16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/7


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1155/2013

tal-21 ta’ Awwissu 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi fir-rigward ta’ informazzjoni dwar l-assenza jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jirrikjedi li l-informazzjoni li tista’ tiġi pprovduta minn operaturi tan-negozju tal-ikel ma tqarraqx bil-konsumatur, ma tkunx ambigwa jew toħloq konfużjoni għall-konsumaturi u, fejn ikun il-każ, tkun ibbażata fuq id-data xjentifika rilevanti.

(2)

Skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti għall-każijiet identifikati f’dak il-paragrafu.

(3)

Il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu jipprovdi għall-possibbiltà li l-paragrafu 3 jiġi ssupplimentat billi jiżdied każ speċifiku ieħor li fih il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-rekwiżiti sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu informati b’mod xieraq.

(4)

Persuni li għandhom il-marda coeliac ibatu minn intolleranza permanenti għall-glutina. Il-glutina tista’ tikkawża effetti avversi għal dawk il-persuni u għalhekk għandha tkun assenti jew preżenti f’ammonti baxxi ħafna fid-dieta tagħhom.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 (2) jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi dwar l-assenza jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel. Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 41/2009 mill-20 ta’ Lulju 2016.

(6)

Il-konsumaturi għandhom ikomplu jkunu infurmati b’mod xieraq u ma jiġux imqarrqa jew konfużi meta l-informazzjoni dwar l-assenza jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel tingħata mill-operaturi tan-negozji tal-ikel wara t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 41/2009. Huwa għalhekk meħtieġ li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jiġi emendat sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-informazzjoni dwar l-ikel dwar l-assenza jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel li tista’ tingħata mill-operaturi tan-negozji tal-ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandu jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

informazzjoni dwar l-assenza jew il-preżenza mnaqqsa ta’ glutina fl-ikel.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 tal-20 ta’ Jannar 2009 li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina (ĠU L 16, 21.1.2009, p. 3).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).