15.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 780/2013

tal-14 ta’ Awwissu 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 206/2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul l-Unjoni għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/LEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi tal-Artikolu 3(1), l-ewwel sottopragrafu tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(e), l-Artikolu 8(c), u l-Artikolu 13(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta', fost l-oħrajn, ċerti annimali ungulati. Dan ir-Regolament ma japplikax għal annimali mhux domestikati li jkunu maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (3).

(2)

In-nuqqas ta' rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali biex jiddaħħlu fl-Unjoni l-annimali ungulati maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, jikkawża problemi prattiċi għal dawn l-entitajiet u jillimita ħafna l-attivitajiet tagħhom minħabba l-ħtieġa li għandhom biex idaħħlu minn dawn l-annimali.

(3)

Jixraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali biex jiddaħħlu fl-Unjoni l-annimali ungulati maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, li jkunu jqisu l-qagħda speċifika ta' dawn l-annimali. Fl-interess tas-simplifikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jixraq li dawn ir-regoli jiġu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 206/2010. Il-kamp ta' applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jistipula li jistgħu jiddaħħlu konsenji ta' annimali ungulati fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, mit-territorji jew partijiet minnhom elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4) tipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' listi tal-pajjiżi terzi jew tar-reġjuni tal-pajjiżi terzi li minnhom huma permessi l-importazzjonijiet ta' prodotti speċifiċi ta' oriġini mill-annimali.

(6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (5) tipprevedi li l-importazzjoni ta' ekwidi fl-Unjoni għandha tkun awtorizzata biss minn pajjiżi terzi li jidhru f'lista li għandha tiġi stabbilita jew emendata skont il-proċedura stabbilita f'dik id-Direttiva.

(7)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (6) tipprevedi li t-tjur u l-bajd għat-tfaqqis li jiġu importati fl-Unjoni jridu jkunu ġew oriġinalment minn pajjiż terz jew parti minn pajjiż terz li tkun fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita f'dik id-Direttiva.

(8)

Id-dħul fl-Unjoni ta' annimali ungulati li jkunu maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, għandu, b'mod partikolari, jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali għad-dħul ta' annimali ħajjin fl-Unjoni u rekwiżiti addizzjonali speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali u għandu joffri garanziji speċifiċi oħrajn biex ikun żgurat li l-annimali li jiddaħħlu fl-Unjoni ma jkunux ta' riskju għall-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni.

(9)

Ir-rekwiżiti ġenerali għad-dħul fl-Unjoni ta' annimali ħajjin, li jikkonsistu minn sistema effettiva ta' servizzi veterinarji responsabbli għall-kontroll tas-saħħa tal-annimali, fil-preżent huma ssodisfatti minn dawk il-pajjiżi terzi, it-territorji u l-partijiet tagħhom elenkati skont id-Direttivi 2002/99/KE, 2009/156/KE u 2009/158/KE.

(10)

Madankollu, ir-rekwiżiti ġenerali għad-dħul ta' annimali ħajjin fl-Unjoni ma jiggarantixxux li l-annimali ungulati jkunu ħielsa mill-mard. L-annimali individwali xorta jistgħu jġorru mard li jittieħed li jista' jinfirex fl-Unjoni u b'hekk ikun ta' periklu għas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni. Għalhekk, l-annimali ungulati li jkunu maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss b'mod dirett mingħand korp, istitut jew ċentru li jikkonforma ma' ċerti rekwiżiti u li jkun approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew tal-parti tat-territorju fejn dan ikun jinsab

(11)

Jixraq li l-lista ta' dawn il-korpi, istituti jew ċentri tiġi stabbilita mill-Istat Membru ta' destinazzjoni, wara valutazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha.

(12)

Biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-annimali fl-Unjoni, huwa kruċjali li l-konsenji tal-annimali ungulati li jiddaħħlu fl-Unjoni u li jkunu ddestinati għal korpi, istituti jew ċentri approvati, jiġu ttrasportati direttament u mingħajr dewmien għad-destinazzjoni tagħhom, f'kontejners issiġillati u li jiġi ristrett kull moviment ieħor fl-Unjoni ta' dawn l-annimali.

