10.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/30


REGOLAMENT (UE) Nru 1259/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 (2) dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ tal-prekursuri tad-drogi.

(2)

Il-kummerċ ta’ prodotti mediċinali mhuwiex ikkontrollat fis-sistema ta’ kontroll eżistenti tal-Unjoni għall-prekursuri tad-droga, peress li bħalissa huma esklużi mid-definizzjoni ta’ sustanzi skedati.

(3)

Ir-rapport tal-Kummissjoni indika li prodotti mediċinali li fihom l-efedrina u l-psewdoefedrina kienu ddevjati lejn il-manifattura illeċita tad-droga barra mill-Unjoni, bħala sostitut għall-efedrina u l-psewdoefedrina li huma kkontrollati internazzjonalment. Il-Kummissjoni għaldaqstant irrakkomandat it-tisħiħ tal-kontroll tal-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti mediċinali li fihom l-efedrina jew il-psewdofedrina esportati minn jew jgħaddu minn territorju doganali tal-Unjoni sabiex tipprevjeni d-devjazzjoni tagħhom għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

(4)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2010 dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni tal-UE dwar il-prekursuri tad-droga, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi leġislattivi wara li tivverifika bir-reqqa l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi.

(5)

Dan ir-Regolament jiċċara d-definizzjoni ta’ sustanzi skedati tiġi kkjarifikata: f’dan ir-rigward, it-terminu ‘preparazzjoni farmaċewtika’, li joħroġ mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi adottata fi Vjenna fid-19 ta’ Diċembru 1988, (il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”), jitħassar minħabba li huwa diġà kopert mit-terminoloġija tal-atti legali tal-Unjoni, jiġifieri ‘prodotti mediċinali’. Barra minn hekk, it-terminu ‘preparazzjonijiet oħrajn’ jitħassar peress li jiddupplika t-terminu ‘taħlitiet’ li diġà jintuża f’dik id-definizzjoni.

(6)

Regoli dwar is-sospensjoni jew ir-revoka tar-reġistrazzjoni ta’ operatur għandhom jiġu introdotti sabiex ikunu allinejati mar-regoli eżistenti għas-sospensjoni jew ir-revoka ta’ liċenzja.

(7)

Prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji (“prodotti mediċinali”) li fihom l-efedrina jew il-psewdofedrina għandhom jiġu kkontrollati mingħajr ma jitfixkel il-kummerċ leġittimu tagħhom. Għal dak il-għan, fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 111/2005 għandha tiżdied kategorija ġdida (Kategorija 4) b’elenku ta’ prodotti mediċinali li jkun fihom ċerti sustanzi skedati.

(8)

L-esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat b’dan ir-Regolament, għandha tkun preċeduta minn awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni u notifika ta’ qabel l-esportazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jingħataw il-poteri li jwaqqfu jew jissekwestraw dawk il-prodotti mediċinali meta jkun hemm raġunijiet tajba biex wieħed jissuspetta li dawn ikunu intiżi għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, meta jkunu esportati, impurtati jew fi transitu.

(10)

Bil-ħsieb li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu aktar malajr fir-rigward tax-xejriet ġodda tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga, il-possibilitajiet tagħhom biex jaġixxu f’każijiet ta’ transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi mhux skedati għandhom jiġu ċċarati. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe ordni għal, jew operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi mhux skedati, jew biex jidħlu fil-bini tan-negozju biex jiksbu evidenza ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li jinvolvu tali sustanzi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprevjenu d-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni, jew it-tluq minnu, ta’ sustanzi mhux skedati, fejn jista’ jintwera li dawn is-sustanzi ser jintużaw fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi. Sustanzi mhux skedati bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati kif propost għall-inklużjoni fil-lista ta’ monitoraġġ volontarju ta’ sustanzi mhux skedati.

