4.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/4


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' April 2014

li teżenta ċertu servizzi fis-settur postali fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali

(notifikata bid-dokument C(2014) 2093)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/184/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi (1) tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u b'mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fl-1 ta' Ottubru 2013 Österreichische Post AG (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Posta Awstrijaka”) bagħtet lill-Kummissjoni, permezz ta' e-mail, talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Awstrijaċi dwar dan permezz ta' ittra mibgħuta fid-18 ta' Ottubru 2013, f'konformità mal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta' dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi permezz ta' e-mail fil-5 ta' Diċembru 2013, u mingħand l-applikant permezz ta' e-mails fl-4 ta' Novembru 2013, fit-28 ta' Novembru 2013, fl-10 ta' Jannar 2014 u fit-13 ta' Jannar 2014. Waslet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi permezz ta' e-mail fit-18 ta' Diċembru 2013, u mingħand l-applikant permezz ta' e-mails fit-8 ta' Novembru 2013, fit-2 ta' Diċembru 2013 u fl-14 ta' Jannar 2014 rispettivament.

(2)

It-talba tikkonċerna ċerti servizzi postali, kif ukoll servizzi oħrajn li mhumiex postali u li jingħataw mill-Posta Awstrijaka fit-territorju tal-Awstrija. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-talba kif ġej:

(a)

servizzi postali għal ittri indirizzati bejn konsumaturi tan-negozju (minn hawn 'il quddiem imsejħa “B2B”) u bejn konsumaturi ta' negozji u konsumaturi privati (minn hawn 'il quddiem imsejħa “B2C”) fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “għal ġewwa”);

(b)

servizzi postali għal ittri indirizzati bejn klijenti privati (minn hawn 'il quddiem imsejħa “C2C”) u bejn klijenti privati u klijenti kummerċjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “C2B”) fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “għal ġewwa”);

(c)

Servizzi postali għal ittri internazzjonali indirizzati (“għal barra”) B2B u B2C (minn hawn 'il quddiem imsemmija “B2X”) kif ukoll C2B u C2C (minn hawn 'il quddiem imsemmija “C2X”);

(d)

servizzi postali għal reklamar indirizzat fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

(e)

servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat, fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

(f)

servizzi postali għal gazzetti indirizzati u mhux indirizzati;

(g)

servizzi ta' maniġment għal mailrooms;

(h)

servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox permezz ta' mezzi bħal dawn;

(i)

il-filatelija — bolli speċjali tal-posta;

(j)

servizzi finanzjarji.

II.   IL-QAFAS LEGALI

(3)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta' waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/17/KE, ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din tkun direttament esposta għall-kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, b'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implementa u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li għas-settur postali, tirreferi għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

L-Awstrija implementat u applikat id-Direttiva 97/67/KE kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-ebda wieħed mis-servizzi kkonċernati mit-talba preżenti ma kienu rriżervati fil-ħin tat-talba. Minħabba li l-Awstrija laħqet il-livell tal-ftuħ tas-suq previst fil-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, l-aċċess għas-suq għandu jitqies bħala mhux ristrett skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 30(3) ta' dik id-Direttiva.

(5)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f'suq partikolari għandu jiġi vvalutat abbażi ta' diversi kriterji, li ebda wieħed minnhom mhu deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b'din id-Deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-atturi ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Kriterju ieħor jista' jkun il-grad ta' konċentrazzjoni f'dawn is-swieq. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li huma milqutin minn din id-Deċiżjoni, l-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva għandu jikkunsidra s-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

(6)

Għalkemm definizzjoni tas-suq aktar dejqa jew usa' tista' tiġi prevista f'ċerti każijiet, id-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti tista' titħalla miftuħa għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni sal-punt li r-riżultat tal-analiżi jibqa' l-istess sew jekk huwa bbażat fuq definizzjoni dejqa kif ukoll jekk huwa bbażat fuq waħda usa'.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. B'mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (5).

III.   VALUTAZZJONI

(8)

Wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal tali livell ta' kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE) li se jiżgura li anki fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati se jsir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta' kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali hija l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament.

(9)

F'dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-swieq tal-prodotti definiti b'mod ġenerali huma kkaratterizzati mill-preżenza ta' bosta operaturi. Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli, minn fost dawn l-operaturi, il-Posta Awstrijaka biss hija entità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/17/KE. L-akkwist tal-kompetituri tal-Posta Awstrijaka għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet milquta minn din id-Deċiżjoni mhuwiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE. Konsegwentement, għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, l-analiżi tas-suq mhix se tiffoka fuq il-livell ġenerali ta' kompetizzjoni f'suq partikolari, iżda se tivvaluta jekk l-attivitajiet tal-Posta Awstrijaka humiex esposti għall-kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett.

(10)

Fil-prattika tagħha (6), il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-swieq għas-servizzi tat-tqassim bil-posta u kwalunkwe taqsima minnhom għandhom ambitu nazzjonali. Dan it-tqassim huwa bbażat, prinċipalment, fuq il-fatt li servizzi bħal dawn jingħataw f'livell nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-applikant hija konsistenti ma' dik il-prattika tal-Kummissjoni.

(11)

Minħabba li, fil-każ tas-servizzi tat-tqassim tal-posta, ma hemmx indikazzjonijiet ta' ambitu ġeografiku tas-suq usa' jew iżgħar, għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE humiex issodisfati jew le, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq ġeografiku rilevanti qed jitqies bħala t-territorju tal-Awstrija.

(12)

Rigward servizzi oħra għajr servizzi postali, li huma soġġetti għal din it-talba, l-applikant jikkunsidra li s-swieq huma nazzjonali fl-ambitu tagħhom. Billi s-servizzi kkonċernati mit-talba huma servizzi domestiċi, u għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq ġeografiku rilevanti qed jitqies bħala t-territorju tal-Awstrija.

