17.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/145/PESK

tas-17 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni kkundannaw bil-qawwa l-ksur mhux provokat tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u appellaw lill-Federazzjoni Russa biex tirtira immedjatament il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta' stazzjonament permanenti tagħhom, f'konformità mal-ftehimiet rilevanti. Huma appellaw lill-Federazzjoni Russa biex tippermetti aċċess immedjat lil osservaturi internazzjonali. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern qiesu li d-deċiżjoni mill-Kunsill Suprem tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea li jsir referendum dwar l-istatus futur tat-territorju tmur kontra l-Kostituzzjoni tal-Ukraina u hija għalhekk illegali.

(2)

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew li jieħdu azzjonijiet, inklużi dawk previsti mill-Kunsill fit-3 ta' Marzu 2014, b'mod partikolari li jissospendu t-taħditiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar kwistjonijiet ta' viża kif ukoll taħditiet mal-Federazzjoni Russa dwar Ftehim ġdid. komprensiv li għandu jissostitwixxi s-Sħubija eżistenti u l-Ftehim ta' Kooperazzjoni.

(3)

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern issottolinjaw li s-soluzzjoni għall-kriżi għandha tinstab permezz ta' negozjati bejn il-Gvernijiet tal-Ukraina u tal-Federazzjoni Russa, inkluż permezz ta' mekkaniżmi multilaterali potenzjali, u li fin-nuqqas ta' riżultati f'perjodu ta' żmien limitat l-Unjoni ser tiddeċiedi dwar miżuri addizzjonali, bħal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u t-tħassir tas-summit UE-Russja.

(4)

Fiċ-ċirkostanzi attwali, għandhom jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, inkluż azzjonijiet dwar l-istatus futur ta' kwalunkwe parti mit-territorju li jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-Ukraina, u persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(5)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni fiżiċi responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, u ta' persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;

(c)

taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f'laqgħat intergovernattivi, u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

7.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni ser tiġi kkunsidrata bħala mogħtija għajr jekk wieħed jew aktar mill-membri tal-Kunsill jagħmel oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta' ħidma minn meta tiġi riċevuta n-notifika tal-eżenzjoni proposta. F'każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għalih hija ġiet mogħtija lill-persuna kkonċernata minnha.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappertjenu lil, jew huma proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li tagħmel disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi konċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familji dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.

L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu l-oġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja, jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun esegwibbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jagħmlu tajjeb għal pretensjonijiet assigurati mit-tali sentenza jew rikonoxxuti bħala validi fit-tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżkoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru konċernat.

L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati milli tagħmel pagament dovut taħt kuntratt li daħlet għalih qabel id-data li fiha t-tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fl-Anness, dment li l-Istat Membru konċernat jkun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti minħabba kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ġew mogħtija fl-Unjoni jew li huma esegwibbli fl-Istat Membru konċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jiddeċiedi biex jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika,entità jew korp kkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil tali persuna, entità jew korp bl-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna, entità jew korp kkonċernati kif meħtieġ.

Artikolu 4

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmijin fl-Artikolu 1(1) u 2(1).

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 5

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) u 2 (1), l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa sas-17 ta’ Settembru 2014.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata, skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


ANNESS

Lista ta' persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2

 

Isem

Informazzjoni għall-Identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Sergey Valeryevich Aksyonov

Data tat-twelid 26.11.1972

Aksyonov ġie elett “Prim Ministru tal-Krimea” fil-Verkhovna Rada tal- Krimea fis-27 ta' Frar 2014 fil-presenza ta' persuni armati favur ir-Russja. Il-“ħatra” tiegħu ġiet iddikjarata bħala li tmur kontra l-kostituzzjoni minn Oleksandr Turchynov fl-1 ta' Marzu. Huwa għamel pressjoni b'mod attiv favur ir- “referendum” tas-16 ta' Marzu.

17.3.2014

2.

Vladimir Andreevich Konstantinov

Data tat-twelid 19.03.1967

Bħala speaker tal-Kunsill Suprem tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea (ARC), Konstantinov kellu rwol rilevanti fid-deċiżjonijiet meħuda mill-Verkhovna Rada rigward ir-“referendum” kontra l-integrità territorjali tal-Ukraina u appella lil votanti biex jivvotaw favur l-Indipendenza tal-Krimea.

17.3.2014

3.

Rustam Ilmirovich Temirgaliev

Data tat-twelid 15.08.1976

Bħala Viċi President tal-Kunsill tal-Ministri tal-Krimea, Temirgaliev kellu rwol rilevanti fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Verkhovna Rada rigward ir-"referendum" kontra l-integrità territorjali tal-Ukraina. Huwa għamel pressjoni b'mod attiv favur l-integrazzjoni tal-Krimea fil-Federazzjoni Russa.