(13)

Biex jiġu indirizzati ċirkostanzi speċjali bħalma huma sitwazzjonijiet fejn ikun hemm problemi li għandhom x'jaqsmu ma' trattament xieraq tal-annimali, mal-konservazzjoni ta' speċi fil-periklu tal-estinzjoni, ma' diżastri naturali jew ma' kunflitti politiċi, fejn ma jkunx possibbli li jiġu applikati r-rekwiżiti kollha marbutin mas-saħħa tal-annimali, u b'mod speċjali dawk relatati mal-approvazzjoni tal-korp, l-istitut jew iċ-ċentru ta' oriġini, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jdaħħlu fit-territorju tagħhom, ċerti annimali ungulati li jkunu maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, f'kundizzjonijiet speċjali. Madankollu, anki f'dawn il-każi, għandu jkun rekwiżit permess biex ikun żgur li r-riskju għas-saħħa tal-annimali jkun mill-inqas.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, għandu jitħassar il-paragrafu 3.

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

"Artikolu 3a

Kundizzjonijiet għad-dħul ta' annimali ungulati maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat

1.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu ta' konsenji ta' annimali ungulati tal-ispeċijiet elenkati fit-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness VI meta dawn il-konsenji jkunu destinati għal korp, istitut jew ċentru approvat, sakemm jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun twettqet valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-annimali li tista' tippreżenta kull konsenja għall-Unjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni;

(b)

il-konsenji kkonċernati jkunu ġejjin minn pajjiż terz, minn territorju jew parti minnu li jkun elenkat f'waħda mil-listi stabbiliti:

(i)

fil-Parti 1 tal-Anness I jew fil-Parti 1 tal-Anness II ta' dan ir-Regolament,

(ii)

fid-Deċiżjoni 2004/211/KE (*), fid-Deċiżjoni 2007/777/KE (**), fir-Regolament (KE) Nru 798/2008 (***), fir-Regolament (KE) Nru 119/2009 (****), fir-Regolament (UE) Nru 605/2010 (*****),

(ċ)

l-annimali ungulati jkunu joriġinaw minn korp, istitut jew ċentru f'pajjiż terz, f'territorju jew parti minnu msemmi fil-punt (a), li jkun elenkat f'lista stabbilita skont l-Artikolu 3c;

(d)

l-annimali ungulati jkunu ddaħħlu għall-kwarantina f'faċilità protetta mill-vetturi fl-istabbiliment tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru msemmi fil-punt (c) għall-perjodu stipulat fiċ-ċertifikati rilevanti;

(e)

l-annimali ungulati jitwasslu direttament lejn korp, istitut jew ċentru fl-Istat Membru ta' destinazzjoni;

(f)

l-annimali ungulati jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju validu, miktub skont il-mudell rilevanti taċ-ċertifikati veterinarji msemmijin fit-Tabelli 1, 2 u 3 fil-Parti 1 tal-Anness VI u stabbiliti fil-Parti 2 ta' dak l-Anness;

(g)

l-annimali ungulati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju msemmi fil-punt (f).

L-Istat Membru ta' destinazzjoni għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali bl-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-ewwel sottoparagrafu, qabel ma jiddaħħlu l-annimali ungulati fit-territorji tagħhom.

2.   Fejn tkun impossibbli l-konformità mal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni tista' tawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu ta' annimali ungulati tal-ispeċijiet elenkati fit-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Parti 1 tal-Anness VI minn impriżi oħrajn li mhumiex konformi mar-rekwiżiti stipulati f'dawk il-punti, sakemm jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stipulati fil-punti (a), (b) u (e) sa (g) tal-paragrafu 1 kif ukoll il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

tkun saret applikazzjoni minn qabel mis-sid jew minn persuna fiżika li tirrappreżenta lis-sid, u l-Istat Membru ta' destinazzjoni jkun ta l-permess wara li jkun wettaq valutazzjoni tar-riskji li tkun uriet li d-dħul tal-annimali ungulati inkwistjoni fit-territorju tiegħu ma jikkostitwix riskju għas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni;

(b)

l-annimali ungulati jkunu ddaħħlu fil-kwarantina fil-pajjiż terz, fit-territorju jew fil-parti tat-territorju tal-oriġini taħt superviżjoni uffiċjali għat-tul ta' żmien meħtieġ biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stipulati fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju msemmi fil-punt (f):

(i)

f'post approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew ta' parti mit-territorju tal-oriġini tal-annimali;

(ii)

skont l-arranġamenti preskritti fil-permess li għandu jistipula mill-inqas l-istess garanziji bħal dawk stipulati fil-punti (a), (b) u (e) sa (g) tal-paragrafu 1.

