12.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 973/2013

tal-10 ta’ Ottubru 2013

li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni għal isem imdaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Nürnberger Bratwürste/Nürnberger Rostbratwürste (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni mill-Ġermanja għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni għall-indikazzjoni ġeografika protetta “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1257/2003 (2).

(2)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-emenda fid-deskrizzjoni tal-prodott.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda inkwistjoni u ddeċidiet li hija ġustifikata. Billi l-emenda hija minuri, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura stabbilita fl-Artikoli 50 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni għall-indikazzjoni ġeografika protetta “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” hija b’dan emendata skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II ta’ dan ir-Regolament fih id-Dokument Uniku konsolidat li jistabbilixxi l-punti ewlenin tal-ispeċifikazzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 177, 16.7.2003, p. 3.


ANNESS I

L-emenda li ġejja fl-ispeċifikazzjoni għall-indikazzjoni ġeografika protetta “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” ġiet approvata:

It-test li ġej għandu jiżdied mad-deskrizzjoni tal-kompożizzjoni wara “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi”: Laħam xaħmi, partikolarment majjal taż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar u xaħam tad-dahar.

1.

Il-ħtieġa għall-emenda nqalgħet b’riżultat tar-regoli l-ġodda b’rabta mat-tikkettar tal-ingredjenti ta’ oġġetti tal-ikel (Dikjarazzjoni Kwantitattiva tal-Ingredjenti – QUID) introdotti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/101/KE tas-26 ta’ Novembru 2001 li temenda d-Direttiva dwar it-Tikkettar, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel. L-Anness I tad-Direttiva dwar it-Tikkettar issa jistipula li ingredjent jista’ jkun deskritt bħala “...-laħam” biss jekk ma jaqbiżx kontenut ta’ xaħam u ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi kif speċifikati. Għal-laħam tal-majjal, il-kontenut ta’ xaħam ma għandhux jaqbeż 30 % u l-kontenut ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi 25 %. Ingredjent li jaqbeż dan il-valur ta’ limitu għandu jkun deskritt bħala ‘laħam xaħmi’ pereżempju.

Ir-riċetta ta’ “Nürnberger Bratwürste/“Nürnberger Rostbratwürste” tippermetti kontenut ta’ xaħam ta’ aktar minn 30 %. L-ispeċifikazzjoni pprovdiet biss għal “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi”. Skont ir-rekwiżit ta’ QUID, il-kontenut ogħla ta’ xaħam issa għandu jkun indikat fuq l-imballaġġ skont is-Sezzjoni 3(1), Nru 3 tal-Ordni dwar it-Tikkettar ta’ Oġġetti tal-Ikel (Lebensmittel-Kennzeichnungsverordnung (LMKV)). Din l-emenda għal-LMKV skont id-Direttiva ma kinitx s’issa inkluża fir-riċetta jew fl-ispeċifikazzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste”. Ir-riċetta u l-ispeċifikazzjoni għandhom, għalhekk, ikunu emendati biex il-prodott jinġieb skont ir-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar.

L-Assoċjazzjoni għall-protezzjoni tan-“Nürnberger Bratwürste” (Schutzverband Nürnberger Bratwürste) qablet li teżamina mill-ġdid ir-riċetta u li tniedi l-proċedura tal-emenda tal-ispeċifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/2003 (ref. DPMA 398 99 002.6) fit-28 ta’ Settembru 2006.

2.

“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” tradizzjonalment jinħadmu miż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar jew xaħam tad-dahar skont ir-riċetta li għadddiet minn żmien għal żmien. Dawn l-ingredjenti huma l-aktar li jagħmlu z-zalzett konsistenti u lixx. Mingħajr dawn l-ingredjenti, il-prodott tal-laħam ikkapuljat jinxef konsiderevolment waqt il-qali u jinqasam f’biċċiet. Il-laħam xaħmi huwa wkoll l-aktar li jagħti t-togħma, li ssir aktar qawwija bl-isfumaturi ta’ ħwawar li jagħtu l-ħwawar speċifiċi karatteristiċi tan-“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste”.

