20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/259


REGOLAMENT (UE) Nru 1299/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Diċembru 2013

dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 178 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

L-Artikolu 176 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fl-Unjoni. Skont dak l-Artikolu u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 174 TFUE, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u għat-tnaqqis fir-ritard tar-reġjuni li huma l-inqas favoriti, li fosthom għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni milquta mit-tranżizzjoni industrijali, u lir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti bħalma huma r-reġjuni tat-Tramuntana l-aktar imbiegħda li għandhom densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u r-reġjuni tal-gżejjer, dawk transkonfinali u tal-muntanji.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula dispożizzjonijiet komuni għall-FEŻR, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali (FEAŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw it-tip ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEŻR u jiddefinixxi il-miri għal dawk l-attivitajiet. Dawk ir-Regolamenti mhumiex adattati kompletament għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, fejn jikkooperaw mill-anqas żewġ Stati Membri jew Stat Membru wieħed u pajjiż terz. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea li jikkonċernaw l-ambitu, il-kopertura ġeografika, ir-riżorsi finanzjarji, il-konċentrazzjoni tematika u l-prijoritajiet tal-investiment, l-iprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, l-assistenza teknika, l-eliġibbiltà, il-ġestjoni, il-kontroll u d-deżinjazzjoni-, il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, u l-ġestjoni finanzjarja.

(3)

Sabiex jiżdied il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom jimmiraw biex jiksbu simplifikazzjoni konsiderevoli għal dawk kollha involuti: il-benefiċjarji, l-awtoritajiet tal-programm, l-awtoritajiet fi Stati Membri parteċipanti, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, kif xieraq, u l-pajjiżi terzi, kif ukoll il-Kummissjoni.

(4)

Sabiex ikun appoġġat l-iżvilupp armonjuż tat-territorju tal-Unjoni f'livelli differenti, il-FEŻR għandu jappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea.

(5)

Il-kooperazzjoni transkonfinali għandha timmira sabiex issolvi sfidi komuni identifikati b’mod konġunt fir-reġjuni tal-konfini, bħal aċċessibbiltà limitata, speċjalment fir-rigward ta’ konnettività tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u infrastruttura tat-trasport, industriji lokali li qed jonqsu, ambjent tan-negozju mhux xieraq, in-nuqqas ta’ netwerks fost l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, livelli baxxi ta’ riċerka u innovazzjoni u l-użu ta’ ICT, it-tniġġis ambjentali, il-prevenzjoni ta’ riskji, attitudnijiet negattivi lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-viċinat u timmira biex tisfrutta l-potenzjal għat-tkabbir mhux sfruttati fi'żoni tal-konfini (l-iżvilupp ta’ faċilitajiet u raggruppamenti għar-riċerka u l-innovazzjoni transkonfinali, l-integrazzjoni transkonfinali tas-suq tax-xogħol, il-kooperazzjoni fost fornituri tal-edukazzjoni, inkluż l-universitajiet jew bejn ċentri tas-saħħa), waqt li ttejjeb il-proċess ta’ kooperazzjoni għall-fini tal-iżvilupp armonjuż ġenerali tal-Unjoni.

(6)

Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni permezz ta’ azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat konness mal-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni u għandha tinkludi wkoll il-kooperazzjoni transkonfinali marittima li mhijiex koperta mill-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali.

(7)

Il-kooperazzjoni interreġjonali għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni billi tħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-objettivi tematiċi u l-iżvilupp urban, inkluż konnessjonijiet bejn żoni urbani u rurali, li ttejjeb l-implimentazzjoni ta’ programmi u azzjonijiet ta' kooperazzjoni territorjali kif ukoll li tippromwovi l-analiżi tat-tendenzi tal-iżvilupp fil-qasam tal-koeżjoni territorjali permezz ta' studji, ġbir ta' data u miżuri oħrajn. L-iskambju ta’ esperjenza dwar objettivi tematiċi għandu jtejjeb id-disinn u l-implimentazzjoni, prinċipalment tal-programmi operazzjonali taħt l-għan ta’ Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, iżda wkoll, fejn xieraq, ta’ programmi taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, inkluż it-trawwim ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku bejn raggruppamenti innovattivi ta' riċerka intensiva u l-iskambji bejn riċerkaturi u istituzzjonijiet ta’ riċerka, kemm f’reġjuni żviluppati u kemm f’dawk anqas żviluppati, b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza tar-“Reġjuni tal-Għarfien” u l-“Potenzjal ta’ riċerka fir-reġjuni ta’ Konverġenza u Dawk l-Aktar Imbiegħda” taħt is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka.

(8)

Għandhom jiġu ffissati kriterji oġġettivi għad-deżinjazzjoni ta’ reġjuni u żoni eliġibbli. Għal dan il-għan, l-identifikazzjoni tar-reġjuni u ż-żoni eliġibbli fil-livell tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sistema komuni ta’ klassifikazzjoni tar-reġjuni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tgħin lir-reġjuni li jinsabu fuq il-konfini tal-art jew marittimi. Abbażi tal-esperjenza tal-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-lista taż-żoni transkonfinali li għandhom jirċievu appoġġ taħt il-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali b’mod iżjed sempliċi, skont il-programm ta' kooperazzjoni. Meta tkun qiegħda tagħmel il-lista, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-aġġustamenti meħtieġa sabiex tiżgura koerenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-konfini tal-art u dawk marittimi, u l-kontinwità ta’ żoni tal-programm stabbiliti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Aġġustamenti bħal dawn jistgħu jinvolvu tnaqqis jew tkabbir taż-żoni ta’ programm eżistenti jew in-numru ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, waqt li jippermettu għall-possibbiltà ta' sovrappożizzjoni ġeografika.

(10)

Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi żoni għal kooperazzjoni transnazzjonali billi jitqiesu l-azzjonijiet meħtieġa għall-promozzjoni tal-iżvilupp territorjali integrat. Fid-definizzjoni ta' dawn iż-żoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-esperjenza miksuba fi programmi preċedenti u, fejn xieraq, strateġiji makroreġjonali u dawk għall-baċini tal-baħar.

(11)

Sabiex ikun żgurat li r-reġjuni kollha tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-iskambju ta' esperjenzi u prattika tajba. Programm ta’ kooperazzjoni interreġjonali għandhom ikopru l-Unjoni kollha.

(12)

Huwa neċessarju li jitkompla l-appoġġ jew, kif xieraq, tiġi stabbilita kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali mal-pajjiżi terzi ġirien tal-Unjoni, peress li din il-kooperazzjoni hija strument importanti tal-politika dwar l-iżvilupp reġjonali u għandha tkun ta’ benefiċċju għar-reġjuni tal-Istati Membri li jikkonfinaw ma’ pajjiżi terzi. Għal dan il-għan il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-programmi transkonfinali u dawk tal-baċini tal-baħar stabbiliti taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) skont att leġislattiv futur tal-Unjoni li jikkonċerna l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-perijodu 2014-2020 (l-“att leġislattiv ENI”) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) skont att leġislattiv futur tal-Unjoni li jikkonċerna l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-perijodu 2014-2020 (l-“att leġislattiv IPA II”).

(13)

Minbarra interventi fuq il-konfini esterni appoġġati minn strumenti ta’ politika esterna tal-Unjoni li jkopru r-reġjuni tal-fruntiera ġewwa u barra l-Unjoni, għandu jkun possibbli li programmi ta’ kooperazzjoni appoġġati mill-FEŻR ikopru reġjuni kemm ġewwa, u f’ċerti każijiet, barra l-Unjoni, fejn ir-reġjuni barra l-Unjoni ma jkunux koperti minn strumenti ta' politika esterna jew minħabba l-fatt li ma jkunux definiti bħala pajjiż benefiċjarju jew inkella minħabba l-fatt li programmi ta’ kooperazzjoni esterna bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti. Huwa neċessarju, madankollu, li jiġi żgurat li l-appoġġ mill-FEŻR għall-operazzjonijiet implimentati fit-territorju ta' pajjiżi terzi għandu jservi primarjament għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Unjoni. F’dawk il-limiti, il-Kummissjoni għandha, meta tkun qiegħda tfassal il-listi taż-żoni ta’ programm transkonfinali u transnazzjonali, tkopri wkoll reġjuni f'pajjiżi terzi.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-riżorsi allokati għal kull wieħed mill-komponenti differenti tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, waqt li tinżamm konċentrazzjoni sinifikanti fuq il-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż is-sehem ta’ kull Stat Membru għall-ammonti globali ta’ kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali, il-potenzjal disponibbli għall-flessibilità bejn dawn il-komponenti għall-Istati Membri, u li jkunu żgurati livelli ta' finanzjament għall-kooperazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

(15)

Għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Unjoni, għandu jitwaqqaf mekkaniżmu sabiex jiġi organizzat appoġġ mill-FEŻR għal strumenti ta’ politika esterna bħall-ENI u l-IPA II, inkluż fejn il-programmi ta’ kooperazzjoni esterna ma jkunux jistgħu jiġu adottati jew ikollhom jitwaqqfu. Dak il-mekkaniżmu għandu jfittex jikseb funzjonament ottimali u l-koordinazzjoni massima possibbli bejn dawk l-istrumenti.

(16)

Il-maġġorparti tal-finanzjament tal-FEŻR għal programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali għandha tkun ikkonċentrata fuq numru limitat ta’ objettivi tematiċi sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni madwar l-Unjoni. Madankollu, il-konċentrazzjoni taħt il-programm ta' kooperazzjoni interreġjonali fuq objettivi tematiċi għandha tiġi riflessa fil-għan ta' kull operazzjoni aktar milli f'limitazzjoni tan-numru ta' objettivi tematiċi, sabiex tiġi sfruttata għal kollox il-kooperazzjoni interreġjonali għat-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni prinċipalment taħt l-għan ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u wkoll, fejn ikun xieraq, l-għan talkooperazzjoni territorjali Ewropea. Fil-każ tal-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali oħrajn, il-konċentrazzjoni tematika għandha tirriżulta mill-ambitu speċifiku tagħhom.

(17)

Sabiex jintlaħqu l-miri u l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi taħt l-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea, għall-objettivi tematiċi sabiex tiġi żviluppata ekonomija bbażata fuq l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn negozji, b’mod partikolari fost l-SMEs, u permezz tal-promozzjoni tat-twaqqif ta' sistemi għal skambju ta' informazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-ICT; għall-promozzjoni ta’ ekonomija iżjed ekoloġika, iżjed effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u iżjed kompetittiva, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' mobilità transkonfinali sostenibbli; sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħolqien ta’ numru għoli ta’ impjiegi li jirriżulta f'koeżjoni soċjali u territorjali, inkluż permezz ta’ attivitajiet li jappoġġaw it-turiżmu sostenibbli, il-kultura u l-wirt naturali bħala parti minn strateġija territorjali li għandha l-għan li tikseb tkabbir li jistimola l-impjiegi; u l-iżvilupp ta’ kapaċità amministrattiva. Madankollu, il-lista tal-prijoritajiet ta’ investiment taħt l-objettivi tematiċi differenti għandha tiġi adatta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, billi jiġu previsti prijoritajiet għall-investiment addizzjonali li jippermettu b'mod partikolari l-kontinwazzjoni taħt il-kooperazzjoni transkonfinali ta' kooperazzjoni legali u amministrattiva, il-kooperazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet, u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-impjiegi, it-taħriġ, l-integrazzjoni ta’ komunitajiet u l-inklużjoni soċjali f'perspettiva transkonfinali, u bl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali u ta’ baċini tal-baħar taħt il-kooperazzjoni transnazzjonali. Barra minn dan, għandhom ikunu stabbiliti prijoritajiet ta' investiment speċifiċi jew addizzjonali għal ċerti programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali sabiex jiġu riflessi l-attivitajiet speċifiċi tagħhom.

