14.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1143/2013

tat-13 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità b’mod partikolari biex tiġi elenkata pjattaforma tal-irkant li għandha tiġi maħtura mill-Ġermanja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri li mhumiex qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif stipulat fl-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2), jistgħu jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess għall-irkantar tas-sehem tagħhom tal-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, il-ħatra ta’ dawn il-pjattaformi tal-irkant hija soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li ma tipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif stipulat fl-Artikolu 26(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, u li taħtar pjattaforma tal-irkant tagħha.

(3)

Fil-15 ta’ Marzu 2013, il-Ġermanja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li taħtar lill-European Energy Exchange AG (“EEX”) bħala pjattaforma tal-irkant kif jissemma fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, lill-Kummissjoni.

(4)

Fl-20 ta’ Marzu 2013, il-Ġermanja ppreżentat in-notifika lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto (3).

(5)

Biex ikun żgurat li l-ħatra proposta tal-EEX bħala pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament u konformi mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, jeħtieġ li jiġu imposti għadd ta’ kundizzjonijiet u obbligi fuq l-EEX.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 35(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, pjattaforma tal-irkant maħtura hija meħtieġa biex tipprovdi aċċess sħiħ, ġust u ekwu għall-offerti fl-irkanti għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u aċċess biex jagħmlu offerti fl-rkantijiet għall-emittenti ż-żgħar. Biex tiżgura dan, l-EEX għandha tipprovdi lil dawn l-SMEs u lill-emittenti ż-żgħar informazzjoni trasparenti, komprensiva u aġġornata, dwar il-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-irkanti imwettqa mill-EEX għall-Ġermanja inkluż il-gwida prattika kollha meħtieġa dwar kif tagħmel l-aħjar użu minn dawn il-possibbiltajiet. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli pubblikament fuq il-paġna web tal-EEX. Barra minn hekk, l-EEX għandha tirrapporta lis-sorveljatur tal-irkant biex tiġi maħtura, kif stipulat fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 dwar il-kopertura miksuba, inkluż dwar il-livell ta’ kopertura ġeografika miksuba u tqis sew ir-rakkomandazzjonijiet tas-sorveljatur tal-irkant f’dan ir-rigward biex tiżgura li tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 35(3)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Skont l-Artikolu 35(3)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, meta jaħtru pjattaforma tal-irkant, l-Istati Membri jridu jqisu safejn il-pjattaforma tal-irkant kandidata hija kapaċi tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, inkluż is-suq tal-karbonju. B’mod partikolari, pjattaforma tal-irkant ma għandhiex tkun tista’ tuża l-kuntratt tal-ħatra biex tieħu vantaġġ fuq il-kompetittività tal-attivitajiet l-oħra tagħha, notevolment fis-suq sekondarju li torganizza. Pjattaforma tal-irkant għandha tagħti l-għażla lil min ikun kandidat biex jagħmel l-offerti fl-irkanti li jitħallew jagħmlu l-offerti fl-irkanti mingħajr ma jkollhom isiru membri tal-iskambju jew parteċipanti fis-suq sekondarju organizzat minnha jew ta’ kwalunkwe post tan-negozjar imħaddem minnha jew minn parti terza.

(8)

Skont l-Artikolu 35(3)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010, meta jaħtru pjattaforma tal-irkant, l-Istati Membri jridu jqisu l-limitu safejn ikunu pprovduti miżuri adegwati biex jesiġu li pjattaforma tal-irkant tittrasferixxi l-assi kollha tanġibbli u mhux tanġibbli meħtieġa għat-tmexxija tal-irkanti minn suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant. Miżuri ta’ dan it-tip għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u f’waqthom fi strateġija ta’ ħruġ li għandha tiġi riveduta mis-sorveljatur tal-irkant. Mhux biss l-EEX maħtura mill-Ġermanja, iżda l-pjattaformi kollha tal-irkant għandhom jiżviluppaw strateġija ta’ ħruġ bħal din u jqisu sew l-opinjoni dwarha tas-sorveljatur tal-irkant.