(13)

Il-Kummissjoni sostniet fi prattika preċedenti tagħha li s-suq għal servizzi tat-tqassim tal-posta jista' jiġi segmentat kif ġej:

(a)

posta domestika u transfruntiera (7);

(b)

servizzi postali transfruntiera 'il ġewwa jew servizzi postali transfruntiera għal barra (8);

(c)

posta kummerċjali u posta għall-konsumaturi privati (9);

(d)

posta indirizzata u posta mhux indirizzata (10).

Servizzi postali għal ittri indirizzati B2X fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “'il ġewwa”)

(14)

Skont it-talba, is-suq tal-prodotti għas-servizzi postali għal ittri indirizzati B2X huwa magħmul prinċipalment minn posta tranżazzjonali u reklamar. Posta tranżazzjonali hija definita bħala komunikazzjoni bejn kumpaniji jew bejn kumpaniji u individwi, relatata ma' kuntratti li għadhom għaddejjin/fornimenti ta' oġġetti u servizzi. Eżempji ta' posta tranżazzjonali jinkludu fatturi mibgħuta minn utilitajiet, formoli ta' ħlas, rapporti tal-kontijiet ta' kull xahar mibgħuta mill-banek, eċċ. Fl-Awstrija 74 % tal-posta tranżazzjonali kollha hija magħmula minn fatturi jew rapporti finanzjarji (11). Il-fatturi jistgħu jiġu trażmessi lid-destinatarji tagħhom elettronikament (fatturazzjoni-e) jew permezz tat-twassil postali.

(15)

L-applikant jargumenta li mod tat-tqassim postali kummerċjali huwa teknoloġikament newtrali li jfisser li ż-żewġ modi tat-tqassim postali –elettroniku kif ukoll postali jappartjenu lill-istess suq rilevanti. Din id-dikjarazzjoni mhijiex konformi mal-preċedenti tal-Kummissjoni.

(16)

Filwaqt li jitqiesu kif xieraq is-sitwazzjoni legali u fattwali attwali fl-Awstrija, l-awtoritajiet Awstrijaċi ġew mistiedna (12) jesprimu fehmiethom fir-rigward tas-sostituzzjoni bejn it-twassil postali u dak elettroniku u b'mod aktar preċiż dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti tal-prodotti. L-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jipprovdu informazzjoni addizzjonali (13) biex isostnu l-asserzjonijiet tal-applikant.

(17)

Għandu jiġi nnutat li skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, is-sostitwibbiltà għandha tiġi analizzata inter alia fuq il-bażi tal-karatteristiċi tal-prodott, prezzijiet u l-użu maħsub.

(18)

L-applikant jargumenta li l-penetrazzjoni tal-Internet u tal-broadband hija għolja ħafna fl-Awstrija li tippermetti għas-sostituzzjoni tat-twassil postali b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jibagħtu u/jew jirċievu pereżempju fattura elettronika li tippermetti l-ipproċessar awtomatizzat, tista' tkun meħtieġa xi infrastruttura addizzjonali, partikolarment fil-każ ta' fatturi elettroniċi B2B. Infrastruttura bħal din tista' timplika l-użu ta' fornitur ta' servizz estern jew ta' applikazzjoni interna speċjali (14), l-użu ta' firma elettronika, eċċ. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, l-użu tal-iffatturar elettroniku jista' jiġi assoċjat ma' firxa ta' servizzi ta' valur miżjud (eż. jippermetti l-ipproċessar awtomatizzat, jippermetti l-finanzjament tal-pagament minn partijiet terzi — l-hekk imsejjaħ finanzjament tal-katina tal-provvista, eċċ.) u benefiċċji (eż. inqas spejjeż kemm għall-ispeditur kif ukoll għar-riċevent, inaqqas proċessar u l-ħin għall-ħlas, inaqqas il-kostijiet tal-arkivjar, u jippermetti għall-ħlas tal-iskontijiet jekk l-iffatturar elettroniku jintuża minflok fatturi fuq il-karta, eċċ.). Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jidher li l-karatteristiċi u l-użu maħsub ta' fatturi stampati u ta' fatturi elettroniċi huma differenti b'mod sinifikattiv.

(19)

Fir-rigward tal-fatturar elettroniku, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li, minn Jannar 2014, il-fatturar elettroniku sar obbligatorju de jure fil-livell federali fir-relazzjonijiet bejn in-negozji u l-gvern. F'dan il-każ, il-kwistjoni ta' sostitwibbiltà mhijiex rilevanti billi l-ispedituri ma għandhomx il-possibbiltà li jagħżlu t-twassil postali. Barra minn hekk, jistgħu jinstabu sitwazzjonijiet simili, fejn fatturi elettroniċi jsiru obbligatorji de facto wara talba ta' konsumatur kbir jew ta' fornitur kbir (15).

(20)

L-applikant wettaq analiżi tat-test monopolistiku ipotetiku bl-użu ta' dejta tal-istħarriġ miġbura minn 451 kumpanija Awstrijaka. L-istħarriġ kien jinkludi sett ta' mistoqsijiet indiretti maħsuba biex jisiltu l-preferenzi għall-posta stampata jew elettronika bl-użu ta' tekniki ta' analiżi konġunta. Ir-riżultati jkunu jimplikaw li [… %] (16) ta' żieda fil-prezz postali jkun inaqqas id-domanda biex jintbagħtu l-ittri bi [… %]. Għalkemm dawn ir-riżultati jkunu jimplikaw li kemm il-posta stampata kif ukoll dik elettronika jappartjenu għall-istess suq rilevanti, hemm xi aspetti tekniċi fid-disinn tal-istħarriġ li jixħtu dubji dwar il-validità tar-riżultati. Pereżempju, is-sett ta' karatteristiċi li jiddefinixxi l-prodotti intgħażel b'mod li jista' jwassal għal xi preġudizzju favur mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni. Is-suppożizzjonijiet kontroversjali ma jidhirx li jintużaw fil-letteratura ekonomika rilevanti li tapplika t-teknika ta' analiżi konġunta u mhuwiex possibbli li jitkejjel l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis stmat ta' [… %].

