31.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/15


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 734/2013

tat-22 ta’ Lulju 2013

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-kuntest ta’ modernizzazzjoni profonda tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jikkontribwixxu kemm għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir (1) u għall-konsolidament baġitarju, l-Artikolu 107 tat-Trattat għandhom jiġu applikati effettivament u b’mod uniformi madwar l-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2) ikkodifika u saħħaħ il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni li tiżdied iċ-ċertezza legali u li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat f’ambjent trasparenti. Madankollu, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tiegħu u tal-iżviluppi reċenti bħalma huma t-tkabbir u l-kriżi ekonomika u finanzjarja, ċerti aspetti ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu emendati biex jippermettu lill-Kummissjoni tkun aktar effettiva.

(2)

Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kwalunkwe notifikata jew għajnuna illegali mill-Istat, li għalihom il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklussiva taħt l-Artikolu 108 tat-TFUE, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa, għall-finijiet tal-infurzar tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat, li titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-suq minn kwalunkwe Stat Membru, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi jew kull meta dan ikollu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura kkonċernata mar-regoli tal-Unjoni u għalhekk bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tuża din is-setgħa f’każijiet li fihom jidher li tkun meħtieġa valutazzjoni sostantiva kumplessa. Fid-deċiżjoni dwar jekk tużax din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq it-tul tal-investigazzjoni preliminari.

(3)

Għall-iskop tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari fir-rigward każijiet teknikament kumplessi soġġetti għal evalwazzjoni sostantiva, il-Kummissjoni għandha tkun tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, li teħtieġ li kwalunkwe Stat Membru, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-suq biex titlesta l-valutazzjoni tagħha, jekk l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat matul l-investigazzjoni preliminari ma tkunx biżżejjed, filwaqt li tieħu kont dovut tal-prinċipju tal-proporzjonalità, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

(4)

Fid-dawl tar-relazzjoni speċjali bejn il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ titlob informazzjoni minn benefiċjarju tal-għajnuna bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat. L-għoti ta’ informazzjoni mill-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni ma tikkostittwixxix bażi legali għal negozjati bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju inkwistjoni.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tagħżel id-destinatarji ta’ talbiet għal informazzjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi adatti għal kull każ, filwaqt li tiżgura li, meta t-talba tiġi indirizzata lil kampjun ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet tagħhom, l-kampjun ta’ dawk li wieġbu huwa rappreżentattiv. L-informazzjoni mfittxija għandha tikkonsisti, b’mod partikolari, minn data fattwali dwar kumpanniji u s-suq u analiżi bbażata fuq il-fatti ta’ kif jaħdem is-suq.

(6)

Il-Kummissjoni, bħala dik li bdiet il-proċedura, għandha tkun responsabbli għall-verifika kemm tat-trażmissjoni mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ u l-kunfidenzjalità allegata tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata.

(7)

Il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tinfurza l-osservanza ma’ talbiet għal informazzjoni li tindirizza lil kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, kif xieraq, permezz ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet proporzjonati. Fl-iffissar tal-ammonti ta’ multi u ħlas perjodiku ta’ penalitajiet, il-Kummissjoni għandha tqis debitament il-prinċipji ta’ proporzjonalità u adegwatezza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Id-drittijiet tal-partijiet mitluba biex jipprovdu informazzjoni għandhom ikunu salvagwardjati billi tingħatalhom l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa qabel kwalunkwe deċiżjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward ta’ tali multi u penalitajiet perjodiċi skont l-Artikolu 261 tat-TFUE.

(8)

B’kont debitu meħud tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u adegwatezza, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tnaqqas il-pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet jew tneħħihom kompletament, meta d-destinatarji tat-talbiet jagħtu l-informazzjoni mitluba, anki jekk dan isir wara li jiskadi t-terminu.