(9)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 dwar il-proċeduri tal-akkwist għall-ħatra ta’ pjattaformi tal-irkant u tas-sorveljatur tal-irkant, u dwar it-tmexxija tal-irkanti, għandhom jiġu emendati.

(10)

Minħabba li l-kwoti jridu jitwasslu fi żmien ħamest ijiem wara l-irkant, u minħabba li dawn il-kwoti stess jistgħu jiġu nnegozjati, ma hemmx għalfejn li l-prodott irkantat ikun negozjabbli.

(11)

Xi drabi jkun hemm il-ħtieġa li pjattaforma tal-irkant ikollha tikkonsulta lis-sorveljatur tal-irkant. Tweġiba għal dawn il-konsulti, tfisser responsabbiltà u obbligazzjoni għas-sorveljatur tal-irkant. Biex jittaffew din ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni, b’mod partikolari f’każi ta’ urġenza, il-pjattaforma tal-irkant li tkun qed tikkonsulta għandha titħalla tipproċedi bil-miżura maħsuba anki qabel ma tikseb l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant. L-obbligu fuq il-pjattaforma tal-irkant biex tqis sew l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant, fejn din tingħata, għandu jibqa’.

(12)

Għandha tiġi riveduta wkoll id-determinazzjoni tal-kalendarji tal-irkanti. L-ewwel nett, la hu prattikabbli, u l-anqas mhu neċessarju li l-kalendarji tal-irkanti jiġu deċiżi daqshekk kmieni, jiġifieri fi Frar u f’Marzu tas-sena ta’ qabel. It-tieni, il-volumi li se jiġu rkantati f’Awwissu għandhom ikunu n-nofs tal-volumi li jiġu rkantati f’xhur oħrajn, u dan jista’ jsir billi jkun hemm inqas irkanti, kif ukoll billi jiġu rkantati volumi iżgħar. It-tielet, l-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE jiddetermina l-volumi u s-sehem tal-Istati Membri tal-kwoti tal-avjazzjoni li għandhom jiġu rkantati u d-dispożizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 dwar il-volum annwali ta’ kwoti tal-avjazzjoni li għandhom jiġu rkantati għandha tqis l-inċertezzi ta’ xi wħud mill-fatturi sekondarji li jiddeterminaw dawn il-volumi u l-ishma. Barra minn hekk, minħabba l-inċertezza dwar ir-riżultat tan-negozjati interni, hija ġustifikata ċerta flessibbiltà akbar fil-firxa tal-volum tal-kwoti tal-avjazzjoni li jridu jiġu rkantati tul sena kalendarja. Ir-raba’ punt, f’każ ta’ kanċellazzjonijiet konsekuttivi, il-kwoti għandhom jinfirxu fuq aktar mill-erba’ rkantijiet skedati li ġejjin. Fl-aħħar nett, għandhom jiżdiedu d-dispożizzjonijiet fejn għandu x’jaqsam mal-kalendarju tal-irkanti għall-irkanti mill-pjattaforma tal-irkant komuni għal Stat Membru li ddeċieda li ma jeħux sehem fl-irkant, iżda li jrid juża l-pjattaformi tal-irkant komuni sakemm tiġi maħtura l-pjattaforma tal-irkant tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet iridu jirriflettu d-dispożizzjoni dwar il-kalendarji tal-irkanti li għandhom jiġu deċiżi mill-pjattaformi tal-irkant maħtura minn dawn l-Istati Membri.

(13)

Il-permess tad-dħul fl-irkanti ma għandhiex tiddipendi fuq li wieħed isir membru tas-suq sekondarju, jew li jieħu sehem fis-suq sekondarju, organizzat mill-pjattaforma tal-irkant jew ta’ kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat mill-pjattaforma jew minn kwalunkwe parti terza. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għal kull pjattaforma tal-irkant u mhux biss għal dawk maħtura mill-Istati Membri li ma jkunux qed jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta għall-akkwist ta’ pjattaformi tal-irkant komuni.