(21)

L-applikant ipprovda wkoll grafiki (17) tal-evoluzzjoni tal-kwantitajiet u l-prezzijiet (18) li ssuġġerew sensittività tal-kwantitajiet għall-prezzijiet ħafna inqas minn dik irrappurtata fl-analiżi permezz ta' stħarriġ. Sabiex tiġi ċċarata din il-kontradizzjoni apparenti l-applikant intalab jipprovdi d-dejta reali użata biex ipproduċa l-grafiki u kkwantifika s-sensittività tad-domanda. Is-sensittività tad-domanda kkalkolata mill-applikant bl-użu tad-dejta reali kienet tvarja bejn [… %] u [… %], skont it-teknika użata. Minkejja dan, l-applikant ma użax l-analiżi ekonometrika standard (19) biex jipproduċi dawk ir-riżultati. Ir-riżultati preliminari ta' analiżi separata mwettqa mis-servizzi tagħna li użaw l-istess sett ta' dejta u tekniki ekonometriċi standard għall-istima tad-domanda fil-letteratura tal-ekonomija, jissuġġerixxu li s-sensittività tal-kwantitajiet għal bidliet fil-prezzijiet tista' tkun baxxa daqs [… %].

(22)

Għalhekk, ma hemmx evidenza b'saħħitha u konklużiva li t-twassil elettroniku u dak postali huma fil-fatt sostituti.

(23)

Il-klijenti, kemm kummerċjali kif ukoll privati, li ma jistgħux jew li mhumiex lesti li jaqilbu għal komunikazzjoni elettronika se jibqgħu bħala suq segmentat u maqbud li preżumibbilment se jkun moqdi mill-applikant biss. Bħalissal-Posta Awstrijaka għandha l-maġġoranza kbira tas-suq tal-posta stampata (20). L-ispejjeż fissi tad-dħul u t-tħaddim tan-netwerk meħtieġa biex tagħti s-servizz jistgħu jitqiesu bħala ostakolu għad-dħul u għall-kompetizzjoni. Din il-pożizzjoni tal-Posta Awstrijaka x'aktarx ma tiġix ikkontestata f'qagħda ta' suq futur li qed jiċkien, fejn il-parteċipanti ġodda potenzali jistgħu jistennew, meta mqabbla mal-kondizzjonijiet attwali tas-suq, li jkollhom saħansitra aktar diffikultajiet biex jagħmlu profitt minħabba l-ammont ta' spejjeż fissi li jridu jirkupraw. F'din is-sitwazzjoni virtwalment monopolistika, ma jistax jiġi assunt li l-operatur nazzjonali stabbilit ikollu inċentivi jew restrizzjonijiet qawwija li jġegħluh iġib ruħu b'mod kompetittiv fl-akkwist tal-inputs tiegħu.

(24)

Il-Posta Awstrijaka se tkun f'qagħda li tgħaddi ż-żiediet fl-ispejjeż lill-klijenti (21) li, minħabba l-preferenza intrinżika tagħhom għat-twassil postali, ma jkollhom l-ebda għażla oħra għajr li jassumu ż-żieda fil-prezz. Għall-istess raġuni, il-pożizzjoni dominanti b'mod ċar tal-Posta Awstijaka ma tagħtix garanzija li tnaqqis potenzjali fil-prezzijiet se jingħadda lill-konsumaturi.

(25)

Id-dikjarazzjoni tal-applikant li t-twassil postali u t-twassil elettroniku jappartjenu lill-istess suq rilevanti, għalhekk ma tistax tiġi aċċettata.

(26)

Filwaqt li effett ewlieni tal-użu dejjem jiżdied ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni huwa t-tnaqqis tad-daqs kumplessiv tal-ittri fis-suq, ma jistax jiġi konkluż li l-komunikazzjoni elettronika introduċiet kompetizzjoni diretta fis-suq tat-twassil postali.

(27)

Tista' tiġi prevista aktar distinzjoni fuq il-bażi tat-tip tad-destinatarji: fis-segment B2X, distinzjoni bejn twassil lin-negozji (B2B) u lill-konsumaturi (B2C) billi t-twassil B2C jeħtieġ netwerk aktar dens mill-konsenji B2B.

(28)

Madankollu, jidher li fiż-żewġ xenarji (jekk B2B u B2C jitqiesu bħala żewġ swieq separati jew suq wieħed biss B2X) ir-riżultat tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva jkun l-istess.

(29)

L-applikant iqis li s-servizzi postali għal ittri indirizzati B2X domestiċi u għal ġewwa (22) huma parti mill-istess suq. Peress li r-riżultat tal-valutazzjoni jkun l-istess, kemm jekk nikkunsidrawhom b'mod separat kif ukoll jekk nikkunsidrawhom bħala fl-istess suq, l-ebda distinzjoni m'hi se ssir għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u d-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti se titħalla miftuħa f'dan ir-rigward.

(30)

Ibbażat fuq l-informazzjoni ta' hawn fuq, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, jista' jitqies li s-suq tal-prodott relevanti huwa s-suq għas-servizzi postali għal ittri indirizzati B2X, filwaqt li d-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti tista' titħalla miftuħa.

(31)

Skont l-informazzjoni disponibbli (23), il-Posta Awstrijaka għandha pożizzjoni qawwija ħafna f'dak is-suq b'sehem stmat fis-suq ta' [… %].