(18)

Taħt l-objettiv tematiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u b'kont meħud tal-importanza prattika tiegħu, jeħtieġ li jiġi żgurat li, fil-każ tal-programm transkonfinali PEACE bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontei fuq il-konfini tal-Irlanda b'appoġġ għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-istabilità soċjali u ekonomika fir-reġjuni kkonċernati, partikolarment permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni bejn il-komunitajiet. Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' dak il-programm transkonfinali, ċerti regoli dwar l-għażla ta' operazzjonijiet f'dan ir-Regolament m'għandhomx japplikaw għal dak il-programm transkonfinali.

(19)

Huwa neċessarju li r-rekwiżiti tal-kontenut ta' programmi ta' kooperazzjoni skont l-għan tal-kooperazzjoni teritorjali Ewropea jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Dawk ir-rekwiżiti għandhom għalhekk ikopru wkoll aspetti neċessarji għall-implimentazzjoni effikaċi fuq it-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, bħal dawk li jikkonċernaw il-korpi responsabbli għall-awditjar u l-kontroll, il-proċedura għat-twaqqif ta’ segretarjat konġunt, u l-allokazzjoni ta’ obbligazzjonijiet fil-każ ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. Fejn Stati Membri u reġjuni jipparteċipaw fi strateġiji makroreġjonali u għall-baċini tal-baħar, il-programmi ta’ kooperazzjoni kkonċernati għandhom jistabbilixxu kif interventi jistgħu jikkontribwixxu għal tali strateġiji. Barra dan, minħabba l-karattru orizzontali tal-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali, il-kontenut ta’ programmi ta’ kooperazzjoni bħal dawn għandu jiġi adattat, speċifikament għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji taħt il-programmi INTERACT u ESPON attwali.

(20)

Sabiex tiġi msaħħa l-koordinazzjoni tal-appoġġ FEŻR għall-programmi ta' kooperazzjoni, adottati taħt dan ir-Regolament, bl-involviment tar-reġjuni l-iktar imbiegħda fil-finanzjament komplementari possibbli mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-ENI, l-IPA II, u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew pajjiżi jew territorji barranin (dawn tal-aħħar minn hawn 'il quddiem imsejħin 'territorji') li jkunu qed jipparteċipaw fi programmi ta' kooperazzjoni bħal dawn għandhom jistabbilixxu regoli għall-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni f'dawk il-programmi.

(21)

Ikun adatt li jiġu involuti pajjiżi terzi jew territorji li huma fil-proċess ta’ tħejjija tal-programmi ta’ kooperazzjoni, fejn dawn ikunu aċċettaw l-istedina biex jipparteċipaw f’tali programmi. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri speċjali f'dan ir-Regolament għal tali involviment. B’deroga mill-proċedura standard, fejn il-programmi ta’ kooperazzjoni jinvolvu r-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-pajjiżi terzi jew territorji, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jikkonsultaw lill-pajjiżi terzi jew territorji rispettivi qabel ma jippreżentaw il-programmi lill-Kummissjoni. Bil-għan li l-involviment tal-pajjiżi terzi jew territorji fil-programmi ta' kooperazzjoni jkun aktar effettiv u prammatiku, għandu jkun possibbli wkoll li l-ftehimiet dwar il-kontenut tal-programmi ta' kooperazzjoni u l-kontribut possibbli tal-pajjiżi terzi jew territorji jiġu espressi fil-minuti approvati formalment tal-laqgħat ta' konsultazzjoni ma' tali pajjiżi terzi jew territorji, jew fd-deliberazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet għall-kooperazzjoni reġjonali. Fit-teħid fil-kont tal-prinċipji tal-ġestjoni kondiviża u tas-simplifikazzjoni, il-proċedura ta' approvazzjoni għall-programmi ta' kooperazzjoni għandha tkun tali li l-Kummissjoni tapprova biss l-elementi fundamentali tal-programmi ta’ kooperazzjoni, filwaqt li l-elementi l-oħrajn għandhom jiġu approvati mill-Istat Membru jew l-Istati Membri parteċipanti. Fl-interess taċ-ċertezza ġuridika u t-trasparenza, jeħtieġ li jiġi żgurat li, fil-każijiet fejn l-Istat Membru jew Stat Membri parteċipanti jemendaw xi element ta' programm ta' kooperazzjoni li mhux soġġett għal approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtorità ta' amministrazzjoni ta' dak lil-programm tinnotifika tali deċiżjoni ta' emenda lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni ta' emenda.

(22)

F'konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment għandhom jipprovdu approċċ iżjed integrat u inklużiv sabiex jiġu solvuti problemi lokali. Sabiex jissaħħaħ tali approċċ, l-appoġġ mill-FEŻR fir-reġjuni tal-fruntiera għandu jiġi kkoordinat mal-appoġġ mill-FAEŻR u l-FEMS u għandu, fejn xieraq, jinvolvi r-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) imwaqqfa skont ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fejn l-iżvilupp lokali huwa wieħed mill-objettivi tagħhom.

(23)

Abbażi tal-esperjenza mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-kundizzjonijiet għall-għażla tal-operazzjonijiet għandhom jiġu ċċarati u msaħħa sabiex jiġi żgurat li jintgħażlu biss l-operazzjonijiet ġenwinament konġunti. Minħabba l-kuntest partikolari u l-ispeċifiċitajiet tal-programmi ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u pajjiżi terzi jew territorji, għandhom ikunu stabbiliti u adattati kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni aktar ħfief f'termini ta' operazzjonijiet ta' pproċessar taħt dawk il-programmi. Il-kunċett ta' benefiċjarji uniċi għandu jkun definit u tali benefiċjarji għandhom jitħallew iwettqu operazzjonijiet ta' kooperazzjoni waħedhom.

(24)

Ir-responsabilitajiet ta' benefiċjarji ewlenin, li jkollhom ir-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni ta' operazzjoni, għandhom ikunu speċifikati.

(25)

Ir-rekwiżiti ta' rapporti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adattati għall-kuntest ta' kooperazzjoni u jirriflettu ċ-ċiklu ta' implimentazzjoni tal-programm. Fl-interess ta’ ġestjoni tajba, għandu jkun possibbli li r-reviżjoni annwali ssir bil-miktub.

(26)

Skont ir-Regolament (UE) Nru[1303/2013, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-evalwazzjonijiet ta' programmi ta' kooperazzjoni jitwettqu abbażi tal-pjan ta' evalwazzjoni u jinkludu evalwazzjonijiet sabiex jiġu vvalutati l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt abbażi tal-pjan ta' dwak il-programmi. Tal-anqas darba matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, għandha ssir evalwazzjoni li tivvaluta kif l-appoġġ provdut ikkontribwixxa għall-kisba tal-objettivi tal-programm. Tali evalwazzjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni dwar kwalunkwe aġġustament propost matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.

(27)

Għandu jiġi stabbilit grupp komuni ta’ indikaturi tal-produzzjoni li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-progress tal-implimentazzjoni ta’ programm, adattata għall-karattru speċifiku tal-programmi ta’ kooperazzjoni f'Anness għal dan ir-Regolament. Dawk l-indikaturi għandhom ikunu kkumplementati b'indikaturi tar-riżultati speċifiċi għall-programm u, fejn hu rilevanti, minn indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għall-programm.

(28)

Minħabba l-involviment ta’ iżjed minn Stat Membru wieħed, u l-ispejjeż amministrattivi ogħla li jirriżultaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli u t-traduzzjoni, il-limitu massimu għan-nefqa f’assistenza teknika għandu jkun ogħla minn dak taħt il-għan ta’ Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. Sabiex ipattu għa l-ispejjeż amministrattivi ogħla, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa biex fejn hu possibbli jnaqqsu l-piż amministrattiv fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti. Minbarra dan, il-programmi ta’ kooperazzjoni b’appoġġ limitat mill-FEŻR għandhom jirċievu ċertu ammont minimu għall-assistenza teknika li jista' jkun ogħla minn 6 %, sabiex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal attivitajiet effikaċi ta' assistenza teknika.

(29)

Minħabba l-involviment ta’ iżjed minn Stat Membru wieħed, ir-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fejn kull Stat Membru għandu jadotta r-regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa, mhijiex xierqa għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. Abbażi tal-esperjenza mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, għandha tiġi stabbilita ġerarkija ċara tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa b'ċaqliq qawwi lejn regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti fil-livell ta' Unjoni jew għal programm ta' kooperazzjoni fl-intier tiegħu sabiex jiġu evitati l-kuntradizzjonijiet jew l-inkonsistenzi kollha possibbli bejn Regolamenti differenti jew bejn Regolamenti u regoli nazzjonali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-esperjenza mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, tadotta regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-kategoriji tal-ispejjeż stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(30)

Minħabba l-involviment frekwenti ta’ persunal minn iżjed minn Stat Membru wieħed fl-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet, u minħabba n-numru ta’ operazzjonijiet li għalihom l-ispejjeż tal-persunal huma element sinifikanti, għandha tiġi applikata rata fissa għall-ispejjeż tal-persunal ibbażata fuq il-kostijiet diretti l-oħra tal-operazzjonijiet ta’ kooperazzjoni, u b’hekk jiġi evitat ir-rendikont individwali għall-ġestjoni ta' operazzjonijiet bħal dawn.

(31)

Ir-regoli dwar il-flessibbiltà li jikkonċernaw il-post tal-operat barra ż-żona tal-programm għandhom jiġu semplifikati. Barra dan, huwa meħtieġ li tiġi appoġġata u faċilitata permezz ta’ arranġamenti speċifiċi, kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali effikaċi ma' pajjiżi terzi jew territorji ġirien tal-Unjoni fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni tal-Istati Membri jiġu megħjuna b'mod effikaċi fl-iżvilupp tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, huwa xieraq li fuq bażi eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet jiġi awtorizzat l-appoġġ mill-FEŻR għal operazzjonijiet li jinsabu barra mill-qasam tal-programm tal-Unjoni u fuq it-territorju ta' dawk il-pajjiżi terzi ġirien fejn dawk l-operazzjonijiet ikunu għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Unjoni.

(32)

L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa li jassenjaw il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni lil REKT jew li jagħmlu raggruppament bħal dan responsabbli għall-ġestjoni tal-parti ta’ programm ta’ kooperazzjoni li tirrelata mat-territorju kopert minn dak ir-REKT.

(33)

L-awtorità ta’ ġestjoni għandha twaqqaf segretarjat konġunt li għandu, inter alia, jipprovdi informazzjoni lill-applikanti għal appoġġ, jittratta l-applikazzjonijiet għall-proġetti u jassisti lill-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom.

(34)

L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom ikunu responsabbli għall-funzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, inklużi verifiki tal-ġestjoni, sabiex ikunu żgurati standards uniformi madwar iż-żona kollha tal-programm. Madankollu, fejn REKT jinħatar bħala awtorità ta' ġestjoni, tali verifiki għandhom jitwettqu minn awtorità ta’ ġestjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha tal-anqas għal dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew territorji minn fejn hemm membri li qed jipparteċipaw fir-REKT, filwaqt li l-kontrolluri għandhom jintużaw biss fil-bqija tal-Istati Membri u pajjiżi terzi jew territorji. Anke jekk ma jinħatar l-ebda REKT, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiġi awtorizzata mill-Istati Membri parteċipanti sabiex twettaq verifiki fuq iż-żona kollha tal-programm.

