14.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Frar 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-virus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn ċerti pajjiżi terzi jew partijiet tat-territorju ta’ pajjiżi terzi li fihom il-preżenza ta’ dik il-marda hija konfermata u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/78/UE

(notifikata bid-dokument C(2014) 715)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/84/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa infezzjoni li tittieħed ħafna u fatali tal-ħnieżer domestiċi u l-qżieqes selvaġġi, li għandha l-potenzjal tinfirex malajr, l-aktar minn prodotti miksuba minn annimali infettati u oġġetti mhux ħajjin kontaminati.

(2)

Minħabba s-sitwazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-Russja, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/78/UE (2) li tistabbilixxi miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ dik il-marda fl-Unjoni Wara l-konferma ta’ tfaqqiegħa ta’ deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Belarus, qrib il-fruntiera mal-Litwanja u l-Polonja f’Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE (3) li ħassret u ħadet post id-Deċiżjoni 2011/78/UE.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE tistabbilixxi miżuri li jipprevedu tindif u disinfettar xieraq tal-“vetturi tal-bhejjem” kollha li jkunu ttrasportaw annimali ħajjin u l-għalf u li jidħlu fl-Unjoni mir-Russja u l-Belarus u tipprevedi li dawn it-tindif u diżinfettar jiġu dokumentati kif suppost.

(4)

L-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fid- Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE ġiet awditjata mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni (FVO) f’erba’ Stati Membri li jmissu mar-Russja u l-Belarus.

(5)

L-awditi żvelaw li t-tindif u d-diżinfezzjoni tat-trakkijiet li jittrasportaw l-għalf ma jistgħux jiġu implimentati b’mod sħiħ minħabba d-diffikultà biex wieħed jintebaħ liema huma dawn it-trakkijiet. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li wieħed ikun jaf jekk dawk it-trakkijiet kinux f’postijiet li jistgħu jirrappreżentaw riskju ta’ introduzzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer.

(6)

L-awditi żvelaw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jmissu r-Russja u l-Belarus diġà implimentaw l-miżuri ta’ bijosigurtà addizzjonali li jgħollu l-livell ta’ prevenzjoni kontra l-introduzzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, bħalma huma d-disinfettar tal-vetturi li mhumiex vetturi tal-bhejjem li iżda huma suspettati li jistgħu jikkostitwixxu riskju ta’ introduzzjoni ta’ dik il-marda.

(7)

Ir-riżultati tal-awditi tal-FVO għandhom jitqiesu biex iqawwu l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE.

(8)

Huwa xieraq li jiġi limitat l-obbligu biex jitnaddfu u jiġu diżinfettati trakkijiet għal dawk it-trakkijiet li jġorru l-annimali ħajjin biss. Min-naħa l-oħra, għandhom jiddaħħlu miżuri ta’ bijosigurtà ġodda għad-diżinfezzjoni ta’ vetturi li jistgħu jirrappreżentaw riskju.

(9)

Is-sitwazzjoni fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fir-reġjun ikkonċernat mistennija li tevolvi fix-xhur li ġejjin u għalhekk l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE għandha tkun limitata fiż-żmien.

(10)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/426/UE, hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ‘vettura tal-bhejjem’ tfisser kwalunkwe vettura li qed tintuża jew li ntużat għall-ġarr ta’ annimali ħajjin.”

(2)

L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur jew is-sewwieq ta’ vettura tal-bhejjem malli jasal minn pajjiżi terzi jew minn partijiet tat-territorju tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jipprovdi informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li turi li l-bhejjem jew il-kompartament tal-ġarr, fejn applikabbli l-kaxxa tat-trakk, ir-rampa tat-tagħbija, it-tagħmir li jkun miss mal-annimali, ir-roti u l-kabina tas-sewwieq u l-ħwejjeġ u l-bwiez protettivi użati matul il-ħatt tnaddfu u ġew diżinfettati wara l-aħħar ħatt tal-annimali.”

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 juru li t-tindif u d-diżinfezzjoni tal-vettura tal-bhejjem ma twettqux b’mod sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

tordna li l-vettura tal-bhejjem titnaddaf u tiġi diżinfettata kif suppost f’post innominat mill-awtorità kompetenti, viċin kemm jista’ jkun tal-punt tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni fl-Istat Membru konċernat u toħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2;

(b)

fejn ma jkunx hemm faċilità adattata għat-tindif u d-diżinfezzjoni viċin il-punt tad-dħul jew hemm riskju li l-prodotti residwi tal-annimali jiġu rilaxxati minn vettura tal-bhejjem mhix imnaddfa:

(i)

iċċaħħad lill-vettura tal-bhejjem milli tidħol fl-Unjoni, jew

(ii)

(ii) twettaq fuq il-post d-diżinfezzjoni preliminari tal-vettura tal-bhejjem mhux imnaddfa u diżinfettata b’mod sodisfaċenti sakemm isseħħ l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fil-punt (a) fi żmien 48 siegħa mill-wasla fuq il-fruntiera tal-UE.”

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul fl-Unjoni tista’ tissoġġetta kwalunkwe vettura, inklużi dawk li jittrasportaw l-għalf, li ma tistax tiġi eskluża mill-possibbiltà li tippreżenta riskju sinifikanti li tintroduċi d-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tal-Unjoni, għal diżinfezzjoni fuq–il-post tar-roti jew kwalunkwe parti oħra tal-vettura kkunsidrata meħtieġa sabiex jittaffa dan ir-riskju.”

(4)

L-Artikolu 4a li ġej għandu jiddaħħal wara l-Artikolu 4:

“Artikolu 4a

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/78/UE tat-3 ta’ Frar 2011 dwar ċerti miżuri biex jipprevjenu t-trażmissjoni tal-vajrus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mir-Russja lejn l-Unjoni (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 40).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/426/UE tal-5 ta’ Awwissu 2013 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer minn ċerti pajjiżi terzi jew partijiet tat-territorju ta’ pajjiżi terzi li fihom il-preżenza ta’ dik il-marda hija konfermata u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/78/UE (ĠU L 211, 7.8.2013, p. 5).