(11)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkondividu bejniethom u mal-Kummissjoni, permezz tad-database Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga (“id-database Ewropea”), stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), informazzjoni dwar is-sekwestri u l-vjeġġi mwaqqfa sabiex jittejjeb il-livell ġenerali ta’ informazzjoni dwar il-kummerċ tal-prekursuri tad-droga, inklużi prodotti mediċinali. Id-database Ewropea għandha tintuża biex jiġi ssimplifikat ir-rappurtar mill-Istati Membri rigward is-sekwestri u l-vjeġġi mwaqqfa. Hija għandha sservi wkoll bħala reġistru Ewropew ta’ operaturi li huma detenturi ta’ liċenzja jew reġistrazzjoni li ser jiffaċilita l-verifika tal-leġittimità tat-transazzjonijiet tagħhom li jkunu jinvolvu sustanzi skedati u għandha tippermetti lill-operaturi li jkunu jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intermedjarji tagħhom li jkunu jinvolvu sustanzi skedati. Dak ir-reġistru Ewropew għandu jiġi aġġornat regolarment u l-informazzjoni li jkun fih għandha tintuża mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biss għall-għan tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga lejn is-suq illegali.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 jipprevedi l-ipproċessar tad-data. Dan l-ipproċessar jista’ jkopri wkoll id-data personali u għandu jitwettaq skont il-liġi tal-Unjoni.

(13)

L-ipproċessar ta’ data personali għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat minn dan ir-Regolament, u kwalunkwe att iddelegat u ta’ implimentazzjoni adottat skontu għandu jirrispetta d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u familjari rikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali rikonoxxuti, rispettivament, mill-Artikolu 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jipproċessaw data personali biss b’mod li jkun kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat b’dan ir-Regolament, u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skontu. Dik id-data għandha tiġi pproċessata skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni rigward il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 jikkonferixxi setgħat fuq il-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, biex jiġu eżerċitati skont il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (6).

(16)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawk is-setgħat għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(17)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat b’dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji u r-reġistrazzjoni biex tiddetermina l-każijiet fejn liċenzja jew reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa, biex tistabbilixxi l-kriterji li jiddeterminaw kif il-għanijiet leċiti tat-transazzjoni jistgħu jintwerew bil-provi, biex tiddetermina l-informazzjoni li hija meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti u mill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intermedjarji ta’ operaturi, biex tiddetermina l-listi tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni li lejhom l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati tal-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 111/2005 għandhom jiġu preċeduti minn notifika ta’ qabel l-esportazzjoni„ biex jiġu determinati proċeduri simplifikati ta’ notifika ta’ qabel l-esportazzjoni u biex jiġu stabbiliti l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti, biex tiddetermina proċeduri simplifikati ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni u biex tistabbilixxi l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti,u biex tadatta l-Anness għar-Regolment (KE) Nru 111/2005 sabiex ikun hemm reazzjoni għal xejriet ġodda tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga u biex issegwi kwalunkwe emenda għat-tabelli fl-Anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat minn dan ir-Regolament, setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni, jiġifieri biex tistabbilixxi mudell għal-liċenzji, ir-regoli proċedurali dwar l-għoti ta’ informazzjoni li hija meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intermedjarji tal-operaturi, u l-miżuri biex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-disinn u l-użu ta’ formoli ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni u l-importazzjoni, għall-għan tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga,. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(19)

L-atti delegati u ta’ implimentzzjoni adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 111/2005, kif emendat minn dan ir-Regolament, għandhom jiggarantixxu kontroll u monitoraġġ sistematiċi u konsistenti tal-operaturi.

(20)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-18 ta’ Jannar 2013 (8).

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-titolu tar-Regolament u fl-Artikolu 1, fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 2, fl-Artikolu 10(1), fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 u fl-Artikolu 25 in-nom “Komunità” huwa sostitwit min-nom “Unjoni”. Fil-punt (e) tal-Artikolu 2, fil-punt (d) tal-Artikolu 13(1), fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 18 u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22, it-terminu ‘territorju doganali tal-Komunità’ huwa sostitwit bit-terminu ‘territorju doganali tal-Unjoni’. Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1), it-terminu “mit-territorju doganali tal-Komunità” huwa sostitwit bit-terminu ‘mit-territorju doganali tal-Unjoni’.

(2)

Fl-Artikolu 2:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘sustanza skedata’ tfisser kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness li tista’ tintuża għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, inklużi taħlitiet u prodotti naturali li fihom sustanzi bħal dawn, iżda jeskludu taħlitiet u prodotti naturali li fihom sustanzi skedati u li huma magħmula b’tali mod li s-sustanzi skedati ma jkunux jistgħu jintużaw jew jiġu estratti faċilment permezz ta’ mezzi li huma applikabbli faċilment jew ekonomikament vijabbli, prodotti mediċinali kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) u prodotti mediċinali veterinarji kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), ħlief prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji elenkati fl-Anness;”

(*)  Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67)."

