11.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 655/2013

tal-10 ta’ Lulju 2013

li jistabbilixxi kriterji komuni għall-ġustifikazzjoni ta’ pretensjonijiet użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b’mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 20(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-utenti aħħarin kif definiti fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma ffaċċjati b’diversità kbira ta’ pretensjonijiet rigward il-funzjoni, il-kontenut u l-effetti ta’ prodott kożmetiku. Peress li l-prodotti kożmetiċi għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-utenti aħħarin, huwa importanti li wieħed jiżgura li l-informazzjoni mgħoddija lilhom permezz ta’ dawn il-pretensjonijiet tkun utli, tinftiehem u affidabbli, u li din tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati u li jagħżlu l-prodotti li huma l-iktar adattati għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom.

(2)

Pretensjoniet dwar il-prodott ta’ prodotti kożmetiċi jservu l-aktar biex l-utenti aħħarin jiġu mgħarrfa dwar il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-prodotti. Dawk il-pretensjonijiet huma modi essenzjali kif wieħed jiddifferenzja bejn il-prodotti. Huma jikkontribwixxu wkoll biex jistimulaw l-innovazzjoni u l-inkoraġġiment tal-kompetizzjoni.

(3)

Għandhom ikunu stabbiliti kriterji komuni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġġustifikaw l-użu ta’ pretensjoni magħmula fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi. L-għan ewlieni li jistabbilixxi l-kriterji komuni huwa li wieħed jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti aħħarin, b’mod partikolari minn pretensjonijiet qarrieqa fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi. Approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni għandu wkoll jiżgura konverġenza aħjar tal-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u jevitaw distorsjonijiet fis-suq intern. Approċċ bħal dan għandu wkoll itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (2).

(4)

L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 japplika għal prodotti li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ prodott kożmetiku fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. Il-kriterji komuni japplikaw biss meta jkun ġie evalwat li l-prodott inkwistjoni tabilħaqq huwa prodott kożmetiku. Huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati nazzjonali bex jiddeċiedu fuq bażi ta’ każ każliema qafas regolatorju japplika.

(5)

Il-kriterji komuni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali”) (3), tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (4), u għal leġiżlazzjoni oħra applikabbli tal-Unjoni.

(6)

Għandu jittieħed approċċ flessibbli biex il-messaġġi jiġu komunikati lill-utenti aħħarin sabiex titqies id-diversità soċjali, lingwistika u kulturali tal-Unjoni Ewropea u jiġu ppreservati l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-prinċipji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja li rrimarkat diversi drabi li, sabiex ikun iddeterminat jekk pretensjoni tkunx kapaċi tiżgwida l-konsumatur, huwa meħtieġ li jitqiesu l-aspettattivi ta’ dan tal-aħħar, billi jitqiesu l-kuntest speċifiku u ċ-ċirkostanzi li fihom issir il-pretensjoni, inklużi l-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (5).

(7)

Filwaqt li wieħed jiżgura li l-istess prinċipji huma rrispettati fl-Unjoni kollha, il-kriterji komuni ma għandhomx jimmiraw biex jiddefinixxu u jispeċifikaw il-kliem li jista’ jintuża għal pretensjonijiet ta’ prodott kożmetiku.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-kriterji komuni għall-pretensjonijiet tal-prodotti kożmetiċi japplikaw mill-istess data bħal dik tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-11 ta’ Lulju 2013.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament għandu japplika għal pretensjonijiet f’forma ta’ testi, ismijiet, trejdmarks, stampi u sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn li jittrażmettu espliċitament jew impliċitament karatteristiċi tal-prodott jew funzjonijiet fl-ittikkettjar, id-disponibilità fis-suq u r-reklamar tal-prodotti kożmetiċi. Dan għandu japplika għal kull pretensjoni, irrispettivament mill-mezz jew it-tip ta’ għodda użati għall-kummerċjalizzazzjoni, il-pretensjoni tal-funzjonijiet tal-prodott, u l-udjenza fil-mira.

Artikolu 2

Il-persuna responsabbli msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandha tiżgura li l-kliem tat-talba fir-rigward ta’ prodotti kożmetiċi hu konformi mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness u huwa konsistenti mad-dokumentazzjoni li tagħti prova tal-effett mistqarr għall-prodott kożmetiku fil-fajl tal-informazzjoni dwar il-prodott imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-11 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(4)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(5)  Ara eż. Kawża C-220/98, Estée Lauder Cosmetics vs. Lancaster [2000] ECR I-00117, paragrafu 29.


ANNESS

KRITERJI KOMUNI

1.   Konformità legali

(1)

Ma għandhomx ikunu permessi pretensjonijiet li jindikaw li l-prodott ikun ġie awtorizzat jew approvat minn awtorità kompetenti fi ħdan l-Unjoni.

(2)

L-aċċettabilità ta’ pretensjoni għandha tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni tal-utent aħħari medju ta’ prodott kożmetiku, li huwa b’mod raġonevoli infurmat sew u b’mod raġonevoli osservant u ċirkuspett, billi jitqiesu l-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi fis-suq ikkonċernat.

