18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 557/2013

tas-17 ta’ Ġunju 2013

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea fir-rigward tal-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatistika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-Istatistika Ewropea, inkluż id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni ta’ u l-aċċess għal data kunfidenzjali.

(2)

Il-benefiċċji ta’ data miġbura għall-għanijiet tal-istatistika Ewropea għandhom ikunu massimizzati, inter alia billi jittejjeb l-aċċess għal data kunfidenzjali mir-riċerkaturi għal skopijiet xjentifiċi.

(3)

Ħafna mistoqsijiet imqajma fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u politiċi jistgħu jitwieġbu b’mod adegwat biss fuq il-bażi ta’ data dettaljata u rilevanti u li tippermetti analiżi fil-fond. Il-kwalità u l-puntwalità tat-tagħrif dettaljat disponibbli għar-riċerka saru, f’dan il-kuntest, komponenti importanti tal-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza u tal-governanza tas-soċjetà.

(4)

Il-komunità tar-riċerka għandha, għalhekk, tgawdi minn aċċess usa’ għal data kunfidenzjali li tintuża għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, għall-analiżi fl-interess tal-progress xjentifiku, mingħajr ma jiġi kompromess il-livell għoli ta’ ħarsien li teħtieġ data statistika kunfidenzjali.

(5)

Korpi bl-għan li jippromwovu u jipprovdu aċċess għad-data fl-interess tar-riċerka xjentifika f’oqsma soċjalment u politikament rilevanti jistgħu jikkontribwixxu għall-proċess ta’ rilaxx ta’ data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi, u b’hekk titjieb l-aċċessibbiltà tad-data kunfidenzjali.

(6)

L-approċċ ta’ ġestjoni tar-riskju għandu jkun l-aktar mudell effiċjenti bil-għan li tinkiseb firxa usa’ ta’ data kunfidenzjali disponibbli għal skopijiet xjentifiċi filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ dawk li wieġbu u tal-unitajiet statistiċi.

(7)

Il-protezzjoni fiżika u loġika tad-data kunfidenzjali għandha tkun żgurata permezz ta’ miżuri regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi. Dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu daqshekk eċċessivi li jillimitaw l-utilità tad-dejta għall-iskop ta’ riċerka xjentifika.

(8)

Għal dan il-għan, skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipprevjenu u jissanzjonaw kull ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika.

(9)

Dan ir-Regolament jiżgura, b’mod partikulari, rispett sħiħ għad-dritt għal ħajja privata u tal-familja għall-protezzjoni ta’ data personali (l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3).

(11)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (4) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (5).

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta’ Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatisika tal-Komunità, rigward fakoltà ta’ użu ta’ data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi (6) għandu jiġi rrevokat.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tas-Sistema Statistika (il-Kumitat ESS),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jista’ jingħata l-aċċess għad-data kunfidenzjali trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) għall-finjiet tal-analiżi statistika għal raġunijiet xjentifiċi, u r-regoli ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika sabiex jiġi ffaċilitat tali aċċess.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi” tfisser data li tippermetti biss l-identifikazzjoni indiretta tal-unitajiet tal-istatistika, li jieħdu l-forma jew ta’ fajls b’użu sikur jew fajls b’użu xjentifiku;

(2)

“fajls b’użu sikur” tfisser data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi li għalihom l-ebda metodi oħra ta’ kontroll ta’ żvelar statistiku ma’ ġew applikati;

(3)

“fajls b’użu xjentifiku” tfisser data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi li għalihom ġew applikati metodi ta’ kontroll ta’ żvelar statistiku sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ identifikazzjoni tal-unità statistika għal livell xieraq skont l-aħjar prattika attwali;

(4)

“metodi ta’ kontroll tal-iżvelar tal-istatistika” tfisser metodi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ żvelar ta’ tagħrif dwar l-unitajiet ta’ statistika, normalment bir-restrizzjoni jew bil-modifika tal-ammont tad-data rrilaxxata;

(5)

“faċilitajiet ta’ aċċess” tfisser l-ambjent fiżiku jew virtwali u l-qafas organizzattiv tiegħu fejn jingħata l-aċċess għal data kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi;

(6)

“awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika” tfisser l-istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra f’kull Stat Membru responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-Istatistika Ewropea kif maħtura skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Il-Kummissjoni (Eurostat) tista’ tagħti aċċess għal data kunfidenzjali għal raġunijiet xjentifiċi miżmuma minnha għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-Istatistika Ewropea kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, bil-kundizzjoni li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-aċċess jintalab minn xi entità tar-riċerka rikonoxxuta;

(b)

tkun ġiet ippreżentata proposta ta’ riċerka xierqa;

(c)

tkun ġiet indikata it-tip ta’ rikjesta għal data kunfidenzjali għall-għanijiet xjentifiċi;

(d)

l-aċċess ikun ipprovdut jew mill-Kummissjoni (Eurostat) jew minn faċilità oħra ta’ aċċess akkreditata mill-Kummissjoni (Eurostat);

(e)

tkun tat l-approvazzjoni tagħha l-awtorità nazzjonali tal-istatistika li pprovdiet id-data rilevanti.

