18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1352/2013

tal-4 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali meta oġġetti suspettati bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali huma, jew kellhom ikunu, soġġetti għal superviżjoni jew kontrolli doganali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2).

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 persuni u entitajiet debitament intitolati jistgħu jissottomettu applikazzjoni lid-dipartiment doganali kompetenti u jitolbu li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni rigward dawk l-oġġetti (applikazzjoni) u jistgħu ukoll jitolbu estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni skont applikazzjoni milqugħa qabel (talba ta’ estensjoni).

(3)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni kif ukoll għat-talba ta’ estensjoni, għandhom jiġu stabbiliti formoli standard.

(4)

Dawn il-formoli standard għandhom jissostitwixxu dawk previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 (3) li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1383/2003, li għandu jiġi revokat bir-Regolament (UE) Nru 608/2013.

(5)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1891/2004 għandu jiġi revokat.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 u, għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu wkoll ikun applikabbli mill-istess data.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, imsemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni li titlob li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (applikazzjoni) imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 issir permezz tal-formola stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.   It-talba għal estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni (talba ta’ estensjoni) imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 issir permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

3.   Il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II jimtlew skont in-noti stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 2

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament jistgħu, fejn meħtieġ, ikunu leġibilment mimlija bl-id.

Dawn il-formoli ma għandu jkollhom l-ebda tħassir, kliem miktub fuq l-ieħor jew inkella alterazzjonijiet oħrajn u jkunu jikkonsistu f’żewġ kopji.

Il-formoli miktuba bl-id jimtlew bl-inka u b’ittri kapitali.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 1891/2004 huwa rrevokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004 tal-21 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanziji li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet ĠU L 328, 30.10.2004, p. 16).


ANNESS I

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

Image 10

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image 11

Test ta 'immaġni

Image 12

Test ta 'immaġni

Image 13

Test ta 'immaġni

Image 14

Test ta 'immaġni

ANESS III

NOTI DWAR KIF TIMTELA L-FORMOLA

I.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-KAXXI TAL-FORMOLA TAL-APPLIKAZZJONI GĦAL AZZJONI STABBILITI FL-ANNESS I LI JRIDU JIMTLEW MILL-APPLIKANT

Oqsma fil-formola mmarkati b’asterisk (*) huma oqsma obbligatorji u jridu jimtlew.

Fejn kaxxa waħda jew aktar huma mmarkati b’sinjal ta’ plus (+) jimtela mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma.

Ebda dejta ma tiddaħħal fil-kaxxi mmarkati “Għall-użu uffiċjali”.

Kaxxa 1:   Applikant

Dettalji rigward l-applikant jiddaħħlu f’din il-kaxxa. Din għandha tinkludi tagħrif fuq l-isem u l-indirizz sħiħ tal-applikant u numru tat-telefown, telefown ċellulari jew faks. L-applikant jista’, fejn xieraq, idaħħal in-Numru ta’ Identifikazzjoni Fiskali tiegħu, kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali u n-Numru ta’ Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni bħala Operatur Ekonomiku (Nru-EORI), li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha, assenjat minn awtorità doganali fi Stat Membru lil operaturi ekonomiċi involuti f’attivitajiet doganali. L-applikant jista’ wkoll idaħħal, fejn xieraq, l-indirizz elettroniku u l-indirizz tal-websajt tiegħu.

Kaxxa 2:   Applikazzjoni tal-Unjoni/Nazzjonali

Tiġi mmarkata l-kaxxa xierqa biex tindika jekk l-applikazzjoni hijiex waħda Nazzjonali jew tal-Unjoni, kif imsemmi fil-punti (10) u (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

Kaxxa 3:   Status tal-applikant

Tiġi mmarkata l-kaxxa adattata biex tindika l-istatus tal-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013. L-applikazzjoni tkun tinkludi dokumenti li jipprovdu evidenza li tissodisfa d-dipartiment doganali kompetenti li l-applikant huwa intitolat biex jissottometti applikazzjoni.

Kaxxa 4:   Rappreżentant li jissottometti l-applikazzjoni f’isem l-applikant

Meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-applikant permezz ta’ rappreżentant, id-dettalji dwar dak ir-rappreżentant jiddaħħlu f’din il-kaxxa. L-applikazzjoni għandha tinkludi evidenza tas-setgħat tiegħu biex jaġixxi bħala rappreżentant skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni u tiġi mmarkata l-kaxxa korrispondenti.