(14)

Pjattaforma tal-irkant tista’ toffri mezz alternattiv wieħed jew aktar għall-aċċess għall-irkanti tagħha, jekk il-mezz ewlieni ta’ aċċess ikun inaċċessibbli għal xi raġuni jew oħra, sakemm dawk il-mezzi alternattivi ta’ aċċess ikunu siguri u affidabbli u l-użu tagħhom ma jwassalx għal xi diskrimazzjoni fost l-offerenti. Biex ma jkunx hemm dubju, għandu jiġi ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jkunu jeħtieġu pjattaforma tal-irkant biex joffru dawn il-mezzi alternattivi.

(15)

L-implimentazzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-Istati Membri li jiżvelaw l-informazzjoni privileġġata lil persuni li jkunu qegħdin jaħdmu ma’ rkantatur tista’ ma tkunx prattikabbli, jew ikollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza fil-ħidma tal-irkantatur maħtur jew ta’ nies li jaħdmu miegħu. L-irkantaturi għandhom biss rwol limitat fil-mod kif jiżvolġu l-irkanti u teżisti medda ta’ miżuri biex jittaffew ir-riskji ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, li jinkludu miżuri li jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn l-irkantatur jew nies li jaħdmu miegħu jkollhom aċċess għal informazzjoni privileġġata. F’dan il-kuntest, projbizzjoni totali tkun sproporzjonata. B’danakollu, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jiżguraw li rkantatur maħtur ikollu l-miżuri xierqa stabbiliti biex jevitaw l-abbuż minn informazzjoni privileġġata qabel ma jiżvelaw din l-informazzjoni privileġġata.

(16)

In-notifika minn Stat Membru li ma jieħux sehem fl-azzjoni konġunta tal-akkwist ta’ pjattaformi tal-irkant komuni tal-pjattaforma tal-irkant li biħsiebu jaħtar ma jistax ikun fiha l-kalendarju sħiħ tal-irkanti, iżda għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti għall-koordinazzjoni ta’ kalendarji tal-irkanti fi stadju aktar ‘il quddiem.

(17)

Ir-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandha tibbenefika mir-rapport tas-sorveljatur tal-irkant dwar l-irkant imwettaq fl-2014, li huwa mistenni li jitressaq fil-bidu tas-sena ta’ wara.

(18)

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jistipula li pjattaforma tal-irkant trid tkun suq irregolat. Biex l-esperjenza rilevanti u l-għarfien espert jagħtu l-frott, u jittaffew ir-riskji waqt it-twettiq tal-irkanti, jixraq li jiġi ċċarat li dan għandu jkun suq irregolat, li l-operatur tiegħu jorganizza suq tal-kwoti jew ta’ derivattivi tal-kwoti.

(19)

Billi s-sorveljatur tal-irkant jista’ jitħallas mill-introjtu tal-irkant, tista’ tkun ħaġa tajba li pjattaforma tal-irkant taġixxi bħala aġent tal-ħlas għall-ispejjeż tas-sorveljatur tal-irkant.

(20)

Proċedura tal-akkwisti ristretta għall-ħatra tas-sorveljatur tal-irkant ma wasslitx għal kuntratt billi ma kien hemm ebda kandidati li ressqu talba biex jieħdu sehem f’dan l-akkwist konġunt. Proċedura ġdida jkollha tindirizza kwistjonijiet kumplessi, pereżempju dwar l-għażla tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, is-sura tal-kuntratt, u d-deskrizzjoni preċiża tal-kompiti, dawn jieħdu ż-żmien biex jiġu riżolkti. Iżda n-nuqqas ta’ sorveljatur tal-irkant ma jagħmilx riskju daqshekk kbir għat-tmexxija tal-irkanti tant li dawn ikollhom jieqfu sakemm jinħatar is-sorveljatur.