Artikolu 4

Entitajiet ta’ riċerka

1.   Ir-rikonoxximent tal-entitajiet ta’ riċerka għandu jkun ibbażat fuq kriterji li jirreferu għal:

(a)

l-għan tal-entità; il-valutazzjoni tal-għan tal-entità għandha titwettaq fuq il-bażi tal-istatut, il-missjoni jew id-dikjarazzjoni tal-iskop tagħha; l-għan tal-entità għandha tinkludi referenza għar-riċerka;

(b)

ir-rekord jew reputazzjoni stabbilita tal-entità bħala korp li jipproduċi riċerka ta’ kwalità u jagħmilha disponibbli għall-pubbliku; l-esperjenza tal-entità fit-twettiq ta’ proġetti ta’ riċerka għandha tkun evalwata fuq il-bażi ta’, inter alia, listi ta’ pubblikazzjonijiet u proġetti ta’ riċerka disponibbli fejn kienet involuta l-entità;

(c)

l-arranġamenti interni organizzattivi għar-riċerka; l-entità tar-riċerka għandha tkun organizzazzjoni separata b’personalità legali, immirata fuq ir-riċerka jew b’dipartiment tar-riċerka fi ħdan l-organizzazzjoni; l-entità tar-riċerka għandha tkun indipendenti, awtonoma fil-formulazzjoni ta’ konklużjonijiet xjentifiċi u sseparata mill-oqsma ta’ politika tal-korp li tappertjeni għalih;

(d)

is-salvagwardji jkunu fis-seħħ biex jiżguraw is-sigurtà tad-data; l-entità tar-riċerka teknika u infrastrutturali għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ infrastruttura biex wieħed jiżgura s-sigurtà tad-data.

2.   Għandu jiġi ffirmat impenn ta’ kunfidenzjalità għar-riċerkaturi kollha tal-entità li se jkollhom aċċess għal dejta kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi u li jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-aċċess, l-obbligi tar-riċerkaturi, il-miżuri għar-rispett tal-kunfidenzjalità tad-data statistika u s-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi minn rappreżentant maħtur kif jixraq tal-entità tar-riċerka.

3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, f’koperazzjoni mal-Kumitat tal-ESS, tistabbilixxi linji gwida għall-valutazzjoni tal-entitajiet ta’ riċerka, inkluż l-impenn ta’ kunfidenzjalità msemmi fl-Artikolu 4 (2). Fejn ikun ġustifikat kif jixraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-linji gwida, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tal-ESS.

4.   Rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-entitajiet ta’ riċerka għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

5.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fuq il-websajt tagħha lista aġġornata ta’ entitajiet ta’ riċerka rikonoxxuti.

6.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha twettaq valutazzjonijiet mill-ġdid b’mod regolari tal-entitajiet tar-riċerka inklużi fil-lista.

Artikolu 5

Proposta għar-riċerka

1.   Il-proposta għar-riċerka għandha tindika b’dettall suffiċjenti:

(a)

l-għan leġittimu tar-riċerka;

(b)

l-ispjegazzjoni għaliex dan l-għan ma jkunx jista’ jiġi ssodisfat billi tintuża data mhux kunfidenzjali;

(c)

l-entità li qed titlob l-aċċess;

(d)

ir-riċerkaturi individwali li se jkollhom aċċess għad-dejta;

(e)

il-faċilitajiet għall-aċċess li jkunu se jintużaw;

(f)

is-settijiet ta’ data li se jiġu aċċessati, il-metodi biex jiġu analizzati u

(g)

r-riżultati mistennija mir-riċerka li tkun se tiġi ppubblikata jew imxerrda b’mod ieħor.

2.   Il-proposta għar-riċerka għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjonijiet individwali ta’ kunfidenzjalità iffirmati mir-riċerkaturi li se jkollhom aċċess għad-data.

3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, b’koperazzjoni mal-Kumitat tal-ESS, tistabbilixxi linji gwida għall-valutazzjoni tal-proposti tal-entitajiet tar-riċerka. Fejn ikun ġustifikat kif jixraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-linji gwida, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tal-ESS.

4.   Rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-proposti ta’ riċerka għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika li ttrażmettew id-data kunfidenzjali kkonċernata lill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 6

Pożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika

1.   L-approvazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-istatistika li ttrażmettiet id-data kunfidenzjali kkonċernata għandha tintalab għal kull proposta ta’ riċerka qabel ma jingħata l-aċċess. L-awtorità nazzjonali tal-istatistika għandha tissottometti l-pożizzjoni tagħha lill-Eurostat fi żmien erba’ ġimgħat mid-data li l-awtorità nazzjonali tal-istatistika tkun irċeviet ir-rapport rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-proposta tar-riċerka.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika li ttrażmettew id-data kunfidenzjali kkonċernata u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom, kull fejn hu possibbli, jaqblu dwar is-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-konsultazzjoni u t-titjib tal-puntwalità ta’ din il-proċedura.