17.3.2014

4.

Deniz Valentinovich Berezovskiy

Data tat-twelid 15.07.1974

Berezovskiy inħatar kmandant tal-Forza Navali tal-Ukraina fl-1 ta' Marzu 2014 u ħa l-ġurament quddiem il-Forzi Armati tal-Krimea, biex b'hekk mar kontra l-ġurament tiegħu. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina nieda investigazzjoni kontrih bl-akkuża ta' tradiment għoli.

17.3.2014

5.

Aleksei Mikhailovich Chaliy

Data tat-twelid 13.06.1961

Chaliy sar “Sindku ta' Sevastopol” permezz ta' nomina popolari fit-23 ta' Frar 2014 u aċċetta dan il-“vot”. Huwa mexxa kampanja b'mod attiv biex Sevastopol issir entità separata tal-Federazzjoni Russa b'segwitu għal referendum tas-16 ta' Marzu 2014.

17.3.2014

6.

Pyotr Anatoliyovych Zima

 

Zima inħatar bħala l-kap il-ġdid tas- Servizz tas-Siġurtà tal-Krimea (SBU) fit-3 ta' Marzu 2014 mill- “Prim Ministru” Aksyonov u aċċetta din il-ħatra. Huwa ta informazzjoni rilevanti inkluż bażi ta' data lis-Servizz tal- Intelligence Russu (SBU). Dan kien jinkludi informazzjoni dwar attivisti tal-Ewro-Maidan u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-Krimea. Huwa kellu rwol rilevanti fil-prevenzjoni għall-awtoritajiet tal-Ukraina milli jikkontrollaw it-territorju tal-Krimea.

Fil-11 ta' Marzu 2014 ġiet proklamata l-formazzjoni ta' Servizz tas-Siġurtà indipendenti tal-Krimea mill-ex-uffiċjali tas-SBU tal-Krimea.

17.3.2014

7.

Yuriy Zherebtsov

 

Kunsillier tal-Ispeaker tal-Verkhovna Rada tal-Krimea, wieħed mill-organizzaturi ewlenin tar-"referendum" tas-16 ta' Marzu 2014 kontra l-integrità territorjali tal-Ukraina.

17.3.2014

8.

Sergey Pavlovych Tsekov

Data tat-twelid 28.03.1953

Viċi Speaker tal-Verkhovna Rada; Tsekov beda, flimkien ma' Sergey Aksyonov, it-tneħħija illegali tal-gvern tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea (ARC). F'dan it-tentattiv, huwa involva lil Vladimir Konstantinov, waqt li heddu bit-tneħħija tiegħu. Huwa rrikonoxxa pubblikament li l-Membri Parlamentari mill-Krimea kienu dawk li bdew jistiednu lis-suldati Russi biex jieħdu taħt il-kontroll tagħhom lill-Verkhovna Rada tal-Krimea. Huwa kien wieħed mill-ewwel Mexxejja tal-Krimea li talab fil-pubbliku li l-Krimea tiġi annessa mar-Russja.

17.3.2014

9.

Ozerov, Viktor Alekseevich

Data tat-twelid 5.1.1958 f'Abakan, Khakassia

President tal-Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014 Ozerov, f'isem il- Kumitat għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Kunsill Federali, appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

10.

Dzhabarov, Vladimir Michailovich

Data tat-twelid 29.9.1952

L-ewwel Viċi President tal-Kumitat tal-Affarijiet Internazzjonali tal-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014 Dzhabarov, f'isem il- Kumitat tal-Affarijiet Internazzjonali tal-Kunsill Federali, appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

11.

Klishas, Andrei Aleksandrovich

Data tat-twelid 9.11.1972 f'Sverdlovsk

President tal-Kumitat dwar id-Dritt Kostituzzjonali tal-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014 Klishas appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina. F'dikjarazzjonijiet pubbliċi, Klishas ipprova jiġġustifika intervent militari Russu fl-Ukraina billi ddikjara li “il-President tal-Ukraina jappoġġa l-appell tal-awtoritajiet tal-Krimea lill-President tal-Federazzjoni Russa dwar l-għoti ta' assistenza komprensiva biex jiġu difiżi ċ-ċittadini tal-Krimea”.

17.3.2014

12.

Ryzhkov, Nikolai Ivanovich

Data tat-twelid 28.09.1929 fi Duleevka, reġjun ta' Donetsk, Ukraina SSR

Membru tal-Kumitat għall-kwistjonijiet federali, politika reġjonali u t-Tramuntana tal- Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014 Ryzhkov appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

13.