(21)

Pjattaforma tal-irkant tista tippermetti t-tressiq ta’ applikazzjoni elettronika biex wieħed jagħmel l-offerti, iżda għandha tkun permessa wkoll li titlob dawn l-offerti f’forma ta’ dokument fuq il-karta.

(22)

Jekk il-pjattaforma tal-irkant maħtura minn Stat Membru li ma jkunx qed jieħu sehem fl-azzjoni konġunta għall-akkwist ta’ pjattaformi tal-irkanti komuni ma jkunx jista’ jagħmel irkanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrikorri għall-pjattaforma tal-irkant komuni biex jirkanta s-sehem tiegħu fil-volum ta’ kwoti li se jiġu rkantati. Għandu jiġi ċċarat li l-arranġamenti bejn il-pjattaforma tal-irkant komuni u l-irkantaturi maħtura minn dawk l-Istati Membri jridu jkunu stabbiliti qabel ma jsir dan l-irkantar fuq pjattaforma tal-irkant komuni, iżda mhux aktar kmieni minn hekk.

(23)

Il-pjattaformi tal-irkanti kollha għandhom jiddeċiedu dwar strateġija ta’ ħruġ u jikkonsultaw mas-sorveljatur tal-irkant dwar dan. Dan l-obbligu ma għandux japplika esklussivament għall-pjattaformi tal-irkant maħtura mill-Istati Membri li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta għall-ħatra ta’ pjattaformi tal-irkant komuni.

(24)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

(25)

Il-kuntratt bejn il-Ġermanja u l-EEX fil-kapaċità tagħha ta’ pjattaforma tal-irkant tal-esklużjoni fakultattiva transizzjonali tiskadi f’Diċembru 2013. Biex ikunu żgurati rkantijiet mill-EEX prevedibbli u f’waqthom, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(26)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-kwoti għandhom ikunu offruti għall-bejgħ fuq pjattaforma tal-irkant permezz ta’ kuntratti elettroniċi standardizzati nnegozjati f’dik il-pjattaforma tal-irkant (‘il-prodott irkantat’).”

(2)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 7 u 8 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“7.   Qabel jibda rkant, il-pjattaforma tal-irkant għandha tiddetermina l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6, wara li tikkonsulta mas-sorveljatur tal-irkant, jekk dan ikun inħatar, u tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 56.

Bejn żewġ perjodi għall-offerti fuq l-istess pjattaforma tal-irkant, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata tista’ timmodifika l-metodoloġija. Din għandha tavża lis-sorveljatur tal-irkant, jekk dan ikun inħatar, u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 56, mingħajr dewmien.

Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tqis sewwa ħafna l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant, fejn din tkun mogħtija.

8.   Fejn jiġi kkanċellat irkant wieħed jew aktar skont il-paragrafi 5 jew 6 konsekuttivament, il-volum ikkombinat tal-kwoti ta’ dawk l-irkanti għandu jitqassam b’mod ugwali fost l-irkanti skedati li jkun imiss għal fuq l-istess pjattaforma tal-irkant.

Fil-każ ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE l-għadd ta’ rkantijiet li fuqhom irid jitqassam il-volum ikkombinat li għandu jiġi rkantat għandu jkun erba’ darbiet daqs l-għadd ta’ rkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati.

Fil-każ ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE l-għadd ta’ rkantijiet li fuqhom irid jitqassam il-volum ikkombinat li għandu jiġi rkantat għandu jkun darbtejn l-għadd ta’ rkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati.”

(3)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, kull pjattaforma tal-irkant tista’, wara li tikkonsulta mas-sorveljatur tal-irkant u tikseb l-opinjoni tiegħu dwar dan, tibdel il-ħinijiet ta’ kwalunkwe perjodu għall-offerti, billi tavża lill-persuni kollha li x’aktarx jintlaqtu. Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tqis sewwa ħafna l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant, fejn din tkun mogħtija.”