(**)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).”;"

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

‘importazzjoni’ tfisser kwalunkwe dħul ta’ sustanzi skedati li għandhom l-istatus ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni, inklużi ħażna temporanja, it-tqegħid f’żona ħielsa jew maħżen ħieles, it-tqegħid taħt proċedura ta’ sospensjoni u r-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (***);”.

(***)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1)."

(c)

il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

‘prodott naturali’ tfisser organiżmu jew parti minnu, fi kwalunkwe forma, jew kwalunkwe sustanzi li tinstab fin-natura kif definit fil-punt 39 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****);

(****)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).”."

(3)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-attivitajiet kollha intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati, bl-eċċezzjoni ta’ sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, għandhom jiġu dokumentati mill-operatur permezz ta’ dokumenti doganali u kummerċjali, bħal dikjarazzjonijiet sommarji, dikjarazzjonijiet doganali, fatturi, manifesti ta’ merkanzija, dokumenti ta’ trasport u dokumenti oħra tal-vjeġġi.”.

(4)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

L-operaturi għandhom jiżguraw li tikketti jitwaħħlu fuq kwalunkwe imballaġġ li fih sustanzi skedati, ħlief sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, bl-indikazzjoni ta’ isimhom kif iddikjarati fl-Anness, jew, fil-każ ta’ taħlita jew prodott naturali, isimha u l-isem ta’ kwalunkwe sustanza skedata, ħlief sustanzi elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness, kif iddikjarat fl-Anness, li jinsabu fit-taħlita jew fil-prodott naturali. L-operaturi jistgħu, barra minn hekk, iwaħħlu t-tikketti tradizzjonali tagħhom.”.

(5)

Fl-Artikolu 6:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sakemm mhux previst mod ieħor, l-operaturi stabbiliti fl-Unjoni, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi meta jaġixxu unikament f’dik il-kapaċità, impenjati f’attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 1 tal-Anness, għandu jkollhom liċenzja. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur għandha toħroġ il-liċenzja.

Meta tikkunsidra jekk tagħtix liċenzja, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kompetenza u l-integrità tal-applikant, b’mod partikolari li ma jkun hemm ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-prekursuri tad-droga u ebda rekord ta’ kwalunkwe reat kriminali gravi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji u biex tiddetermina ta’ każijiet fejn liċenzja ma tkunx meħtieġa.”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mudell għal liċenzji permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).”.

(6)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Sakemm mhux previst mod ieħor, operaturi stabbiliti fl-Unjoni, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi meta jaġixxu unikament f’dik il-kapaċità, impenjati f’attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 2 tal-Anness, jew l-esportazzjoni ta’ sustanzi elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness, għandhom ikunu rreġistrati. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur għandha toħroġ ir-reġistrazzjoni.

Meta tikkunsidra jekk tagħtix reġistrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-kompetenza u l-integrità tal-applikant, b’mod partikolari li ma jkun hemm ebda ksur serju jew ksur ripetuttal-leġislazzjoni fil-qasam tal-prekursuri tad-droga u ebda rekord ta’ kwalunkwe reat kriminali gravi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ reġistrazzjonijiet u biex tiddetermina każijiet fejn reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi jew tirrevoka r-reġistrazzjoni meta l-kundizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet ir-reġistrazzjoni ma jibqgħux sodisfatti aktar jew fejn hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li hemm riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.”.

(7)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Meta s-sustanzi skedati jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni għall-ħatt jew għat-trasbord, għall-ħażna temporanja, għall-ħażna tagħhom f’żona ħielsa taħt tip ta’ kontroll I jew maħżen ħieles, jew għat-tqegħid tagħhom taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Unjoni, l-għanijiet leċiti għandhom ikunu murija mill-operatur wara talba mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni ta’ kif jistgħu jintwerew l-għanijiet leċiti tat-transazzjoni, sabiex ikun żgurat li l-movimenti kollha ta’ sustanzi skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jistgħu jiġu ssorveljati mill-awtoritajiet kompetenti u r-riskju ta’ devjazzjoni jiġi minimizzat.”.

