7.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/40


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1270/2013

tal-15 ta’ Novembru 2013

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill approva l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (1) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) billi adotta r-Regolament (KE) Nru 764/2006 (2).

(2)

L-Unjoni nnegozjat mar-Renju tal-Marokk protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jipprovdi lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra li fuqhom ir-Renju tal-Marokk jeżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tas-sajd. Il-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fl-24 ta’ Lulju 2013.

(3)

Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/1270/UE (3) dwar l-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid.

(4)

Il-mod li bih issir l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid.

(5)

F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (4), f’każ li l-għadd tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew l-ammont ta’ opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni taħt il-Protokoll il-ġdid ma jkunux użati totalment, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. In-nuqqas ta’ tweġiba sal-iskadenza li għandha tiġi ffissata mill-Kunsill għandu jiġi kkunsidrat bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhumiex qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perijodu stabbilit. Dik l-iskadenza għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

(6)

Dan ir-Regolament huwa meħtieġ li japplika mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll il-ġdid.

(7)

Fid-dawl tal-urġenza tad-dossier, jeħtieġ li jsir provvediment għal eċċezzjoni mill-iskadenza ta’ tmien ġimgħat prevista taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unioni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti taħt il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom ikunu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

Kategorija ta’ sajd

Tip ta’ bastiment

Stat Membru

Liċenzji jew kwota

Sajd pelaġiku fuq skala żgħira fit-Tramuntana

Bastimenti bit-tartarun < 100 TG

Spanja

20

Sajd fuq skala żgħira fit-Tramuntana

bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-qiegħ, < 40 TG

Spanja

25

Portugall

7

bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-qiegħ, > 40 TG < 150 TG

Portugall

3

Sajd fuq skala żgħira fin-Nofsinhar

Xlief u qasab < 80 TG

Spanja

10

Sajd tal-qiegħ (demersali)

bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-qiegħ

Spanja

7

Portugall

4

bastimenti tat-tkarkir

Spanja

5

Italja

0

Sajd għat-tonn

bil-qasab

Spanja

23

Franza

4

Pelaġiku industrijali

80 000 tunnellata kull sena

b’massimu ta’ 10 000 tunellata kull xahar għall-flotta sħiħa,

ħlief għax-xhur minn Awwissu sa Ottubru fejn il-limitu ta’ kull xahar tal-qabidet jiġi miżjud għal 15 000 -il tunnellata

Distribuzzjoni tal-bastimenti li huma awtorizzati għas-sajd:

 

10 bastimenti b’tunnellaġġ superjuri għal 3 000  TG

 

3 bastimenti b’tunnellaġġ bejn il-150 u t-3 000  TG

 

5 bastimenti b’tunnellaġġ inferjuri għal 150 TG

Ġermanja

6 467  t

Litwanja

20 693  t

Latvja

11 640  t

Il-Pajjiżi l-Baxxi

24 567  t

Irlanda

2 917  t

Polonja

4 525  t

Renju Unit

4 525  t

Spanja

467  t

Portugall

1 555  t

Franza

2 644  t

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

3.   Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd magħmula minn kwalunkwe Stat Membru ieħor taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

4.   L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tinformahom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex eżawriti kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 141, 29.5.2006, p. 4 (Verżjoni MT: ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 134).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 141, 29.5.2006, p. 1; verżjoni MT: ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 131).

(3)  Ara paġna 40 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).