(b)

il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li għandu jiġi rkantat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) għandu jitqassam b’mod ugwali bejn l-irkanti li jsiru f’sena partikolari, ħlief li volumi rkantati f’Awwissu ta’ kull sena għandhom ikunu n-nofs tal-volum irkantat f’irkanti li jsiru f’xhur oħra tas-sena.

Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li għandu jiġi rkantat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) fil-prinċipju għandu jitqassam b’mod ugwali fost l-irkanti li jsiru f’sena partikolari, ħlief li volumi rkantati li jsiru f’Awwissu ta’ kull sena għandhom ikunu n-nofs tal-volum irkantat f’irkanti li jsiru f’xhur oħra tas-sena.”

(4)

L-Artikolu 9 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Ċirkustanzi li ma jħallux rkantijiet isiru

Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli msemmijin fl-Artikolu 58 fejn xieraq, pjattaforma tal-irkant tista’ tikkanċella rkant li t-tmexxija tajba tiegħu tiġi mfixxkla jew x’aktarx li se tiġi mfixkla. Fejn jiġi kkanċellat irkant wieħed jew aktar konsekuttivament, il-volum ikkombinat tal-kwoti rkantati għandu jitqassam b’mod ugwali fost l-irkanti skedati li jkun imiss għal fuq l-istess pjattaforma tal-irkant.

Fil-każ ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE l-għadd ta’ rkantijiet li fuqhom irid jitqassam il-volum ikkombinat li għandu jiġi rkantat għandu jkun erba’ darbiet daqs l-għadd ta’ rkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati.

Fil-każ ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE l-għadd ta’ rkantijiet li fuqhom irid jitqassam il-volum ikkombinat li għandu jiġi rkantat għandu jkun darbtejn l-għadd ta’ rkantijiet li jkunu ġew ikkanċellati konsekuttivament.”

(5)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkanti, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u l-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jkollhom jiġu rkantati f’irkanti individwali kull sena kalendarja, sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel, jew malajr kemm jista’ jkun prattikabbli minn dakinhar ‘il quddiem, ladarba qabel ikunu kkonsultaw mal-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwar dan. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom iqisu bl-akbar attenzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni.”

(b)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kalendarju għal irkanti individwali ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE mmexxijin minn pjattaforma tal-irkant, barra mill-pjattaformi tal-irkanti maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi ddeterminat u ppubblikat skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 32 għandu japplika wkoll rigward l-irkanti immexxija skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 30(7) mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2).”

(6)

L-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-volumi annwali ta’ kwoti rkantati koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE

1.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom jiġu rkantati kull sena għandu jkun ta’ 15 % tal-volum mistenni ta’ dawk il-kwoti li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni għal dik is-sena. Fejn il-volum irkantat f’sena partikolari jkun madwar 15 % tal-volum li jkun realment iddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni għal dik is-sena, il-volum li jkun irid jiġi rkantat fis-sena ta’ wara għandu jikkoreġi d-differenza. Jekk ikun hemm kwoti li ma jkunux għadhom ġew irkantati wara l-aħħar sena ta’ perjodu ta’ negozjar għandhom jiġu rkantati fl-ewwel erba’ xhur tas-sena ta’ wara.

Il-volum ta’ kwoti li għandu jkun irkantat fl-aħħar sena ta’ kull perjodu ta’ negozjar, għandhom jitqiesu l-kwoti li jifdal fir-riżerva speċjali msemmija fl-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Għal kull sena kalendarja f’perjodu ta’ negozjar partikolari, kull sehem tal-kwoti ta’ Stat Membru li għandhom jiġu rkantati, koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun iddeterminat skont l-Artikolu 3d(3) ta’ dik id-Direttiva.”

(7)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Mill-2013 ’il quddiem, il-pjattaformi tal-irkanijiet maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom fil-prinċipju jiddeterminaw u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkanti, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u l-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li jkollhom ikunu rkantati f’irkanti individwali għal kull sena kalendarja, sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel, jew malajr kemm jista’ jkun prattikabbli minn dakinhar ‘il quddiem, wara li qabel ikunu kkonsultaw mal-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwar dan. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom iqisu bl-akbar attenzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni.”