(35)

L-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni għandhom ikunu responsabbli għall-funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinnominaw awtorità ta' ġestjoni biex twettaq ukoll il-funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni.

(36)

Awtorità unika tal-awditjar għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet ta' awtorità ta' awdijtar stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 sabiex ikunu żgurati standards uniformi madwar iż-żona kollha tal-programm. Fejn dak ma jkunx possibbli, grupp ta’ awdituri għandu jassisti lill-awtorità tal-awditjar tal-programm.

(37)

Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u biex tissaħħaħ aktar l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni tagħha, pajjiżi terzi għandkom ikunu jistgħu jipparteċipaw, permezz ta' kontribut tar-riżorsi tal-IPA II u l-ENI, fi programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali. Operazzjonijiet kofinanzjati taħt tali programmi għandhom, madankollu, jibqgħu jsegwu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, anke jekk jiġu implimentati, parzjalment jew kompletament, barra mit-territorju tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, il-kontribut għall-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni jibqa' sempliċement inċidentali, peress li ċ-ċentru ta' gravità tal-programmi ta' kooperazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta' investiment tal-politika ta' koeżjoni. Sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva minn pajjiżi terzi fil-programmi ta' kooperazzjoni li huma amministrati f'konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni kondiviża, il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiġu stabbiliti fil-programmi ta' kooperazzjoni nnifishom u wkoll, fejn meħtieġ, fil-ftehimiet ta' finanzjament, konklużi bejn il-Kummissjoni, il-gvernijiet ta' kull wieħed mill-pajjiżi terzi u l-Istat Membru li jospita l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm ta' kooperazzjoni rilevanti. Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-programm għandhom ikunu konsistenti mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti relatati mal-applikazzjoni tagħha.

(38)

Għandha tiġi stabbilita katina ċara ta’ responsabbiltà finanzjarja rigward l-irkupru fil-każ ta' irregolaritajiet mill-benefiċjarji għall-benefiċjarju ewlieni għall-awtorità ta’ ġestjoni għall-Kummissjoni. Għandu jkun hemm dispożizzjoni għar-responsabbiltà tal-Istati Membri fejn ma jkunx possibbli li jinkiseb irkupru.

(39)

Fuq bażi tal-esperjenza mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, għandha tiġi stabbilita deroga espliċita għall-konverżjoni tan-nefqa magħmula f’valuta oħra minbarra l-Euro, billi tiġi applikata r-rata ta’ konverżjoni ta' kull xahar f’data li tkun l-eqreb possibbli għall-punt fiż-żmien tan-nefqa jew fix-xahar li fih in-nefqa tkun ġiet ippreżentata għall-verifika jew fix-xahar li matulu ġiet irrapportata n-nefqa lill-benefiċjarju ewlieni. Il-pjanijiet, ir-rapporti u l-kontijiet ta’ finanzjament li jikkonċernaw operazzjonijiet konġunti ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu sottomessi f’Euro lis-segretarjat konġunt, lill-awtoritajiet tal-programm u lill-kumitat ta’ monitoraġġ. Il-korrettezza tal-konverżjoni għandha tiġi verifikata.

(40)

Sabiex jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar l-emendar ta' indikaturi komuni tal-produzzjoni u dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta' indikaturi komuni tal-produzzjoni stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament u fir-rigward ta'- regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta’ kooperazzjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fuq il-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(41)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-listi ta’ żoni transkonfinali, u ta’ żoni transnazzjonali, ta' lista tal-programmi kollha ta' kooperazzjoni u tal-ammont globali mill-appoġġ FEŻR għal kull programm ta' kooperazzjoni, tan-nomenklatura li tikkonċerna l-kategoriji tal-intervent u tal-mudelli għall-programmi ta' kooperazzjoni u r-rapporti ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(42)_

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tadotta deċiżjonijiet li japprovaw ċerti elementi tal-programmi ta' kooperazzjoni u ta' kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk l-elementi.

(43)

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa la t-tkomplija u lanqas il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew kwalunkwe tali leġiżlazzjoni applikabblioħra għandha konsegwentement tkompli tapplika wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew għall-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. L-applikazzjonijiet għal assistenza magħmulin jew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom jibqgħu validi.

(44)

Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali ewlenin fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-livell ta' disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u n-nuqqas ta' żvilupp tar-reġjuni l-inqas favoriti u l-limitazzjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u r-reġjuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dak l-objettiv.

(45)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri provduti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal- FEŻR rigward l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw dik il-mira.

2.   Dan ir-Regolament jiddefinixxi, għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-FEŻR, il-kriterji għall-Istati Membri u r-reġjuni sabiex ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-FEŻR, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal appoġġ mill-FEŻR, u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħhom.

Jistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-iżgurar ta' implimentazzjoni, monitoraġġ, ġestjoni finanzjarja u kontroll effettivi tal-programmi operazzjonali taħt il-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea ("programmi ta’ kooperazzjoni"), inkluż meta jipparteċipaw pajjiżi terzi fi programmi ta’ kooperazzjoni bħal dawn.

3.   Ir-Regolament (UE) Nru 1303]2013 u l-Kapitolu I tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 għandhom japplikaw għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u għall-programmi ta’ kooperazzjoni taħt din, minbarra fejn ikun previst b’mod speċifiku taħt dan ir-Regolament jew fejn dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw biss għall-għan ta’ Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi.

Artikolu 2

Komponenti tal-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

Taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, il-FEŻR għandu jappoġġa l-komponenti li ġejjin:

(1)

il-kooperazzjoni transkonfinali bejn reġjuni qrib xulxin għall-promozzjoni ta’ żvilupp reġjonali integrat bejn reġjuni ġirien konfinanti bl-art u l-baħar f'żewġ Stati Membri jew iżjed jew bejn reġjuni ġirien konfinanti f'Stat Membru wieħed u pajjiż terz wieħed mill-inqas fuq il-konfini esterni tal-Unjoni minbarra dawk koperti minn programmi taħt l-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni;

(2)

il-kooperazzjoni transnazzjonali fuq territorji transnazzjonali ikbar, bl-involviment ta’ sħab nazzjonali, reġjonali u lokali, u li tkopri wkoll il-kooperazzjoni transkonfinali marittima f'dawk il-każijiet mhux koperti mill-kooperazzjoni transkonfinali, bil-għan li jintlaħaq grad ogħla ta’ integrazzjoni territorjali ta’ dawk it-territorji;

(3)

il-kooperazzjoni interreġjonali sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni bil-promozzjoni ta’:

(a)

l-iskambju ta’ esperjenzi li jiffukaw fuq objettivi tematiċi fost l-imsieħba madwar l-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp ta’ reġjuni msemmija fl-Artikolu 174 TFUE dwar l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-prattika tajba bl-għan li tiġi trasferita prinċipalment fil-programmi operazzjonali taħt il-għan ta’ Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi iżda wkoll, fejn rilevanti, għal programmi ta' kooperazzjoni;

(b)

l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u t-tixrid tal-prattika tajba b'rabta mal-iżvilupp urban sostenibbli, inklużi konnessjonijiet bejn żoni urbani u rurali;

(c)

l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u t-tixrid tal-prattika tajba u approċċi innovattivi rigward l-implimentazzjoni ta’ programmi u azzjonijiet ta' kooperazzjoni kif ukoll l-użu ta’ REKT;

(d)

l-analiżi tat-tendenzi ta’ żvilupp relatati mal-għanijiet tal-koeżjoni territorjali, inkluż aspetti territorjali ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, u żvilupp armonjuż tat-territorju tal-Unjoni permezz ta’ studji, il-ġbir ta’ dejta u miżuri oħra.

Artikolu 3

Kopertura ġeografika

1.   Għall-kooperazzjoni transkonfinali, ir-reġjuni li għandhom jiġu appoġġati għandhom ikunu r-reġjuni tal-Unjoni tal-livell 3 NUTS mal-konfini interni u esterni kollha tal-art minbarra dawk koperti minn programmi taħt l-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni, u r-reġjuni kollha tal-Unjoni tal-livell 3 NUTS matul il-konfini marittimi separati b’massimu ta’ 150 kilometru, mingħajr ħsara għall-aġġustamenti potenzjali meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kontinwità taż-żoni tal-programmi ta' kooperazzjoni stabbiliti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ żoni transkonfinali li għandhom jirċievu appoġġ, maqsuma skont il-programm ta' kooperazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 150(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Dik il-lista għandha tispeċifika wkoll dawk ir-reġjuni ta' livell 3 NUTS tal-Unjoni li huma kkunsidrati għall-allokazzjoni mill-FEŻR għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-konfini interni kollha, u fuq dawk il-konfini esterni koperti mill-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni, bħall-ENI bis-saħħa tal-att leġislattiv ENI u l-IPA II bis-saħħa tal-att leġislattiv IPA II

Meta jissottomettu abbozzi ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, l-Istati Membri, f’każijiet debitament ġustifikati, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza ta’ żoni transkonfinali, jistgħu jitolbu li reġjuni tal-livell 3 NUTS għajr għal dawk elenkati fid-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, jiġu miżjuda taħt żona ta' kooperazzjoni transkonfinali partikolari.

Fuq talba tal-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, sabiex tkun faċilitata l-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-konfini marittimi għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ tinkludi, fid-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, ir-reġjuni ta' livell 3 NUTS fir-reġjuni l-aktar imbiegħda li jinsabu tul il-konfini marittimi separati b'aktar minn 150 km bħala żoni transkonfinali li jistgħu jirċievu appoġġ mill-allokazzjoni korrispondenti ta’ dawk l-Istati Membri.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 20(2) u (3), il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali jistgħu jkopru reġjuni fin-Norveġja u l-Isvizzera u jkopru wkollLiechtenstein, Andorra, Monako u San Marino u pajjiżi terzi jew territorji fil-viċinat ta’ reġjuni l-aktar imbiegħda kollha kemm huma għandhom ikunu ekwivalenti għal reġjuni tal-livell NUTS 3

3.   Għal kooperazzjoni transnazzjonali, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-lista ta’ żoni transkonfinali li jirċievu appoġġ, maqsuma skont il-programm ta’ kooperazzjoni u li jkopru r-reġjuni tal-livell 2 NUTS waqt li tiżgura l-kontinwità ta’ kooperazzjoni bħal din f’żoni koerenti ikbar abbażi ta’ programmi preċedenti, filwaqt li tqis, fejn ikun xieraq, strateġiji makroreġjonali u dawk għall-baċini tal-baħar. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 150(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Meta jissottomettu abbozzi ta' programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jitlobu li reġjuni addizzjonali tal-livell 2 ta' NUTS li jinsabu qrib ir-reġjuni elenkati fid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu jiżdiedu ma' żona speċifika ta' kooperazzjoni transnazzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħtu raġunijiet għal tali talba.