Artikolu 7

Data kunfidenzjali għal għanijiet speċifiċi

1.   Jista’ jingħata aċċess għal fajls b’użu sikur sakemm ir-riżultati tar-riċerka ma jkunux rilaxxati mingħajr iċċekkjar minn qabel biex jiġi żgurat li mhux qed jiżvelaw data kunfidenzjali. Jista’ jingħata aċċess għal fajls b’użu sikur biss fi ħdan il-faċilitajiet ta’ aċċess tal-Kummissjoni (Eurostat) jew faċilitajiet oħra ta’ aċċess akkreditati mill-Kummissjoni (Eurostat) biex jipprovdu aċċess għal fajls b’użu sikur.

2.   Jista’ jingħata aċċess għal fajls b’użu xjentifiku sakemm ikunu fis-seħħ is-salvagwardji xierqa fl-entità ta’ riċerka li qed titlob aċċess. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippubblika informazzjoni dwar is-salvagwardji meħtieġa.

3.   F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tħejji settijiet ta’ data għall-użu fir-riċerka li jimmiraw it-tipi differenti ta’ data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi. Meta jħejju sett tad-dejta għall-użu fir-riċerka, il-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom iqisu r-riskju u l-impatt ta’ żvelar illegali ta’ data kunfidenzjali.

Artikolu 8

Faċilitajiet ta’ aċċess

1.   Jista’ jingħata aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi permezz ta’ faċilitajiet ta’ aċċess akkreditati mill-Kummissjoni (Eurostat).

2.   Il-faċilità ta’ aċċess għandha tinsab fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. B’eċċezzjoni, il-faċilitajiet ta’ aċċess jistgħu jitqiegħdu barra mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, soġġetti għall-approvazzjoni espliċita minn qabel tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali li pprovdew id-data kkonċernata.

3.   Il-faċilitajiet ta’ aċċess ta’ akkreditament għandhom ikunu ibbażati fuq kriterji li jirreferu għall-iskop tal-faċilità tal-aċċess, l-istruttura organizzattiva tagħha u l-istandards tas-sikurezza tad-data u tal-ġestjoni tad-data.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, b’kooperazzjoni mal-Kumitat tal-ESS, tistabbilixxi linji gwida għall-valutazzjoni tal-faċilitajiet ta’ aċċess. Fejn ikun ġustifikat kif jixraq, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġġorna l-linji gwida, skont l-arranġamenti proċedurali approvati mill-Kumitat tal-ESS.

5.   Rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-entitajiet ta’ riċerka għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Ir-rapporti għandhom jinkludu rakkomandazzjoni dwar it-tip ta’ data kunfidenzjali li l-aċċess għaliha jista’ jiġi pprovdut permezz tal-faċilità ta’ aċċess. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkonsulta l-Kumitat tal-ESS qabel ma tiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni ta’ faċilità ta’ aċċess.

6.   Għandu jiġi iffirmat kuntratt bejn rappreżentant maħtur b’mod xieraq tal-faċilità ta’ aċċess jew tal-organizzazzjoni li tospita l-faċilità ta’ aċċess u l-Kummissjoni (Eurostat) li jiddetermina l-obbligi tal-faċilità ta’ aċċess fir-rigward tal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali u l-miżuri ta’ organizzazzjoni. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun informata b’mod regolari dwar l-attivitajiet imwettqa mill-faċilitajiet ta’ aċċess.

7.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fuq il-websajt tagħha lista ta’ faċilitajiet ta’ aċċess akkreditati.

Artikolu 9

Kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni

1.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tinforma b’mod regolari lill-Kumitat tal-ESS dwar il-miżuri amministrattivi, tekniċi u organizzattivi meħuda biex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta’ data kunfidenzjali u biex tissorvelja u timpedixxi r-riskju ta’ żvelar illegali jew kwalunkwe użu lil hinn mill-finijiet li għalihom l-aċċess ġie mogħti.

2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha:

(a)

linji gwida għall-valutazzjoni tal-entitajiet tar-riċerka, proposti ta’ riċerka u faċilitajiet ta’ aċċess;

(b)

il-lista tal-entitajiet ta’ riċerka rikonoxxuti;

(c)

il-lista tal-faċilitajiet ta’ aċċess akkreditati;

(d)

il-lista ta’ settijiet ta’ data għall-użu fir-riċerka mad-dokumentazzjoni rilevanti u l-metodi ta’ aċċess disponibbli.

Artikolu 10

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 831/2002 huwa rrevokat.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(5)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(6)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7.