(9)

Multi u pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet mhumiex applikabbli għall-Istati Membri billi huma fid-dmir li jikkooperaw b’mod sinċier mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u li jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rikjesta sabiex jippermettulha twettaq id-dmirijiet tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(10)

Sabiex jitħarsu d-drittijiet ta’ difiża tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tingħata kopji tat-talbiet għal informazzjoni li ntbagħtu lil Stati Membri oħrajn, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kummenti li waslu. Għandha wkoll tiġi mgħarrfa dwar l-ismijiet tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi mitlubin, sal-punt li dawn l-entitajiet ma jkunux urew interess leġittimu fil-protezzjoni tal-identità tagħhom.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tqis debitament l-interessi leġittimi tal-impriżi li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ikunu protetti. Hija ma għandhiex tkun tista’ tuża informazzjoni kunfidenzjali fornuta minn dawk li wieġbu, li ma jistgħux jiġu aggregati jew inkella jiġu anonimizzati, f’kull deċiżjoni sakemm qabel miksub il-kunsens tagħhom biex jiżvelaw dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

(12)

F’każijiet fejn informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali ma jidhirx li tkun koperta b’obbligi ta’ segretezza professjonali, huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sa fejn tali informazzjoni tista’ tiġi żvelata. Kwalunkwe tali deċiżjoni li li tiġi rifjutata pretensjoni li l-informazzjoni hija kunfidenzjali għandha tindika perjodu li fit-tmiem tiegħu l-informazzjoni tkun żvelata, biex b’hekk il-konvenut ikun jista’ jagħmel użu minn kwalunkwe protezzjoni ġudizzjarja disponibbli għalih, inkluż kwalunkwe miżura interim.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’, fuq inizjattiva tagħha stess, teżamina informazzjoni dwar għajnuna illegali, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 108 tat-TFUE, u b’mod partikolari mal-obbligu ta’ notifika u klawżola ta’ sospensjoni stabbilita fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u li tivvaluta l-kumpatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. F’dak il-kuntest, l-ilmenti huma sors essenzjali ta’ informazzjoni biex jinkixef ksur ta’ regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni.

(14)

Biex ittejjeb il-kwalità tal-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni u fl-istess ħin tiżdied it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li ilment għandu jissodisfa biex il-Kummissjoni tkun fil-pussess ta’ informazzjoni rigward għajnuna allegatament illegali u biex tniedi l-eżami preliminari. Is-sottomissjonijiet li ma jissodisfawx dawk il-kundizzjonijiet ser jiġu ttrattati bħala informazzjoni ġenerali dwar is-suq, u m’għandhomx bilfors iwasslu għal investigazzjonijiet ex officio.

(15)

Dawk li jkollhom ilmenti għandhom ikunu obbligati li juru li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Għandhom ukoll ikunu obbligati li jipprovdu ċertu ammont ta’ informazzjoni f’forma li biha l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tiddefinixxi f’dispożizzjoni implimentattiva. Sabiex dawk li prospettivament jkollhom ilmenti ma jiġux skoraġġuti, dik id-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni għandha tqis li t-talbiet fuq il-partijiet interessati biex jagħmlu ilment m’għandhomx ikunu ta’ piż kbir.

(16)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlas perjodiku ta’ penalitajiet.

(17)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tindirizza kwistjonijiet simili b’mod konsistenti fis-suq intern kollu, huwa xieraq li jiġu kkompletati s-setgħat eżistenti tal-Kummissjoni billi tiġi introdotta bażi legali speċifika sabiex tniedi investigazzjonijiet f’setturi tal-ekonomija jew f’ċerti strumenti ta’ għajnuna f’diversi Stati Membri. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità u fid-dawl tal-piż amministrattiv kbir li jitolbu investigazzjonijiet bħal dawn, inkjesti dwar is-settur għandhom isiru biss meta l-informazzjoni disponibbli tissostanzja suspett raġonevoli li miżuri ta’ għajnuna mill-Istat f’settur partikolari jistgħu jirrestrinġu jew ixekklu b’mod materjali l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern f’diversi Stati Membri, jew li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat f’settur partikolari f’diversi Stati Membri mhumiex, jew m’għadhomx, kumpatibbli mas-suq intern. Inkjesti bħal dawn jippermettu lill-Kummissjoni tittratta b’mod effiċjenti u trasparenti kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali u tikseb ħarsa ġenerali ex ante tas-settur ikkonċernat.

