11.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Diċembru 2013

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni

(2014/7/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (1), li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”).

(2)

In-negozjati ġew konklużi.

(3)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lill-Ġeorġja tipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-Protokoll jikkostitwixxi miżura ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika li tippermetti li l-aċċess għall-għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, jiġi pprovdut mill-Unjoni skont il-programmi tal-Unjoni. Dan il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali rilevanti kostituttivi jipprevedu l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni tal-Ġeorġja. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(4)

Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu (2), sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

D. A. BARAKAUSKAS


(1)  ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3.

(2)  Id-data tal-firma tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.