4.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 20(2) u (3), il-programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali jistgħu jkopru reġjuni fil-pajjiżi terzi jew it-territorji li ġejjin:

(a)

il-pajjiżi terzi jew it-territorji elenkati jew imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)

il-Gżejjer Faeroe u l-Groenlandja.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 20(2) u (3), il-programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali jistgħu jkopru wkoll reġjuni f'pajjiżi terzi koperti mill-istrumenti finanzjarji esterni tal-Unjoni, bħall-ENI bis-saħħa tal-att leġislattiv ENI, inkluż ir-reġjuni relevanti tal-Federazzjoni Russa, u l-IPA II bis-saħħa tal-att leġislattiv IPA II. L-approprjazzjonijiet annwali li jikkorrispondu għall-appoġġ tal-ENI u l-IPA għal dawk il-programmi għandhom isiru disponibbli, sakemm il-programmi jindirizzaw b'mod adegwat l-objettivi relevanti ta' koperazzjoni esterna.

Reġjuni bħal dawn għandhom ikunu ekwivalenti għal reġjuni tal-livell 2 ta’ NUTS.

5.   Għall-kooperazzjoni interreġjonali, l-appoġġ mill-FEŻR għandu jkopri t-territorju kollu tal-Unjoni.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 20(2) u (3), il-programmi ta' kooperazzjoni interreġjonali jistgħu jkopru l-pajjiżi terzi jew territorji kollha jew parti minnhom kif imsemmi fil- punti (a) u (b), l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

6.   Għall-finijiet ta’ informazzjoni, ir-reġjuni ta’ pajjiżi terzi jew territorji kif imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandhom jissemmew fil-listi msemmija fil-paragrafi 1 u 3.

7.   F’każijiet debitament ġustifikati, sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-implimentazzjoni tal-programm, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jistgħu, fi programm uniku għal kooperazzjoni territorjali, jgħaqqdu l-ammonti tal-FEŻR allokati għal kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali, inkluża l-allokazzjoni addizzjonali provduta fl-Artikolu 4(2), filwaqt li jkunu konformi mar-regoli applikabbli għal kull waħda minn dawk l-allokazzjonijiet.

Artikolu 4

Riżorsi għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea

1.   Ir-riżorsi għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom jammontaw għal 2,75 % tar-riżorsi globali disponibbli għal impenn baġitarju mill-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014- 2020 u stabbiliti fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (jiġifieri, total ta’ EUR 8 948 259 330) u għandhom jiġu allokati kif ġej:

(a)

74.05 % (jiġifieri, total ta’ EUR 6 626 631 760) għall-kooperazzjoni transkonfinali;

(b)

20,36 % (jiġifieri, total ta’ EUR 1 821 627 570) għall-kooperazzjoni transnazzjonali;

(c)

5,59 % (jiġifieri, total ta’ EUR 500 000 000) għall-kooperazzjoni interreġjonali.

2.   Għall-programmi taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom jiġu allokati mhux inqas minn 150 % tal-appoġġ tal-FEŻR li huma rċevew fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għal programmi ta’ kooperazzjoni. Barra dan, ammont ta' EUR 50 000 000 mill-allokazzjoni għall-kooperazzjoni interreġjonali għandu jiġi riservat għall-kooperazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. Għal dak li jikkonċerna l-konċentrazzjoni tematika, l-Artikolu 6(1) għandu japplika għal dik l-allokazzjoni addizzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull Stat Membru s-sehem tiegħu tal-ammonti globali għall-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, f'disaggregazzjoni annwali. Id-daqs tal-popolazzjoni fiż-żoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) għandu jintuża bħala l-kriterju għad-disaggregazzjoni għal kull Stat Membru.

Abbażi tal-ammonti kkomunikati skont l-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni jekk u kif huwa uża l-alternattiva ta' trasferiment prevista fl-Artikolu 5 u d-distribuzzjoni riżultanti ta' fondi fost il-programmi transkonfinali u transnazzjonali li l-Istat Membru jipparteċipa fihom. Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tadotta deċiżjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-lista tal-programmi kollha ta' kooperazzjoni u tindika l-ammont globali tal-appoġġ totali tal-FEŻR għal kull programm. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 150(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

4.   Il-kontribuzzjoni mill-FEŻR lil programmi transkonfinali u dawk tal-baċini tal-baħar taħt l-ENI u l-programmi transkonfinali taħt l-IPA II għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati. Il-kontribuzzjoni tal-FEŻR stabbilita għal kull Stat Membru m’għandhiex tiġi sussegwentement riallokata bejn l-Istati Membri kkonċernati.

5.   L-appoġġ mill-FEŻR lil programmi transkonfinali u ta’ baċin tal-baħar individwali taħt l-ENI u lil programmi transkonfinali taħt l-IPA II għandu jingħata bil-kundizzjoni li mill-inqas ammonti ekwivalenti jiġu pprovduti mill-ENI u l-IPA II. Dik l-ekwivalenza għandha tkun soġġetta għall-ammont massimu stabbilit fl-att leġislattiv ENI jew l-att leġislattiv IPA II.

6.   L-approprjazzjonijiet annwali li jikkorrispondu għall-appoġġ mill-FEŻR lill-programmi transkonfinali u ta’ baċin tal-baħar taħt l-ENI u lill-programmi transkonfinali taħt l-IPA II għandhom jiddaħħlu fl-intestaturi tal-baġit rilevanti ta’ dawk l-istrumenti għall-eżerċizzju tal-baġit tal-2014.

7.   Fl-2015 u l-2016, il-kontribuzzjoni annwali mill-FEŻR għall-programmi taħt l-ENI u l-IPA II, li għalihom ma jkun ġie sottomess l-ebda programm operazzjonali lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju taħt il-programmi transkonfinali u tal-baċini tal-baħar taħt l-ENI, u taħt l-programmi transkonfinali taħt l-IPA II, u li ma ġietx riallokata għal programm ieħor ippreżentat taħt l-istess kategorija ta' programmi ta' kooperazzjoni esterna għandha tiġi allokata lill-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali interna taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 li fihom l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati jipparteċipaw.

Jekk sat-30 ta’ Ġunju 2017, ikun għad hemm programmi transkonfinali u dawk tal-baċini tal-baħar taħt l-ENI u programmi transkonfinali taħt l-IPA II li ma jkunux ġew sottomessi lill-Kummissjoni, il-kontribut kollu mill-FEŻR imsemmi fil-paragrafu 4 għal dawk il-programmi għas-snin li jifdal sal-2020, li ma ġiex riallokat għal programm adottat ieħor taħt l-istess kategorija ta' programmi ta' kooperazzjoni esterna, għandu jiġi allokat lill-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali interna skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 li fihom l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati jipparteċipaw.

8.   Kwalunkwe programm transkonfinali u tal-baċini tal-baħar, imsemmi fil-paragrafu 4, adottati mill-Kummissjoni għandu jitwaqqaf, jew l-allokazzjoni għall-programmi għandha titnaqqas, f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli, b'mod partikolari, jekk:

(a)

l-ebda wieħed mill-pajjiżi msieħba koperti mill-programm ma jkun iffirma l-ftehim finanzjarju rilevanti sal-iskadenza stipulata skont l-att leġislattiv ENI jew l-att leġislattiv IPA II; jew

(b)

il-programm ma jkunx jista’ jiġi implimentat kif ippjanat minħabba problemi fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti.

F'dawn il-każijiet, il-kontribut mill-FEŻR imsemmi fil-paragrafu 4 korrispondenti għall-ħlasijiet parzjali annwali li jkunu għadhom ma ġewx impenjati, jew ħlasijiet parzjali annwali impenjati u diżimpenjati totalment jew parzjalment waqt l-istess sena baġitarja, li ma jkunux ġew riallokati għal programm ieħor tal-istess kategorija ta' programmi ta' kooperazzjoni esterna, għandhom jiġu allokati lill-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali interna taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 li fihom l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati jipparteċipaw.fuq talba tiegħu jew tagħhom.

9.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sommarju annwali tal-implimentazzjoni finanzjarja ta’ programmi transkonfinali u tal-baċin tal-baħar skont l-ENI, u ta’ programmi transkonfinali skont l-IPA II, li għalihom jikkontribwixxi l-FEŻR f’konformità ma’ dan l-Artikolu, lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 150(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 5

Alternattiva ta' trasferiment

Kull Stat Membru jista' jittrasferixxi sa 15 % tal-allokazzjoni finanzjarja tiegħu għal kull wieħed mill-komponenti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) minn wieħed minn dawk il-komponenti għall-ieħor.

KAPITOLU II

Konċentrazzjoni tematika u prijoritajiet ta’ investiment

Artikolu 6

Konċentrazzjoni tematika

1.   Mill-inqas 80 % tal-allokazzjoni tal-FEŻR għal kull kooperazzjoni transkonfinali u programm transnazzjonali għandha tiġi kkonċentrata fuq massimu ta' erba' mill-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

2.   L-objettivi tematiċi kollha stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistgħu jintgħażlu għall-kooperazzjoni interreġjonali msemmija fil-punt (3)(a) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Prijoritajiet ta’ investiment

1.   Il-FEŻR għandu, fl-ambitu kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013, jikkontribwixxi għall-objettivi tematiċi stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 permezz ta’ azzjoni konġunta taħt programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonal u interreġjonali. Minbarra l-prijoritajiet ta’ investiment stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru [1301/2013], il-FEŻR jista’ jappoġġa wkoll il-prijoritajiet ta’ investiment fl-objettivi tematiċi li ġejjin indikati għal kull wieħed mill-komponenti tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea:

(a)

taħt kooperazzjoni transkonfinali:

(i)

il-promozzjoni ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u s-sostenn lill-mobilità tax-xogħol bl-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol transkonfinali, inkluża l-mobilità transkonfinali, inizjattivi lokali konġunti ta’ impjieg, servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza u taħriġ konġunt;

(ii)

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni billi jiġu promoss l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, u l-integrazzjoni tal-komunitajiet min-naħa għall-oħra tal-konfini;

(iii)

l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u tħtaħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja billi jiġu żviluppati u implimentati skemi edukattivi ta' taħriġ vokazzjonali u ta’ taħriġ konġunti;

(iv)

it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amminstrazzjoni pubblika effiċjenti billi jiġu promossi l-kooperazzjoni legali u amministrattiva u l-kooperazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet;

(b)

taħt il-kooperazzjoni transnazzjonali: it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amminstrazzjoni pubblika effiċjenti billi jiġu żviluppati kkoordinati strateġiji makroreġjonali u tal-baċini tal-baħar;

(c)

taħt kooperazzjoni interreġjonali: it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u amminstrazzjoni pubblika effiċjenti billi:

(i)

tinxtered il-prattika tajba u għarfien espert u jiġu sfruttati r-riżultati tal-iskambju ta’ esperjenza fir-rigward tal-iżvilupp urban sostenibbli, inkluż konnessjonijiet bejn żoni urbani u rurali skont il-punt (3)(b) tal-Artikolu 2.

(ii)

jiġi promoss l-iskambju ta’ esperjenzi sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-programmi u azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali kif ukoll l-użu ta’ REKT skont il-punt (3)(c) tal-Artikolu 2;

(iii)

tissaħħaħ il-bażi ta' evidenza sabiex tiġi raffurzata l-effikaċja ta' politika ta' koeżjoni u l-kisba ta' objettivi tematiċi permezz tal-analiżi ta' tendenzi tal-iżvilupp skont il-punt (3)(d) tal-Artikolu 2;

2.   Fil-każ tal-programm transkonfinali PEACEu fi ħdan l-objettiv tematiku ta' promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni ta' stabilità soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, b'mod partikolari permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ koeżjoni bejn il-komunitajiet.