Kaxxa 5:   Tip ta’ dritt li tirreferi għalih l-applikazzjoni

It-tip(i) tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) li jridu jiġu nfurzati ikunu indikati billi tiġi mmarkata l-kaxxa adattata.

Kaxxa 6:   L-Istat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li fih/fihom jintalab l-intervent tal-awtoritajiet doganali

L-Istat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li fih/fihom jintalab l-intervent jiġi indikat billi tiġi mmarkata l-kaxxa adattata.

Kaxxa 7:   Rappreżentant għal kwistjonijiet legali

Id-dettalji ta’ rappreżentant nominat mill-applikant biex jieħu l-inkarigu ta’ kwistjonijiet legali jiġu indikati f’din il-kaxxa.

Kaxxa 8:   Rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi

Fil-każ li r-rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi huwa differenti mir-rappreżentant indikat fil-Kaxxa 7, id-dettalji tar-rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi jiġu indikati f’din il-kaxxa.

Kaxxa 9:   Dettalji ta’ rappreżentanti nominati għal kwistjonijiet legali u tekniċi fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni

Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, id-dettalji tar-rappreżentant jew rappreżentanti nominati mill-applikant biex jieħdu l-inkarigu ta’ kwistjonijiet tekniċi u legali fl-Istati Membri indikati fil-kaxxa 6 jingħataw f’anness separat li jinkludi l-elementi ta’ informazzjoni mitluba fil-kaxxi 7 u 8. Fil-każ li rappreżentant jiġi nominat għal aktar minn Stat Membru wieħed, dan jiġi indikat b’mod ċar għal liema Stati Membri ġie nominat.

Kaxxa 10:   Proċedura għal kunsinni żgħar

Meta l-applikant jixtieq jagħmel talba għall-użu tal-proċedura għall-qerda ta’ prodotti f’kunsinni żgħar stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, tiġi mmarkata din il-kaxxa.

Kaxxa 11:   Lista ta’ drittijiet li tirreferi għalihom l-applikazzjoni

Tagħrif fuq id-dritt jew id-drittijiet li għandhom jiġu infurzati jiddaħħlu f’din il-kaxxa.

Fil-kolonna “Le”, jiddaħħlu n-numri sekwenzjali tal-ordni għal kull wieħed mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għalihom tirreferi l-applikazzjoni.

Fil-kolonna “Tip ta’ dritt”, jiġi indikat it-tip ta’ DPI bl-użu adattat ta’ abbrevjazzjonijiet li jidhru fil-kaxxa 5 fil-parentesi.

Fil-kolonna “lista ta’ prodotti li għalihom jirreferi d-dritt”, jiddaħħal it-tip ta’ prodotti li jkunu koperti permezz tad-DPI rilevanti u li fir-rigward tagħhom l-applikant jixtieq jitlob l-infurzar doganali.

Sub-kaxxa “trattament ristrett” fil-kaxxi 12-28

Fejn l-applikant ikun jixtieq jitlob li dik l-informazzjoni pprovduta minnu fil-kaxxi 12-28 tkun is-suġġett ta’ trattament ristrett skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, din is-sub-kaxxa tiġi immarkata b’salib.

Paġna 2:   Informazzjoni dwar prodotti awtentiċi fil-kaxxi 12-19

Fil-kaxxi 12-19 l-applikant idaħħal, kif xieraq, dejta speċifika u teknika dwar il-prodotti awtentiċi, informazzjoni meħtieġa biex tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet doganali li jidentifikaw minnufih il-prodotti suspettati bi ksur tad-DPI u informazzjoni relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali rigward ir-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i).

Kaxxa 12:   Deskrizzjoni dettaljata dwar il-prodotti

Il-kaxxa 12 għandha tinkludi deskrizzjoni tal-prodotti awtentiċi, inklużi simboli grafiċi u ta’ muntatura, il-kodiċi tan-Nomenklatura Maqgħuda tagħhom u l-valur tagħhom fis-suq intern tal-UE. L-applikant, fejn xieraq, jipprovdi stampi ta’ dawk il-prodotti. It-tagħrif jiġi organizzat għal kull tip differenti ta’ prodotti jew diversi tipi ta’ prodotti differenti.