(32)

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li s-suq postali ġie liberalizzat għal kollox minn Jannar 2011, b'mod konformi mad-Direttiva 2008/6/KE u li l-liberalizzazzjoni sa issa rriżultatat f'li l-kompetituri kisbbu sehem tas-suq aggregat li huwa stmat għal biss [… %] ukoll fis-segment l-aktar kompetittiv (servizzi tal-ittri indirizzati B2X).

(33)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Servizzi postali għal ittri indirizzati C2X fuq livell nazzjonali (“domestiċi” u “għal ġewwa”)

(34)

Fil-każ tas-servizzi postali għal ittri indirizzati C2X l-applikant jargumenta wkoll li ż-żewġ modalitajiet ta' tqassim, kemm dik elettronika kif ukoll dik postali, jagħmlu parti mill-istess suq. Din l-affermazzjoni mhijiex konformi mal-preċedenti tal-Kummissjoni.

(35)

L-awtoritajiet Awstrijaċi kienu mistiedna (24) jesprimu l-fehmiet tagħhom fir-rigward tas-sostituzzjoni bejn it-twassil postali u dak elettroniku f'każ ta' ittri indirizzati C2X, u b'mod aktar preċiż dwar id-definizzjoni tas-suq ta' prodotti rilevanti. L-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jipprovdu informazzjoni addizzjonali (25) biex isostnu l-asserzjonijiet tal-applikant.

(36)

L-applikant jargumenta li l-penetrazzjoni tal-Internet u l-broadband hija għolja ħafna fl-Awstrija u dan jimplika s-sostitwibbiltà ta' twassil postali b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi. Madanakollu, skont studju riċenti (26), kważi 30 % tal-popolazzjoni fl-Awstrija qatt ma użat l-Internet, madwar 55 % tal-popolazzjoni ma tużax is-servizzi bankarji fuq l-Internet u 75 % ma timliex formoli amministrattivi onlajn.

(37)

Ma ġietx provduta aktar evidenza empirika mill-applikant bħala appoġġ tal-affermazzjonijiet tiegħu, u biex juri s-sostitwibbiltà.

(38)

B'kunsiderazzjoni għal dan ta' hawn fuq, ma jistax jiġi konkluż li t-twassil postali u dak elettroniku għal ittri indirizzati C2X jappartjenu lill-istess suq rilevanti.

(39)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, jista' jitqies li s-suq rilevanti tal-prodotti huwa tas-servizzi postali għal ittri indirizzati C2X.

(40)

Skont l-informazzjoni disponibbli (27), is-sehem tas-suq tal-Posta Awstrijaka kien madwar [… %].

(41)

Is-suq ġie liberalizzat għal kollox minn Jannar 2011, f'konformità mad-Direttiva 2008/6/KE. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li l-liberalizzazzjoni sa issa wasslet biss fil-kisba mill-kompetituri ta' sehem tas-suq aggregat li huwa stmat biss għal [… %].

(42)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Servizzi postali transfruntiera għal ittri indirizzati (“għal barra”) B2X u ittri C2X

(43)

L-applikant jargumenta li anki għal dan is-suq il-modalità ta' twassil ta' posta transfruntiera hija teknoloġikament newtrali u li servizzi ta' twassil postali u elettroniċi jappartjenu lill-istess suq rilevanti. Din l-affermazzjoni ma tistax tiġi aċċettata essenzjalment għall-istess raġunijiet kif deskritt fir-rigward ta' servizzi postali għal ittri indirizzati domestiċi u għal ġewwa tat-tip B2X u C2X.

(44)

Deċiżjonijiet (28) preċedenti tal-Kummissjoni jagħmlu distinzjoni bejn servizzi postali transfruntiera għall-ġewwa u servizzi postali transfruntiera għal barra.

(45)

Kif spjegat fil-premessa (29), għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, is-servizzi postali għal ġewwa ġew ikkunsidrati bħala parti mis-suq domestiku fir-rigward ta' servizzi postali għal posta indirizzata għal B2X u C2X rispettivament. Għalhekk, servizzi postali għall-barra biss se jitqiesu bħala s-suq rilevanti.

(46)

Kompetizzjoni għal ittri postali transkonfruntiera hija differenti ħafna għal persuni privati u għall-kumpaniji. Il-persuni privati ġeneralment ma għandhom l-ebda għażla reali għajr li jibagħtu l-posta internazzjonali mal-fornitur tas-servizzi universali nazzjonali tagħhom. Il-volumi mibgħuta minn persuni privati huma ġeneralment baxxi wisq biex joffru inċentivi għal parteċipanti ġodda fis-suq.

(47)

Huwa nnutat li s-sitwazzjoni kompetittiva tiddependi wkoll mid-daqs/mill-popolazzjoni ta' kull belt minħabba l-fatt li l-fornituri tas-servizzi transfruntiera ma għandhomx netwerk ta' aċċess nazzjonali iżda ġeneralment jiġbru l-posta direttament mill-post tal-konsumaturi.

(48)

Il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (29), għamlet distinzjoni bejn is-servizzi postali transfruntiera għas-suq tal-ittri indirizzati B2X u għas-suq tas-servizzi postali transfruntiera għal ittri indirizzati C2X.

(49)

Ma hemm l-ebda evidenza li s-sitwazzjoni hija differenti fl-Awstrija, għalhekk, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, se jitqiesu żewġ swieq tal-prodotti separati, jiġifieri s-servizzi postali transfruntiera għal ittri indirizzati B2X għal barra u s-servizzi postali transfruntiera għal ittri indirizzati C2X għal barra.