(18)

Il-konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tirrikjedi ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Kooperazzjoni bħal din hija rilevanti għal qrati kollha tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 tat-TFUE. B’mod partikolari, qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistaqsu għall-informazzjoni lill-Kummissjoni jew għall-opinjoni fuq il-punti kkonċernati tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista’ tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub jew oralment lill-qrati li huma msejħa biex japplikaw l-Artikolu 107(1) jew l-Artikolu 108 tat-TFUE. Meta tassisti lill-qrati nazzjonali f’dan l-aspett, il-Kummissjoni taġixxi skont id-dmir tagħha li tiddefendi l-interess pubbliku.

(19)

Dawk l–osservazzjonijiet u opinjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 267 tat-TFUE u ma għandhomx jorbtu b’mod legali lill-qrati nazzjonali. Dawn għandhom jiġu ppreżentati fi ħdan struttura ta’ regoli u prattiċi ta’ proċedura nazzjonali inkluż dawk li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet, b’rispett sħiħ tal-indipendenza tal-qrati nazzjonali. Osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess għandhom jiġu limitati għal każijiet li huma importanti għall-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 107(1) jew l-Artikolu 108 tat-TFUE, b’mod partikolari għal każijiet li huma sinifikanti għall-infurzar jew l-iżvilupp ulterjuri tal-każistika tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat).

(20)

Fl-interess tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, informazzjoni dwar deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika. Huwa għalhekk xieraq li jiġu ppubblikati deċiżjonijiet li jimponu multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet, minħabba li dawn jaffettwaw l-interessi tas-sorsi kkonċernati. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tagħti informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tagħha, għandha tirrispetta r-regoli tas-segretezza professjonali, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u d-data personali kollha, f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE.

(21)

Il-Kummissjoni, f’relazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna mill-Istat, għandha tkun tista’ tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi li jistabbilixxu regoli dettaljati li jirrigwardaw il-forma, il-kontenut u kriterji oħra tal-ilmenti ppreżentati skont lir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(22)

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

It-titolu tar-Regolament jiġi sostitwit b’dan li ġej:

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 659/1999 TAT-22 TA’ MARZU 1999 LI JIPPRESKRIVI REGOLI DETTALJATI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 108 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA”;

(2)

It-titolu tar-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Talba għal informazzjoni magħmula lill-Istat Membru li jinnotifika”;

(3)

L-Artikoli li ġejjin jiddaħħlu:

“Artikolu 6a

Talba għal informazzjoni li ssir lil sorsi oħra

1.   Wara l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 6, b’mod partikolari fir-rigward ta’ każijiet teknikament kumplessi soġġetti għal valutazzjoni sostantiva, il-Kummissjoni tista’, jekk l-informazzjoni mogħtija minn Stat Membru kkonċernat matul investigazzjoni preliminari ma tkunx suffiċjenti, titlob kwalunkwe Stat Membru ieħor, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ieħor jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar is-suq biex il-Kummissjoni tkun tista’ tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar il-miżura inkwistjoni b’kont meħud kif xieraq tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni:

(a)

jekk hija limitata għal proċeduri ta’ investigazzjoni formali li ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala ineffettivi s’issa; u

(b)

sa fejn huma kkonċernati l-benefiċjarji tal-għajnuna, jekk l-Istat Membru kkonċernat jaqbel mat-talba.

3.   L-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jagħtu informazzjoni wara talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni dwar is-suq abbażi tal-paragrafi 6 u 7 għandhom jagħtu t-tweġiba tagħhom simultanjament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li d-dokumenti mogħtija ma jinkludu informazzjoni li hija kunfidenzjali rigward dak l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi u tissorvelja t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati, u tivverifika l-kunfidenzjalità allegata tal-informazzjoni trażmessa.

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob informazzjoni li hija disponibbli għal Istat Membru, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati mit-talba.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni abbażi ta’ talba sempliċi u f’limitu ta’ żmien preskritt mill-Kummissjoni li normalment ma għandux jaqbeż xahar. Meta Stat Membru ma jagħtix l-informazzjoni mitluba f’dak il-perjodu jew jagħti informazzjoni mhux sħiħa, il-Kummissjoni għandha tibgħat tfakkira.

