28.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 624/2013

tas-27 ta’ Ġunju 2013

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 rigward kwota ta’ tariffi ġdida tal-Unjoni marbuta fil-GATT għal preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew mhux inklużi mkien ieħor, allokati lill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti ta’ tariffi Komunitarji marbutin fil-GATT u ċerti kwoti ta’ tariffi Komunitarji oħra u li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-aġġustament tal-kwoti, u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1808/95 (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2013/125/UE (2), il-Kunsill approva l-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 fir-rigward tal-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea

(2)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika jipprovdi għal tariffi ta’ kwoti annwali ġodda għal ċerti preparazzjonijiet tal-ikel.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 32/2000 fetaħ u pprovda għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffi tal-Unjoni marbutin fil-GATT imfasslin biex jintużaw skont l-ordni kronoloġiku tad-dati tad-dikjarazzjonijiet tad-dwana.

(4)

Biex tiġi vverifikata l-oriġini tal-prodotti, għandhom jitqiesu l-miżuri ta’ kontroll introdotti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti, u ċ-ċertifikat ta’ oriġini maħruġ minn dawk l-awtoritajiet jekk ikun meħtieġ għall-importazzjoni skont l-Artikoli minn 55 sa 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (3).

(5)

Biex tiġi implimentata l-kwota ta’ tariffi annwali ġdida li għaliha hemm dispożizzjonijiet fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 32/2000.

(6)

Hekk kif il-Ftehim f’għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 fir-rigward tal-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013, dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandu japplika mill-istess data.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 32/2000 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 5, 8.1.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 69, 13.3.2013, p. 4.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 32/2000, il-kliem li ġejjin għandhom jidħlu fit-tabella:

“09.0096

2106 90 98

 

Preparazzjonijiet tal-ikel oħrajn mhux speċifikati jew mhux inklużi mkien ieħor, allokati lill-Istati Uniti tal-Amerika

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju

1 550 tunnellata

EA (*)  (**)


(*)  Is-simbolu “EA” jindika li l-oġġetti jista’ jkollhom taxxa b’“komponent agrikolu” stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87.

(**)  L-użu tal-kwota tat-tariffi għandha tkun suġġetta għall-presentazzjoni, skont l-Artikoli minn 55 sa 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, ta’ ċertifikat ta’ oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika.”