5.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/7


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta' Jannar 2014

dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro

(BĊE/2014/5)

(2014/434/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Għal dan l-iskop, huma jistgħu jitolbu lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib b'rabta mal-kompiti msemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

(2)

Il-kooperazzjoni mill-qrib ser tiġi stabbilita b'deċiżjoni tal-BĊE, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(3)

Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-aspetti proċedurali relatati ma' (a) talbiet minn Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (iktar 'il quddiem “Stati Membri mhux taż-żona tal-euro”) biex jidħlu f'kooperazzjoni mill-qrib, (b) il-valutazzjoni ta' dawn it-talbiet mill-BĊE, u (c) id-deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru speċifiku.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi wkoll il-każijiet li fihom kooperazzjoni mill-qrib tista' tkun sospiża jew mitmuma mill-BĊE. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-aspetti proċedurali relatati mas-sospensjoni u t-terminazzjoni potenzjali ta' kooperazzjoni mill-qrib,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

TITLU 1

PROĊEDURA GĦALL-ISTABBILIMENT TA' KOOPERAZZJONI MILL-QRIB

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

“entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni (a) stabbilita fi Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun Stat Membru parteċipanti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u (b) li m'għandhiex l-istatus ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE bbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

2.

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

3.

“awtorità nazzjonali nnominata” tfisser awtorità nazzjonali nnominata kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

4.

“Stat Membru mhux parteċipanti” tfisser kull Stat Membru li ma jkunx Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

5.

“Stat Membru rikjedenti” tfisser Stat Membru mhux parteċipanti li jkun innotifika lill-BĊE skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni bit-talba tiegħu biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

6.

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni (a) stabbilita fi Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun Stat Membru parteċipanti, u (b) li jkollha l-istatus ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE li tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

7.

“entità taħt superviżjoni” tfisser istituzzjoni ta' kreditu, kumpanija holding finanzjarja, jew kumpanija holding finanzjarja mħallta kif iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u stabbilita fl-Istat Membru rikjedenti, kif ukoll fergħa stabbilita fi Stat Membru rikjedenti minn istituzzjoni ta' kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti.

Artikolu 2

Talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib

1.   Stat Membru mhux parteċipanti li jkun jixtieq jipparteċipa fl-MSU għandu jitlob lill-BĊE biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib, billi juża l-mudell ipprovdut fl-Anness I.

2.   Dik it-talba għandha ssir ta' mill-inqas ħames xhur qabel id-data minn meta l-Istat Membru mhux parteċipanti jkun beħsiebu jipparteċipa fl-MSU.

Artikolu 3

Kontenut tat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib

1.   It-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib għandha tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

impenn mill-Istat Membru rikjedenti biex jiġi żgurat li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser jimxu mal-istruzzjonijiet, linji gwida jew talbiet maħruġa mill-BĊE mid-data meta tiġi stabbilita l-kooperazzjoni mill-qrib;

(b)

impenn mill-Istat Membru rikjedenti biex tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha dwar l-entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti f'dak l-Istat Membru li l-BĊE jista' jeħtieġ għall-iskop li jwettaq valutazzjoni komprensiva ta' dawk l-entitajiet taħt superviżjoni. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiżgura li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata s-sinifikanza u biex titwettaq valutazzjoni komprensiva skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament l-(UE) Nru 1024/2013 tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f'dak l-Istat Membru jistgħu jiġu pprovduti lill-BĊE malli t-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib tiġi nnotifikata lill-BĊE;

(c)

impenn li kull dejta kunfidenzjali mitluba mill-BĊE għall-iffinalizzar tal-attivitajiet preparatorji tiegħu ser tiġi pprovduta lill-BĊE.

2.   It-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib għandha tkun akkumpanjata minn dawn kollha li ġejjin:

(a)

impenn mill-Istat Membru rikjedenti li ser jadotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti sabiex jiġi żgurat li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 huma vinkolanti u infurzabbli fl-Istat Membru rikjedenti u li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu jkunu obbligati li jadottaw kull miżura mitluba mill-BĊE b'rabta mal-entitajiet taħt superviżjoni, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(b)

kopja tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti kif ukoll traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż, u talba għal opinjoni tal-BĊE dwar dak l-abbozz ta' leġiżlazzjoni;

(c)

impenn biex issir notifika lill-BĊE immedjatament wara d-data meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tkun daħlet fis-seħħ u impenn li tingħata konferma skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 permezz tal-mudell ipprovdut fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni. Il-konferma għandha tinkludi opinjoni legali li tkun sodisfaċenti għall-BĊE li tikkonferma li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ser ikunu vinkolanti u infurzabbli fl-Istat Membru rikjedenti u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti u lill-awtorità nazzjonali nnominata biex issegwi l-istruzzjonijiet, il-linji gwida, it-talbiet u l-miżuri speċifiċi tal-BĊE fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti, fil-qafas ta' żmien stabbilit mill-BĊE, meta dan ikun speċifikat.