Meta l-annimali ungulati jiddaħħlu fl-Unjoni skont l-ewwel sottoparagrafu, għandhom jiddaħlu għall-kwarantina f'post ta' korp, istitut jew ċentru approvat ta' destinazzjoni għal mill-inqas sitt xhur minn meta jiddaħħlu fl-Unjoni, u matul dan il-perjodu, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Istat Membru li jkun qed jawtorizza d-dħul tal-annimali ungulati skont l-ewwel sottoparagrafu għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali bl-awtorizzazzjoni qabel ma jiddaħħlu l-annimali ungulati fit-territorji tiegħu.

(*)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1."

(**)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49."

(***)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1."

(****)  ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12."

(*****)  ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1.""

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3b li ġej:

"Artikolu 3b

Il-kundizzjonijiet għad-dħul u t-transitu tal-annimali ungulati maħsubin għal korp, istitut jew ċentru approvat, mit-territorju ta' Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru ta' destinazzjoni

It-transitu tal-annimali ungulati msemmijin fl-Artikolu 3a minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' destinazzjoni jingħata permess biss suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' transitu. Din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata biss abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji minn dik l-awtorità kompetenti, fuq l-informazzjoni li tingħata mill-Istat Membru ta' destinazzjoni.

L-Istat Membru ta' destinazzjoni għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, qabel ma jseħħ it-transitu, meta jawtorizza d-dħul tal-annimali skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3a."

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 3c li ġej:

“Artikolu 3c

Lista ta' korpi, istituti jew ċentri approvati f'pajjiżi terzi, f'territorji u f'partijiet minn territorji

1.   Wara valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2, kull Stat Membru jista' jistabbilixxi lista ta' korpi, istituti u ċentri li minnhom jista' jiġi awtorizzat id-dħul ta' annimali ungulati fit-territorju tiegħu skont l-Artikolu 3a(1).

2.   Korp, istitut jew ċentru f'pajjiż terz, f'territorju jew f'parti minnu jista' biss jiġi elenkat fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-Parti 3 tal-Anness VI;

(b)

il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru jkun approvat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew ta' parti mit-territorju fejn ikun ikkollokat dak il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru;

(ċ)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew ta' parti mit-territorju tagħti biżżejjed garanziji li l-kundizzjonijiet dwar l-approvazzjoni ta' korpi, istituti jew ċentri stabbiliti fil-Parti 4 tal-Anness VI huma ssodisfatti.

3.   Stat Membru jista' jinkludi fil-lista msemmija fil-paragrafu (1) il-korpi, l-istituti jew iċ-ċentri f'pajjiżi terzi li diġà qegħdin inklużi f'lista bħal din stabbilita minn Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun ivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

4.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-listi msemmijin fil-paragrafu (1) aġġornati, u b'mod partikolari jqisu kull sospensjoni jew irtirar tal-approvazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz, ta' territorju jew ta' parti minnu tal-korpi, tal-istituti jew taċ-ċentri kkollokati hemm u inklużi f'dawk il-listi.

5.   Permezz ta' paġni ta' tagħrif imqiegħda fuq l-internet, l-Istati Membri għandhom ipoġġu l-listi msemmijin fil-paragrafu 1 għad-disponibbiltà tal-pubbliku, u għandhom iżommu dawn il-paġni aġġornati.

6.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-indirizz tal-Internet tal-paġni ta' tagħrif tagħhom imqiegħda fuq l-internet.”

(5)

l-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 4

Kundizzjonijiet għaċ-ċentri tal-ġbir għal ċerti konsenji ta’ annimali ungulati

1.   Konsenji ta’ annimali ungulati li fihom annimali ħajjin li ġejjin minn aktar minn stabbiliment wieħed jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk jinġabru f’ċentri tal-ġbir approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew ta' parti mit-territorju tal-oriġini b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-Parti 5 tal-Anness I.

2.   Il-konsenji tal-annimali ungulati mdaħħlin fl-Unjoni skont l-Artikolu 3a jew l-Artikolu 6 ma għandhomx joriġinaw minn iktar minn stabbiliment wieħed u ma għandhomx jinġabru f'ċentri tal-ġbir."