(50)

Il-Posta Awstrijaka ma setgħatx tipprovdi informazzjoni dettaljata (30) dwar l-ishma tas-suq rilevanti tagħha f'kull suq, u lanqas dwar l-ishma tas-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha. Fin-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-grad ta' kompetizzjoni f'kull wieħed minn dawn is-swieq, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE rigward servizzi postali transfruntiera għal B2X għal barra u s-servizzi postali transfruntiera għal ittri indirizzati C2X għal barra fl-Awstrija, huma ssodisfati. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Servizz postali għal reklamar li jkun indirizzat fuq livell nazzjonali u internazzjonali

(51)

Reklamar li jkun indirizzat huwa definit bħala posta li tikkonsisti unikament minn reklamar, kummerċjalizzazzjoni jew materjal ta' pubbliċità u li tkun magħmula minn messaġġ identiku. Dan it-tip ta' posta ta' reklamar, li tista' tiġi indirizzata lil kumpaniji jew lil persuni privati, għandu jkollu l-isem u l-indirizz tal-konsumatur fuqu, u l-qbil tal-klijent li jirċievi informazzjoni bħal din.

(52)

L-applikant jiddikjara li, is-suq għal reklamar li jkun indirizzat, jista' jiġi inkluż fis-suq għas-servizzi postali għal ittri indirizzati B2X, iżda ma pprova l-ebda evidenza empirika dwar dan. L-allegazzjoni tal-applikant mhijiex konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/564/KE (31).

(53)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, jista' jitqies li s-suq rilevanti tal-prodott huwa s-servizz postali għal reklamar indirizzat.

(54)

Skont l-applikant (32), is-sehem tiegħu tas-suq għal reklamar indirizzat huwa ta' [… %].

(55)

Is-suq postali għal reklamar indirizzat ġie liberalizzat għal kollox minn Jannar 2011. Il-Kummissjoni tinnota li l-liberalizzazzjoni sa issa rriżultat f'li l-kompetituri kisbu sehem totaliagreggat stmat tas-suq ta' [… %] biss.

(56)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Is-servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali

(57)

Reklamar mhux indirizzat huwa kkaratterizzat mill-assenza ta' indirizz ta' destinazzjoni partikolari. Hija posta ta' reklamar mhux mitlub, li tissodisfa ċerti kriterji bħalma huma: l-piż uniformi, il-format, il-kuntenut u l-preżentazzjoni għad-distribuzzjoni għal grupp ta' reċipjenti.

(58)

L-applikant jiddefinixxi s-suq rilevanti tal-prodott għar-reklamar mhux indirizzat bħala wieħed li jinkludi pubbliċità permezz ta' mezzi oħra bħar-reklamar f'ġurnali ta' kuljum kif ukoll f'gazzetti reġjonali ta' kull ġimgħa. Il-punt tat-tluq kien il-fatt li fl-2009 il-Qorti ta' Kartelli Awstrijaka aċċettat (33) li kemm ir-reklamar dirett kif ukoll ir-reklamar mhux indirizzat jistgħu jitqiesu bħala parti mill-istess suq rilevanti għal gazzetti li jitqassmu b'xejn. Madankollu, il-Qorti rrikonoxxiet is-sostitwibbiltà għal klijenti kbar biss (eż. bejjiegħa bl-imnut kbar), u għamlet bosta distinzjonijiet fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti (skont it-tip ta' kampanja ta' reklamar użat: lokali, reġjonali, u nazzjonali).

(59)

L-applikant estiża dik il-konklużjoni għall-ġurnali kollha u implika li t-twassil ta' posta b'xejn/mhux indirizzata jikkompeti mar-reklamar fil-gazzetti kollha. L-applikant wettaq analiżi tat-test monopolistiku ipotetiku bl-użu ta' dejta tal-istħarriġ miġbura minn 248 suġġett. Ir-riżultati tat-test ġew kkunsidrati kif xieraq. Madankollu, l-interpretazzjoni estensiva tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Kartelli Awstrijaka mhijiex konformi mal-preċedenti (34) tal-Kummissjoni, li skonthom it-tipi ta' mezzi differenti (elettroniċi, televiżjoni, radju jew stampati) huma komplementari għal xulxin aktar milli skambjabbli ma' xulxin.

(60)

L-awtoritajiet Awstrijaċi kienu mistiedna (35) jesprimu l-opinjonijiet tagħhom rigward id-definizzjoni proposta tas-suq għal reklamar mhux indirizzat, b'kunsiderazzjoni xierqa tad-deċiżjoni imsemmija hawn fuq tal-Qorti ta' Kartelli u l-qagħda attwali legali u fattwali fl-Awstrija. L-awtoritajiet Awstrijaċi ma setgħux jipprovdu informazzjoni addizzjonali (36) biex isostnu l-asserzjonijiet tal-applikant.

(61)

Konsegwentement, l-informazzjoni disponibbli bħalissa lill-Kummissjoni mhix konklużiva biżżejjed biex issostni d-definizzjoni tas-suq proposta mill-applikant.

(62)

Għalhekk, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq rilevanti tal-prodotti huwa definit bħala servizzi postali għal reklamar mhux indirizzat.

(63)

Skont l-applikant (37), is-sehem tas-suq tiegħu għal reklamar mhux indirizzat huwa ta' [… %]. L-applikant ma setax jipprovdi l-ishma tas-suq tal-kompetituri ewlenin individwali tiegħu. Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli, il-biċċa l-kbira tal-kompetituri ma għandhomx kopertura nazzjonali.

(64)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Servizzi postali għal twassil standard ta' gazzetti indirizzati u mhux indirizzati

(65)

Id-Deċiżjoni 2007/564/KE għamlet distinzjoni bejn it-twassil bikri ta' gazzetti u t-twassil standard.

(66)

L-applikant mhuwiex attiv fit-twassil bikri ta' gazzetti (38), iżda huwa attiv fit-twassil standard ta' gazzetti.

(67)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq rilevanti tal-prodott huwa tas-servizzi postali għal twassil standard ta' gazzetti indirizzati u mhux indirizzati.