(8)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Operaturi stabbiliti fl-Unjoni għandhom immedjatament jinnotifkaw lill-awtoritajiet kompetenti bi kwalunkwe ċirkostanza, bħal ordnijiet mhux tas-soltu u transazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati, li tissuġġerixxi li tali sustanzi maħsuba għal importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji jistgħu jiġu ddevjati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

Għal dak il-għan, l-operaturi għandhom jipprovdu kull informazzjoni disponibbli, bħal:

(a)

l-isem tas-sustanza skedata;

(b)

il-kwantità u l-piż tas-sustanza skedata;

(c)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-esportatur, l-importatur, id-destinatarju finali u, fejn applikabbli, il-persuna involuta fl-attivitajiet intermedjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tinġabar biss għall-għanijiet ta’ prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

2.   L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni f’forma sommarja dwar l-attivitajiet ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intrermedjarji tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tiddetermina l-informazzjoni li hija meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jimmonitorjaw dawk l-attivitajiet.

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli proċedurali dwar l-għoti ta’ tali informazzjoni, inkluż, fejn xieraq, fil-forma elettronika lid-Database Ewropea dwar prekursuri tad-droga stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****) (“id-Database Ewropea”). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

(*****)  Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).”."

(9)

Fl-Artikolu 10, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Sabiex jirreaġixxu rapidament għal xejriet ġodda ta’ devjazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jipproponu li tiżdied sustanza mhux skedata mal-lista msemmija fil-paragrafu 2(b) sabiex temporanjament jimmonitorjaw il-kummerċ tagħha. Arranġamenti u kriterji dettaljati għall-inklużjoni jew it-tħassir minn dik il-lista għandhom jiġu speċifikati fil-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Jekk il-monitoraġġ volontarju mill-industrija huwa kkunsidrat insuffiċjenti biex jipprevjeni l-użu ta’ sustanza mhux skedata għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, il-Kummissjoni tista’ żżid is-sustanza mhux skedata fl-Anness permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 30b.”.

(10)

Fl-Artikolu 11:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-esportazzjoni kollha ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 1 u 4 tal-Anness u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness għal ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni għandha tkun preċeduta minn notifika ta’ qabel l-esportazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, skont l-Artikolu 12(10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b ta’ dan ir-Regolament sabiex tiddetermina l-listi tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni għall-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategoriji 2 u 3 tal-Anness sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Proċeduri ssimplifikati tan-notifika ta’ qabel l-esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn huma sodisfatti li dan mhu ser jirriżulta f’ebda riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b sabiex tiddetermina tali proċeduri u tistabbilixxi l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.”

(11)

Fl-Artikolu 12(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, l-esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 3 tal-Anness għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni biss fejn notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni huma meħtieġa.”.

(12)

Fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ sustanzi skedati elenkati fil-Kategorija 4 tal-Anness għandu jkun fiha l-informazzjoni li tinsab fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu.”.

(13)

L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Proċeduri ssimplifikati biex tingħata awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn huma jkunu sodisfatti li dan mhux ser jirriżulta f’xi riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b biex tiddetermina tali proċeduri u tistabbilixxi l-kriterji komuni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.”.

(14)

Fl-Artikolu 20, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, fejn is-sustanzi msemmija fl-ewwel paragrafu 1 jinħattu jew jiġu trasbordati, f’ħażna temporanja, jinħażnu f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I jew f’maħżen ħieles, jew mqiegħda taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Unjoni, tali awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni ma tkunx meħtieġa.”.

(15)

Fl-Artikolu 26:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 11 sa 25 u għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jipprojbixxu d-dħul ta’ sustanzi skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jew it-tluq tagħhom minnu, meta hemm raġunijiet tajba biex ikun suspettat li dawn is-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jipprojbixxi d-dħul ta’ kunsinni ta’ sustanzi mhux skedati fit-territorju doganali tal-Unjoni jew it-tluq tagħhom minnu fejn ikun hemm evidenza biżżejjed li dawk is-sustanzi huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

L-awtorità kompetenti għandha immedjatament tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar dan, billi tuża l-proċedura msemmija fl-Artikolu 27.

Dawk is-sustanzi għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma proposti biex jiżdiedu mal-lista ta’ sustanzi mhux skedati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 10(2).

3b.   Kull Stat Membru jista’ jadotta l-miżuri meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu f’pożizzjoni li jikkontrollaw u jimmonitorjaw transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi mhux skedati, b’mod partikolari:

(a)

biex jakkwistaw informazzjoni rigward kwalunkwe ordnijiet għal sustanzi mhux skedati jew operazzjonijiet li jinvolvuhom;

(b)

li jidħlu fil-bini tan-negozju sabiex jiksbu evidenza ta’ transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu sustanzi mhux skedati.”

(16)

It-titolu tal-Kapitolu V huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ATTI DDELEGATI U TA’ IMPLIMENTAZZJONI”.

