24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/52


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/380/PESK

tat-23 ta' Ġunju 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1).

(2)

Fid-19 ta' Marzu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2146 (2014) (UNSCR 2146 (2014)), li tawtorizza lill-Istati Membri tan-NU biex jispezzjonaw bastimenti tal-ibħra miftuħa indikati mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 24 tal-UNSCR 1970 (2011) (“il-Kumitat”).

(3)

Il-UNSCR 2146 (2014) tipprovdi li l-Istati tal-bandiera ta' bastimenti indikati għandhom, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jidderieġu tali bastimenti biex ma jħottux, jittrasportaw jew jarmu żejt mhux maħdum esportat b'mod illeċitu mil-Libja abbord il-bastimenti, mingħajr direzzjoni mill-punt fokali tal-Gvern tal-Libja.

(4)

Barra minn hekk, il-UNSCR 2146 (2014) tipprovdi li l-Istati Membri tan-NU għandhom, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu bastimenti magħżulin milli jidħlu l-portijiet tagħhom, dment li tali dħul ma jkunx meħtieġ għal xi spezzjoni, f'każ ta' emerġenza jew fil-każ ta' ritorn lejn il-Libja.

(5)

Barra minn hekk, il-UNSCR 2146 (2014) tipprovdi li f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, il-forniment ta' servizzi ta' bunkering, bħall-forniment ta' karburant jew provvisti, jew manutenzjoni oħra għall-bastimenti, għal bastimenti indikati għandu jkun ipprojbit, sakemm id-dispożizzjoni ta' tali servizzi tkun neċessarja għal finijiet umanitarji, jew fil-każ tar-ritorn lejn il-Libja.

(6)

Il-UNSCR 2146 (2014) tipprovdi wkoll li f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, it-transazzjonijiet finanzjarji fir-rigward taż-żejt mhux maħdum li jkun esportat b'mod illiċitu mil-Libja abbord bastimenti indikati m'għandhomx ikunu involuti.

(7)

Skont id-Deċiżjoni 2011/137/PESK, il-Kunsill wettaq rieżami komplet tal-listi ta' persuni u entitajiet stipulati fl-Annessi II u IV għal din id-Deċiżjoni.

(8)

L-informazzjoni ta' identifikazzjoni fir-rigward ta' entità waħda fuq il-lista ta' persuni u entitajiet stipulati fl-Anness IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandha tiġi aġġornata.

(9)

Mhemmx iktar raġunijiet biex jinżammu żewġ entitajiet fuq il-lista ta' persuni u entitajiet stipulata fl-Anness IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK.

(10)

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4b

1.   F'konformità mal-paragrafi 5 sa 9 tal-UNSCR 2146 (2014), l-Istati Membri jistgħu jispezzjonaw il-bastimenti indikati fl-ibħra miftuħa, billi jużaw il-miżuri kollha li jikkorrispondu għal ċirkostanzi speċifiċi, f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont il-każ, jagħmlu tali spezzjonijiet u jidderieġu l-bastiment biex jieħdu azzjonijiet adatti sabiex bil-kunsens tal-Gvern tal-Libja u f'koordinazzjoni miegħu jirritornaw iż-żejt mhux maħdum lil-Libja.

2.   Qabel ma jagħmlu spezzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-ewwel għandhom jipprovaw jiksbu l-kunsens tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment.

3.   L-Istati Membri li qed jagħmlu spezzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw minnufih rapport dwar l-ispezzjoni lill-Kumitat li jinkludi dettalji rilevanti, inklużi sforzi li saru biex jinkiseb il-kunsens tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment.

4.   L-Istati Membri li jagħmlu spezzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li tali spezzjonijiet isiru b'bastimenti tal-gwerra u b'bastimenti li huma tal-Istat jew operati minnu u użati biss fuq servizz tal-gvern mhux kummerċjali.

5.   Il-paragrafu 1 m'għandux jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi jew ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, inklużi drittijiet jew obbligi taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, inkluż il-prinċipju ġenerali tal-ġurisdizzjoni esklussiva ta' Stat tal-bandiera fuq il-bastimenti tiegħu fl-ibħra miftuħa, fir-rigward ta' bastimenti mhux indikati u fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra li mhix dik imsemmija f'dak il-paragrafu.

6.   L-Anness V jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafu 1 indikati mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafu 11 tal-UNSCR 2146 (2014).

Artikolu 4c

1.   Stat Membru li huwa Stat tal-bandiera ta' bastiment magħżul għandu, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, jidderieġi l-bastiment biex ma jħottx, jittrasporta, jew jarmi żejt mhux maħdum esportat b'mod illeċitu mil-Libja abbord il-bastiment, mingħajr direzzjoni mill-punt fokali, kif imsemmi fil-paragrafu 3 tal-UNSCR 2146 (2014).

2.   L-Istati Membri għandhom, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, jiċħdu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta' bastimenti sakemm tali dħul ikun meħtieġ għal skopijiet ta' spezzjoni, jew fil-każ ta' emerġenza jew fil-każ ta' ritorn lejn il-Libja.

3.   Il-forniment minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' servizzi ta' bunkering tal-Istati Membri, bħall-forniment ta' karburant jew provvisti, jew manutenzjoni oħra ta' bastimenti, għal bastimenti indikati għandu, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, ikun ipprojbit.

4.   Il-paragrafu 3 m'għandux japplika fejn l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru rilevanti tiddetermina li l-forniment ta' tali servizzi huwa meħtieġ għal skopijiet umanitarji, jew li l-bastiment imur lura lejn il-Libja. L-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kumitat b'kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din.

5.   It-transazzjonijiet finanzjarji miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew l-entitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jew mit-territorji tal-Istati Membri fir-rigward taż-żejt mhux maħdum esportat b'mod illeċitu mil-Libja abbord bastimenti indikati għandhom, f'każ li l-indikazzjoni mill-Kumitat tkun speċifikat dan, ikunu pprojbiti.

6.   L-Anness V jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5 indikati mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafu 11 tal-UNSCR 2146 (2014).”;

(2)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kunsill għandu jimplimenta l-modifiki għall-Annessi I, III u V abbażi tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kumitat.”

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9b

Fejn il-Kumitat jindika bastiment kif imsemmi fl-Artikolu 4b(1) u l-Artikolu 4c(1),(2),(3) u (5), il-Kunsill għandu jinkludi tali bastiment fl-Anness V.”.

Artikolu 2

L-Anness I għal din id-Deċiżjoni għandu jiżdied mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK bħala Anness V.

Artikolu 3

L-Anness IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53


ANNESS I

“ANNESS V

LISTA TA' BASTIMENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4b(1) U L-ARTIKOLU 4c(1),(2),(3) U (5)

…”


ANNESS II

L-Anness IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata għall-entità “Capitana Seas Limited” hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“36.

Capitana Seas Limited

 

Entità inkorporata fil-BVI proprjetà ta' Saadi Qadhafi

12.4.2011”

(2)

l-entrati għall-entitajiet li ġejjjin huma mħassra:

Libyan Holding Company for Development and Investment;

Dalia Advisory Limited (LIA sub).