6.   Il-Kummissjoni tista’, b’talba sempliċi, tobbliga impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi biex jipprovdu informazzjoni. Meta l-Kummissjoni tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, għandha tiddikjara l-bażi legali u l-ambitu tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija rikjesta u tippreskrivi skadenza proporzjonata li fiha l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta. Hija għandha tirreferi wkoll għall-multi stipulati fl-Artikolu 6b(1) għal provvista ta’ informazzjoni inkorretta jew qarrieqa.

7.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, tobbliga impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi biex jipprovdu informazzjoni. Meta l-Kummissjoni, b’deċiżjoni titlob li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi jagħtu informazzjoni, hija għandha tindika l-bażi legali, ir-raġunitat-talbatispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tippreskrivi perjodu ta’ żmien proporzjonat li fih għandha tkun mogħtija l-informazzjoni. Hi għandha tindika wkoll il-multi stipulati fl-Artikolu 6b(1) u tindika jew timponi l-ħlas tal-penalitajiet perjodiċi stipulati fl-Artikolu 6b(2). Barra dan, għandha tindika d-dritt ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

8.   Meta toħroġ talba taħt il-paragrafu 1 jew 6, jew meta tadotta deċiżjoni taħt il-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha simultanjament tipprovdi lill-Istat Membru kkonċernat kopja tagħha. Il-Kummissjoni għandha tindika l-kriterji li skonthom għażlet ir-reċipjenti tat-talba jew deċiżjoni.

9.   Il-proprjetarji tal-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom, jew fil-każ ta’ persuni legali, kumpanniji, ditti, jew assoċjazzjonijiet li ma għandhom personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati mil-liġi jew mill-kostituzzjoni tagħhom biex jirrappreżentawhom, għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba jew rikjesta. Persuni li huma debitament awtorizzati sabiex jaġixxu f’isem il-klijenti tagħhom, jistgħu jagħtu din l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar, madankollu, għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni mogħtija ma tkunx korretta, ma tkunx kompleta, jew tkun qarrieqa.

Artikolu 6b

Multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penalitajiet

1.   Il-Kummissjoni tista’, jekk meqjus neċessarju u proporzjonat, timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi multi li ma jeċċedux aktar minn 1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn huma, intenzjonalment jew b’mod negligenti:

(a)

jipprovdu informazzjoni żbaljata jew qarrieqa fi tweġiba għal talba magħmula skont l-Artikolu 6a(6);

(b)

jipprovdu informazzjoni żbaljata, mhux sħiħa jew qarrieqa fi tweġiba għal deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6a(7), jew ma jipprovdux l-informazzjoni fil-limitu ta’ żmien preskritt.

2.   Il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi fuq impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet fejn impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma jirnexxielhomx jagħtu informazzjoni sħiħa jew korretta kif mitlub mill-Kummissjoni b’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 6a(7).

Il-pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet m’għandhomx jaqbżu l-5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-impriża jew assoċjazzjoni fis-sena ta’ negozju preċedenti għal kull jum ta’ dewmien, ikkalkulati mid-data stabbilita fid-deċiżjoni, sakemm tforni informazzjoni sħiħa u korretta kif mitlub jew rikjest mill-Kummissjoni.

3.   Meta jkun qiegħed jiġi ffissat l-ammont tal-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penalitajiet, għandhom ikunu kkunsidrati n-natura, l-gravità u t-tul tal-ksur. b’kont debitu meħud tal-prinċipji tal-proporzjonalità u adegwatezza, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

4.   Fejn l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriża ikunu ssodisfaw l-obbligu li l- pagament perjodiku tal-penalitajiet kien intiż li jinforza, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku tal- penalitajiet meta mqabbel ma’ dak taħt id-deċiżjoni oriġinali li imponiet il- pagamenti perjodiċi tal-penalitajiet. Il-Kummissjoni tista’ wkolltirrinunzja għall-kwalunkwe pagament perjodiku tal-penalitajiet.

5.   Qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza finali ta’ ġimagħtejn biex tirċievi l-informazzjoni nieqsa dwar is-suq mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati u wkoll tagħtihom l-opportunità li jsemmgħu l-fehmiet tagħhom.