(68)

Il-Posta Awstrijaka għandha sehem ta' [… %] minn dak is-suq (39). Il-kompetituri prinċipali huma n-netwerks nazzjonali jew reġjonali, organizzati mill-pubblikaturi, li jiwasslu gazzetti indirizzati u mhux indirizzati lill-unitajiet domestiċi. Madankollu, dawn il-kompetituri b'kollox għandhom sehem tas-suq akkumulat ta' [… %] biss.

(69)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-kategorija tas-servizzi inkwistjoni hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Awstrija. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawk l-attivitajiet fl-Awstrija.

Servizzi ta' ġestjoni għal mailrooms

Servizzi tal-Mailroom (“Servizzi ta' ġestjoni tal-mailroom”)

(70)

Il-ġestjoni tal-mailroom toffri soluzzjoni lill-konsumaturi għall-ipproċessar tal-posta f'organizzazzjoni. Skont id-domanda rilevanti, jiġu elaborati soluzzjonijiet personalizzati li jinkludu l-esternalizzazzjoni ta' attivitajiet individwali jew saħansitra l-ipproċessar sħiħ tal-posta.

(71)

Is-suq għas-servizzi tal-mailroom jinkludi s-servizzi kollha li jipprovdu appoġġ fir-rigward tal-ipproċessar tal-posta interna f'kumpanija. Dawn il-proċessi interni ta' spiss jiġu esternalizzati lil partijiet terzi sabiex tiżdied l-effiċjenza, u dawn il-partijiet terzi ta' spiss jgħaqqduhom ma' attivitajiet addizzjonali sabiex jużaw il-kapaċità ta' persuni li jwettqu din l-attività bl-aħjar mod possibbli. Din hija r-raġuni għalfejn diversi servizzi tal-uffiċċji bħall-iskennjar, l-ikkupjar, u s-servizzi tat-telefon jiġu pprovduti flimkien mas-servizzi tal-ipproċessar tal-posta.

(72)

Is-servizzi tal-mailroom jisgħu jiġu provduti f'forma ta' lokazzjoni tal-persunal jew kuntratti tas-servizz. Għalhekk is-suq jinkludi t-twettiq ta' attivitajiet fil-forma ta' kuntratti ta' servizz kif ukoll ta' lokazzjoni tal-persunal. L-applikant jipprovdi dawn is-servizzi f'forma ta' kuntratti ta' servizz.

(73)

Bl-użu ta' definizzjoni tas-suq għal servizzi ta' ġestjoni tal-mailroom ibbażata fuq il-paragrafi preċedenti, li hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Posta Awstrijaka kellha, skont it-talba (40), sehem fis-suq ta' [… %] fl-2010, [… %] fl-2011 u ta' [… %] fl-2012.

(74)

Is-sehem akkumulat fis-suq tal-ewwel żewġ kompetituri kien ta' [… %] fl-2010 u fl-2011 u ta' [… %] fl-2012. F'dak il-livell ikunu jistgħu joħolqu pressjoni kompetittiva sinjifikanti fuq il-Posta Awstrijka.

(75)

Għalhekk, il-fatturi elenkati fiż-żewġ premessi ta' hawn fuq għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett tal-Posta Awstijka għall-kompetizzjoni.

Servizzi tal-istampar

(76)

Servizzi tal-istampar huma definiti bħala l-istampar u d-dħul fl-enveloppi, il-loġistika u l-ipproċessar ta' materjali meħtieġa għal proċessi rikorrenti tan-negozju (fatturi, noti ta' tfakkir, mailings, protokolli ta' qari u n-notifiki tal-paga).

(77)

Sabiex tiżdied il-kosteffiċjenza, proċessi interni bħal dawn ta' sikwit jiġu esternalizzati minn kumpaniji lil partijiet terzi.

(78)

Hemm suq għall-proċessi ta' stampar diġitali u elettroniku fejn il-konsumatur jittrażmetti d-dejta tal-istampar b'mod elettroniku, u s-servizzi l-oħrajn kollha tal-istampar, bħat-titwija, dħul f'enveloppi eċċ. huma pprovduti mill-fornitur tas-servizzi. B'dan il-mod, il-konsumatur ma jkollux bżonn jixtri l-magni meħtieġa għal servizzi bħal dawn.

(79)

Bl-użu ta' definizzjoni tas-suq għas-servizzi tal-istampar ibbażata fuq il-paragrafi preċedenti, li hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Posta Awstrijaka Post kellha, skont it-talba (41), sehem fis-suq ta' [… %] fl-2010 u fl-2011 u ta' [… %] fl-2012.

(80)

Is-suq Awstrijak rilevanti huwa fframmentat ħafna. Għadd kbir ta' negozji huma attivi f'dan is-suq. Madankollu, kompetitur wieħed biss għandu sehem fis-suq ta' aktar minn [… %].

(81)

Għalhekk, il-fatturi elenkati fiż-żewġ premessi ta' hawn fuq għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett tal-Posta Awstijka għall-kompetizzjoni.

Servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox minn tali mezzi

Bejgħ ta' indirizzi, dejta u ta' servizzi ta' tqabbil (“kummerċ fl-indirizzi”)

(82)

L-applikant jipprovdi firxa ta' servizzi ta' dejta tal-indirizzi lil kumpaniji li jixtiequ li jkollhom kwalità mtejba ta' dejta fir-rigward tal-istokk ta' indirizzi tal-konsumaturi tagħhom.

(83)

Bl-użu tad-definizzjoni tas-suq tal-kummerċ fl-indirizzi ibbażata fuq il-paragrafi preċedenti, li hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Posta Awstrijaka kellha, skont l-informazzjoni disponibbli (42), sehem fis-suq ta' [… %] fl-2010, [… %] fl-2011 u [… %] fl-2012. L-akbar kompetitur kellu sehem fis-suq ta' [… %] li ilu jiżdied b'mod kostanti mill-2010.