L-għan tal-lista aktar dettaljata huwa li l-ingredjenti jkunu ċċarati. M’hemmx għarfien komuni tat-terminu “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi” fost l-esperti fil-qasam fil-Ġermanja. Xi wħud iqisu li “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi” ma tinkludix laħam xaħmi. Dan ifisser li l-ispeċifikazzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” ma kinitx kompleta mill-bidu. Dan huwa sustanzjat b’referenza għal definizzjoni fil-linji gwida dwar ir-Reġistru Ġermaniż tal-Oġġetti tal-Ikel li fih it-termini ‘grob entfettetes Schweinefleisch’ (laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi) u ‘Speck’ (laħam xaħmi) huma ddefiniti separatament.

Dan il-punt fil-linji gwida ma jistax jinftiehem ukoll mill-awtoritajiet superviżorji. L-uffiċċju ta’ spezzjoni tal-Bavarja ta’ Fuq (Landesuntersuchungsanstalt Nordbayern) kien involut ukoll fit-tħejjija tal-ispeċifikazzjoni tal-bidu, u bit-tagħrif li kellu dwar l-ingredjenti, ma qisx li kien hemm ħtieġa li jispeċifika ulterjorment il-komponenti minkejja l-qagħda deskritta fil-qosor hawn fuq. Il-partijiet kollha involuti naturalment assumew li laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi setgħu jinkludu wkoll xi laħam xaħmi. Mod ieħor, ir-riċetta ma setgħetx tikkostitwixxi kontenut ta’ xaħam sa 35 %. Dan il-proporzjon jista’ jintlaħaq biss jekk “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi” tinkludi xi ħaġa miż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar jew xaħam tad-dahar.

Il-proporzjon ta’ laħam xaħmi fir-riċetta huwa ristrett, l-ewwel, bil-limitu ta’ 35 % li japplika għall-kontenut ta’ xaħam. It-tieni, huwa limitat minħabba d-dispożizzjoni li tistipula li proteina tal-laħam li tkun ħielsa minn proteina ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi (MPFCP) ma għandhiex tkun anqas minn 12 %. Minħabba li l-kontenut ta’ MPFCP ta’ laħam xaħmi huwa biss ta’ 8 % bħala medja, il-kontenut ogħla ta’ MPFCP ta’ mill-anqas 12 % tal-prodott aħħari jista’ jinkiseb biss flimkien ma’ laħam partikolarment dgħif u ta’ kwalità għolja b’kontenut ta’ MPFCP ‘il fuq sewwa minn 12 %. L-ispeċifikazzjoni ta’ kontenut minimu ta’ MPFCP fir-riċetta, għalhekk, jillimita l-kontenut ta’ laħam xaħmi. Id-definizzjoni tat-terminu “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi” kif użata fir-riċetta ma jeħtiġilhiex, għalhekk, li tkun interpretata skont il-linji gwida. X’akarx jidher mir-riċetta nfisha li t-terminu huwa użat f’tifsira differenti hawnhekk milli fil-linji gwida.

Barra minn hekk, il-linji gwida ma jorbtux. Huwa rikonoxxut li l-linji gwida ma jirriflettux il-fehmiet ta’ konsumaturi jew ta’ speċjalisti fil-qasam, minħabba li dawn ma kinux intalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom meta l-linji gwida tħejjew. X’aktarx li l-linji gwida jirriflettu l-fehmiet ta’ ċerti partijiet interessati. Il-linji gwida fil-fatt huma konsiderevolment differenti minn prattiki tradizzjonali ta’ produzzjoni. Dan kien diġà jidher fit-tħejjija tal-ispeċifikazzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste PGI’/“Nürnberger Rostbratwürste PGI’, minħabba li l-kompożizzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” deskritta hawnhekk kienet differenti konsiderevolment mir-riċetta attwali użata lokalment. Għalhekk il-linji gwida kienu emendati wara l-proċess ta’ reġistrazzjoni. Il-prattiki tradizzjonali applikati fil-produzzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” għandhom jikkostitwixxu wkoll il-punt ta’ referenza għad-definizzjoni tal-ingredjent “laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi” kif użat fir-riċetta. Hawnhekk l-ingredjenti ‘żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar jew xaħam tad-dahar’ jintużaw b’mod tradizzjonali. F’ġieħ iċ-ċarezza għall-partijiet kollha, l-ingredjenti “laħam xaħmi, partikolarment majjal taż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar u xaħam tad-dahar” issa għandhom ikunu elenkati espliċitament fir-riċetta.