(b)

fil-paragrafu 4, għandu jiżdied it-tieni sottoparagrafu li ġej:

“L-Artikolu 32 għandu japplika wkoll rigward l-irkanti immexxija skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 30(7) mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2).”

(8)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Il-permess tad-dħul fl-irkanti ma għandhiex tiddipendi fuq li wieħed isir membru tas-suq sekondarju, jew li jieħu sehem fis-suq sekondarju, organizzat mill-pjattaforma tal-irkant jew ta’ kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat mill-pjattaforma jew minn kwalunkwe parti terza.”

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Pjattaforma tal-irkant tista’ toffri, u l-Istati Membri jistgħu jitolbu, mezz alternattiv wieħed jew aktar għal aċċess għall-irkanti tagħha, jekk il-mezz ewlieni ta’ aċċess ikun inaċċessibbli għal xi raġuni jew oħra, sakemm dawk il-mezzi alternattivi ta’ aċċess ikunu siguri u affidabbli u l-użu tagħhom ma jwassalx għal xi diskrimazzjoni fost l-offerenti.”

(9)

Fl-Artikolu 18(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li jkollu kont ta’ depożitu ta’ operatur, li jressaq l-offerti f’ismu, u dan jinkludi kull impriża prinċipali, impriża sussidjarja jew impriża affiljata li tifforma parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħala l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru;”

(10)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Applikazzjoni għall-ammissjoni għal offerta magħmula skont il-paragrafu 1 għandha ssir billi titressaq applikazzjoni mimlija lill-pjattaforma tal-irkant. Il-formola tal-applikazzjoni u l-aċċess għaliha permezz tal-Internet għandhom ikunu pprovduti u miżmuma tajjeb mill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata.”

(11)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Għall-Istati Membri li ma jkunux qed jipparteċipaw f’azzjonijiet konġunti kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2), l-irkantatur għandu jinħatar mill-Istat Membru li qed jaħtru, biex jiġu konklużi u implimentati l-arranġamenti meħtieġa ma’ dawn il-pjattaformi tal-irkanti maħtura skont l-Artikolu 26(1) u (2), inkluż kull sistema tal-ikklirjar u sistema tas-saldu konnessa magħhom, biex jippermetti lill-irkantatur jirkanta l-kwoti f’isem l-Istat Membru li qed jaħtru fil-pjattaformi tal-irkantar skont termini u kundizzjonijiet miftiehma reċiprokament, skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 30(7) u tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 30(8).”

(b)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni privileġġata ma’ persuni li jaħdmu mal-irkantatur sakemm il-perdsuna li tkun qed taħdem għall-Istat Membru jew taġixxi f’ismu ma tagħtix din l-informazzjoni fuq bażi ta’ ħtieġa għall-informazzjoni, b’mod normali waqt l-eżerċizzju tax-xogħol, tal-professjoni jew tal-kompiti tagħhom normali ta’ kuljum, u l-Istat Membru kkonċernat ikun sodisfatt li l-irkantatur ikollu stabbiliti l-miżuri xierqa biex jevita l-abbuż minn informazzjoni privileġġata fit-tifsira tal-Artikolu 3(28) jew kif ipprojbit bl-Artikolu 38, minn kull persuna li taħdem ma’ rkantatur, minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 42(1) u (2).”

(12)

Fl-Artikolu 24(1), it-tielet sottoparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn ikun hemm raġunijiet ta’ force majeure li jwaqqfu lis-sorveljatur tal-irkant milli jwettaq il-kompiti tiegħu, jew kollha jew parti minnhom, fir-rigward ta’ rkant partikolari, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata tista’ tiddeċiedi li tmexxi dak l-irkant sakemm din tieħu l-passi xierqa biex tiżgura monitoraġġ xieraq ta’ dan l-irkant. Dan għandu japplika wkoll sal-mument li l-ewwel sorveljatur tal-irkant maħtur skont il-paragrafu 2 jibda jissorvelja l-irkanti kkonċernati, kif speċifikat b’mod aktar iddettaljat fil-kuntratt tal-ħatra tiegħu.”

