24.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/46


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1019/2013

tat-23 ta’ Ottubru 2013

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward l-istamina fi prodotti tas-sajd

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, (1) u partikolarment l-Artikoli 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (2) jistipula kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li jridu jkunu konformi magħhom l-operaturi tan-negozju tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali u speċifiċi ta’ iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004. B’mod partikolari, huwa jipprevedi kriterji ta’ sikurezza tal-ikel għall-istamina u pjanijiet ta’ kampjunar għal prodotti tas-sajd minn speċi ta’ ħut li huma assoċjati ma’ ammont għoli ta’ istidina.

(2)

Zalza tal-ħut prodotta bil-fermentazzjoni hija prodott likwidu tas-sajd. Il-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius (3) stabbiliet il-livelli massimi rakkomandati ġodda ta’ istamina f’tali zalza tal-ħut li huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Dik ir-Rakkomandazzjoni hija skont l-informazzjoni dwar id-dejta ta’ esponiment tal-konsumatur ppreżentata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) fl-opinjoni xjentifika tagħha dwar kontroll imsejjes fuq il-valutazzjoni tar-riskji ta’ formazzjoni amini bijoġeniċi f’ikel iffermentat (4).

(3)

Billi z-zalza tal-ħut hija prodott tas-sajd likwidu, jista’ jkun mistenni li l-istamina titqassam b’mod indaqs. Il-pjan għat-teħid tal-kampjuni jista’ għalhekk ikun aktar sempliċi milli għal prodotti tas-sajd li jseħħu f’forma oħra.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit kriterju tas-sikurezza tal-ikel separat għal zalza tal-ħut prodotta permezz ta’ fermentazzjoni ta’ prodotti tas-sajd sabiex il-kriterju jiġi allinjat mal-istandard il-ġdid tal-Codex Alimentarius u l-opinjoni tal-EFSA. In-nota ta’ qiegħ il-paġna (2) għandha tiġi emendata wkoll.

(5)

Il-pjan normali għat-teħid tal-kampjuni għall-preżenza tal-istamina fil-prodotti tas-sajd jikkonsisti minn disa’ kampjuni li jeħtieġu ħafna materjal tal-kampjuni. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 i tas-sikurezza tal-ikel 1.26 għall-prodotti tas-sajd tiddikjara li jistgħu jittieħdu kampjuni individwali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. F’dawn il-każijiet, il-grupp kollu m’għandux jitqies mhux sikur minħabba riżultat ta’ kampjun wieħed. Madankollu, jekk wieħed mid-disa’ kampjuni analizzati jinstab li jkun ‘il fuq minn M il-grupp kollu għandu jitqies mhux sikur. Dan għandu jkun ukoll il-każ meta kampjuni singoli jinstabu li jkunu ogħla minn M. Konsegwentement, huwa xieraq li n-nota ta’ qiegħ il-paġna (18) tiġi emendata. In-nota ta’ qiegħ il-paġna (18) għandha tiġi applikata wkoll għaż-żewġ kriterji tas-sikurezza tal-ikel 1.26 u 1.27.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

(3)  Il-Codex Alimentarius standard għal Zalza tal-Ħut (CODEX STAN 302 – 2011).

(4)  The EFSA Journal 2011; 9(10):2393.


ANNESS

Il-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Ir-ringiela 1.27 tinbidel b’dan li ġej:

“1.27

Prodotti tas-sajd, ħlief dawk fil-kategorija tal-ikel 1.27a, li kellhom trattament ta’ maturazzjoni tal-enżimi fl-imluħa, immanifatturati minn speċi ta’ ħut li huma assoċjati ma’ ammont għoli ta’ istidina (17)

Istamina

9 (18)

2

200  mg/kg

400  mg/kg

HPLC (19)

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta’ żmien ta’ skadenza tagħhom”

(2)

Ir-ringiela 1.27 a li ġejja, hi miżjuda:

“1.27a

Zalza tal-ħut prodotta permezz ta’ fermentazzjoni ta’ prodotti tas-sajd

Istamina

1

400  mg/kg

HPLC (19)

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta’ żmien ta’ skadenza tagħhom”

(3)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tinbidel b’dan li ġej:

“(2)

Għall-punti 1.1-1.25, 1.27a u 1.28 m = M.”

(4)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 tinbidel b’dan li ġej:

“(18)

Kampjuni individwali jistgħu jittieħdu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. F’każ bħal dan is-suppożizzjoni stipulata fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, li skontha l-grupp kollu għandu jitqies mhux sikur, ma għandhiex tapplika, sakemm ir-riżultat ma jkunx ogħla minn M.”

(5)

Taħt l-intestatura “Interpretazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar” l-aħħar paragrafu tat-test li għandu x’jaqsam mal-Istamina fi prodotti tas-sajd jinbidel b’dan li ġej:

“Istamina fi prodotti tas-sajd:

 

Istamina fi prodotti tas-sajd minn speċijiet tal-ħut assoċjati ma’ ammont għoli tal-istidina ħlief għal zalza tal-ħut prodotta permezz ta’ fermentazzjoni ta’ prodotti tas-sajd:

sodisfaċenti, jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

1.

il-valur medju osservat ikun ≤ m

2.

massimu ta’ valuri c/n osservati jkunu bejn m u M

3.

l-ebda valur osservat ma jeċċedi l-limitu ta’ M,

mhux sodisfaċenti, jekk il-valur medju osservat jeċċedi m jew iktar mill-valuri c/n jkunu bejn m u M jew wieħed jew iktar mill-valuri osservati jkun/u > M.

 

L-istamina fiz-zalza ħut prodotta permezz ta’ fermentazzjoni ta’ prodotti tas-sajd

sodisfaċenti, jekk il-valur osservat ikun ≤ mil-limitu,

sodisfaċenti, jekk il-valur osservat ikun > mil-limitu.”