(84)

Għalhekk, il-fatturi elenkati hawn fuq għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett tal-Posta Awstrijaka għall-kompetizzjoni.

Il-posta elettronika

(85)

Il-Posta Awstrijaka hija attiva fis-suq tal-komunikazzjoni elettronika, fejn tipprovdi servizzi bħall-: modulu tal-bgħit (it-twassil kompletament awtomizzat u sikur ta' dokumenti miktuba lil persuni individwali); il-fatturar elettroniku; in-notifika elettronika tal-paga (notifiki tal-pagi prodotti direttament mis-sistema ta' kontabilità tal-pagi u disponibbli għall-impjegati permezz tas-servizzi bankarji fuq l-Internet). Il-parti prinċipali tan-negozju fis-suq tal-posta elettronika hija magħmula minn fatturi elettroniċi.

(86)

Bl-użu ta' definizzjoni tas-suq għall-posta elettronika bbażata fuq il-paragrafi preċedenti, li hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, l-applikant kellu, skont l-informazzjoni disponibbli (43), sehem fis-suq ta' [… %] fl-2010, ta' [… %] fl-2011 u ta' [… %] fl-2012.

(87)

Għalhekk, il-fatturi elenkati hawn fuq għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett tal-Posta Awstrijaka għall-kompetizzjoni.

Servizzi tal-filatelija

(88)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, u skont il-prattika preċedenti (44) tal-Kummissjoni is-servizzi tal-filatelija huma definiti bħala “il-bejgħ ta' bolli u ta' prodotti relatati mal-bolli prinċipalment lil kollezzjonisti tal-bolli u, sa ċertu punt, lil xerrejja ta' rigali u ta' souvenirs.”

(89)

Il-Posta Awstrijaka hija l-kumpanija responsabbli għall-ħruġ ta' bolli postali speċjali ġodda Awstrijaċi. Il-fornituri tas-servizz postali barranin ukoll joħorġu bolli speċjali għas-suq tal-filatelija. Is-suq tal-filatelija, madankollu, mhuwiex limitat għall-kwistjoni ta' bolli speċjali ġodda, iżda jinkludi wkoll il-kummerċ ta' bolli, permezz ta' kumpaniji tal-irkant, negozjanti tal-bolli u bejgħ u rkantijiet onlajn.

(90)

Is-sehem stmat (45) fis-suq globali għal servizzi tal-filatelija tal-Posta Awstrijaka, definizzjoni tas-suq, li hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, ammonta għal [… %] fl-2010, [… %] fl-2011 u [… %] fl-2012.

(91)

Għalhekk, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni fir-rigward tas-servizzi tal-filatelija.

Servizzi finanzjarji

(92)

Skont il-punt (c) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, l-għoti ta' servizzi finanzjarji kif definit fir-raba' inċiż tal-imsemmi punt (c) huwa kopert minn dik id-Direttiva biss sakemm tali servizzi jiġu pprovduti minn entitajiet li jipprovdu wkoll servizzi postali skont it-tifsira tal-punt (b) ta' dik id-dispożizzjoni.

(93)

Il-Posta Awstrijaka tipprovdi s-servizzi finanzjarji li ġejjin:

(a)

f'isimha stess: servizzi ta' pagamenti — il-ġbir ta' flus (mat-twassil ta' pakketti “Nachnahme” u servizzi ta' ġbir ta' dejn permezz ta' persunal tat-twassil postali “Postauftrag”;

(b)

f'isem u għall-Bank fur Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse Aktiengesellschaft (BAWAG PSK): il-ġbid ta' flus u t-tfaddil ta' flus.

(94)

Skont il-preċedenti tal-Kummissjoni (46), għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni, qed jitqies li s-swieq tal-prodotti rilevanti huma: is-servizzi tal-pagamenti, is-servizzi tal-ġbid ta' flus u s-servizzi għall-intermedjazzjoni ta' kontijiet ta' tfaddil.

(95)

Il-Posta Awstrijaka tipprovdi f'isimha stess servizzi ta' pagamenti kif elenkat fil-punt (a) tal-premessa (93). Il-Posta Awstrijaka għandha sehem fis-suq ta' inqas minn [… %] u biex tipprovdi dawn is-servizzi qed tikkompeti ma' servizzi ta' pagamenti offruti minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji, li jistgħu jġibu pressjoni kompetittiva sinifikanti fuq il-Posta Awstrijaka.

(96)

Dawk il-fatturi għandhom għalhekk jittieħdu bħala indikazzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni għal servizzi ta' ħlas ipprovduti mill-Posta Awstrijaka f'isimha stess.

(97)

Il-Posta Awstrijaka ma setgħetx tipprovdi (47) l-ishma tas-suq tagħha u l-ishma tas-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha, għas-servizzi pprovduti f'isem BAWAG PSK, jiġifieri għall-ġbid u t-tfaddil ta' flus.

(98)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-grad ta' kompetizzjoni f'kull wieħed minn dawn is-swieq tal-prodott għas-servizzi pprovduti f'isem BAWAG PSK, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE huma ssodisfati. Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) ta' din id-Direttiva ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta' dawn l-attivitajiet fl-Awstrija.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(99)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi minn (2) sa (98), il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ntlaħqet fir-rigward tas-servizzi li ġejjin ipprovduti fl-Awstrija:

(a)

servizzi ta' ġestjoni tal-mailroom;

(b)

servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox minn tali mezzi;

(c)

servizzi tal-filatelija;

(d)

servizzi ta' pagamenti pprovduti f'ismimha stess.