3.   L-Istat Membru rikjedenti għandu jipprovdi lill-BĊE bid-dokumentazzjoni relevanti kollha li l-BĊE jidhirlu li hija xierqa għall-iskop li jivvaluta t-talba tiegħu. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiżgura wkoll li l-BĊE jingħata l-informazzjoni kollha li l-BĊE jidhirlu li hija xierqa bl-iskop li jivvaluta s-sinifikanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u sabiex iwettaq il-valutazzjoni komprensiva meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 4

Valutazzjoni mill-BĊE tat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib

1.   Il-BĊE għandu jikkonferma bil-miktub li jkun irċieva talba minn Stat Membru biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib.

2.   Il-BĊE jista' jitlob l-informazzjoni addizzjonali kollha li jidhirlu li hija xierqa għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-talba tal-Istat Membru, inkluża informazzjoni għall-valutazzjoni tas-sinifikanza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u għat-twettiq tal-valutazzjoni komprensiva.

Meta l-Istat Membru rikjedenti jkun diġà għamel valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fil-ġurisdizzjoni tiegħu, huwa għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li ebda valutazzjoni ulterjuri ma hija meħtieġa sakemm (a) il-kwalità u l-metodoloġija tal-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu jikkorrispondu mal-istandards tal-BĊE, u (b) il-BĊE jikkunsidra li l-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali għadha aġġornata u li ebda bidla materjali fis-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istat Membru rikjedenti ma teħtieġ valutazzjoni ulterjuri.

3.   Meta tivvaluta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti, il-valutazzjoni tal-BĊE għandha tqis ukoll l-implimentazzjoni prattika ta' dik il-leġiżlazzjoni.

4.   Sa mhux aktar tard minn 3 xhur wara li l-BĊE jirċievi l-konferma msemmija fl-Artikolu 3(2)(c) jew, fejn applikabbli, tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊE taħt il-paragrafu 2, il-BĊE għandu jinforma lill-Istat Membru rikjedenti dwar il-valutazzjoni preliminari tiegħu. L-Istat Membru rikjedenti għandu jkollu l-opportunità li jagħti l-fehmiet tiegħu fi żmien 20 jum minn meta jirċievi l-valutazzjoni preliminari. Dik il-korrispondenza bejn il-BĊE u l-Istat Membru rikjedenti għandha tkun kunfidenzjali.

Artikolu 5

Deċiżjoni li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib

1.   Meta l-BĊE jikkonkludi, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru rikjedenti, li dan tal-aħħar jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(2)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib, u ladarba l-valutazzjoni komprensiva tkun konkluża u tingħata l-konferma skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, indirizzata lill-Istat Membru rikjedenti u li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika l-modalitajiet għat-trasferiment tal-kompiti superviżorji lill-BĊE u d-data tal-bidu tal-kooperazzjoni mill-qrib, li għandha tkun kundizzjonali, jekk applikabbli, fuq il-progress mill-Istat Membru rikjedenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa b'rabta mar-riżultati tal-valutazzjoni komprensiva.

3.   Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru rikjedenti, il-BĊE jikkonkludi li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew meta l-BĊE ma jirċievix l-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni tiegħu fi żmien sena min-notifika tat-talba mill-Istat Membru, huwa jista' jadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru rikjedenti li tiċħad it-talba biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib.

4.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jinkludu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.

5.   B'mod konformi mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, kull deċiżjoni li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tapplika mid-data li tiġi 14-il jum wara li dak tal-pubblikazzjoni.

TITLU 2

SOSPENSJONI JEW TERMINAZZJONI TA' KOOPERAZZJONI MILL-QRIB

Artikolu 6

Sospensjoni jew terminazzjoni

1.   Meta l-BĊE jiddeċiedi li jissospendi kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7(5) jew 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għal dan, jikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' sospensjoni u għandu jindika d-data minn meta s-sospensjoni tidħol fis-seħħ kif ukoll il-perijodu li matulu tapplika s-sospensjoni. Dan l-aħħar perijodu m'għandux ikun itwal minn sitt xhur. Il-BĊE jista' jestendi l-perijodu f'ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda darba biss.

2.   Meta r-raġunijiet għas-sospensjoni taħt l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ma jkunux irrimedjati jew meta l-BĊE jiddeċiedi li jtemm kooperazzjoni mill-qrib, il-BĊE għandu jtemm il-kooperazzjoni mill-qrib billi jadotta deċiżjoni ġdida għal dan l-iskop.

3.   Meta l-BĊE jiddeċiedi li jtemm kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7(5) jew 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għal dan u għandu jikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' terminazzjoni, waqt li jindika wkoll id-data minn meta dik it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ.

4.   Kull deċiżjoni tal-BĊE dwar is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' kooperazzjoni mill-qrib tista' tirregola wkoll il-modalitajiet dwar kif għandhom isiru l-ħlasijiet dovuti mill-entitajiet taħt superviżjoni li jkunu jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   Meta l-Istat Membru li miegħu tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jitlob lill-BĊE biex itemm il-kooperazzjoni mill-qrib soġġett għall-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 7(6) u 7(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' terminazzjoni, waqt li jindika wkoll id-data minn meta dik it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ.

