15.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 45/24


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Frar 2014

li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati għal tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata tal-Messiku fil-lista ta’ pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ekwidi ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina huma awtorizzati

(notifikata bid-dokument C(2014) 692)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/86/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/156/KE tistipola l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ equidae ħajjin fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 13(1)(a) waħda mill-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ ekwidi fl-Unjoni hija li l-pajjiż terz kien ħieles mill-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela għal perjodu ta’ sentejn.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (3) tipprovdi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati wara l-esportazzjoni temporanja biex jieħdu sehem fi tlielaq, kompetizzjonijiet jew avvenimenti kulturali.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (4) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, jew ta’ partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-ekwidi u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom. Din il-lista hija stabbilita fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/167/UE (5) tal-Kummissjoni li temenda l-lista fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2004/211/KE tipprovdi li d-dħul temporanju ta’ żwiemel irreġistrati, id-dħul mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja ta’ żwiemel reġistrati għal tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali, l-importazzjonijiet ta’ ekwidi rreġistrati u ekwidi għat-tgħammir u l-produzzjoni, u l-importazzjonijiet ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina mill-Messiku bħalissa mhumiex awtorizzati.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi dwar id-dħul mill-ġdid taż-żwiemel skedati għall-esportazzjoni temporanja lejn il-Belt tal-Messiku (Messiku). Dik l-evalwazzjoni fiha dettalji komprensivi dwar il-miżuri ta’ bijosigurtà applikati mit-Théâtr équestre Zingaro għall-protezzjoni tal-qagħda tas-saħħa taż-żwiemel tagħhom matul ir-residenza tagħhom fil-Belt tal-Messiku kif ukoll il-miżuri ta’ kwarantina, imposti mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi fuq dawk iż-żwiemel mal-wasla lura tagħhom.

(6)

Minħabba l-grad tas-superviżjoni veterinarja, il-kontrolli tas-saħħa ta’ rutina miftiehma u s-separazzjoni minn ekwidi ta’ qagħda ta’ saħħa inferjuri, huwa possibbli li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għad-dħul mill-ġdid ta’ dawn iż-żwiemel wara esportazzjoni temporanja għal perjodu ta’ inqas minn 90 jum biex jipparteċipaw f’avvenimenti kulturali ekwestri speċifiċi fil-Belt tal-Messiku.

(7)

Id-Deċiżjoni 93/195/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(8)

Minħabba li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jikkonċernaw biss reġjun ta’ altitudni għolja matul staġun xitwi niexef u bnazzi b’inqas riskju ta’ trażmissjoni permezz ta’ vettur tal-istomatite vesikulari jew ċerti sottotipi ta’ enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela, id-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati għal tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali wara esportazzjoni temporanja għal perjodu ta’ inqas minn 90 ġurnata lejn iż-żona Metropolitana tal-Belt tal-Messiku, reġjun fejn l-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela ma kenitx irrapportata għal aktar minn sentejn (2) għandu jiġi awtorizzat.

(9)

L-entrata għal dak il-pajjiż terz fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għalhekk tiġi emendata.

(10)

Id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 93/195/KEE hija emendata kif ġej:

1.

Għandu jiżdied l-inċiż li ġej fl-Artikolu 1:

“—

ħadu sehem f’avvenimenti kulturali speċifiċi fiż-żona Metropolitana tal-Belt tal-Messiku u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’ċertifikat tas-saħħa mfassal skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Anness X ma’ din id-Deċiżjoni.”

2.

Ġie miżjud Anness X ġdid, kif stabbilit fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness I mad-Deċiżjoni Nru 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta’ Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/167/UE tat-3 ta’ April 2013 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata tal-Messiku fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ekwidi ħajjin kif ukoll ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 95, 5.4.2013, p. 19).


ANNESS I

“ANNESS X

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE l-entrata għall-Messiku tinbidel b’dan li ġej:

“MX

Messiku

MX-0

Il-pajjiż kollu

D

 

MX-1

Iż-żona Metropolitana tal-Belt tal-Messiku

D

X

Validu sal-15 ta’ April 2014”