18.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Ġunju 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/778/UE li tawtorizza lil ċerti Stati Membri jipprevedu derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada

(notifikata bid-dokument C(2014) 3878)

(It-testi bil-Grieg, bl-Ispanjol, bil-Malti, bil-Portugiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(2014/368/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/778/UE (2) tipprevedi deroga għall-importazzjoni ta' patata għaż-żrigħ li toriġina minn ċerti provinċji tal-Kanada f'Ċipru, fil-Greċja, fl-Italja, f'Malta, fil-Portugall u fi Spanja, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Id-deroga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/778/UE kellha limitu taż-żmien. Il-Portugall talab għal estensjoni ta' dik id-deroga. Is-sitwazzjoni li tiġġustifika dik id-deroga baqgħet ma nbidlitx u għaldaqstant id-deroga għandha tkompli tapplika. Huwa f'loku li wieħed jistenna li l-patata importata tkompli tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' meta japplikaw id-derogi. Għaldaqstant huwa xieraq li l-awtorizzazzjonijiet għad-derogi mogħtija f'din id-Deċiżjoni jiġu estiżi għal perjodu itwal minn dawk awtorizzati b'Deċiżjonijiet preċedenti, jiġifieri sal-31 ta' Marzu 2024.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/778/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/778/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(2), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

għall-istaġuni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-patata mill-1 ta' Diċembru sal-31 ta' Marzu ta' kull sena sal-31 ta' Marzu 2024.”

(2)

L-Artikolu 15 jinbidel b'dan li ġej:

“L-Artikolu 15

L-awtorizzazzjoni dwar il-provvediment tad-derogi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandha tiġi revokata qabel il-31 ta' Marzu 2024 jekk:

(a)

id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli minn 2 sa 13:

(i)

jintwerew li huma insuffiċjenti biex l-Unjoni tiġi mħarsa mill-introduzzjoni tal-organiżmi ta' ħsara li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 jew

(ii)

ma nżammitx konformità magħhom;

(b)

ikun hemm elementi li jisfidaw l-iffunzjonar kif xieraq tal-kunċett ta' ‘żona ħielsa mill-pesti’ fil-Kanada.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika ta' Malta u r-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)   ĠU L 317, 30.11.2011, p. 37.