ANNESS II

Dokument uniku konsolidat

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1)

“NÜRNBERGER BRATWÜRSTE”/“NÜRNBERGER ROSTBRATWÜRSTE”

KE Nru: DE-PGI-0105-0184-28.9.2010

IĠP (X) DPO ()

1.   Isem

“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2

Prodotti tal-laħam (imsajjar, immelllaħ, affumikat, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Zalzett għax-xiwi twil 7-9 cm f’musrana tan-nagħaġ issikkata, imqatta’ medju; tal-piż unitarju nej ta’ madwar 20-25 g;

Kompożizzjoni:

Laħam tal-majjal b’xi xaħam imneħħi, laħam xaħmi, partikolarment majjal taż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar u xaħam tad-dahar, mhux mili, mhux imnixxef (bl-eċċezzjoni ta’ Bratwürste ffumikati); it-taħlita ta’ ħwawar tvarja skont ir-riċetta tradizzjonali, il-merdqux speċjalment huwa tipiku; għandu jkun hemm mhux anqas minn 12 % ta’ proteina ta’ laħam ħieles minn proteina ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi, u kontenut ta’ xaħam assolut ta’ mhux aktar minn 35 %; il-perċentwali ta’ proteina ta’ laħam ħieles minn proteina ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi fil-proteina tal-laħam ma jkunx anqas minn 75 % fil-volum (istometrikalment) u mhux anqas minn 80 % (kimikament).

3.3.   Materja prima (għal prodotti proċessati biss)

Laħam xaħmi, partikolarment majjal taż-żaqq, xaħam taż-żaqq, xedaq, xaħam tax-xedaq, dahar u xaħam tad-dahar; il-kontenut ta’ xaħam tal-prodott aħħari huwa limitat għal 35 %; ma għandux ikun hemm anqas minn 12 % ta’ proteina ta’ laħam ħieles minn proteina ta’ nsiġ ta’ ċelloli konnettivi (MPFCP); taħlita ta’ ħwawar, l-aktar merdqux; imsaren tan-nagħaġ.

3.4.   Għalf (għal prodotti li ġejjin minn annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata

L-istadji kollha fil-produzzjoni ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata. Dawn huma kif ġej:

tnaqqis fil-laħam mitħun u kkapuljat

taħlit tal-laħam imnaqqas u taħlit ma’ ħwawar biex tinħoloq it-taħlita taz-zalzett,

mili tal-imsaren tan-nagħaġ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-belt ta’ Nuremberg.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni ta’ Bratwürste f’Nuremberg hija tradizzjoni ta’ mijiet ta’ snin li hemm provi x’juru li tmur lura għall-1313. It-tnaqqis tipiku fit-tul u fil-piż ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” imur lura mill-anqas għas-sena 1573. Il-post fejn tinsab Nuremberg fl-intersezzjoni ta’ żewġ rotot importanti tal-kummerċ kien ifisser li f’Nuremberg kien hemm ħwawar mill-lvant għall-produzzjoni taz-zalzett minn żmien bikri.

It-tradizzjoni attwali fil-produzzjoni ta’ Bratwurst f’Nuremberg għandha passat illustri. In-“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” kienu apprezzati ħafna minn Goethe u Jean Paul, pereżempju. Bratwurst-Glöcklein fiż-żona ta’ St. Sebald kienet waħda mid-djar pubbliċi l-aktar famużi fil-Ġermanja tas-seklu 19; ma kinitx miftuħa biss għall-aristokratiċi u l-plutokrati, iżda kienet ukoll waqfa essenzjali għal kull min kien iżur il-belt.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

In-“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” huma kkaratterizzati mill-għamla żgħira tagħhom mhux tas-soltu u mill-ħjiel tal-merdqux. Huma konformi ma’ standard ta’ kwalità għolja li kien ikkontrollat għal ħafna żmien, huma magħrufin lil hinn sewwa mir-reġjun ta’ Nuremberg u għandhom fama tajba ħafna mal-konsumaturi.

