11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/64


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta' Ġunju 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2012/481/UE li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata

(notifikata bid-dokument C(2014) 3590)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/345/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE (2) teskludi s-substrati tal-bord li huma aktar minn 400 g/m2 mill-kamp ta' applikazzjoni, peress li dik id-Deċiżjoni teħtieġ li l-prodotti tal-karta stampata jiġu stampati biss fuq karta li jkollha l-Ekotikketta tal-UE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE (3) jew fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE (4). Madankollu, ċerti kategoriji ta' prodotti bħal karti tal-ittri, kotba għan-noti, pitazzi, kotba għan-noti marbutin bl-ispiralli u kalendarji bil-qoxra, inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/481/UE, jinvolvu l-użu ta' substrati tal-kartun li jaqbżu l-400 g/m2. Għaldaqstant, kien impossibbli li ssir l-implimentazzjoni tal-kriterji għal ċerti prodotti.

(2)

Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/256/UE (5) jinkludi prodotti tal-karti għall-kartolerija li għandhom piż ta' mill-inqas 70 % ta' karti, kartun jew substrati bbażati fuq il-karti u jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-substrati tal-bord b'bażi ta' piż li huwa aktar minn 400 g/m2.

(3)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010.

(4)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2012/481/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/481/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-grupp ta' prodotti ta' ‘karta stampata’ għandu jinkludi kull prodott tal-karta stampata li jikkonsisti, f'tal-anqas 90 % mill-piż tiegħu, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta, għajr kotba, katalgi, ktejbiet jew formoli, li għandhom jikkonsistu, f'tal-anqas 80 % mill-piż tagħhom, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta. Il-partijiet miżjuda, il-qxur u kwalunkwe parti bil-karta stampata tal-karta stampata aħħarija għandhom jitqiesu bħala parti mill-prodott tal-karta stampata.”;

(2)

fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

fowlders, envelops, ring binders u prodotti tal-karti għall-kartolerija.”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-punt (1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1)

‘Kotba’ tfisser prodotti tal-karta stampata marbutin bl-ispaga jew imwaħħlin bil-kolla, bi qxur ibsin jew rotob, bħal kotba tal-iskola, kotba letterarji jew mhux letterarji, rapporti, manwali u paperbacks. ‘Kotba’ ma jinkludux ġurnali, fuljetti, rivisti, katalgi ppubblikati b'mod regolari u rapporti annwali.”;

(4)

fl-Artikolu 2, il-punt (9) jinbidel b'dan li ġej:

“(9)

‘Prodott tal-karta stampata’ tfisser il-prodott li jirriżulta mill-ipproċessar ta' materjal stampat. L-ipproċessar jikkonsisti fl-istampar fuq karta. Minbarra l-istampar, l-ipproċessar jista' jinkludi t-tlestija, pereżempju t-tiwi, l-ittimbrar, il-qtugħ jew l-immuntar, bl-użu tal-kolla, tal-legatura jew tal-ispag. Il-prodotti tal-karta stampata jinkludu gazzetti, materjal ta' riklamar u folji ta' aħbarijiet, ġurnali, katalgi, kotba, volantuni, fuljetti, kartelluni, biljetti ta' kuntatt, u tikketti.”;

(5)

Il-kriterju 3 fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/481/UE huwa emendat:

“Kriterju 3 — Riċiklabbiltà

Il-prodott tal-karta stampata għandu jkun riċiklabbli. Il-karta stampata għandha tkun b'tali mod li tkun tista' tinqala' minn fuqha l-linka, u l-komponenti mhux tal-karta tal-prodott ta' karta stampata għandu jkun possibbli li jitneħħew faċilment, b'mod li jiżgura li tali komponenti ma jfixklux il-proċess ta' riċiklaġġ.

(a)

L-aġenti tar-reżistenza għall-ilma għandhom jintużaw biss jekk tista' tiġi pprovata r-riċiklabbiltà tal-prodott lest.

(b)

L-adeżivi jistgħu jintużaw biss jekk tista' tiġi pprovata l-kapaċità li jitneħħew.

(c)

Il-verniċi għall-kisi u l-laminazzjoni, inklużi l-polieten u/jew il-polieten/polipropilen, jistgħu jintużaw biss għall-qxur tal-kotba, ir-rivisti u l-katalgi.

(d)

Għandha tkun provata l-possibbiltà li tinqala' l-linka minn fuq il-karta.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi r-riżultati tat-testijiet tar-riċiklabbiltà għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma, kif ukoll tal-kapaċità li jitneħħew l-adeżivi. Il-metodi ta' ttestjar ta' referenza huma l-metodu PTS-RH 021/97 (għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma), il-metodu INGEDE 12 (għat-tneħħija tal-adeżivi mhux solubbli), jew metodi ta' ttestjar ekwivalenti. Il-kapaċità li tinqala' l-linka għandha tkun provata bl-użu tad-‘Deinking Scorecard’ (*) tal-Kunsill Ewropew għall-Karta Rkuprata, jew metodi ta' ttestjar ekwivalenti. L-ittestjar għandu jsir fuq tliet tipi ta' karta: il-karta mhux miksija, il-karta miksija, u l-karta trattata fuq il-wiċċ. Jekk tip ta' linka għall-istampar jinbiegħ biss għal tip speċifiku wieħed jew tnejn ta' karta, ikun biżżejjed li jiġi/u ttestjat(i) t-tip(i) ta' karta inkwistjoni. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-prodotti tal-karta stampata miksija u laminati huma konformi mal-punt 3(c). Meta parti minn prodott tal-karta stampata tkun tista' titneħħa faċilment (ngħidu aħna, qoxra tal-plastik), it-test tar-riċiklabbiltà jista' jsir mingħajr dan il-komponent. Il-kapaċità li jitneħħew faċilment il-komponenti mhux tal-karta għandha tkun provata b'dikjarazzjoni mill-impriża tal-ġbir tal-karta, mill-impriża tar-riċiklaġġ jew minn organizzazzjoni ekwivalenti. Jistgħu jintużaw ukoll metodi ta' ttestjar li juru riżultati ekwivalenti, imwettqa minn parti terza kompetenti u indipendenti.

(*)  Assessment of Print Product Recyclability — Deinkability Score — User's Manual, www.paperrecovery.org, ‘Publications’.”"

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE tas-16 ta' Awwissu 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata (ĠU L 223, 21.8.2012, p. 55).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta għall-ikkuppjar u l-karta grafika (ĠU L 149, 8.6.2011, p. 12).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE tat-12 ta' Lulju 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti (ĠU L 202, 28.7.2012, p. 26).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/256/UE tat-2 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tal-karta ttrasformta (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 24).