(3)

Ma għandhomx ikunu permessi pretensjonijiet li jagħtu l-idea li prodott għandu benefiċċju speċifiku meta dan il-benefiċċju jkun sempliċi konformità mar-rekwiżiti legali minimi.

2.   Il-verità

(1)

Jekk ikun hemm ilment fuq il-prodott li fih xi ingredjent speċifiku, l-ingredjent għandu jkun preżenti b’mod deliberat.

(2)

Pretensjonijiet ta’ ingredjent li jirreferu għall-proprjetajiet ta’ xi ingredjent speċifiku ma għandhomx jimplikaw li l-prodott finali għandu l-istess proprjetajiet meta ma għandux.

(3)

Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ma għandhomx jimplikaw li l-espressjonijiet ta’ opinjonijiet huma pretensjonijiet ivverifikati sakemm l-opinjoni tirrifletti evidenza verifikabbli.

3.   Appoġġ li jagħti xhieda

(1)

Pretensjonijiet għal prodotti kożmetiċi, kemm espliċiti jew impliċiti, għandhom ikunu appoġġjati minn evidenza adegwata u verifikabbli irrispettivament mit-tipi ta’ appoġġ ta’ evidenza użati biex jissostanzjahom, inkluż fejn jixraq valutazzjonijiet tal-esperti.

(2)

Evidenza għal prova tal-pretensjoni għandha tqis l-aktar prattiċi avvanzati.

(3)

Fejn qegħdin jintużaw studji bħala evidenza, dawn għandhom ikunu rilevanti għall-prodott u għall-benefiċċju allegat, għandhom isegwu metodoloġiji mfassla tajjeb u magħmula sew (validi, affidabbli u riproduċibbli) u għandhom jirrispettaw il-kunsiderazzjonijiet etiċi.

(4)

Il-livell ta’ evidenza jew ta’ sostanzjament għandu jkun konsistenti mat-tip ta’ pretensjoni li qed issir, b’mod partikolari għal pretensjonijiet fejn nuqqas ta’ effikaċja tista’ tikkawża problema ta’ sikurezza.

(5)

Id-dikjarazzjonijiet ta’ esaġerazzjoni ċara li ma għandhomx jittieħdu litteralment mill-utent aħħari medju (iperbole) jew id-dikjarazzjonijiet ta’ natura astratta ma għandhomx bżonn ta’ sostanzjament.

(6)

Pretensjoni li testrapolixxi (espliċitament jew impliċitament) proprjetajiet ta’ ingredjent tal-prodott finali għandha tiġi appoġġjata b’evidenza adegwata u verifikabbli, bħal pereżempju billi tintwera l-preżenza tal-ingredjent f’konċentrazzjoni effettiva.

(7)

Valutazzjoni tal-aċċettabilità ta’ pretensjoni għandha tkun ibbażata fuq il-piż ta’ evidenza tal-istudji kollha, id-dejta u l-informazzjoni disponibbli skont in-natura tal-pretensjoni u l-għarfien ġenerali prevalenti tal-utenti aħħarin.

4.   Onestà

(1)

Il-preżentazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-prodott ma għandhomx imorru lil hinn mill-evidenza ta’ sostenn disponibbli.

(2)

Il-pretensjonijiet ma għandhomx jattribwixxu lill-karatteristiċi speċifiċi (jiġifieri uniċi) tal-prodott ikkonċernat jekk prodotti simili jkollhom l-istess karatteristiċi.

(3)

Jekk l-azzjoni ta’ prodott tintrabat ma’ kundizzjonijiet speċifiċi, bħal pereżempju f’użu marbut ma’ prodotti oħra, dan għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar.

5.   Ġustizzja

(1)

Il-pretensjonijiet tal-prodotti kożmetiċi għandhom ikunu oġġettivi u ma għandhomx inaqqsu l-istima tal-kompetituri, u lanqas ma għandhom inaqqsu l-istima tal-ingredjenti użati legalment.

(2)

Il-pretensjonijiet ta’ prodotti kożmetiċi ma għandhomx joħolqu konfużjoni mal-prodott ta’ kompetitur.

6.   Teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat

(1)

Il-pretensjonijiet għandhom ikunu ċari u jinftiehmu mill-utent aħħari medju.

(2)

Il-pretensjonijiet huma parti integrali tal-prodotti u għandhom jinkludu informazzjoni li tippermetti lill-utent aħħari medju biex jagħmel għażla infurmata.

(3)

Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom iqisu l-kapaċità tal-udjenza fil-mira (il-popolazzjoni tal-Istati Membri rilevanti jew is-sezzjonijiet tal-popolazzjoni, pereżempju, l-utenti aħħarin ta’ età u sess differenti) biex tinftiehem il-komunikazzjoni. Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom ikunu ċari, preċiżi, rilevanti u li jinftiehmu mill-udjenza fil-mira.