Dan huwa rifless fil-fatt li l-programm standard ta’ żjara lill-belt illum jinkludi ikla ta’ “Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” f’wieħed mill-ħafna ‘Bratwurstküchen’ jew ‘Wurstbratereien’ fiċ-ċentru tal-belt ta’ Nuremberg.

5.3.   Rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

It-tradizzjoni li għandha mijiet ta’ snin ta’ produzzjoni ta’ Bratwurst f’Nuremberg, l-istandard ta’ kwalità għolja li ilu jiġi kkontrollat għal ħafna żmien u l-għamla żgħira mhux tas-soltu għamlu lill-“Nürnberger Bratwürste”/“Nürnberger Rostbratwürste” magħrufa u apprezzati ħafna mal-Ġermanja kollha u mad-dinja.

L-ispeċjalità ħarġet fil-Belt Imperjali ta’ Nuremberg bħala riżultat tal-post ġeografiku fejn kienet tinsab fl-intersezzjoni ewlenija tar-rotot tal-kummerċ u l-ħwawar mill-Asja tal-Lvant, li introduċew ħwawar bħall-merdqux, in-noċemuskata u l-bżar. Kien minħabba li kien hemm dawn il-ħwawar mill-Asja li l-ewwel nett setgħet issir il-produzzjoni. Minħabba li Nuremberg kienet belt li kellha x’taqsam f’ħafna kummerċ għal distanzi twal u b’għadd ta’ tradizzjonijiet moderni raffinati, hawnhekk kien isir zalzett dejjem aktar iżgħar, aktar raffinat u mħawwar aħjar, li maż-żmien sar il-famuż “Nürnberger Bratwürste”.

Bil-kontra taż-żoni fil-kampanja, sa mill-bidu l-belt saħqet aktar fuq il-kwalità. Filwaqt li l-kwantità kienet minn ta’ quddiem band’oħra, il-prinċipju li fuqu ssawret il-produzzjoni f’Nuremberg kien il-kwalità qabel il-kwantità, u kien dan li ġab miegħu d-daqs żgħir taz-zlazet.

Konformità mar-riċetta u l-kwalità jmorru lura għar-regoli ta’ superviżjoni tal-kunsill tal-belt ta’ Nuremberg. Nuremberg bir-raġun tista’ tippretendi li kellha l-iskema ta’ superviżjoni l-aktar antika għall-oġġetti tal-ikel, li tissemma fil-kodiċi penali li jmur lura għas-sena 1300.

Bil-pubblikazzjoni tar-riċetta, b’eżerċizzju strett ta’ superviżjoni u bir-restrizzjoni tal-produzzjoni għaż-żona tal-belt, il-belt ta’ Nuremberg għenet biex ikun żgurat li l-karattru taz-zalzett ikun indikazzjoni tal-oriġini tiegħu.

Il-konnessjoni maż-żona ġeografika kienet, għalhekk, ibbażata fil-bidu fuq il-post ġeografiku bħala l-intersezzjoni ewlenija tar-rotot tal-ħwawar u tal-kummerċ u fuq l-introduzzjoni bikrija tas-superviżjoni tal-oġġetti tal-ikel. Il-post ġeografiku u s-superviżjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-protezzjoni assoċjata tar-riċetta, għalhekk, irriżultaw fil-kwalità partikolari taz-zalzett. Il-belt imperjali bit-netwerk estensiv tagħha ta’ kummerċ mad-dinja kollha ġabet speċjalità li kienet magħrufa ħafna mill-Medju Evu ’l quddiem. Illum ir-rabta hija bbażata fuq il-fama li tgawdi din l-ispeċjalità li tradizzjonalment hija apprezzata mad-dinja kollha.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (2))

Markenblatt Vol. 44 tat-2.11.2007, Parti 7a-bb, p. 20269

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/142


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(2)  Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠÜ L 343, 14.12.2012, p. 1).