Bushmin, Evgeni Viktorovich

Data tat-twelid 4.10.1958 f'Lopatino, Reġjun ta' Sergachiisky, RSFSR

Viċi Speaker tal- Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014 Bushmin appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

14.

Totoonov, Aleksandr Borisovich

Data tat-twelid 3.03.1957 f'Ordzhonikidze, Tramuntana ta' Ossetia

Membru tal-Kumitat dwar il-kultura, ix-xjenza, u l-informazzjoni tal- Kunsill Federali tal-Federazzjoni Russa.

Fl-1 ta' Marzu 2014, Totoonov appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina

17.3.2014

15.

Panteleev, Oleg Evgenevich

Data tat-twelid 21.07.1952 fi Zhitnikovskoe, reġjun ta' Kurgan

L-ewwel Viċi President tal-Kumitat dwar Kwistjonijiet Parlamentari.

Fl-1 ta' Marzu 2014, Panteleev appoġġa pubblikament fil-Kunsill Federali l-iskjerament tal-forzi Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

16.

Mironov, Sergei Mikhailovich

Data tat-twelid 14.02.1953 f'Pushkin, reġjun ta' Leningrad

Membru tal-Kunsill tal-Istat ta' Duma; Mexxej tal-fazzjoni Fair Russia f' Duma.

Oriġinatur tal-liġi li tippermetti lill-Federazzjoni Russa tinkludi fil-kompożizzjoni tagħha, taħt il-pretest tal-protezzjoni taċ-ċittadini Russi, territorji ta' pajjiż barrani mingħajr il-kunsens ta' dak il-pajjiż jew ta' trattat internazzjonali.

17.3.2014

17.

Zheleznyak, Sergei Vladimirovich

Data tat-twelid 30.07.1970 f'San Pietruburgu (qabel kien Leningrad)

Viċi Speaker tal-Istat ta' Duma tal-Federazzjoni Russa.

Appoġġa b'mod attiv l-użu tal-Forzi Armati Russi fl-Ukraina u l-annessjoni tal-Krimea. Huwa mexxa personalment id-dimostrazzjoni b'appoġġ tal-użu tal-Forzi Armati Russi fl-Ukraina.

17.3.2014

18.

Slutski, Leonid Eduardovich

Data tat-twelid 4.01.1968 f'Моska

President tal-Kumitat tal-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS) tal-Istat ta' Duma (membru ta' LDPR).

Appoġġa b'mod attiv l-użu tal-Forzi Armati Russi fl-Ukraina u l-annessjoni tal-Krimea.

17.3.2014

19.

Vitko, Aleksandr Viktorovich

Data tat-twelid 4.1.1968 f'Моska

Kmandant tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed, Viċi Ammiral.

Responsabbli mill-kmand tal-forzi Russi li okkupaw it-territorju sovran tal-Ukraina.

17.3.2014

20.

Sidorov, Anatoliy Alekseevich

 

Kmandant, Distrett Militari tal-Punent tar-Russja, li unitajiet minnu huma skjerati fil-Krimea.

Kmandant tad-Distrett Militari tal-Punent tar-Russja, li unitajiet minnu huma skjerati fil-Krimea. Huwa responsabbli għal parti mill-preżenza militari Russa fil-Krimea li qed iddgħajjef is-sovranità tal-Ukraina u assista lill-awtoritajiet tal-Krimea fl-impediment ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi kontra azzjonijiet favur referendum u l-inkorporazzjoni fir-Russja.

17.3.2014

21.

Galkin, Aleksandr

 

Distrett Militari tan-Nofsinhar tar-Russja, li forzi minnu jinsabu fil-Krimea; il-Flotta tal-Baħar l-Iswed hija taħt il-kmand ta' Galkin; il-parti l-kbira tal-moviment tal-forza fil-Krimea oriġinat mid-Distrett Militari tan-Nofsinhar.

Kmandant tad-Distrett Militari tan-Nofsinhar tar-Russja ("SMD"). Il-forzi ta' SMD huma skjerati fil-Krimea. Huwa responsabbli għal parti mill-preżenza militari Russa fil-Krimea li qed iddgħajjef is-sovranità tal-Ukraina u assista lill-awtoritajiet tal-Krimea fl-impediment ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi kontra azzjonijiet favur referendum u l-inkorporazzjoni fir-Russja. Barra minn hekk, il-flotta tal-Baħar l-Iswed taqa' taħt il-kontroll tad-Distrett.

17.3.2014