25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/24


DEĊIŻJONI (UE) 2015/298 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta' Diċembru 2014

dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 (1) tistabbilixxi kif il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iqassam lill-BĊNi: (a) id-dħul tiegħu minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni akkumulat kull sena; u (b) id-dħul tiegħu minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) li jkun qala' f'kull sena finanzjarja.

(2)

Jeħtieġ li d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn bonds koperti u bonds iggarantiti b'assi mwettaq skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (2) u d-Deċiżjoni BĊE/2014/45 (3). Għaldaqstant, din għandha tiġi fformulata mill-ġdid għall-finijiet ta' ċarezza.

(3)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 (4) tistabbilixxi l-allokazzjoni ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-BĊNi skont il-proporzjon tal-ishma li għandhom imħallsin fil-kapital tal-BĊE. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 u l-Anness ta' dik id-Deċiżjoni jallokaw lill-BĊE 8 % tal-valur totali ta' karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni. Il-BĊE għandu klejms intra-Eurosistema fuq BĊNi b'mod proporzjonat mal-ishma tagħhom fl-iskema tal-kapital sottoskritt, għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus tal-euro li joħroġ.

(4)

Taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 (5), il-bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni jitħallsu bir-rata ta' referenza. Taħt l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23, dan il-ħlas jiġi saldat b'pagamenti permezz ta' TARGET2.

(5)

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tiddikjara li d-dħul li jakkumula lill-BĊE mir-remunerazzjoni tal-pretensjonijiet intra-Eurosistema tagħha kontra BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta' karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni għandu fil-prinċipju jitqassam lill-BĊNi, bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta' kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut, b'mod konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

(6)

Bl-istess mod id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, it-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (iktar 'il quddiem “CBPP3”) u l-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP) għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta' kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut.

(7)

Meta jiddistribwixxi d-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, is-CBPP3 u l-ABSPP, il-BĊE għandu jieħu f'kunsiderazzjoni stima tar-riżultat finanzjarju tiegħu għas-sena li tagħmel konċessjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu allokati fondi għal provvediment għar-rata tal-kambju barrani, rata ta' imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb, u għad-disponibbiltà ta' provvedimenti li jistgħu jiġu rilaxxati bi tpaċija għal spejjeż antiċipati.

(8)

Meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-profitt nett tal-BĊE li għandu jiġi ttrasferit lill-fond ta' riżerva ġenerali skont l-Artikolu 33.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Kunsill Governattiv għandu jikkunsidra li kwalunkwe parti ta' dak il-profitt li tikkorrispondi għal dħul fuq karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u dħul li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, is-CBPP3 u l-ABSPP għandhom jitqassmu lill-BĊNi bis-sħiħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

“bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni” tfisser il-klejms u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw bejn BĊN u l-BĊE u bejn BĊN u l-BĊNi l-oħrajn bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29;

(c)

“Dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni” tfisser id-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tal-klejms tiegħu intra-Eurosistema kontra l-BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta' karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23;

(d)

“Id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli” tfisser id-dħul nett li jirriżulta minn xiri mill-BĊE ta' (i) titoli taħt l-SMP skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/5 (6), (ii) bonds koperti taħt is-CBPP3 skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/40, u (iii) titoli ggarantiti b'assi taħt l-ABSPP skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/45.

Artikolu 2

Distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli

1.   Id-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli għandhom ikunu dovuti b'mod sħiħ lill-BĊNi fl-istess sena finanzjarja meta jsiru dovuti u għandhom jitqassmu lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE.

2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, il-BĊE għandu jiddistribwixxi d-dħul tiegħu minn karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tiegħu li jirriżulta minn titoli li jkun qala' f'kull sena finanzjarja fl-aħħar jum ta' xogħol f'Jannar tas-sena ta' wara.

3.   L-ammont tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni jista' jitnaqqas b'mod konformi ma' kull deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi tal-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b'rabta mal-ħruġ u l-ipproċessar ta' karti tal-flus tal-euro.

Artikolu 3

Deroga mill-Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 2, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja jekk id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jissemma f'dak l-Artikolu għandux jinżamm sal-punt meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ammont ta' dħul imqassam ma jaqbiżx il-profitt nett tal-BĊE għal dik is-sena. Kull deċiżjoni ta' dan it-tip għandha tittieħed meta, fuq il-bażi ta' stima mmotivata mħejjija mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv ikun jistenna li l-BĊE ser ikollu telf ġenerali annwali jew ser jagħmel profitt nett annwali li jkun inqas mill-ammont stmat tad-dħul tiegħu msemmi fl-Artikolu 2. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li jittrasferixxi d-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jissemma f'dak l-Artikolu lejn provvediment għal rata tal-kambju, rata tal-imgħax, kreditu u riskji tal-prezz tad-deheb.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u revoka

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2014.

2.   Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 hija mħassra b'effett mill-31 ta' Diċembru 2014.

3.   Ir-referenzi għal Deċiżjoni BĊE/2010/24 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li tirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35).

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta' Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 17).

(6)  Deċiżjoni BĊE/2010/5 tal-14 ta' Mejju 2010 li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (ĠU L 124, 20.5.2010, p. 8).