(13)

Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej.

“6.   Is-sorveljatur tal-irkant għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu skont l-Artikoli 7(7), 8(3), 27(3) u 31(1) u kif stipulat fl-Anness III. L-opinjonijiet għandhom jingħataw f’limitu ta’ żmien raġjonevoli.”

(14)

Fl-Artikolu 27, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-ħatra tagħha, il-pjattaforma tal-irkant għandha tressaq l-istrateġija tal-ħruġ iddettaljata tagħha lill-Kummissjoni, li mbagħad tikkonsulta mas-sorveljatur tal-irkant dwarha. Fi żmien xahrejn mid-data li tirċievi l-opinjoni tas-sorveljatur tal-irkant skont l-Artikolu 25(6), il-pjattaforma tal-irkant għandha tanalizza, u, fejn ikun meħtieġ, temenda, l-istrateġija tal-ħruġ tagħha, filwaqt li tqis sew dik l-opinjoni.”

(15)

Fl-Artikolu 30(6), il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

il-prodott irkantat u kull informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kalendarju tal-irkanti maħsub huwiex kompatibbli ma’ kull kalendarju tal-irkanti kurrenti jew maħsub tal-pjattaformi tal-irkanti maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew (2), kif ukoll ma’ kalendarji oħrajn tal-irkanti proposti minn Stati Membri oħra li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta stipulata fl-Artikolu 26, iżda li jagħżlu li jaħtru l-pjattaformi tal-irkanti tagħhom;”

(16)

Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Kull pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) għandha taqdi l-istess funzjonijiet bħall-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) kif stipulat fl-Artikolu 27.

B’danakollu, pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) għandha tkun eżentata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(c) u għandha tressaq l-istrateġija tal-ħruġ imsemmija fl-Artikolu 27(3) lill-Istat Membru li jkun ħatarha, li jrid jikkonsulta mas-sorveljatur tal-irkant dwarha.”

(17)

Fl-Artikolu 32(4), l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-pjattaformi tal-irkanti maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkanti, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE, li għandhom jiġu rkantati f’irkanti individwali kull sena, sal-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel, jew malajr kemm jista’ jkun prattikabbli minn dakinhar ‘il quddiem. Il-pjattaformi tal-irkant konċernati għandhom jagħmlu d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni skont l-Artikoli 11(1) u 13(1) ta’ dan ir-Regolament mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament, sakemm tali pjattaforma tal-irkant ma tkunx għadha ġiet maħtura. Il-pjattaformi tal-irkant konċernati għandhom jagħmlu d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara li jkunu kkonsultaw il-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwarhom. Il-pjattaformi tal-irkanti ikkonċernati għandhom iqisu bl-akbar attenzjoni l-opinjoni tal-Kummissjoni.”

(18)

Fl-Artikolu 33, l-ewwel sottoparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Malli s-sorveljatur tal-irkant jibgħat ir-rapport ikkonsolidat annwali dwar l-irkanti li jkunu twettqu fl-2014, il-Kummissjoni għandha teżamina l-arranġamenti stipulati f’dan ir-Regolament, inkluż l-operat tal-proċessi kollha tal-irkantar.”

(19)

Fl-Artikolu 35, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-irkanti għandhom jitwettqu biss fi pjattaforma tal-irkant awtorizzata bħala suq irregolat li l-operatur tiegħu jorganizza suq tal-kwoti jew tad-derivattivi tal-kwoti.”