(6)

Fl-Artikolu 8, il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

"(b)

imħattin, jew, meta dawn jitwasslu bl-ajru, ittrasferiti f'inġenju tal-ajru ieħor, jew jiġu ttrasportati f'vettura tat-triq, fuq ferrovija, jew bil-mixi minn pajjiż terz, territorju jew parti minnu li ma jkunx awtorizzat għall-importazzjoni tal-annimali kkonċernati fl-Unjoni."

(7)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"1.   Wara li jiddaħħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali ungulati, minbarra dawk imsemmijin fl-Artikolu 3a, għandhom jitwasslu b'mezz tat-trasport li hu protett mill-vetturi mingħajr dewmien lejn l-istabbiliment tad-destinazzjoni.

Dawk l-annimali ungulati għandhom jibqgħu f’dan l-istabbilment għall-perjodu ta’ mill-inqas 30 jum, sakemm ma jintbagħtux direttament lejn biċċerija."

(8)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

"Artikolu 13a

Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati wara d-dħul ta' konsenji ta' annimali ungulati maħsubin għal korpi, istituti jew ċentri approvati

1.   Wara li jiddaħħlu fl-Unjoni, il-konsenji tal-annimali ungulati maħsubin għal korpi, istituti jew ċentri approvati, għandhom jitwasslu mingħajr dewmien lill-korp, l-istitut jew liċ-ċentru tad-destinazzjoni approvat b'mezz ta' trasport li jkun protett mill-vetturi u mibni b'mod li l-annimali ma jistgħux jaħarbu minn ġo fih, u r-rawt, l-awrina, l-imfierex, l-għalf, l-iskart jew kull materjal ieħor ma jkunx jista' jnixxi jew jaqa' minn ġol-vettura jew mill-kontejner waqt it-trasportazzjoni.

2.   L-annimali għandhom jinżammu fil-kwarantina f'faċilitajiet protetti mill-vetturi fl-istabbiliment tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru approvat tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għal mill-inqas 30 jum. Wara l-perjodu ta' kwarantina ta' 30 jum, l-annimali jistgħu jintbagħtu lil korp, istitut jew ċentru approvat ieħor.

3.   L-annimali li jiddaħħlu għand korp, istitut jew ċentru approvat jistgħu jintbagħtu f'destinazzjoni li ma tkunx korp, istitut jew ċentru approvat ieħor, sakemm:

(a)

ikunu għaddew mill-inqas sitt xhur minn meta ddaħħlu fl-Unjoni, u

(b)

it-trasferiment isir skont il-paragrafu 4 tal-Anness C tad-Direttiva 92/65/KEE.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-annimali jistgħu joħorġu mingħand korp, istitut jew ċentru approvat qabel ma jispiċċa l-perjodu ta' sitt xhur stipulat f'dak il-paragrafu, biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali jiġu esportati f'pajjiż terz, f'territorju jew f'parti minnu;

(b)

biex jiġu esportati, kif imsemmi f'a), l-annimali jridu jiġu trasportati f'mezzi ta' trasport li jkunu protetti kontra l-vetturi u li jkunu mibnija b'mod li l-annimali ma jkunux jistgħu jaħarbu, u r-rawt, l-awrina, l-imfierex, l-għalf, l-iskart jew kull materjal ieħor ma jkunx jista' jnixxi jew jaqa' minn ġol-vettura jew mill-kontejner waqt it-trasportazzjoni."

(9)

Jiżdied l-Anness VI, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(2)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(4)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74.


ANNESS

"ANNESS VI

PARTI 1

Tabella 1

 

"RUM-A"

:

Mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-annimali tal-ispeċijiet elenkati hawn taħt li joriġinaw minn korp, istitut jew ċentru approvat, jew li huma intiżi għal wieħed minn dawn.

Ordni

Familja

Ġeneru/speċi

Artiodactyla

Antilocapridae

Antilocapra ssp.

