20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/250


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar il konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea

(2014/284/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u 218(7), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

F’Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejħa ‘Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT): Proposta għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE’ li għamlet sejħa għal miżuri biex jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar billi jkunu żviluppati Ftehimiet ta’ sħubija volontarja ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam (minn hawn ‘il quddiem “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE”). Ġew adottati konklużjonijiet mill-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni f’Ottubru 2003 (1) u ġiet adottata riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-suġġett fil-11 ta’ Lulju 2005 (2).

(2)

B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/486/UE (3), il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam lill-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’) ġie ffirmat fit-30 ta’ Settembru 2013, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test ta’ dan il-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa f’isem l-Unjoni li jagħtu n-notifika prevista fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, sabiex l-Unjoni tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

L-Unjoni għandha tkun rapreżentata mill-Kummissjoni fil-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni stabbilit taħt l-Artikolu 14 tal-Ftehim.

L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ta’ Implimentazzjoni bħala membri tad-delegazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 4

Għall-għan tal-emendar tal-annessi għall-Ftehim skont l Artikolu 22 tiegħu, il-Kummissjoni hija awtorizzata, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (4), biex tapprova kwalunkwe tali emenda f’isem l-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Luxembourg, l-14 ta’ April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  ĠU C 268, 7.11.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 157E, 6.7.2006, p. 482.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/486/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea (ĠU L 265, 8.10.2013, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).