(100)

Minħabba li l-kundizzjoni ta' aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li ntlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bl-intenzjoni li jippermettu li jingħataw is-servizzi elenkati fil-punti minn (a) sa (d) tal-premessa (99) fl-Awstrija, u lanqas meta jiġu organizzati konkorsi ta' disinn għat-twettiq ta' attivitajiet bħal dawn f'dan l-Istat Membru.

(101)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Ottubru 2013 sa Jannar 2014 kif jidher mill-informazzjoni mogħtija mill-Posta Awstrijaka u l-Awtoritajiet Awstrijċi. Din tista' tiġi riveduta, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jibqgħux jintlaħqu, wara li jkun hemm tibdil sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali.

(102)

Madankollu, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, għandha titqies li ma tintlaħaqx fir-rigward tas-servizzi l-oħra suġġetti għat-talba tal-Posta Awstrijaka, fit-territorju tal-Awstrija.

(103)

Billi xi servizzi soġġetti għal din it-talba jibqgħu suġġetti għad-Direttiva 2004/17/KE, ta' min ifakkar li l-kuntratti tal-akkwisti li jkopru diversi attivitajiet għandhom jiġu trattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Dan ifisser li, meta entità kuntrattwali tkun involuta f'akkwist “imħallat”, li jfisser akkwist użat biex jappoġġja l-prestazzjoni kemm ta' attivitajiet li huma eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE kif ukoll ta' attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom il-kuntratt huwa prinċipalment maħsub. F'każ ta' akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment l-appoġġ tal-attivitajiet li ma ġewx eżentati, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi determinat għal liema attività jkun primarjament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fl-Artikolu 9(2) u (3) tad-Direttiva 2004/17/KE.

(104)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma tapplikax għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti bl-intenzjoni li jippermettu li s-servizzi li ġejjin isiru fl-Awstrija:

(a)

servizzi ta' ġestjoni tal-mailroom;

(b)

servizzi b'valur miżjud marbuta ma' mezzi elettroniċi u pprovduti għal kollox minn tali mezzi;

(c)

servizzi tal-filatelija;

(d)

servizzi ta' pagamenti pprovduti f'ismimha stess.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(3)  Id-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21).

(4)  Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(6)  (Il-Każ Nru. COMP/M.6503 — La Poste/Swiss Post/JV

(7)  il-Każ COMP/M.3971 — DeutschePost/Excel.

(8)  il-Każ COMP/M.5152 — Posten AB/Post DanmarkA/S.

(9)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(11)  Talba, p. 8.

(12)  Ittra tal-Kummissjoni MARKT/С4/ММТ/id (2013)3891034 tal-5 ta' Diċembru 2013 lir-Rappreżentanza Permanenti Awstrijaka.

(13)  E-mail tal-Ministeru Federali Awstrijak tal-Ekonomija, l-Familja u ż-Żgħażagħ tat-18 ta' Diċembru 2013 li tinkludi t-tweġibiet mill-awtoritajiet rilevanti: mill-Ministeru Federali tat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u mir-regolatur nazzjonali (Rundfunk und Telekom Regulierungs-GmbH).

(14)  Skont l-Anness 1 tat-talba, p. 54.

(15)  Skont l-Anness 1 tat-talba, p. 60.

(16)  [****] informazzjoni kunfidenzjali.

(17)  Skont l-Anness 1 tat-talba, p. 32.

(18)  E-mail tal-Posta Awstrijaka tal-2 ta' Diċembru 2013.

(19)  Fl-analiżi tad-domanda, il-prezz huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala varjabbli endoġenu. Din l-endoġeneità jeħtiġilha tiġi kkontrollata għas-sensittività assoċjata tal-kwantitajiet għall-prezzijiet li għandha titqies bħala stima imparzjali tal-elastiċità. L-applikant ma wettaqx dan it-tip ta' kontroll ta' endoġeneità u ma ġġustifikax kif xieraq l-eżoġeneità tal-prezzijiet, u assuma, mingħajr ġustifikazzjoni li l-prezzijiet kienu eżoġeni.

(20)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6.

(21)  Ġiet introdotta żieda fit-tariffa f'Mejju 2011, wara approvazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, ta' talba mill-Posta Awstrijaka.

(22)  Posta transfruntiera għal ġewwa hija servizzi offruti minn operatur postali fl-Awstrija lil operatur postali ieħor barra l-pajjiż (eż. operatur postali jqassam fl-Awstrija l-posta li tasal mingħand operatur postali barra l-pajjiż).

(23)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 6.

(24)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

(25)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

(26)  L-iżviluppi ewlenin fis-settur postali (2010-2013), WIK Consult, Awwissu 2013, p. 174.

(27)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

(28)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(29)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(30)  E-mail tal-Posta Awstrijaka tal-14 ta' Jannar 2014.

(31)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/564/KE tas-6 ta' Awwissu 2007 li teżenta xi servizzi fis-settur postali fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali (ĠU L 215, 18.8.2007, p. 21).

(32)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 9.

(33)  OLG Wien, 26 Kt. 8,9/0-44, 43.

(34)  Ara l-punt 11 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe(2005) D/201691 tat-8 ta' April 2005 (il-Każ Nru COMP/M.3648 — Gruner + Jahr/MPS), u l-punt 15 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe(2005) D/200313 tal-24 ta' Jannar 2005 (il-Każ Nru COMP/M.3579 — WPP/GREY).

(35)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 9.

(36)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(37)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(38)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(39)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(40)  Talba, p. 22.

(41)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 11.

(42)  Talba, p. 14.

(43)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 12.

(44)  Id-Deċiżjoni 2007/564/KE.

(45)  Talba, p. 25.

(46)  Id-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni 2011/875/UE tas-16 ta' Diċembru 2011 li teżenta ċerti servizzi finanzjarji fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 77).

(47)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 13.