6.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fis-sens tal-Artikolu 261 tat-TFUE biex tirrevedi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet imposti mill-Kummissjoni. Hi tista’ tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet imposti.”;

(4)

Fl-Artikolu 7, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“8.   Qabel ma tiġi adottata kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafi 2 sa 5, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jsemmal-fehmiet tiegħu, fi skadenza li normalment m’għandhiex taqbeż xahar, dwar l-informazzjoni li tkun irċeviet il-Kummissjoni u mogħtija lill-Istat Membru skont l-Artikolu 6a(3).

9.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tuża informazzjoni kunfidenzjali fornuta minn dawk li wieġbu, li ma tistax tiġi aggregata jew b’mod ieħor tiġi anonimizzata, fi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi minn 2 sa 5 sakemm ma tkun kisbet il-kunsens tagħhom li tiżvela dik l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni motivata, li għandha tiġi notifikata lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, li tiddeċiedi li l-informazzjoni pprovduta minn intimat u mmarkata bħala kunfidenzjali mhijiex protetta u tistabbilixxi data li wara li tgħaddi l-informazzjoni ser tkun żvelata. Dak il-perjodu ma għandux ikun ta’ anqas minn xahar.

10.   Il-Kummissjoni għandha tqis debitament l-interessi leġittimi tal-impriżi għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali. Impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 6a, li mhijiex benifiċjarja ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni, tista’ titlob, għal raġunijiet ta’ dannu potenzjali, l-identità tagħha tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat.”;

(5)

Fl-Artikolu 10 il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, il-Kummissjoni tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess teżamina informazzjoni li tirrigwarda għajnuna illegali allegata minn kwalunkwe sors.

Il-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien indebitu kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe parti interessata skont l-Artikolu 20(2) u tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jinżamm infurmat regolarment u bis-sħiħ bil-progress u l-eżitu tal-eżami.

2.   Jekk neċessarju, il-Kummissjoni għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Wara li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll informazzjoni minn Stat Membru ieħor, impriża, jew assoċjazzjoni ta’ impriżi skont l-Artikoli 6a u 6b, li għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

(6)

It-titolu tal-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 14:

“KAPITOLU IIIA

PERIJODI TA’ PRESKRIZZJONI”;

(7)

It-titolu tal-Artikolu 15 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna”;

(8)

L-Artikoli li ġejjin jiddaħħlu:

“Artikolu 15a

Perjodu ta’ preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikolu 6b għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

2.   It-terminu ta’ preskrizzjoni stipulat fil-paragrafu 1 jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur imsemmi fl-Artikolu 6b. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, il-perijodu għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jintemm il-ksur.

3.   Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-iskop tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 6b għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet, b’effett mid-data li fiha l-azzjoni ġiet notifikata lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata.

4.   Wara kull interruzzjoni, il-perijodu tal-preskrizzjoni jerġa’ jibda mill-bidu. Madankollu, il-perjodu tal-preskrizzjoni jiskadi sa mhux aktar tard mill- ġurnata li fiha jkun għadda perijodu ta’ sitt snin mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet xi multa jew pagament perjodiku ta’ penalitajiet. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu tal-preskrizzjoni jkun sospiż skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perijodu tal-preskrizzjoni applikabbli għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penalitajiet għandu jiġi sospiż sa kemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15b

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċiu ta’ penalitajiet

1.   Is-setgħat tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 6b għandhom ikunu soġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Il-perjodu stipulat fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 6b issir finali.

3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi interrott:

(a)

b’notifika ta’ deċiżjoni li timmodifika l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penalitajiet jew tirrifjuta applikazzjoni għall-modifika;

(b)

bi kwalunkwe azzjoni ta’ Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, jew tal-Kummissjoni,, intiża li tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta’ penalitajiet.

4.   Wara kull interruzzjoni, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda mill-ġdid.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrau 1 għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

il-konvenut ikun permess żmien għall-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-ħlas ikun sospiż bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”;

(9)

L-Artikolu 16 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Użu ħażin ta’ għajnuna

Bla ħsara għall-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista, f’każijiet ta’ użu ħażin ta’ għajnuna, tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 6a, 6b, 7, 9 u 10, l-Artikolu 11(1) u l-Artikoli 12 sa 15 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

(10)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kull parti interessata tista’ tippreżenta ilment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna illegali allegata jew użu ħażin allegat ta’ għajnuna. Għal dak il-għan, il-parti interessata għandha debitament timla formola li ġiet definita f’dispożizzjoni implimentattiva msemmija fl-Artikolu 27 u għandha tipprovdi kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha.

Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li l-parti interessata ma tikkonformax mal-formola tal-ilmenti obbligatorji jew li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali jew użu ħażin ta’ għajnuna, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan u tindirizzalha talba biex tagħmel il-kummenti tagħha f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. Jekk il-parti interessata tonqos milli tagħmel il-fehmiet tiegħu fil-perjodu preskritt, l-ilment għandu jitiqies li kien irtirat. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat meta lment ikun tqies li ġie rtirat.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment lil min ilmenta.”;

(11)

Il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 20:

“KAPITOLU VIA

INVESTIGAZZJONIJIET F’SETTURI TAL-EKONOMIJA U FI STRUMENTI TA’ GĦAJNUNA

Artikolu 20a

Investigazzjonijiet f’setturi tal-ekonomija u fi strumenti ta’ għajnuna

1.   Fejn l-informazzjoni disponibbli tissostanzja suspett raġonevoli li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat f’settur partikolari jew abbażi tal-istrument ta’ għajnuna partikolari jistgħu jirrestrinġu materjalment jew ixekklu l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern f ‘diversi Stati Membri, jew li miżuri ta’ għajnuna eżistenti f’settur partikolari f’diversi Stati Membri ma jkunux, jew ma għadhomx, kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tmexxi inkjesta fi Stati Membri diversi fis-settur tal-ekonomija jew l-użu tal-istrument ta’ għajnuna kkonċernat. Matul din l-inkjesta, il-Kummissjoni tista’ titlob l-Istati Membri, u/jew l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati biex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-Kummissjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-inkjesta u l-għażla ta’ destinatarji fit-talbiet kollha għal informazzjoni mibgħuta skont dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar ir-riżultati tal-inkjesta f’setturi partikolari tal-ekonomija jew strumenti ta’ għajnuna partikolari f’diversi Stati Membri u għandha tistieden lill-Istati Membri u kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati li jissottomettu kummenti.

2.   Informazzjoni miksuba minn inkjesti dwar is-settur tista’ tintuża fil-qafas ta’ proċeduri skont dan ir-Regolament.

3.   L-Artikoli 5, 6a u 6b għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(12)

Il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 23:

“KAPITOLU VIIA

KOOPERAZZJONI MAL-QRATI NAZZJONALI

Artikolu 23a

Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-qrati ta’ Stati Membri jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.   Fejn l-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 107(1) jew l-Artikolu 108 tat-TFUE tirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq l-iniżjattiva tagħha stess, tista’ tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati tal-Istati Membri li huma responsabbli mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Hi tista’, bil-permess tal-qorti partikolari, tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat bl-intenzjoni tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet qabel ma tagħmel dan formalment.

Għall-iskop esklużiv tal-preparazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-qorti rilevanti tal-Istat Membru biex tittrażmetti dokumenti għad-disponibbiltà tal-qorti, neċessarji għall-valutazzjoni tal-materja.”;

(13)

L-Artikolu 25 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Destinatarju tad-deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6a(7), l-Artikolu 6b(1) u (2) u l-Artikolu 7(9) għandhom ikunu indirizzati lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni lid-destinatarju mingħajr dewmien u għandha tagħti lid-destinatarju l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jikkunsidra li għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.

2.   Deċiżjonijiet l-oħra kollha meħuda skont il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinnotifikahom lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien u għandha tagħti lil dak l-Istat Membru l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jikkonsidra li għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali”.

(14)

Fl-Artikolu 26, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-deċiżjonijiet li tkun ħadet skont l-Artikoli 6b(1) u (2).”;

(15)

L-Artikolu 27 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, għandha jkollha s-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta’ notifiki;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta’ rapporti annwali;

(c)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta’ kwereli sottomessi skont l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 20(2);

(d)

dettalji tal-limiti ta’ żmien u l-kalkolu tal-limiti ta’ żmien; u

(e)

ir-rata tal-interessi msemmija fl-Artikolu 14(2).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, 3.3.2010, COM(2010) 2020 final.

(2)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.