6.   Id-deċiżjonijiet kollha tal-BĊE adottati b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni fl-Istat Membru li miegħu tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib, u li kienu fis-seħħ qabel it-terminazzjoni ta' dik il-kooperazzjoni mill-qrib, għandhom jibqgħu validi minkejja t-terminazzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib.

7.   Id-deċiżjonijiet biex tiġi sospiża jew mitmuma kooperazzjoni mill-qrib għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta' Frar 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Jannar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.


ANNESS I

MUDELL TA' TALBA GĦAL DĦUL F'KOOPERAZZJONI MILL-QRIB SKONT L-ARTIKOLU 7 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2013

Minn

[Stat Membru Rikjedenti]

Notifika lill-BĊE ta' talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

1.

L-[Istat Membru rikjedenti] bil-preżenti jitlob biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2014/5 tal-31 ta' Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro.

2.

L-[Istat Membru rikjedenti] bil-preżenta jimpenja ruħu:

(a)

li jiżgura li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser jimxu mal-istruzzjonijiet, linji gwida, miżuri jew talbiet maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni (kif iddefiniti fid-Deċiżjoni BĊE/2014/5);

B'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti għandha tiżgura wkoll li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata jkunu obbligati jsegwu l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri speċifiċi tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri ġenerali tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti. F'dan ir-rigward, l-Istat Membru rikjedenti bil-preżenti jimpenja ruħu

li jadotta il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti sabiex jiġi żgurat li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ikunu vinkolanti u infurzabbli [fl-Istat Membru kkonċernat] u li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser ikunu obbligati li jadottaw kwalunkwe miżura b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni mitluba mill-BĊE, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

li jinnotifika lill-BĊE dwar id-data meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tkun daħlet fis-seħħ.

(b)

li jipprovdi wkoll f'kull ħin wara li t-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib tkun innotifikata lill-BĊE u qabel l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mill-qrib u fuq talba mill-BĊE, u f'kull ħin wara, kull informazzjoni dwar l-entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti f'dak l-Istat Membru li l-Bank Ċentrali Ewropew jista' jeħtieġ għall-iskop li jwettaq valutazzjoni komprensiva ta' dawk l-entitajiet taħt superviżjoni, inkluża informazzjoni kunfidenzjali.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-BĊE għandha tinkludi:

(i)

kopja tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti;

(ii)

informazzjoni aġġornata dwar istituzzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru rikjedenti inkluż bħala minimu lista kompluta tal-entitajiet li ġejjin li jinsabu fl-Istat Membru:

istituzzjonijiet ta' kreditu,

kumpaniji holding finanzjarji jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta fil-quċċata ta' gruppi taħt superviżjoni, u

fergħat transkonfinali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn pajjiżi oħrajn,

inklużi figuri ta' assi totali għal kull entità.

Għal istituzzjonijiet ta' kreditu li huma sussidjarji, u fil-każ ta' fergħat, għandha tingħata identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet li jkunu direttament u finalment il-prinċipali tagħhom.

Għal gruppi taħt superviżjoni li jkollhom il-kwartjieri ġenerali tagħhom fl-Istat Membru u jkunu taħt superviżjoni hemmhekk, għandha tingħata informazzjoni dwar il-komponenti tal-grupp barrani tagħhom.

(iii)

il-persuni ta' kuntatt fi ħdan l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata li lilhom għandhom jiġu indirizzati talbiet tal-BĊE għal aktar informazzjoni.

Għall-Istat Membru

[Firma]

cc:

(i)

il-Kummissjoni Ewropea

(ii)

l-Awtorità Bankarja Ewropea

(iii)

l-Istati Membri l-oħrajn


ANNESS II

MUDELL TA' STQARRIJA SKONT L-ARTIKOLU 7(2)(c) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2013

Minn

[Stat Membru rikjedenti]

Lil

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Stqarrija skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 relatata mat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013

[L-Istat Membru kkonċernat] bil-preżenti — jikkonferma li huwa adotta leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti biex jiżgura li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jkunu vinkolanti u infurzabbli [fl-Istat Membru kkonċernat] u li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser ikunu obbligati li jadottaw kwalunkwe miżura b'rabta mal-entitajiet taħt superviżjoni mitluba mill-BĊE, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti daħlet fis-seħħ f'[DAĦĦAL DATA].

Barra minn hekk, qegħdin nehmżu opinjoni legali li tikkonferma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tiżgura wkoll li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata ser ikunu obbligati jsegwu l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri speċifiċi tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri ġenerali tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti.

Għall-Istat Membru

[Firma]

Appendiċi

:

Kopja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti adottata mill-Istat Membru rikjedenti biex jiġi żgurat li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ikunu vinkolanti u infurzabbli [fl-Istat Membru kkonċernat] u li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu jkunu obbligati jadottaw kwalunkwe miżura mitluba mill-BĊE b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni.