12.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/20


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Marzu 2014

li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta’ twissija għat-tieni perjodu ta’ referenza mill-2015 sal-2019

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/132/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 jeħtieġ li tiġi stabbilita skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u s-servizzi ta’ netwerk. B’mod partikolari, dan jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin li huma s-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza. Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (2) ġew stabbiliti regoli addizzjonali dwar dawn il-miri.

(2)

Issa għandhom jiġu stabbiliti l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta’ referenza, li jkopri s-snin kalendarji 2015 sal-2019.

(3)

Fid-29 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni ħatret Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 (3), biex jassistiha fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni, u b’mod partikolari fl-iffissar ta’ miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(4)

Sabiex jiffaċilita l-adozzjoni ta’ miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, appoġġjat mill-Kummissjoni, ikkonsulta mal-partijiet interessati kollha elenkati fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 dwar l-approċċ li għandu jintuża sabiex jiġu stabbiliti miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, il-proċessi ta’ applikazzjoni tagħhom u l-firxiet indikattivi li jikkorrispondu għalihom. Din il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati damet sejra mill-25 ta’ Jannar 2013 sat-3 ta’ Lulju 2013. Kien involut il-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali mwaqqaf skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE (4) u l-korpi rappreżentattivi tal-persunal professjonali Ewropej kollha tas-settur tal-avjazzjoni ċivili kellhom l-opportunità li jipprovdu l-kummenti tagħhom.

(5)

B’kunsiderazzjoni tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni ppropona l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha f’rapport ippreżentat lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2013. Ir-rapport stabbilixxa s-suppożizzjonijiet u r-raġuni fundamentali li fuqhom huma bbażati l-miri proposti u l-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ fornituri ta’ servizz tan-navigazzjoni tal-ajru jew il-blokki ta’ spazju tal-ajru funzjonali li jkollhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(6)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013. Dawn tħejjew bl-assistenza tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni. Tqiesu l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-kontribut li wasal mill-Maniġer tan-Netwerk stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (6), l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali. Il-miri huma bbażati fuq l-informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni sas-17 ta’ Diċembru 2013.

(7)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha huma bbażati fuq dejta għall-Istati Membri, in-Norveġja u l-Isvizzera.

(8)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza stabbiliti f’din id-Deċiżjoni tħejjew b’kollaborazzjoni mal-EASA. Meta tadotta mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, l-EASA għandha tkompli tiċċara d-definizzjonijiet tal-kategoriji tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju (RAT) biex tiżgura applikazzjoni armonizzata tal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni għall-Kategorija C (il-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi ATM sikuri iżda ta’ kwalità inferjuri). L-EASA ġiet ikkonsultata wkoll dwar il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin oħrajn bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettivi dominanti ta’ sikurezza.

(9)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent għandhom jiġu stabbiliti skont il-linja bażi tal-livelli ta’ prestazzjoni miksuba fl-2012, kif ikkalkulat mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni, jiġifieri 3,17 % għall-effiċjenza medja ta’ titjira orizzontali en route tat-trajettorja effettiva u 5,15 % għall-effiċjenza medja ta’ titjira orizzontali en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat.

(10)

Għal kull sena fil-perjodu ta’ referenza, il-mira ta’ prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, imkejla bħala medja tad-dewmien tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route, għandha taqbel mal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-2014, filwaqt li tqis il-previżjoni tat-traffiku għat-tieni perjodu ta’ referenza.

(11)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għal kull sena tal-perjodu ta’ referenza għandhom jiġu espressi f’termini reali bl-użu ta’ valuri tal-2009 (EUR 2009) biex jippermettu, inter alia, it-tqabbil mal-livell ta’ prestazzjoni milħuq fil-perjodu ta’ referenza preċedenti.

(12)

It-titjib mistenni fil-kosteffiċjenza għat-tieni perjodu ta’ referenza għandu jitkejjel mal-ispejjeż iddeterminati għall-2014 ta’ EUR 6,242 miljun (7) f’EUR2009. Fuq il-bażi tal-aktar suppożizzjonijiet tat-traffiku riċenti għall-2014 (8), il-valur tal-linja bażi għall-ispiża ddeterminata għal kull unità għandu jkun ta’ EUR 58,09 f’EUR2009. Għaldaqstant, il-mira tal-kosteffiċjenza għandha tipprevedi tnaqqis fl-ispiża ddeterminata medja għal kull unità bi 3,3 % fis-sena tul it-tieni perjodu ta’ referenza. Il-valur ta’ linja bażi ta’ EUR 58,09 f’EUR2009 huwa ogħla mill-mira ta’ prestazzjoni mal-Unjoni kollha ta’ EUR 53,92 f’EUR2009 stabbilita għall-2014, billi l-volum tat-traffiku previst għall-2014 huwa inqas minn dak li kien oriġinarjament stmat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE (9).