KAPITOLU III

Programmazzjoni

Artikolu 8

Kontenut, l-adozzjoni u l-emendar tal-programmi ta’ kooperazzjoni

1.   Programm ta’ kooperazzjoni għandu jikkonsisti minn assi prijoritarji. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, assi prijoritarju għandu jikkorrispondi għal objettiv tematiku u jinkludi waħda jew iżjed mill-prijoritjiet ta' investiment ta' dak l-obbjettiv tematiku f'konformità mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament. Fejn xieraq, u sabiex jiżdiedu l-impatt u l-effikaċja tiegħu permezz ta’ approċċ tematikament koerenti u integrat sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, assi prijoritarju jista’, f’każijiet debitament ġustifikati, jgħaqqad prijorità ta’ investiment kumplimentata waħda jew aktar minn objettivi tematiċi differenti sabiex tinkiseb il-kontribuzzjoni massima għal dak l-assi prijoritarju.

2.   Programm ta’ kooperazzjoni għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għandu jistabbilixxi:

(a)

ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ objettivi tematiċi, prijoritajiet ta’ investiment korrispondenti u allokazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jitqies il-Qafas Strateġiku Komuni stipulat fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet fi ħdan iż-żona tal-programm b'mod ġenerali u l-istrateġija magħżula b’riżultat ta’ dawn il-ħtiġijiet, li fejn xieraq tindirizza konnessjonijiet neqsin fl-infrasturttura transkonfinali, b'kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni ex ante mwettqa skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

għal kull ass prijoritarju għajr l-assistenza teknika:

(i)

il-prijoritajiet ta’ investiment u l-objettivi speċifiċi korrispondenti;

(ii)

sabiex tissaħħaħ l-orjentazzjoni fuq ir-riżultati tal-programmazzjoni, ir-riżultati mistennija għall-objettivi speċifiċi, u l-indikaturi tar-riżultat korrispondenti, b'valur bażi u valur ta' mira fejn ikun xieraq, kwantifikatf'konformità mal-Artikolu 16;

(iii)

deskrizzjoni tat-tip u eżempji ta' azzjonijiet li għandhom jiġu sostnuti taħt kull prijorità ta' investiment u l-kontribut mistenni minnhom għall-objettivi speċifiċi msemmija f'punt (i) inklużi l-prinċipji ta' gwida għall-għażla tal-operazzjonijiet u, fejn xieraq, l-identifikazzjoni tal-gruppi fil-mira ewlenin, it-territorji speċifiċi mmirati, it-tipi ta' benefiċjarji, l-użu ppjanat ta' strumenti finanzjarji, u l-proġetti kbar;

(iv)

l-indikaturi komuni u speċifiċi tal-produzzjoni, inkluż il-valur kwantifikat tal-mira, li huma mistennija jikkontribwixxu għar-riżultati, f'konformità mal-Artikolu 16, għal kull prijorità ta' investiment;

(v)

l-identifikazzjoni tal-passi ta' implimentazzjoni u l-indikaturi finanzjarji, u fejn xieraq, indikaturi tar-riżultati, li għandhom jintużaw bħala għanijiet u miri għall-qafas ta' prestazzjoni f'konformità mal-Artikolu 21(1) u l-Anness II għall-dak ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013

(vi)

fejn xieraq, sommarju tal-użu ppjanat ta’ assistenza teknika, inklużi, fejn meħtieġ, azzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta’ awtoritajiet involuti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi u benefiċjarji u, fejn meħtieġ, azzjonijiet għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva ta’ msieħba rilevanti sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-programmi;

(vii)

il-kategoriji korrispondenti ta' intervent ibbażati fuq nomenklatura adottata mill-Kummissjoni, u disaggregazzjoni indikattiva tar-riżorsi pprogrammati;

(c)

għal kull assi prijoritarju li jikkonċerna assistenza teknika:

(i)

l-objettivi speċifiċi;

(ii)

ir-riżultati mistennija għal kull objettiv speċifiku, u, meta jkunu debitament ġustifikati minħabba l-kontenut tal-azzjonijiet, l-indikaturi tar-riżultati korrispondenti, b'valur tal-bażi u valur tal-mira, skont l-Artikolu 16;

(iii)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu sostnuti u l-kontribut mistenni minnhom għall-objettivi speċifiċi msemmija f'punt (i);

(iv)

l-indikaturi speċifiċi tal-produzzjoni li mistennija jikkontribwixxu għar-riżultati.

(v)

il-kategoriji korrispondenti ta' intervent ibbażati fuq nomenklatura adottata mill-Kummissjoni u disaggregazzjoni indikattiva tar-riżorsi pprogrammati.

Il-punt (ii) m'għandux japplika meta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-assi prijoritarju jew assi prijoritarji li jikkonċernaw l-assistenza teknika fi programm ta' kooperazzjoni ma taqbiżx il-EUR 15 000 000.

(d)

pjan ta’ finanzjament li jinkludi t-tabelli li ġejjin (mingħajr l-ebda qsim għal kull Stat Membru parteċipanti):

(i)

tabella li tispeċifika għal kull sena, skont ir-regoli dwar ir-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti fl-Artikoli 60, 120 u 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali maħsuba għall-appoġġ mill-FEŻR;

(ii)

tabella li tispeċifika, għall-perjodu kollu ta’ programmazzjoni, għall-programm ta’ kooperazzjoni u għal kull assi prijoritarju, l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-appoġġ mill-FEŻR u l-kofinanzjament nazzjonali. Għal assi prijoritarji, li jikkombinaw prijoritajiet ta' investiment minn objettivi tematiċi differenti, it-tabella għandha tispeċifika l-ammont tal-approprjazzjoni finanzjarja totali u l-kofinanzjament nazzjonali għal kull wieħed mill-objettivi tematiċi korrispondenti. Fejn il-kofinanzjament nazzjonali jkun jikkonsisti minn kofinanzjament pubbliku u privat, it-tabella għandha tagħti t-tqassim indikattiv bejn il-komponenti pubbliċi u privati. Din għandha turi, għall-finijiet ta' informazzjoni, kull kontribuzzjoni minn pajjiżi terzi li jkunu qed jipparteċipaw fil-programm kif ukoll il-parteċipazzjoni prevista mill-BEI;

(e)

lista ta’ proġetti kbar li l-implimentazzjoni tagħhom hi ppjanata matul il-perjodu ta’ programmazzjoni;

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward in-nomenklatura msemmija fil-punti (b)(vii) u (c)(v) tal-ewwel subparagrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 150(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   B’kunsiderazzjoni tal-kontenut u tal-objettivi tiegħu, il-programm ta’ kooperazzjoni għandu jiddeskrivi l-approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali, inkluż fir-rigward ta’ reġjuni u żoni msemmija fl-Artikolu 174(3) TFUE, filwaqt li jqis il-Ftehimiet ta’ Sħubija tal-Istati Membri parteċipanti, u juri kif dak il-programm ta' kooperazzjoni jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tiegħu u r-riżultati mistennija, filwaqt li jispeċifika, fejn ikun xieraq, dan li ġej:

(a)

l-approċċ għall-użu tal-istrumenti ta' żvilupp lokali mmexxija mill-komunità u l-prinċipji għall-identifikazzjoni tal-oqsma fejn se jiġi implimentat;

(b)

il-prinċipji għall-identifikazzjoni ta’ żoni urbani fejn azzjonijiet integrati għall-iżvilupp sostenibbli urban għandhom jiġu implimentati u l-allokazjoni indikattiva ta’ appoġġ mill-FEŻR għal azzjonijiet bħal dawn;

(c)

l-approċċ għall-użu tal-istrument tal-investiment territorjali Integrat imsemmi fl-Artikolu 11, minbarra f'każijiet koperti mill-punt (b), u l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tagħhom minn kull assi prijoritarju;

(d)

fejn Stati Membri u reġjuni jipparteċipaw fi strateġiji makroreġjonali u strateġiji dwar il-baċini tal-baħar, il-kontribuzzjoni tal-inverventi ppjanati taħt il-programm ta’ kooperazzjoni għal dawk l-strateġiji, soġġetta għall-ħtiġijiet taż-żona tal-programm kif identifikati mill-Istati Membri rilevanti u b’kunsiderazzjoni, fejn japplika, tal-proġetti li huma importanti strateġikament identifikati f'dawk l-istrateġiji rispettivi.

4.   Il-programm ta’ kooperazzjoni għandu wkoll jidentifika:

(a)

id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li:

(i)

jidentifikaw l-awtorità ta’ ġestjoni, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni, fejn ikun il-każ, u l-awtorità tal-awditjar;

(ii)

jidentifikaw il-korp jew il-korpi deżinjati li jwettqu kompiti ta’ kontroll;

(iii)

jidentifikaw il-korp jew il-korpi deżinjati li jkunu responsabbli għat-twettiq ta' kompiti ta' awditjar;

(iv)

jispeċifikaw il-proċedura għat-twaqqif tas-segretarjat konġunt;

(v)

jistabbilixxu deskrizzjoni sommarja tal-arranġamenti ta’ ġestjoni u kontroll;

(vi)

jistabbilixxu t-tqassim tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri parteċipanti fl-eventwalità ta’ korrezzjonijiet finanzjarji imposti mill-awtorità ta’ ġestjoni jew il-Kummissjoni.

(b)

il-korp li għandhom isirulu l-ħlasijiet mill-Kummissjoni;

(c)

l-azzjonijiet meħuda sabiex l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fit-tħejjija tal-programm ta' kooperazzjoni, u r-rwol ta' dawk l-imsieħba fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta' kooperazzjoni, inkluż l-involviment tagħhom fil-kumitat ta' monitoraġġ;

5.   Il-programm ta’ kooperazzjoni għandu jistabbilixxi wkoll dan li ġej, b'kunsiderazzjoni għall-kontenut tal-Ftehim ta' Sħubija u b'kont meħud tal-qafas istituzzjonali u legali tal-Istati Membri:

(a)

mekkaniżmi biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn l-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta' Koeżjoni, il-FAEŻR, l-EMFF u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż il-koordinazzjoni u l-kombinazzjoni possibbli mal- Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-ENI, il-FEŻ u l-IPA II kif ukoll mal- BEI, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; fejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew territorji jipparteċipaw fi programmi ta' kooperazzjoni li jinkludu l-użu ta' approprjazzjonijiet tal-FEŻR li jinvolvu reġjuni l-aktar imbiegħda b'riżorsi mill-FEŻ, mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fil-livell adatt biex jiġi ffaċilitat koordinament effettiv fl-użu ta' dawk l-approprjazzjonijiet u riżorsi;

(b)

sommarju tal-valutazzjoni tal-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji u, fejn meħtieġ, l-azzjonijiet ippjanati akkompanjat minn skeda ta’ żmien indikattiva, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

6.   L-informazzjoni meħtieġa taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punt (b)(i) sa (vii) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-paragrafu 3 u l-punt (a) tal-paragrafu 5 għandha tiġi adattata għall-karattru speċifiku tal-programmi ta’ kooperazzjoni taħt il-punt (3)(b), (c) u (d) tal-Artikolu 2. L-informazzjoni meħtieġa taħt il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) u l-punt (b) tal-paragrafu (5) m'għandhiex tkun inkluża fil-programmi ta' kooperazzjoni taħt il-punt (3)(c) u (d) tal-Artikolu 2.