(17)

L-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

B’żieda mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 26, il-Kummmissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, fejn meħtieġ, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri biex tiżgura l-monitoraġġ effettiv ta’ kummerċ tal-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tad-disinn u l-użu ta’ formoli għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni u l-importazzjoni, għall-għan tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).”.

(18)

L-Artikolu 29 għandu jitħassar.

(19)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Prekursuri tad-Drogi’. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(******)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(20)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 30a

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b ta’ dan ir-Regolament sabiex tadatta l-Anness tiegħu għal xejriet ġodda fid-devjazzjoni tal-prekursuri tad-drogi, b’mod partikolari sustanzi li jistgħu faċilment jiġu ttrasformati f’sustanzi skedati, u biex issegwi kwalunkwe emenda għat-tabelli fl-Anness għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 30b

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-30 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi bl-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ atti ddelegati diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 11(1) u (3), l-Artikoli 19 u 30a u l-Artikolu 32(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att ikun ġie nnotifikat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jitwal b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(21)

L-Artikolu 32 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 32

1.   L-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru għandhom jikkomunikaw fil-ħin lill-Kummissjoni f’forma elettronika permezz tad-Database Ewropea l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ monitoraġġ stabbiliti f’dan ir-Regolament, partikolarment rigward sustanzi użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi u metodi ta’ devjazzjoni u manifattura illeċita, u l-kummerċ leċitu tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 30b sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tevalwa l-effettività ta’ dan ir-Regolament u, skont l-Artikolu 12 (12) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tfassal rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti sal-31 ta’ Diċembru 2019 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dwar il-possibilità tal-ħtieġa ta’ attività addizzjonali biex jiġu immonitorjati u kkontrollati transazzjonijiet suspettużi b’sustanzi mhux skedati”.

(22)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 32a

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw id-database Ewropea skont il-kundizzjonijiet għall-użu tagħha għall-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 32(1), kif ukoll ir-rappurtaġġ lill-Bord Internazzjonali ta’ Kontroll tan-Narkotiċi skont Artikolu 32(2);

(b)

il-ġestjoni tar-reġistru Ewropew tal-operaturi, li ngħataw liċenzja jew reġistrazzjoni;

(c)

biex l-operaturi ikunu jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni dwar l-esportazzjoni, l-importazzjoni jew attivitajiet intermedjarji tagħhom skont l-Artikolu 9(2), f’forma elettronika.”.

(23)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

1.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandu jsir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******) u taħt is-superviżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva.

2.   L-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, inkluż għall-fini tad-database Ewropea, għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********) u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   L-ebda kategorija speċjali ta’ data fit-tifsira tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE m’għandha tiġi pproċessata għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

4.   Id-data personali miġbura għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tkun ipproċessata ulterjorment b’mod inkonsistenti mad-Direttiva 95/46/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u m’għandhiex tinżamm aktar milli meħtieġ għall-għanijiet li għalihom kienet miġbura.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma għandhomx jipproċessaw data personali b’mod li ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, id-data personali li tinkiseb jew tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament għandha tintuża għall-fini tal-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

(*******)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31)."

(********)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).”."

(24)

Fl-Anness:

(a)

it-titolu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Lista ta’ sustanzi skedati”;

(b)

qabel l-ewwel tabella, jiddaħħal is-subtitolu li ġej:

“Kategorija 1”;

(c)

fil-Kategorija 1, il-Kodiċi NM għan-Norefredina jinbidel b’dan li ġej:

“2939 44 00”;

(d)

fil-Kategorija 1, is-sustanza li ġejja tiżdied mal-lista ta’ sustanzi:

“Alpha-phenylacetoacetonitrile, (Kodiċi NM) 2926 90 95, (Nru CAS) 4468-48-8”;

(e)

tiżdied il-kategorija li ġejja:

“Kategorija 4

Sustanza

Desinjazzjoni NM (jekk hi differenti)

Kodiċi NM

Prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji li fihom l-efedrina jew l-imluħ tagħha

Fihom l-efedrina jew l-imluħ tagħha

3003 40 20

3004 40 20

Prodotti mediċinali u prodotti mediċinali veterinarji li fihom il-psewdoefedrina jew l-imluħ tagħha

Fihom il-psewdoefedrina (INN) jew l-imluħ tagħha

3003 40 30

3004 40 30 .”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2013 għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2013.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).

(4)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.