Bovidae

Addax ssp., Aepyceros ssp., Alcelaphus ssp., Ammodorcas ssp., Ammotragus ssp., Antidorcas ssp., Antilope ssp., Bison ssp., Bos ssp. (inklużi Bibos, Novibos, Poephagus), Boselaphus ssp., Bubalus ssp. (inklużi l-anoa), Budorcas ssp., Capra ssp., Cephalophus ssp., Connochaetes ssp., Damaliscus ssp. (inklużi l-Beatragus), Dorcatragus ssp., Gazella ssp., Hemitragus ssp., Hippotragus ssp., Kobus ssp., Litocranius ssp., Madoqua ssp., Naemorhedus ssp. (inklużi Nemorhaedus and Capricornis), Neotragus ssp., Oreamnos ssp., Oreotragus ssp., Oryx ssp., Ourebia ssp., Ovibos ssp., Ovis ssp., Patholops ssp., Pelea ssp., Procapra ssp., Pseudois ssp., Pseudoryx ssp., Raphicerus ssp., Redunca ssp., Rupicapra ssp., Saiga ssp., Sigmoceros-Alecelaphus ssp., Sylvicapra ssp., Syncerus ssp., Taurotragus ssp., Tetracerus ssp., Tragelaphus ssp. (inklużi l-Boocerus).

Camelidae

Camelus spp., Lama spp., Vicugna spp.

Cervidae

Alces ssp., Axis-Hyelaphus ssp., Blastocerus ssp., Capreolus ssp., Cervus-Rucervus ssp., Dama ssp., Elaphurus ssp., Hippocamelus ssp., Hydropotes ssp., Mazama ssp., Megamuntiacus ssp., Muntiacus ssp., Odocoileus ssp., Ozotoceros ssp., Pudu ssp., Rangifer ssp.

Giraffidae:

Giraffa spp., Okapia spp.

Moschidae

Moschus ssp.

Tragulidae

Hyemoschus spp., Tragulus-Moschiola spp.,


Tabella 2

 

"SUI-A"

:

Mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-annimali tal-ispeċijiet elenkati hawn taħt li joriġinaw minn korp, istitut jew ċentru approvat, jew li huma intiżi għal wieħed minn dawn.

Ordni

Familja

Ġeneru/speċi

Artiodactyla

Suidae

Babyrousa ssp., Hylochoerus ssp., Phacochoerus ssp., Potamochoerus ssp., Sus ssp.

Tayassuidae

Catagonus ssp., Pecari-Tayassu ssp.

 

Hippopotamidae

Hexaprotodon-Choeropsis spp., Hippopotamus spp.


Tabella 3

 

"TRE-A"

:

Mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-annimali tal-ispeċijiet elenkati hawn taħt li joriġinaw minn korp, istitut jew ċentru approvat, jew li huma intiżi għal wieħed minn dawn.

Ordni

Familja

Ġeneru/speċi

Perissiodaktila

Tapiridae

Tapirus ssp.

 

Rhinocerotidae

Ceratotherium ssp., Dicerorhinus ssp., Diceros ssp., Rhinoceros ssp.

Proboxxideja:

Elephantidae

Elephas spp., Loxodonta spp.

PARTI 2

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

PARTI 3

Rekwiżiti li jikkonċernaw korpi, istituti jew ċentri f'pajjiżi terzi

Il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru f'pajjiż terz jeħtieġlu:

(a)

ikun idemarkat u separat b'mod ċar mill-ambjent ta' madwaru;

(b)

ikollu mezz xieraq biex jaqbad, jagħlaq u jiżola l-annimali, u jkollu għad-disposizzjoni tiegħu faċilitajiet ta' kwarantina xierqa u proċeduri ta' tħaddim approvati għall-annimali li jkunu ġejjin minn mkejjen mhux magħrufa;

(c)

ikollu binja protetta kontra l-vetturi li tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

għandu jkollu barrieri fiżiċi addattati fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ;

(ii)

l-aperturi tal-binja protetta kontra l-vetturi għandhom ikunu skrinjati kontra l-vetturi b’xibka bit-toqob ta’ daqs xieraq li għandhom jiġu mimlija regolarment b’insettiċida approvata skont l-istruzzjonijiet tal-manifatturi;

(iii)

is-sorveljanza u l-kontrolli kontra l-vetturi għandhom jitwettqu fil-binja protetta kontra l-vetturi u madwarha;

(iv)

għandhom jittieħdu miżuri biex jillimitaw jew jeliminaw siti tat-tgħammir għall-vetturi fil-viċinanza tal-binja protetta mill-vetturi;