7.   Kull programm ta’ kooperazzjoni għandu, fejn ikun xieraq u soġġett għall-valutazzjoni debitament ġustifikata tal-Istat Membru rilevanti dwar ir-rilevanza tiegħu għall-kontenut u l-objettivi tal-programm, jinkludi deskrizzjoni ta':

(a)

l-azzjonijiet speċifiċi li għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ ħarsien ambjentali, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattatment għalih, ir-reżiljenza għad-diżastri u l-prevenzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju, fl-għażla tal-operazzjonijiet;

(b)

l-azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u l-prevenzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali waqt it-tħejjija, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ kooperazzjoni u b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal finanzjament, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-gruppi differenti ta’ mira f’riskju ta’ diskriminazzjoni bħal din u b’mod partikolari r-rekwiżiti għall-iżgurar tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilitajiet;

(c)

il-kontribut tal-programm ta’ kooperazzjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fejn xieraq l-arranġamenti sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fuq il-livell tal-programm u tal-operat.

Il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu m’għandhomx japplikaw għall-programmi ta’ kooperazzjoni taħt il-punt (3)(b),(c) u (d) tal-Artikolu 2.

8.   Il-programmi ta’ kooperazzjoni taħt il-punt (3)(c) u (d) tal-Artikolu 2 għandhom jiddefinixxu l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji u jistgħu jispeċifikaw il-proċedura tal-għotja.

9.   L-Istati Membri parteċipanti u, fejn ikunu aċċettaw l-istedina li jipparteċipaw fil-programm ta' kooperazzjoni, il-pajjiżi terzi jew it-territorji, fejn applikabbli, għandhom jikkonfermaw, bil-miktub, il-qbil tagħhom mal-kontenut ta’ programm ta’ kooperazzjoni qabel is-sottomissjoni tiegħu lill-Kummissjoni. Dan il-qbil għandu jinkludi wkoll impenn tal-Istati Membri parteċipanti kollha u, fejn applikabbli, pajjiżi terzi jew territorji, sabiex jipprovdu l-kofinanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ kooperazzjoni u, skont il-każ, l-impenn għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiżi terzi jew territorji.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fil-każ tal-programmi ta' kooperazzjoni li jinvolvu reġjuni l-iktar imbiegħda u pajjiżi terzi jew territorji, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lill-pajjiżi terzi jew territorji rispettivi qabel ma jissottomettu il-programmi ta' kooperazzjoni lill-Kummissjoni. F'dak il-każ, il-ftehimiet dwar il-kontenut tal-programmi ta' kooperazzjoni u l-kontribut possibbli tal-pajjiżi terzi jew territorji jistgħu minflok jiġu espressi fil-minuti formalment approvati tal-laqgħat ta' konsultazzjoni mal-pajjiżi terzi jew territorji jew tad-deliberazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta' kooperazzjoni reġjonali.

10.   L-Istati Membri parteċipanti u, fejn ikunu aċċettaw l-istedina li jipparteċipaw fil-programm ta' kooperazzjoni, il-pajjiżi terzi jew it-territorji għandhom ifasslu l-programmi ta' kooperazzjoni skont il-mudell adottat mill-Kummissjoni.

11.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 permezz ta’ atti ta' implimentazzjoni. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 150(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

12.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li tapprova l-elementi kollha, inklużi emendi futuri, li jaqgħu taħt dan l-Artikolu minbarra dawk li jaqgħu taħt il-punt (b)(vii) tal-paragrafu 2, il-punt (c)(v) tal-paragrafu 2, il-punt (e) tal-paragrafu 2, il-punti (a)(i) u (c) tal-paragrafu 4, u l-paragrafi 5 u 7 ta' dan l-Artikolu, li jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri parteċipanti.

13.   L-awtorità ta' ġestjoni għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li temenda l-elementi tal-programm ta’ kooperazzjoni mhux koperti bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 12, fi żmien xahar mid-data ta' dik id-deċiżjoni ta' emenda. Id-deċiżjoni ta' emenda għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, li m'għandhiex tkun qabel id-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 9

Pjan ta’ Azzjoni Konġunta

Fejn pjan ta’ azzjoni konġunta msemmi fl-Artikolu 104(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jitwettaq taħt ir-responsabbiltà ta' REKT bħala benefiċjarju, membri tal-persunal tas-segretarjat konġunt tal-programm ta' kooperazzjoni u membri tal-assemblea tar-REKT jistgħu jsiru membri tal-kumitat ta' tmexxija msemmi fl-Artikolu 108(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Il-membri tal-assemblea tar-REKT m’għandhomx jiffurmaw il-maġġoranza f’dak il-kumitat ta’ tmexxija.

Artikolu 10

Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità

Jista’ jiġi implimentat żvilupp immexxi lokalment mill-Komunità taħt l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fil-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, bil-kundizzjoni li l-grupp ta’ żvilupp lokali jkun kompost minn rappreżentanti ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi, li wieħed minnhom ikun Stat Membru.

Artikolu 11

Investiment territorjali integrat

Għall-programmi ta' kooperazzjoni, il-korp intermedjarju għat-twettiq tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ investiment territorjali Integrat kif imsemmi fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jkun jew korp legali stabbilit taħt il-liġijiet ta’ wieħed mill-pajjiżi parteċipanti sakemm jitwaqqaf minn awtoritajiet jew korpi pubbliċi minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, jew inkella REKT.

Artikolu 12

Għażla tal-operazzjonijiet

1.   L-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ kooperazzjoni għandhom jintgħażlu minn kumitat ta’ monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Dak il-kumitat ta' monitoraġġ jista' jistabbilixxi kumitat ta' tmexxija li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tiegħu għall-għażla tal-operazzjonijiet.

2.   L-operazzjonijiet magħżula taħt kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali għandhom jinvolvu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, fejn mill-inqas wieħed minnhom irid ikun minn Stat Membru. Operazzjoni tista' tiġi implimentata f'pajjiż uniku, bil-kundizzjoni li jiġu identifikati impatti u benefiċċji transkonfinali jew transnazzjonali.

L-operazzjonijiet taħt il-kooperazzjoni interreġjonali msemmija fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 2 għandhom jinvolvu benefiċjarji minn mill-inqas tliet pajjiżi, fejn mill-inqas tnejn minnhom iridu jkunu Stati Membri.

Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet taħt il-programm transkonfinali PEACE, bejn l-Irlanda ta' Fuq, u l-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda b'appoġġ għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(2).

3.   Minkejja l-paragrafu 2, REKT jew korp legali ieħor stabbilit taħt il-liġijiet ta’ wieħed mill-pajjiżi parteċipanti jista’ jkun il-benefiċjarju uniku ta' operazzjoni bil-kundizzjoni li jitwaqqaf minn awtoritajiet jew korpi pubbliċi minn mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti, fil-każ ta' kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali, u minn mill-inqas tliet pajjiżi parteċipanti, fil-każ ta' kooperazzjoni interreġjonali.

Korp legali li jimplimenta strument finanzjarju jew fond ta’ fondi, skont il-każ, jista’ jkun il-benefiċjarju uniku ta’ operazzjoni mingħajr l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-kompożizzjoni tiegħu stipulati fl-ewwel subparagrafu.

4.   Il-benefiċjarji għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, huma għandhom jikkooperaw fil-ħatra ta' persunal jew fil-finanzjament tal-operazzjonijiet, jew it-tnejn.

Għal operazzjonijiet fi programmi stabbiliti bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u pajjiżi terzi jew territorji, il-benefiċjarji għandhom ikunu meħtieġa li jikkooperaw biss fi tnejn mill-oqsma msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.   Għal kull operazzjoni, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni jew uniku dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-operazzjoni inklużi r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-prodotti jew is-servizzi li jkollhom jitwettqu taħt l-operazzjoni, il-pjan ta’ finanzjament, u l-limitu ta’ żmien għat-twettiq.

Artikolu 13

Benefiċjarji

1.   Fejn ikun hemm żewġ benefiċjarji jew iżjed ta' operazzjoni fi programm ta’ kooperazzjoni, wieħed minnhom għandu jiġi maħtur mill-benefiċjarji kollha bħala l-benefiċjarju ewlieni.

2.   Il-benefiċjarju ewlieni għandu:

(a)

jistabbilixxi l-arranġamenti ma’ benefiċjarji oħra fi ftehim li jinkludi dispożizzjonijiet li, inter alia, jiggarantixxu l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti li ma kellhomx jitħallsu;

(b)

jassumi r-responsabbiltà għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni kollha;

(c)

jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji kollha tkun saret fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni u tikkorrispondi għall-attivitajiet miftiehma bejn il-benefiċjarji kollha, u hija f'konformità mad-dokument ipprovdut mill-awtorità ta' ġestjoni skont l-Artikolu 12(5);

(d)

jiżgura li n-nefqa ppreżentata minn benefiċjarji oħra tkun ġiet verifikata minn kontrollur jew kontrolluri fejn din il-verifika ma titwettaqx mill-awtorità ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 23(3).

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-arranġamenti stipulati skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 il-benefiċjarju ewlieni għandu jiżgura li l-benefiċjarji l-oħrajn jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni mill-fondi malajr kemm jista’ jkun u bis-sħiħ. L-ebda ammont ma għandu jitnaqqas jew jinżamm u ma għandha tinġabar l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b’effett ekwivalenti li tkun tista’ tnaqqas dak l-ammont għall-benefiċjarji l-oħra.

4.   Il-benefiċjarji ewlenin għandhom jinsabu fi Stat Membru li jkun qed jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jew territorji li jkunu qed jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni jistgħu jaqblu li l-benefiċjarju ewlieni jista' jkun jinsab f'pajjiż terz jew territorju li jkun qed jipparteċipa f'dak il-programm ta' kooperazzjoni, dment li l-awtorità ta' ġestjoni tkun sodisfatta li l-benefiċjarju ewlieni jkun jista' jwettaq il-kompiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 u li r-rekwiżiti għall-ġestjoni, il-verifika u l-awditu jiġu ssodisfati.

5.   Il-benefiċjarji uniċi għandhom ikunu rreġistrati fi Stat Membru li jkun qed jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni. Madankollu, jistgħu jkunu reġistrati fi Stat Membru li ma jkunx qed jipparteċipa fil-programm, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3) jiġu ssodisfati.

KAPITOLU IV

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Artikolu 14

Rapporti ta' implimentazzjoni

1.   Sal-31 ta’ Mejju 2016 u sal-istess data ta’ kull sena sussegwenti sal-2023, inkluż dik is-sena, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport ta' implimentazzjoni annwali f'konformità mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Ir-rapport ta' implimentazzjoni sottomess fl-2016 għandu jkopri s-snin finanzjarji 2014 u 2015, kif ukoll il-perjodu bejn id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà tan-nefqa u l-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   Għar-rapporti ppreżentati fl-2017 u l-2019, l-iskadenza msemmija f’paragrafu 1 għandha tkun it-30 ta’ Ġunju.

3.   Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali għandhom jistabbilixxu informazzjoni dwar:

(a)

l-implimentazzjoni tal-programm ta' kooperazzjoni f'konformità mal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru. 1303/2013;

(b)

fejn ikun xieraq, il-progress fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar u l-pjanijiet ta’ azzjoni konġunta.

4.   Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni mressqa fl-2017 u l-2019 għandhom jinkludu u jivvalutaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 50(4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 rispettivament u l-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu flimkien mal-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' evalwazzjoni u s-segwitu mogħti għas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet;

(b)

ir-riżultati tal-miżuri tal-informazzjoni u tal-pubbliċità mwettqa taħt l-istrateġija ta' komunikazzjoni;

(c)

l-involviment tal-imsieħba fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta' kooperazzjoni.

