżentattiv ta' operaturi tal-inġenji tal-ajru sabiex jiġu vvalidati r-riżultati.

(5)

L-emissjonijiet annwali ta' attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni fis-sena kalendarja 2004 mill-inġenji tal-ajru li wettqu xi attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tqiesu li jammontaw għal 114 024 tunnellata ta' CO2. L-emissjonijiet annwali matul is-sena kalendarja 2005 minn tali inġenji tal-ajru tqiesu li kienu jammontaw għal 126 827 tunnellata ta' CO2, u l-emissjonijiet annwali fis-sena kalendarja 2006 minn tali inġenji tal-ajru tqiesu li laħqu l-127 120 tunnellata ta' CO2. L-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni huma ta' 122 657 tunnellata ta' CO2.

(6)

Skont il-punt (viii) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, b'deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni, in-numru ta' kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għandu jiġi ikkalkulat bil-multiplikazzjoni tal-punt ta' riferiment imsemmi fil-punt (e) ta' Artikolu 3e(3) ta' dik id-Direttiva bit-total tad-dejta tunnellata-kilometru inkluża fl-applikazzjonijiet sottomessi lill-Kummissjoni skont il-punt (vi) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

(7)

Il-Kummissjoni analizzat l-applikazzjonijiet relatati mal-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni ppreżentati mill-Kroazja skont il-punt (vi) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja u l-kalkoli tal-emissjonijiet storiċi tal-avjazzjoni għal attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni pprovduti mill-EURCONTROL u tikkonkludi li l-punt ta' referenza speċifikat fil-punt (e) tal-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandux ikun soġġett għal fattur ta' korrezzjoni uniformi kif previst fil-punt (viii) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

(8)

Skont il-punt (iii) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, b'deroga mill-Artikolu 3d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, mill-1 ta' Jannar 2014, il-perċentwal tal-kwoti li se jiġu rkantati għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni għandu jkun il-proporzjon ta' kwoti li jifdal wara li jitnaqqas in-numru ta' kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas taħt il-punt (d) tal-Artikolu 3e(3) ta' dik id-Direttiva u n-numru ta' kwoti li jitwarrbu f'riżerva speċjali skont l-Artikolu 3f ta' dik id-Direttiva.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni ġew ikkunsidrati fil-Kumitat dwar it-tibdil fil-klima.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emissjonijiet storiċi addizzjonali mill-avjazzjoni għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni jammontaw għal 122 657 tunnellata ta' CO2.

Artikolu 2

In-numru totali ta' kwoti fl-Unjoni kollha għall-attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni għal kull sena tal-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa 116 524.

Artikolu 3

Il-kalkoli relatati man-numru ta' kwoti li għandhom jiġu allokati għal attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni skont il punt ta' riferiment imsemmi f'punt (e) tal-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqarrbu lejn l-eqreb kwota.

Artikolu 4

In-numru totali ta' kwoti fl-Unjoni kollha li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għal attivitajiet addizzjonali tal-avjazzjoni għal kull sena tal-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa ta' 41 584.

Artikolu 5

In-numru totali ta' kwoti addizzjonali fl-Unjoni kollha biex jitwarrbu f'riżerva speċjali huwa ta' 3 495.

Artikolu 6

In-numru totali ta' kwoti addizzjonali tal-avjazzjoni fl-Unjoni kollha li għandhom jiġu rkantati għal kull sena tal-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa ta' 71 445.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 112, 24.4.2012, p. 6.

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).