5.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Frar 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil

(2014/186/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 74 u l-Artikolu 78(1) u (2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistipula, li l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera bħala osservaturi. Minbarra dan, dak ir-Regolament jistipula li għandhom isiru arranġamenti li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, il-grad u l-manjiera li fihom dawk il-pajjiżi għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil.

(2)

Fis-27 ta' Jannar 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (l-“Arranġament”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Arranġament fit-28 ta' Ġunju 2013.

(3)

L-Arranġament għandu jiġi ffirmat.

(4)

Kif speċifikat fil-premessa 21 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem f'dak ir-Regolament u huma marbuta bih. Huma għandhom għalhekk jagħtu effett lill-Artikolu 49(1) tar-Regolament (EU) Nru 439/2010 billi jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk qegħdin jieħdu sehem f'din id-Deċiżjoni.

(5)

Kif speċifikat fil-premessa 22 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem f'dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih. Id-Danimarka għalhekk mhux qed tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Arranġament imsemmi (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw l-Arranġament f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

E. VENIZELOS


(1)  Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

(2)  It-test tal-Arranġament ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konlużjoni tiegħu.