Ir-rapporti ta' implimentazzjoni annwali sottomessi fl-2017 u fl-2019, jistgħu, soġġett għall-kontenut u l-objettivi ta' kull programm ta' kooperazzjoni, jistabbilixxu informazzjoni dwar, u jivvalutaw, dan li ġej:

(a)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali, inkluż l-iżvilupp urban sostenibbli u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità taħt il-programm ta' kooperazzjoni;

(b)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet u l-benefiċjarji sabiex jamministraw u jużaw il-FEŻR;

(c)

fejn ikun xieraq, il-kontribuzzjoni għal strateġiji makroreġjonali u tal-baċini tal-baħar;

(d)

l-azzjonijiet speċifiċi meħuda sabiex jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u biex jippromwovu n-nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltajiet, u l-arranġamenti implimentati biex tkun żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fil-programm ta' kooperazzjoni u fl-operazzjonijiet;

(e)

azzjonijiet meħuda biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli;

(f)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali.

5.   Ir-rapporti annwali u finali ta' implimentazzjoni għandhom jiġu mfassla skont mudelli adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 150(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 15

Reviżjoni annwali

Il-laqgħa ta' reviżjoni annwali għandha tiġi organizzata skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Fejn laqgħa annwali ta' reviżjoni ma tkunx organizzata f'konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-reviżjoni annwali tista' ssir bil-miktub.

Artikolu 16

Indikaturi għall-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropeatal-KTE

1.   Għandhom jintużaw indikaturi ta' produzzjoni komuni, kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, u fejn ikun rilevanti, indikaturi ta' riżultati speċifiċi għal programm u indikaturi ta' produzzjoni speċifiċi għal programm skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u skont il-punt (b)(ii) u (iv) u l-punt (c) (ii) u (iv) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-indikaturi tal-produzzjoni komuni u speċifiċi għal programm, il-linji bażi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta’ żero. Il-valuri ta’ mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti għas-sena 2023.

3.   Għall-indikaturi tal-produzzjoni speċifiċi għal programm, li huma marbuta ma’ prijoritajiet ta’ investiment, il-linji bażi għandhom jużaw id-dejta l-iżjed reċenti disponibbli u l-miri għandhom jiġu stabbiliti għall-2023. Il-miri jistgħu jiġu espressi f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 sabiex temenda l-lista ta’ indikaturi komuni tal-produzzjoni stipulata fl-Anness, sabiex tagħmel aġġustamenti, fejn ġustifikat biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 17

Assistenza teknika

L-ammont tal-FEŻR allokat għall-assistenza teknika għandu jiġi limitat għal 6 % tal-ammont totali allokat għal programm ta’ kooperazzjoni. Għal programmi b'allokazzjoni totali li ma taqbiżx EUR 50 000 000, l-ammont tal-FEŻR allokat għal assistenza teknika għandu jkun limitat għal 7 % tal-ammont totali allokat, iżda ma għandux ikun inqas minn EUR 1 500 000 u mhux aktar minn EUR 3 000 000.

KAPITOLU V

Eligibbiltà

Artikolu 18

Regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa

1.   Il-Kummissjoni għandha tingata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 sabiex tistipula regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal, in-nefqa tal-uffiċċju u dik amministrattiva, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, l-ispejjeż għall-kompetenzi u s-servizzi esterni, u n-nefqa għat-tagħmir. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-atti delegati, adottati f'konformità mal-Artikolu 29, simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa 22 ta’ April 2014

2.   Mingħajr ħsara għar-regoli dwar l-eliġibbiltà stabbiliti fi jew abbażi tal-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013, dan ir-Regolament jew l-att delegat, imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri parteċipanti fil-kumitat ta’ monitoraġġ għandhom jistabbilixxu regoli addizzjonali dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programm ta’ kooperazzjoni b’mod ġenerali.

3.   Għal kwistjonijiet mhux koperti mir-regoli dwar l-eliġibbiltà stabbiliti fi jew abbażi tal-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013, fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew fir-regoli stabbiliti b'mod konġunt mill-Istati Membri parteċipanti f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn issir in-nefqa għandhom japplikaw.

Artikolu 19

Spejjeż tal-persunal

L-ispejjeż tal-persunal ta’ operazzjoni jistgħu jiġu kkalkulati b'rata fissa ta' mhux aktar minn 20 % tal-ispejjeż diretti minbarra l-ispejjeż tal-persunal ta’ dik l-operazzjoni.

Artikolu 20

L-eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet fil-programmi ta’ kooperazzjoni skont il-post

1.   L-operazzjonijiet taħt il-programmi ta’ kooperazzjoni, soġġetti għad-derogi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandhom jitqiegħdu fil-parti taż-żona tal-programm li tinkludi t-territorju tal-Unjoni (il-‘parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm’).

2.   L-awtorità ta’ ġestjoni tista’ taċcetta li operazzjoni sħiħa jew parti minnha tiġi implimentata barra l-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

l-operazzjoni tkun għall-benefiċċju taż-żona tal-programm;

(b)

l-ammont totali allokat taħt il-programm ta’ kooperazzjoni lill-operazzjonijiet li jkunu jinsabu barra l-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm ma jaqbiżx l-20 % tal-appoġġ mill-FEŻR fil-livell tal-programm, jew it-30 % fil-każ ta' programmi ta' kooperazzjoni li għalihom il-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm tkun tikkonsisti mir-reġjuni l-aktar imbiegħda;

(c)

l-obbligi tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u tal-awditjar fir-rigward tal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar għal dak li jikkonċerna l-operazzjoni jintlaħqu mill-awtoritajiet tal-programm ta’ kooperazzjoni, jew huma jidħlu fi ftehimiet ma’ awtoritajiet fl-Istat Membru jew fil-pajjiż jew territorju terz li fih l-operazzjoni hija implimentata.

3.   Għal operazzjonijiet li jikkonċernaw assistenza teknika jew attivitajiet promozzjonali u l-bini ta’ kapaċitajiet, nefqa tista’ ssir barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti (a) u 2(c) tal-paragrafu 2.

KAPITOLU VI

Ġestjoni, kontroll u deżinjazzjoni

Artikolu 21

Deżinjazzjoni tal-awtoritajiet

1.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni għandhom jiddeżinjaw, għall-finijiet tal-Artikolu 123(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, awtorità ta’ ġestjoni unika: għall-finijiet tal-Artikolu 123(2) ta' dak ir-Regolament, awtorità ta' ċertifikazzjoni unika, u, għall-finijiet tal-Artikolu 123(4) ta' dak ir-Regolament, awtorità tal-awditjar unika. L-awtorità ta’ ġestjoni u l-awtorità tal-awditjar għandhom ikunu jinsabu fl-istess Stat Membru.

L-Istati Membri li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-programm ta' kooperazzjoni jistgħu jiddeżinjaw l-awtorità ta' ġestjoni wkoll bħala dik responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni. Tali deżinjazzjoni għandha tkun mingħajr ħsara għat-tqassim ta' responsabbiltajiet f'relazzjoni mal-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji fost l-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit fil-programm ta' kooperazzjoni.

2.   L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha tirċievi l-ħlasijiet mill-Kummissjoni u għandha, bħala regola ġenerali, tagħmel ħlasijiet lill-benefiċjarju ewlieni skont l-Artikolu 132 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   Il-proċedura għad-deżinjazzjoni tal-awtorità ta' ġestjoni u, fejn adatt, tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 113a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għandha titwettaq mill-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità.

Artikolu 22

Raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali

L-Istati Membri li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi programm ta’ kooperazzjoni jistgħu jużaw REKT għall-iskop li jagħmluh responsabbli għall-ġestjoni ta' dak il-programm ta’ kooperazzjoni jew parti minnu, b'mod partikolari billi jagħtuh ir-responsabbiltajiet ta’ awtorità ta’ ġestjoni.

Artikolu 23

Funzjonijiet tal-awtorità ta' ġestjoni

1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità ta' ġestjoni ta' programm ta' kooperazzjoni għandha twettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 125 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013,.

2.   L-awtorità ta’ ġestjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u kwalunkwe pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fi programm ta’ kooperazzjoni, għandha twaqqaf segretarjat konġunt.

Is-segretarjat konġunt għandu jassisti lill-awtorità ta’ ġestjoni u lill-kumitat ta’ monitoraġġ fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom. Is-segretarjat konġunt għandu jipprovdi wkoll informazzjoni lill-benefiċjarji potenzjali dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt programmi ta’ kooperazzjoni u għandu jassisiti lill-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet.

3.   Fejn l-awtorità ta’ ġestjoni tkun REKT, il-verifiki skont il-punt (a) tal-Artikolu 125(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jitwettqu minn jew taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-anqas għal dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew territorji li minnhom hemm membri parteċipanti fir-REKT.

4.   Fejn l-awtorità ta’ ġestjoni ma twettaqx verifiki taħt il-punt (a) tal-Artikolu 125(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 madwar iż-żona kollha tal-programm, jew fejn il-verifiki ma jitwettqux minn jew taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità ta’ ġestjoni għal dawk l-Istati Membri u pajjiżi terzi jew territorji li minnhom hemm membri parteċipanti fir-REKT skont il-paragrafu 3, kull Stat Membru jew, fejn ikun aċċetta l-istedina li jipparteċipa fil-programm ta’ kooperazzjoni, kull pajjiż terz jew territorju għandu jaħtar il-korp jew il-persuna responsabbli għat-twettiq ta’ verifiki bħal dawn fir-rigward tal-benefiċjarji fuq it-territorju tiegħu (il-‘kontrollur(i)’).

Il-kontrolluri msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu l-istess korpi responsabbli għat-twettiq ta’ verifiki bħal dawn għall-programmi operazzjonali taħt l-għan ta' Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi jew, fil-każ ta' pajjiżi terzi, għat-twettiq ta’ verifiki kumparabbli skont l-istrumenti ta' politika esterna tal-Unjoni.

L-awtorità ta' ġestjoni għandha tkun sodisfatta li n-nefqa ta' kull benefiċjarju li jkun qed jipparteċipa f'operazzjoni tkun ġiet ivverifikata minn kontrollur deżinjat.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li n-nefqa ta' benefiċjarju tista’ tiġi vverifikata f’perjodu ta’ tliet xhur mis-sottomissjoni tad-dokumenti mill-benefiċjarju kkonċernat.

Kull Stat Membru jew, fejn ikun aċċetta l-istedina biex jipparteċipa fil-programm ta’ kooperazzjoni, kull pajjiż terz għandu jkun responsabbli għall-verifiki mwettqa fit-territorju tiegħu.

5.   Fejn il-provvista ta’ prodotti jew servizzi kofinanzjati tkun tista’ tiġi verifikata biss fir-rigward ta’ operazzjoni sħiħa, il-verifika għandha titwettaq mill-awtorità ta’ ġestjoni jew mill-kontrollur tal-Istat Mambru fejn ikun jinsab il-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 24

Funzjonijiet tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni

L-awtorità ta' ċertifikazzjoni ta' programm ta' kooperazzjoni għandha twettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 126 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 25

Funzjonijiet tal-awtorità tal-awditjar

1.   L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi programm ta’ kooperazzjoni jistgħu jawtorizzaw lill-awtorità tal-awditjar twettaq direttament il-funzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 madwar it-territorju kollu kopert minn programm ta’ kooperazzjoni. Għandhom jispeċifikaw meta awtorità tal-awditjar għandha tiġi akkumpanjata minn awditur ta’ Stat Membru jew pajjiż terz.

