20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/231


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ April 2014

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/283/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ngħaqdu mal-kunsens tal-193 Parti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (“KDB”) (2) li adottat il-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (“Protokoll ta’ Nagoya”) fid-29 ta’ Ottubru 2010.

(2)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2011 (3), il-Protokoll ta’ Nagoya ġie ffirmat mill-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ffirmaw il-Protokoll ta’ Nagoya.

(3)

L-Unjoni hija impenjata lejn implimentazzjoni u ratifikazzjoni rapidi tal-Protokoll ta’ Nagoya.

(4)

Skont l-Artikolu 34 tal-KDB, kwalunkwe protokoll għall-KDB huwa soġġett għat-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali.

(5)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ifittxu li jiddepożitaw simultanjament, sa fejn possibbli, l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll ta’ Nagoya.

(6)

Il-Protokoll ta’ Nagoya għandu għalhekk jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll ta’ Nagoya huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna/i li jkollha/ikollhom s-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, l-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 33 tal-Protokoll ta’ Nagoya (4). Fl-istess ħin, tali il-persuna/i għandha/għandhom tiddepożita/jiddepożitaw id-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 34(3) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Luxembourg, l-14 ta’ April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 3.

(3)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Nagoya se tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea f’konformita mal-Artikolu 34, il-paragrafu 3, tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 191 tiegħu, hija kompetenti li tidħol fi ftehimiet internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li joħorġu minnhom, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent,

il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali,

il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tadotta miżuri f’livell tal-Unjoni biex tistabbilixxi Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-funzjonament xieraq tas-swieq intern tagħha.

L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni huwa, skont in-natura tiegħu, soġġett għal żvilupp kontinwu. Sabiex tkun konformi mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 14(2)(a) tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Unjoni ser iżżomm aġġornata l-lista ta’ strumenti legali li għandha tiġi trażmessa liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar l-Aċċess u l-Qsim ta’ Benefiċċji.

L-Unjoni Ewropea hija responsabbli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Protokoll li huma koperti mil-liġi tal-Unjoni fis-seħħ.”