Kaxxa 13:   Karatteristiċi distintivi tal-prodotti

Kaxxa 13 għandha tinkludi tagħrif dwar il-karatteristiċi tipiċi tal-prodotti awtentiċi, bħal marki, tikketti, ħjut tas-sigurta’, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding, li jindika l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fuq il-prodotti u kif jidhru.

Kaxxa 14:   Post tal-produzzjoni,

Kaxxa 14 għandha tinkludi tagħrif dwar il-post tal-produzzjoni tal-prodotti awtentiċi.

Kaxxa 15:   Kumpaniji involuti

Kaxxa 15 għandha tinkludi tagħrif dwar l-importaturi awtorizzati, il-fornituri, il-manifatturi, it-trasportaturi, il-kunsinnatarji jew l-esportaturi. It-tagħrif jiġi organizzat għat-tipi differenti ta’ prodotti.

Kaxxa 16:   Kummerċjanti

Il-kaxxa 16 għandha tinkludi tagħrif dwar il-persuni jew entitajiet awtorizzati biex jikkummerċjaw fi prodotti li jinvolvu l-użu tad-DPI li għalihom qed jintalab l-infurzar. It-tagħrif għandu tirreferi għall-isem, l-indirizz u n-numri ta’ reġistrazzjoni, bħan-numru EORI, ta’ dawk il-persuni jew entitajiet. Bl-istess mod, it-tagħrif għandu jinkludi informazzjoni dwar kif id-detenturi tal-liċenzja jistgħu juru l-awtorizzazzjoni tagħhom biex jużaw id-DPI in kwistjoni.

Kaxxa 17:   Tagħrif dwar id-dettalji tal-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti

Il-kaxxa 17 għandha tinkludi tagħrif dwar kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti awtentiċi, bħal informazzjoni dwar imħażen ċentrali, dipartimenti tad-dispaċċ, mezzi ta’ trasport, rotot tat-trasport u ta’ konsenja, u dwar proċeduri doganali u uffiċċji fejn titwettaq l-approvazzjoni tal-prodotti awtentiċi.

Kaxxa 18:   Pakketti

Din il-kaxxa għandha tinkludi tagħrif dwar l-imballaġġ tal-prodotti awtentiċi, bħal informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ pakketti, indikat bl-użu tal-kodiċi relevanti kif mogħtija fl-Anness 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (1);

(b)

il-karatteristiċi speċifiċi tal-pakketti (pereżempju, marki, tikketti, ħjut tas-sigurtà, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding), inkluża l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fil-pakkett;

(c)

disinji speċjali tal-pakkett (kulur, forma);

(d)

fejn xieraq, stampi ta’ dawk il-prodotti.

Kaxxa 19:   Dokumenti allegati

Il-kaxxa 19 għandha tinkludi tagħrif dwar id-dokumenti allegati mal-prodotti awtentiċi, bħal fuljetti, struzzjonijiet ta’ tħaddim, dokumenti ta’ garanzija jew prodotti oħra simili.

Paġna 3:   Tagħrif dwar prodotti foloz fil-kaxxi 20-27

L-applikant għandu jdaħħal fil-kaxxi 20-27, kif xieraq, tagħrif relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali rigward ir-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i).

Kaxxa 20:   Deskrizzjoni dettaljata dwar il-prodotti

Il-kaxxa 20 għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ prodotti suspettati li jkunu jiksru d-dritt ta’ proprjetà intellettwali (prodotti foloz), inklużi simboli rigward il-muntatura u simboli grafiċi. L-applikant, fejn xieraq, jipprovdi stampi ta’ dawk il-prodotti. It-tagħrif jiġi organizzat għal kull tip differenti ta’ prodotti jew diversi tipi ta’ prodotti differenti.

Kaxxa 21:   Karatteristiċi distintivi tal-prodotti

Il-kaxxa 21 għandha tinkludi tagħrif dwar il-karatteristiċi distintivi tal-prodotti suspettati bi ksur, bħal marki, tikketti, ħjut tas-sigurtà, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding, li jindika l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fuq il-merkanzija u l-apparenza tagħhom.

Kaxxa 22:   Post tal-produzzjoni,

Il-kaxxa 22 għandha tinkludi tagħrif dwar il-post tal-oriġini sew jekk magħruf jew suspettati, il-provenjenza u l-post ta’ konsenja tal-prodotti foloz.