(13)

Is-suppożizzjonijiet tat-traffiku għat-tieni perjodu ta’ referenza ttieħdu mill-ipoteżi baxxa tal-previżjoni l-aktar riċenti ta’ STATFOR, ippubblikata fit-30 ta’ Settembru 2013, li tindika medja ta’ tkabbir annwali fit-traffiku ta’ 1,2 %. Madankollu, il-perjodu ta’ previżjoni twil sa tmiem l-2019 jinvolvi grad ta’ inċertezza. Għadaqstant, fil-kuntest tar-rapport mill-Kummissjoni lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku msemmi fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, il-Kummissjoni għandha, sal-2016, teżamina dawn is-suppożizzjonijiet tat-traffiku fid-dawl tal-aktar previżjoni riċenti disponibbli minn STATFOR. Fuq il-bażi ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, jekk xieraq, li teżamina mill-ġdid il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, għas-snin kalendarji mill-2017 sal-2019 skont il-punt (a) tal-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament.

(14)

L-ispejjeż ta’ referenza ddeterminati għat-tieni perjodu ta’ referenza huma previsti li jitnaqqsu bħala medja bi 2,1 % kull sena.

(15)

Minbarra l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ il-livelli limiti tat-twissija u lil hinn minnhom jistgħu jiġu attivati l-mekkaniżmi ta’ twissija msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

(16)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, il-miri lokali ma għandhomx għalfejn ikunu ugwali għall-miri ta’ prestazzjoni mal-Unjoni kollha. Dawn għandhom ikunu konsistenti ma’ dawn il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u jikkontribwixxu għalihom b’mod adegwat. Il-pjan ta’ prestazzjoni, li skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 għandu jitfassal fil-livell tal-blokki ta’ spazju tal-ajru funzjonali, għandu jirrifletti din il-konsistenza u din il-kontribuzzjoni adegwata.

(17)

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni skont il-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ajru Uniku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza

1.   Għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza għandhom ikunu kif stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza msemmija fil-punt 1.1(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2019, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali għandhom jiksbu mill-inqas il-Livell C (10) għall-objettivi ta’ ġestjoni kollha (“Politika u objettivi tas-sikurezza”, “Ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”, “Assigurazzjoni tas-sikurezza”, “Promozzjoni tas-sikurezza” u “Kultura tas-Sikurezza”);

(b)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2019, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jiksbu mill-inqas il-Livell D għall-objettivi ta’ ġestjoni “Politika u objettivi tas-sikurezza”, “Ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”, “Assigurazzjoni tas-sikurezza”, u “Promozzjoni tas-sikurezza” u mill-inqas il-Livell C għall-objettiv ta’ ġestjoni “Kultura tas-Sikurezza”.

3.   Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tas-severità msemmija fil-punt 1.1(b) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2017 u kull sena minn hemm ‘il quddiem sa tmiem it-tieni perjodu ta’ referenza, l-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali tagħhom għandhom jiżguraw il-ġbir tal-informazzjoni dwar is-severità tal-“ATM Globali” u r-rappurtar tagħha lill-EASA ddeterminata permezz tal-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju (RAT) għall-klassifikazzjoni ta’ mill-inqas 80 % tar-rappurtar annwali ta’ ksur tas-separazzjoni minima u ta’ inkursjonijiet fir-runway b’kategoriji A (inċidenti serji), B (inċidenti kbar) u C (inċidenti sinifikanti) (11);

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2017 u sa mhux aktar tard mill-31 ta Diċembru 2019, l-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali tagħhom, għandhom jiżguraw il-ġbir tal-informazzjoni dwar is-severità tal-“ATM Globali” u r-rappurtar tagħha lill-EASA ddeterminata permezz tal-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju (RAT) għall-klassifikazzjoni ta’ mill-inqas 80 % u 100 % rispettivament tal-okkorrenzi speċifiċi għall-ATM irrapportati kull sena bil-kategoriji AA (inkapaċità totali li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri), A (inkapaċità serja li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri), B (inkapaċità parzjali li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri) u C (kapaċità li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri iżda ta’ kwalità inferjuri);

(c)

sal-31 ta’ Diċembru 2017 u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2019, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali s-severità “tal-ATM fuq l-art” bl-użu tal-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju (RAT) għall-klassifikazzjoni ta’ minimu ta’ 80 % u 100 % rispettivament tar-rappurtar annwali ta’ ksur tas-separazzjoni minima u ta’ inkursjonijiet fir-runway b’kategoriji A (inċidenti serji), B (inċidenti kbar) u C (inċidenti sinifikanti);

(d)

sal-31 ta’ Diċembru 2017 u sa mhux aktar tard mill-31 ta Diċembru 2019, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali s-severità tal-“ATM fuq l-art” bl-użu tal-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskju (RAT) għall-klassifikazzjoni ta’ mill-inqas 80 % u 100 % rispettivament tal-okkorrenzi speċifiċi għall-ATM irrapportati kull sena bil-kategoriji AA (inkapaċità totali li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri), A (inkapaċità serja li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri), B (inkapaċità parzjali li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri) u C (kapaċità li jiġu pprovduti servizzi tal-ATM sikuri iżda ta’ kwalità inferjuri).

Artikolu 2

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent

Għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent għandhom ikunu kif ġej:

1.

effiċjenza medja ta’ titjira orizzontali en route ta’ mill-inqas 2,6 % fl-2019 tat-trajettorja effettiva, kif definit fil-punt 2.1(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013;

2.

effiċjenza medja ta’ titjira orizzontali en route ta’ mill-inqas 4,1 % fl-2019 tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat, kif definit fil-punt 2.1(b) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

Artikolu 3

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità

Għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità għandhom ikunu medja ta’ dewmien tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM) en route għal kull titjira, kif definit fil-punt 3.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, ta’ mhux aktar minn 0,5 minuti għal kull titjira, li għandhom jintlaħqu għal kull sena kalendarja.

Artikolu 4

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

Għat-tieni perjodu ta’ referenza, il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għandhom ikunu spiża ddeterminata medja għal kull unità għal servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru en route kif definit fil-punt 4.1(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, espressi f’termini reali EUR 2009, ta’ EUR 56,64 għall-2015, EUR 54,95 għall-2016, EUR 52,98 għall-2017, EUR 51,00 għall-2018, u EUR 49,10 għall-2019.

Artikolu 5

Suppożizzjonijiet

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjonijiet stipulati fl-Anness.

Artikolu 6

Livelli limiti ta’ twissija

1.   Meta t-traffiku effettiv irreġistrat mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni jiddevja mis-suppożizzjonijiet tat-traffiku stabbiliti fl-Anness b’mill-inqas 10 % tul sena kalendarja partikolari, il-mekkaniżmu ta’ twissija mal-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 jista’ jiġi attivat.

2.   Meta t-traffiku effettiv irreġistrat mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni jiddevja mill-previżjonijiet tat-traffiku stabbiliti fil-pjan ta’ prestazzjoni rispettiv imsemmi fil-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 b’mill inqas 10 % tul sena kalendarja partikolari, il-mekkaniżmu ta’ twissija lokali msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 jista’ jiġi attivat.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ‘l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) (ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1).

(7)  Dan jinkludi l-ispiża għall-Kroazja, li ma pparteċipatx fl-iskema tal-prestazzjoni matul l-ewwel perjodu ta’ referenza, u l-aġġustamenti għall-Istati Membri kollha biex iqisu t-tnaqqis antiċipat għat-titjiriet tal-VFR li huma eżentati.

(8)  107 439 000 unità ta’ servizz en route (sors: STATFOR, previżjoni b’ipoteżi baxxa, Settembru 2013)

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/121/UE tal-21 ta’ Frar 2011 li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni u l-limiti ta’ twissija għall-Unjoni Ewropea kollha għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru mill-2012 sal-2014 (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 16).

(10)  Il-Livelli C u D huma definiti fil-mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida mill-EASA għall-implimentazzjoni u l-kejl tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza kif imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

(11)  Il-kategoriji AA, A, B, C, D u E huma definiti fil-mezzi aċċettabbli ta’ konformità u materjal ta’ gwida mill-EASA għall-implimentazzjoni u l-kejl tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza kif imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.


ANNESS

1.

Previżjonijiet tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni kollha, espressi f’unitajiet ta’ servizz bir-rotta:

Unitajiet ta’ servizz bir-rotta

2015

2016

2017

2018

2019

108 541 000

110 196 000

111 436 000

112 884 000

114 305 000

2.

Spiża stabbilita ta’ referenza għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru bir-rotta prevista fil-livell tal-Unjoni kollha

Spiża stabbilita (EUR 2009)

2015

2016

2017

2018

2019

6 147 905 000

6 055 686 000

5 904 294 000

5 756 687 000

5 612 769 000