2.   Fejn l-awtorità tal-awditjar ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi assistita minn grupp ta' awdituri magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru jew pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni u jkunu qegħdin iwettqu l-funzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Kull Stat Membru jew, fejn ikun aċċetta l-istedina biex jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni, kull pajjiż terz għandu jkun responsabbli mill-awditjar imwettaq fit-territorju tiegħu.

Kull rappreżentant minn kull Stat Membru jew pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programm ta' kooperazzjoni għandu jkun responsabbli li jipprovdi l-elementi fattwali dwar in-nefqa fit-territorju tiegħu li jkunu meħtieġa mill-awtorità tal-awditjar sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha.

Il-grupp ta’ awdituri għandu jitwaqqaf fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm ta’ kooperazzjoni. Għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u jkun presedut mill-awtorità tal-awditjar għall-programm ta’ kooperazzjoni.

3.   L-awdituri għandhom ikunu funzjonalment indipendenti mill-kontrolluri li jwettqu verifiki taħt l-Artikolu 23.

KAPITOLU VII

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali

Artikolu 26

Kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-kundizzjonijiet applikabbli ta' implimentazzjoni tal-programm li jirregolaw il-ġestjoni finanzjarja kif ukoll il-programmazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, permezz ta' kontribuzzjoni ta' riżorsi tal-IPA II jew l-ENI għal programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali, għandhom jiġu stabbiliti fil-programm ta' kooperazzjoni rilevanti kif ukoll, fejn meħtieġ, fil-ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni, il-gvern tal-pajjiżi terzi kkonċernati u l-Istat Membru li jkun qed jospita l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm ta' kooperazzjoni rilevanti. Il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-programm għandhom ikunu konsistenti mar-regoli tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni.

KAPITOLU VIII

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 27

Impenji baġitarji, ħlasijiet u rkupri

1.   L-appoġġ mill-FEŻR lill-programmi ta’ kooperazzjoni għandu jitħallas f’kont uniku mingħajr l-ebda subkontijiet nazzjonali.

2.   L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ammont imħallas bħala riżultat ta’ irregolarità jkun irkuprat mill-benefiċjarju ewlieni jew uniku. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni kwalunkwe ammont li ma kellux jitħallas.

3.   Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxielux jiggarantixxi l-ħlas lura minn benefiċjarji oħra jew jekk l-awtorità ta’ ġestjoni ma jirnexxilhiex tiggarantixxi l-ħlas lura mill-benefiċjarju ewlieni jew uniku, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fit-territorju tiegħu il-benefiċjarju jkun jinsab jew, fil-każ ta’ REKT, ikun irreġistrat għandu jirrimborsa lill-awtorità ta’ ġestjoni kwalunwe ammont li ma kellux jitħallas lil dak il-benefiċjarju. L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għar-rimborż tal-ammonti kkonċernati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni, skont it-tqassim tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit fil-programm ta’ kooperazzjoni.

Artikolu 28

Użu tal-euro

B'deroga mill-Artikolu 133 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, in-nefqa magħmula f’valuta oħra li ma tkunx l-euro għandha tiġi konvertita f’euro mill-benefiċjarji bl-użu tar-rata ta' kambju tal-kontabbiltà ta' kull xahar tal-Kummissjoni fix-xahar li matulu dik in-nefqa tkun:

(a)

saret;

(b)

tkun ġiet ippreżentata għall-verifika lill-awtorità ta' ġestjoni jew lill-kontrollur f'konformità mal-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament; jew

(c)

tkun ġiet rappurtata lill-benefiċjarju ewlieni.

Il-metodu li jintgħażel għandu jiġi stabbilit fil-programm ta' kooperazzjoni u jkun applikabbli għall-benefiċjarji kollha.

Il-konverżjoni għandha tiġi verifikata mill-awtorità ta’ ġestjoni jew mill-kontrollur fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih ikun jinsab il-benefiċjarju.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet finali

Article 29

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 16(4) u 18(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni minn 21 ta’ Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 16(4) u 18(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 16(4) u 18(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew fuq il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta' assistenza approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra applikabbli għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandha konsegwentement tibqa' tapplika wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet kkonċernati sal-għeluq tagħhom. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti maġġuri.

2.   L-applikazzjonijiet għall-assistenza magħmula jew approvati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 qabel l-1 ta' Jannar 2014 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 31

Reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 skont l-Artikolu 178 tat-TFUE.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 4 u 27 u 28 għandhom japplikaw b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 49.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 96.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għat-tkabbir u l-mira tal-impjiegi li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (Ara paġna 289 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni tal-istabbiliment u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti (Ara paġna 303 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).


ANNESS

INDIKATURI KOMUNI TA' PRODUZZJONI GĦALL-GĦAN TAL-KOOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA

 

UNITÀ

ISEM

Investiment produttiv

 

impriżi

Numru ta' impriżi li qed jirċievu appoġġ

 

impriżi

Numru ta’ impriżi li jirċievu għotjiet

 

impriżi

Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ finanzjarju minbarra għotjiet

 

impriżi

Numru ta’ impriżi li jirċievu appoġġ mhux finanzjarju

 

impriżi

Numru ta’ impriżi ġodda appoġġati

 

impriżi

Numru ta' impriżi li qed jipparteċipaw fi proġetti ta' riċerka transkonfinali, transnazzjonali jew interreġjonali

 

organizzazzjonijiet

Numru ta' istituzzjonijiet ta' riċerka li qed jipparteċipaw fi proġetti ta' riċerka transkonfinali, transnazzjonali jew interreġjonali

 

EUR

Investiment privat li jku daqs l-appoġġ pubbliku lill-impriżi (għotjiet)

 

EUR

Investiment privat li jkun daqs l-appoġġ pubbliku lill-impriżi (mhux għotjiet)

 

ekwivalenti għal full-time

Żida fl-impjiegi f'impriżi appoġġati

Turiżmu sostenibbli

żjarat/sena

Żieda fin-numru mistenni ta' żjarat ta' siti ta' wirt kulturali u naturali u attrazzjonijiet appoġġati.

Infrastruttura tal-ICT

unitajiet domestiċi

Unitajiet domestiċi addizzjonali bl-aċċess broadband ta' mill-inqas 30 Mbps

Trasport

Ferrovija

kilometri

Tul totali tal-linji ferrovjarji ġodda

 

 

li minnu: TEN-T

 

kilometri

Tul totali tal-linji ferrovjarji mibnija mill-ġdid jew mtejba

 

li minnu: TEN-T

Toroq

kilometri

Tul totali ta' toroq mibnijin ġodda

 

 

li minnu: TEN-T

kilometri

Tul totali toroq mibnija mill-ġdid jew mtejba

 

li minnu: TEN-T

Trasport urban

kilometri

Tul totali ta’ linji ġodda jew imtejba tat-tramm jew tal-metro

Passaġġi tal-ilma interni

kilometri

Tul totali ta' passaġġi tal-ilma interni ġodda jew imtejba

Ambjent

Skart solidu

tunnellati/sena

Kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart addizzjonali

Provvista ta' ilma

persuni

Popolazzjoni addizzjonali servuta bi provvista mtejba ta' ilma

Trattament tal-ilma tal-iskart

ekwivalenti ta' popolazzjoni

Popolazzjoni addizzjonali servuta bi trattament ta' dranaġġ aħjar

Il-prevenzjoni tar-riskju u l-maniġment

persuni

Il-popolazzjoni li tibbenefika minn miżuri għall-ħarsien kontra l-għargħar

 

persuni

Il-popolazzjoni li tibbenefika minn miżuri ta' protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti

Riabilitazzjoni tal-art

ettari

Erja totali ta' wiċċ ta' art riabilitata

Natura u bijodiversità

ettari

Erja tas-superfiċje tal-ħabitats appoġġata sabiex jinkiseb status aħjar ta' konservazzjoni

Riċerka, innovazzjoni

 

 

 

ekwivalenti għal full-time

Numru ta’ riċerkaturi ġodda fl-entitajiet appoġġati

 

ekwivalenti għal full-time

Nuru ta’ riċerkaturi li jaħdmu f'faċilitajiet imtejba ta’ infrastruttura għar-riċerka

 

impriżi

Numru ta' impriżi li qed jikkooperaw ma' istituzzjonijiet tar-riċerka

 

EUR

Investiment privat li jkun dqs l-appoġġ pubbliku fl-innovazzjoni jew proġetti R&Ż

 

impriżi

Numru ta’ impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda fis-suq

 

impriżi

Numru ta’ impriżi appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda lid-ditta

Enerġija u tibdil fil-klima

 

 

Sorsi ta' enerġija innovabbli

MW

Kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli

Effiċjenza enerġetika

unitajiet domestiċi

Numru ta' unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum enerġetiku

 

kWh/sena

Tnaqqis fil-konsum ta' enerġija primarja annwali tal-bini pubbliku

 

utenti

Numru ta' utenti addizzjonali tal-enerġija konnessi ma' grilji intelliġenti

Tnaqqis fil-GHG

tunnellati ta’ CO2eq

Stima tat-tnaqqis annwali ta' GHG

Infrastruttura soċjali

Kura tat-tfal u edukazzjoni

persuni

Kapaċità tal-kura tat-tfal jew infrastruttura tal-edukazzjoni appoġġati

Saħħa

persuni

Popolazzjoni koperta minn servizzi tas-saħħa mtejba

Indikaturi speċifiċi ta' żvilupp urban

 

persuni

Popolazzjoni li tgħix f’żoni bi strateġiji integrati ta’ żvilupp urban

 

metri kwadri

Spazju miftuħ maħlu jew riabilitat f'żoni urbani

 

metri kwadri

Bini pubbliku jew kummerċjali mibni jew rinovat f'żoni urbani

 

unitajiet domestiċi

Djar riabilitati f'żoni urbani

Suq tax-Xogħol u Taħriġ (1)

 

persuni

Numru ta' parteċipanti f'inizjattivi ta' mobbiltà transkonfinali

 

persuni

Numru ta' parteċipanti f'inizjattivi konġunti lokali ta' impjieg u taħriġ konġunt

 

persuni

Numru ta’ parteċipanti fi proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali minn konfini għall-ieħor

 

persuni

Numru ta’ parteċipanti fi skemi konġunti ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-appoġġ tal-impjieg taż-żagħżagħ, opportunitajiet edukattivi u edukazzjoni għolja u vokazzjonali minn konfini għall-ieħor


(1)  Fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-parteċipanti ser tinqasam skont l-istatus tagħhom fis-suq tax-xogħol, li jindika jekk humiex "impjegati", jew "qiegħda", "qiegħda għal tul ta' żmien", "inattivi" jew "inattivi u mhux jipparteċipaw f'edukazzjoni jew taħriġ".


Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-FEŻR l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-KTE u l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinnotaw l-assigurazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lil-leġiżlatura tal-UE li l-indikaturi komuni ta’ produzzjoni għar-Regolament dwar il-FEŻR, ir-Regolament dwar il-KTE u r-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni li għandhom jiġu inklużi f’anness ma’ kull regolament, rispettivament, huma l-eżitu għa proċess preparatorju li ħa fit-tul li kien jinvolvi l-esperti ta’ valutazzjoni kemm tal-Kummissjoni u kemm tal-Istati Membri u, fil-prinċipju, huma mistennija jibqgħu stabbli.”