Kaxxa 23:   Kumpaniji involuti

Il-kaxxa 23 għandha tinkludi tagħrif fuq l-importaturi, il-fornituri, il-manifatturi, it-trasportaturi, id-destinatarji jew l-esportaturi li jkunu suspettati li jkunu involuti fi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relevanti.

Kaxxa 24:   Kummerċjanti

Il-kaxxa 24 għandha tinkludi tagħrif dwar il-persuni jew entitajiet li mhumiex awtorizzati jikkummerċjaw fi prodotti li jinvolvu l-użu tad-DPI li għalihom qed jintalab l-infurzar u li kienu qed jinnegozjaw il-prodotti fl-Unjoni fil-passat.

Kaxxa 25:   Tagħrif dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti

Il-kaxxa 25 għandha tinkludi tagħrif dwar il-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti foloz, bħal informazzjoni relatata lill-imħażen, dipartimenti ta’ dispaċċ, mezzi ta’ trasport, rotot tat-trasport u l-postijiet ta’ konsenja, u dwar proċeduri doganali u uffiċċji fejn titwettaq l-approvazzjoni tal-prodotti foloz.

Kaxxa 26:   Pakketti

Din il-kaxxa għandha tinkludi tagħrif dwar l-imballaġġ tal-prodotti suspettati bi ksur, bħal informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ pakketti, indikati bl-użu tal-kodiċijiet relevanti kif mogħtija fl-Anness 38 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93;

(b)

il-karatteristiċi tipiċi tal-pakketti (pereżempju, marki, tikketti, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding), inkluża l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fil-pakkett;

(c)

disinji speċjali tal-pakkett (kulur, forma);

(d)

fejn xieraq, stampi ta’ dawk il-prodotti.

Kaxxa 27:   Dokumenti ta’ akkumpanjament

Kaxxa 27 għandha tinkludi tagħrif dwar dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti suspettati bi ksur, bħal fuljetti, struzzjonijiet ta’ tħaddim, dokumenti ta’ garanzija jew prodotti oħra simili.

Kaxxa 28:   Informazzjoni addizzjonali

L-applikant jista’ jipprovdi f’kaxxa 28 kwalunkwe tagħrif addizzjonali rilevanti għal analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali tar-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i) bħal informazzjoni speċifika li tikkonċerna konsenji ppjanati ta’ prodotti suspettati bi ksur, inkluża informazzjoni speċifika u dettaljata dwar il-mezzi ta’ trasport, il-kontenituri u l-persuni involuti.

Kaxxa 29:   Garanziji

Tagħmilx tibdiliet fil-kliem, u ddaħħalx dejta f’din il-kaxxa.

Kaxxa 30:   Firma

Fil-kaxxa 30, l-applikant jew ir-rappreżentant tal-applikant indikat fil-kaxxa 4 iniżżel il-post u d-data tat-tlestija tal-applikazzjoni u jiffirma. Isem il-firmatarju jitniżżel b’ittri kbar.

II.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-KAXXI TAL-FORMOLA TAT-TALBA GĦAL ESTENSJONI STIPULATI FL-ANNESS II BIEX JIMTLEW MID-DETENTUR TAD-DEĊIŻJONI

Oqsma fil-formola mmarkati b’asterisk (*) huma oqsma obbligatorji u jridu jimtlew.

Fil-kaxxi fejn hemm oqsma mmarkati b’sinjal ta’ plus (+) jimtela mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma.

Iddaħħalx dejta fil-kaxxi mmarkati “għal użu uffiċjali”.

Kaxxa 1:   Dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni

Id-dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni jiddaħħlu f’din il-kaxxa.

Kaxxa 2:   Talba ta’ estensjoni

F’din il-kaxxa jiddaħħal in-numru tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni inklużi l-ewwel żewġ ċifri li jirrappreżentaw il-kodiċi iso/alpha-2 tal-Istat Membru li jkun ikkonċeda l-applikazzjoni. Id-detentur tad-deċiżjoni jindika jekk ikunx qiegħed jitlob modifiki għat-tagħrif inkluż fl-applikazzjoni billi jimmarka l-kaxxa adattata.

Kaxxa 3:   Firma

Fil-Kaxxa 3, id-detentur tad-deċiżjoni jew ir-rappreżentant tad-detentur tad-deċiżjoni jdaħħal il-post u d-data tat-tlestija tat-talba u jiffirma. Isem il-firmatarju jitniżżel b’ittri kbar.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).