(v)

ikun hemm stabbiliti proċeduri ta' tħaddim, inklużi deskrizzjonijiet ta' sistemi ta' sostenn u twissija, għat-tħaddim tal-binja protetta mill-vetturi u għat-trasportazzjoni tal-annimali minn dik l-istruttura għall-post tat-tagħbija;

(d)

għandu jżomm rekords aġġornati għal perjodu minimu ta' 10 snin, li jindikaw:

(i)

l-għadd, l-identità (l-età, is-sess, l-ispeċi u l-identifikazzjoni individwali fejn hu prattiku) tal-annimali ta' kull speċi preżenti fl-istabbiliment;

(ii)

l-għadd u l-identità (l-età, is-sess, l-ispeċi u l-identifikazzjoni individwali fejn hu prattiku) tal-annimali li jaslu fil-binja jew li joħorġu minnha, flimkien ma' informazzjoni dwar l-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom, il-mezz tat-trasport, u l-istatus ta' saħħa ta' dawn l-annimali;

(iii)

ir-riżultati tat-testijiet tad-demm jew kull proċedura oħra mwettqa fuq l-annimali fl-istabbiliment tiegħu;

(iv)

il-każijiet ta' mard u, fejn xieraq, it-trattament mogħti;

(v)

ir-riżultati tal-eżamijiet post-mortem fuq annimali li mietu fl-istabbiliment, inklużi annimali li twieldu mejta;

(vi)

l-osservazzjonijiet li saru waqt xi perijodu ta' iżolament jew kwarantina;

(e)

għandu jkun ħieles mill-mard elenkat fl-Anness A tad-Direttiva 92/65/KEE jew imsemmijin fiċ-ċertifikati veterinarji għall-ispeċi rilevanti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness VI ta' dan ir-Regolament, għal mill-inqas it-tliet snin preċedenti, kif ikun muri fir-rekords li jinżammi skont il-punt (d), u r-riżultati tat-testijiet kliniċi u tal-laboratorju mwettqa fuq l-annimali fl-istabbiliment tiegħu;

(f)

jew ikollu arranġament ma' laboratorju approvat mill-awtorità kompetenti biex iwettqu eżamijiet post-mortem, jew ikollhom post wieħed jew aktar xierqa fejn jistgħu jitwettqu dawn l-eżamijiet taħt l-awtorità tal-veterinarju approvat;

(g)

jiżgura r-rimi tal-karkassi ta' annimali li jmutu minħabba xi marda jew ewtanizzati;

(h)

jakkwista, permezz ta' kuntratt jew ta' strument legali, is-servizzi ta' veterinarju approvat mill-awtorità kompetenti u li jaħdem taħt il-kontroll tagħha, li jrid iwettaq mill-inqas il-kompiti li jidhru hawn taħt:

(i)

jiżgura li jkunu applikati miżuri ta' sorveljanza u kontroll kontra l-mard fl-istabbiliment ta' dak il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru. Dawn il-miżuri jridu jkunu approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, tat-territorju jew parti minnu, fejn ikun ikkollokat il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru, filwaqt li titqies il-qagħda fejn jirrigwarda mard, u jridu jinkludu għall-inqas l-elementi li ġejjin:

pjan annwali ta' sorveljanza li jinkludi miżuri ta' kontroll xierqa rigward iż-żoonożi fl-annimali fl-istabbiliment,

testijiet kliniċi, tal-laboratorju, u post-mortem ta' annimali suspettati li jkunu infettati minn mard li jittieħed u żoonożi,

tilqim ta' annimali suxxettibbli kontra l-mard infettiv u ż-żoonożi;

(ii)

jiżgura li kull mewta suspettuża jew il-preżenza ta' xi sintomu ieħor li jagħti ħjiel li l-annimali ġew infettati b'marda waħda jew aktar, fost dawk elenkati fl-Anness A tad-Direttiva 92/65/KEE, jew imsemmijin fiċ-ċertifikati veterinarji għall-ispeċi rilevanti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness VI ta' dan ir-Regolament, jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti, f'każ fejn dik il-marda partikolari tkun notifikabbli fil-pajjiż terz, fit-territorju jew parti minnu kkonċernat;

(iii)

jiżgura li l-annimali li jiddaħħlu jkunu għamlu perjodu ta' kwarantina kif meħtieġ, b'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti;

(iv)

jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jridu jissodisfaw l-annimali biex ikunu jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni.