(20)

Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Pjattaforma tal-irkant inkluż is-sistema jew is-sistemi tal-ikklirjar jew is-sistema jew sistemi tas-saldu konnessa jew konnessi magħha, għandha tittrasferixxi l-pagamenti mħallsa mill-offerenti jew mis-suċċessuri tagħhom fit-titolu li joriġinaw mill-irkantar tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II u III tad-Direttiva 2003/87/KE lill-irkantaturi li jkunu rkantaw il-kwoti inkwistjoni, ħlief kull ammont li għalih tkun mitluba biex taġixxi bħala aġent tal-ħlas rigward is-sorveljatur tal-irkant.”

(21)

L-Anness III huwa emendat skont it-test li jidher fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.


ANNESS

It-Tabella fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 hija emendata kif ġej:

Fil-parti 1, wara l-isem tal-pjattaforma tal-irkant maħtura mill-Ġermanja, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“Il-bażi legali

l-Artikolu 30(2)”

Fil-parti 2, wara l-isem tal-pjattaforma tal-irkant maħtura mir-Renju Unit, tiżdied ir-ringiela li ġejja:

 

“Il-bażi legali

l-Artikolu 30(1)”

Tiżdied il-Parti 3 li ġejja:

Pjattaformi tal-irkant maħtura mill-Ġermanja

3.

Pjattaforma tal-irkant

European Energy Exchange AG (EEX)

 

Il-bażi legali

l-Artikolu 30(1)

 

Tul-ta’ żmien tal-ħatra

L-aktar kmieni mill-15 ta’ Novembru 2013 sal-aktar tard l-14 ta’ Novembru 2018, mingħajr ħsara lit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 30(5).

 

Kundizzjonijiet

L-ammissjoni fl-irkanti ma għandhiex tkun dipendenti fuq li wieħed isir membru ta’ jew parteċipant fis-suq sekondarju organizzat mill-EEX jew ta’ kwalunkwe post tal-kummerċ ieħor operat mill-EEX jew minn kwalunkwe parti terza.

 

Obbligi

1.

Fi żmien xahrejn mill-15 ta’ Novembru 2013, l-EEX għandha tressaq l-istrateġija tal-ħruġ tagħha lill-Ġermanja għall-konsultazzjoni mas-sorveljatur tal-irkant. L-istrateġija tal-ħruġ għandha tkun mingħajr ħsara għall-obbligi fuq l-EEX skont il-kuntratt mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, konkluż skont l-Artikolu 26 u għad-drittijiet tal-Kummissjoni u ta’ dawk l-Istati Membri f’dak il-kuntratt.

2.

L-EEX għandha tikkompila u żżomm fil-paġna tagħha fuq l-Internet, lista komprensiva u aġġornata tal-membri ammessi biex jagħmlu l-offerti li għandhom liċenzja biex jagħmlu l-offerti f’isem l-SMEs u emittenti żgħar, flimkien ma’ gwida prattika u li tinftiehem faċilment li tinforma lill-SMEs u lill-emittenti żgħar dwar il-passi li jridu jieħdu biex jaċċessaw l-irkanti permezz ta’ dawn il-membri.

3.

Fi żmien sitt xhur wara l-bidu tal-irkanti jew xaħrejn wara l-ħatra tas-sorveljatur tal-irkant, liema jiġi l-aħħar, l-EEX għandha tirrapporta dwar il-kopertura miksuba, inkluż il-livell tal-kopertura ġeografika, lis-sorveljatur tal-irkant, u tqis bl-akbar attenzjoni r-rakkomandazzjonijiet tas-sorveljatur tal-irkant dwar dan biex tiżgura li tkun qed tissodisfa l-obbligi kollha tagħha skont l-Artikolu 35(3)(a) u (b).

4.

Il-Ġermanja għandha tavża lill-Kummissjoni dwar kull tibdil sostantiv fir-relazzjonijiet kuntrattwali rilevanti mal-EEX li ġew innotifikati lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Marzu 2013 u li ġew ikkomunitati lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima fl-20 ta’ Marzu 2013.”