30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali

(2014/243/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, f'isem il-Komunità Ewropea, konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali.

(2)

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (“il-Konvenzjoni”) ġiet adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-24 ta' Jannar 2001.

(3)

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas regolatorju li huwa kważi identiku għal dak stabbilit fid-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(4)

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003 u hija miftuħa għall-iffirmar mill-Unjoni Ewropea.

(5)

L-iffirmar tal-Konvenzjoni ser jgħin biex l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet simili għal dawk tad-Direttiva 98/84/KE tiġi estiża lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, u jistabbilixxi liġi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu.

(6)

Il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f'data ulterjuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali (2), huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat, f'isem l-Unjoni, jinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) sabiex tiffirma/jiffirmaw il-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54).

(2)  It-test tal-Konvenzjoni ġie ppubblikat fil-ĠU L 336, 20.12.2011, p. 2.