PARTI 4

Rekwiżiti li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' korpi, istituti jew ċentri f'pajjiżi terzi

1.

L-approvazzjoni għandha tingħata biss lil dawk il-korpi, istituti jew ċentri li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 3.

2.

Fejn tkun meħtieġa l-protezzjoni kontra l-vetturi, l-approvazzjoni ta' binja bħala protetta mill-vetturi għandha tingħata biss jekk jintlaħqu l-kriterji fil-punt (c) tal-Parti 3. Biex tagħti l-approvazzjoni, l-awtorità kompetenti trid tivverifika mill-inqas tliet darbiet waqt il-perjodu ta' protezzjoni meħtieġ (fil-bidu tal-perjodu, waqtu u fl-aħħar tiegħu) l-effikaċja tal-miżuri tal-protezzjoni kontra l-vetturi, permezz ta' nasba tal-vetturi fil-binja protetta kontra l-vetturi.

3.

Kull korp, istitut u ċentru approvat għandu jkollu numru ta' approvazzjoni assenjat għalihlilu.

4.

L-approvazzjoni għandha tinżamm biss sakemm jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet:

l-istabbiliment ikun taħt il-kontroll ta' veterinarju uffiċjali li jrid iwettaq mill-inqas dawn il-kompiti li ġejjin:

(i)

jżur il-post tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru għall-inqas darba f'kull sena;

(ii)

jivverifika l-attività tal-veterinarju msemmi fil-punt (h) tal-Parti 3 u l-implimentazzjoni tal-pjan annwali ta' sorveljanza tal-mard imsemmi fl-ewwel inċiż tal-punt (h)(i);

(iii)

jiżgura li jiġu ssodisfatti d-dispożizzjonijiet stipulati fil-Partijiet 3 u 4;

(iv)

jivverifika li:

hemm konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jridu jissodisfaw l-annimali biex ikunu jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni;

ir-riżultati tat-testijiet kliniċi, post-mortem u tal-laboratorju fuq l-annimali ma wrew ebda okkorrenza tal-mard elenkat fl-Anness A tad-Direttiva 92/65/KEE jew imsemmijin fiċ-ċertifikati veterinarji għall-ispeċi rilevanti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

5.

L-approvazzjoni għandha tiġi rtirata fejn l-awtorità kompetenti ssib li ma jkunux għadhom qegħdin jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Parti 3.

6.

Fejn tingħata noitifika li tkun issuspettata l-okkorrenza ta' waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness A tad-Direttiva 92/65/KEE, jew imsemmija fiċ-ċertifikati veterinarji għall-ispeċi rilevanti stipulati fil-Parti 2 tal-Anness VI ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tissospendi l-approvazzjoni tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru, sakemm is-suspett jiġi mwarrab uffiċjalment. Skont il-marda involuta u r-riskju tat-tixrid tal-mard, is-sospensjoni tista' tirreferi għall-korp, għall-istitut jew għaċ-ċentru kollu, jew biss għal xi kategoriji ta' annimali suxxettibbli għall-marda inkwistjoni. L-awtorità kompetenti trid tiżgura li jitwettqu l-miżuri meħtieġa biex jiġi kkonfermat jew jitwarrab suspett u biex jiġi evitat kull tixrid tal-marda.

7.

Fejn il-marda suspettata msemmija fil-punt 6 tiġi kkonfermata, l-approvazzjoni tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru għandha tiġi rtirata.

8.

Fejn l-approvazzjoni ta' korp, ta' istitut jew ta' ċentru tiġi rtirata, trid tingħata lura biss fejn jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-marda u s-sors tal-infezzjoni nqerdu fl-istabbiliment tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru kkonċernat;

(b)

l-istabbiliment tal-korp, tal-istitut jew taċ-ċentru kkonċernat tnaddafu u ġie ddiżinfettat b'mod xieraq;

(c)

il-korp, l-istitut jew iċ-ċentru kkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (d) u (f) sa (h) tal-Parti 3.

9.

L-awtorità kompetenti li tkun approvat lill-korp, lill-istitut jew liċ-ċentru għandha tgħarraf b'din is-sospensjoni, din ir-riabilitazzjoni jew dan l-irtirar ta' din l-approvazzjoni lill-Istati Membri li inkludew lill-korp, l-istitut jew iċ-ċentru fil-listi tagħhom ta' korpi, istituti u ċentri approvati."