18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/41


REGOLAMENT (UE) Nru 526/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Mejju 2013

dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-komunikazzjoni, l-infrastruttura u s-servizzi elettroniċi huma fatturi essenzjali, kemm direttament kif ukoll indirettament, fl-iżvilupp ekonomiku u tas-soċjetà. Dawn għandhom rwol vitali għas-soċjetà u saru minnhom innifishom servizzi li ssibhom kullimkien bl-istess mod bħall-provvisti tad-dawl u l-ilma, u jikkostitwixxu wkoll fatturi essenzjali fil-provvista tal-elettriku, l-ilma u servizzi essenzjali oħrajn. In-netwerks ta' komunikazzjoni jiffunzjonaw bħala katalisti soċjali u tal-innovazzjoni, billi jimmultiplikaw l-impatt tat-teknoloġija u t-tiswir tal-imġiba tal-konsumatur, ta' mudelli kummerċjali, industriji, kif ukoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadinanza u dik politika. L-interruzzjoni tagħhom għandha l-potenzjal li tikkawża dannu fiżiku, soċjali u ekonomiku konsiderevoli, u din tenfasizza l-importanza tal-miżuri biex tiżdied il-protezzjoni u r-reżistenza bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi kritiċi. Is-sigurtà tal-komunikazzjoni, l-infrastruttura u s-servizzi elettroniċi, b’mod partikolari l-integrità, d-disponibbiltà u l-kunfidenzjalità tagħhom, qed tiffaċċa sfidi li qed jespandu kontinwament li huma marbutin inter alia mal-komponenti individwali tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni u s-software li jikkontrolla dawk il-komponenti, l-infrastruttura ġenerali u s-servizzi pprovduti permezz ta' dik l-infrastruttura. Dan huwa ta’ tħassib dejjem akbar għas-soċjetà mhux l-inqas minħabba l-possibbiltà ta’ problemi dovuti għall-kumplessità tas-sistema, ħsarat, fallimenti sistematiċi, l-inċidenti, l-iżbalji u l-attakki li jista’ jkollhom konsegwenzi fuq l-infrastruttura elettronika u fiżika li tipprovdi servizzi li huma kritiċi għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej.

(2)

Ix-xenarju tat-theddida qed jinbidel kontinwament u l-inċidenti tas-sigurtà jistgħu jimminaw il-fiduċja li għandhom l-utenti fit-teknoloġija, in-netwerks u s-servizzi, u b'hekk jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq intern u l-użu ġenerali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

(3)

Għaldaqstant, huwa importanti dawk li jfasslu l-politika, għall-industrija u għall-utenti li ssir valutazzjoni regolari tal-istat tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-Unjoni, ibbażata fuq data affidabbli tal-Unjoni, kif ukoll previżjoni sistematika ta' żviluppi, sfidi u theddid futuri kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell globali.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2004/97/KE, Euratom (3), adottata fil-laqgħa fil-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Diċembru 2003, ir-rappreżentattivi tal-Istati Membri ddeċidew li l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), li kellha tiġi stabbilita abbażi tal-proposta mressqa mill-Kummissjoni, ikollha s-sede tagħha f'raħal fil-Greċja li għandu jiġi ddeterminat mill-Gvern Grieg. B'segwitu ta' dik id-Deċiżjoni, il-Gvern Grieg iddetermina li l-ENISA għandha jkollha s-sede tagħha f'Heraklion, fi Kreta.

(5)

Fl-1 ta' April 2005, intlaħaq Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali ("Ftehim dwar is-Sede") bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti.

(6)

L-Istat Membru ospitanti tal-Aġenzija għandu jiżgura l-aħjar kondizzjonijiet possibbli għal ħidma effiċjenti u bla xkiel tal-Aġenzija. Hu essenzjali għat-twettiq xieraq u effiċjenti tal-kompiti tagħha, għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal u biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-attivatijiet tan-netwerking, li l-Aġenzija tkun ibbażata f'post xieraq, li fost affarijiet oħra jiġu provduti konnessjonijiet u faċilitajiet ta' trasport adegwati għall-familjari miżżewġin u t-tfal li jakkumpanjaw membri tal-persunal tal-Aġenzija. L-arranġamenti neċessarji għandhom jiġu elenkati fil-ftehim bejn l-Aġenzija u l-Istat Membru ospitanti konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija.

(7)

Sabiex titjieb il-ħidma operattiva tal-aġenzija, l-Aġenzija stabbilixxiet uffiċċju fergħa fiż-żona metropolitana ta' Ateni, li għandu jinżamm bil-ftehim u bl-appoġġ tal-Istat Membru ospitanti, u fejn għandu jkun lokalizzat il-persunal operattiv tal-Aġenzija. Il-persunal li hu primarjament involut fl-amministrazzjoni tal-Aġenzija (inkluż id-Direttur Eżekuttiv), il-finanzi, riċerka speċjalizzata u analiżi, IT u ġestjoni tal-faċilitajiet, riżorsi umani, taħriġ, u komunikazzjoni u affarijiet pubbliċi, għandu jkun ibbażat f'Heraklion.

(8)

L-Aġenzija għandha id-dritt li tiddeċiedi l-organizzazzjoni tagħha sabiex tiżgura l-prestazzjoni xierqa u effiċjenti tal-kompiti tagħha, filwaqt li tirrispetta d-dispożizzjonijiet dwar is-sede u dwar l-uffiċċju fergħa ta' Ateni kif stipulat f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, sabiex tkun tista' twettaq kompiti li jinvolvu l-interazzjoni ma' partijiet interessati ewlenin bħall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha twettaq arranġamenti prattiċi biex issaħħaħ din l-effiċjenza operattiva.

(9)

Fl-2004 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (4) li jistabbilixxi l-ENISA bl-iskop li tikkontribwixxi għall-għanijiet li jiġi żgurat livell għoli u effettiv tan-netwerks u s-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni fl-Unjoni, u biex tiġi żviluppata kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-amministrazzjonijiet tas-settur pubbliku. Fl-2008, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1007/2008 (5) li estenda l-mandat tal-Aġenzija sa Marzu 2012. Ir-Regolament (KE) Nru 580/2011 (6) jestendi l-mandat tal-Aġenzija sat-13 ta' Settembru 2013.

(10)

L-Aġenzija għandha tissuċċedi l-ENISA kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 460/2004. Taħt il-qafas tad-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2003, l-Istat Membru ospitanti għandu jżomm u jiżviluppa aktar l-arranġamenti prattiċi attwali sabiex jiżgura l-ħidma bla xkiel u effiċjenti tal-Aġenzija, inkluż tal-uffiċċju fergħa ta' Ateni tagħha, u għandu jiffaċilita ir-reklutaġġ u ż-żamma ta' persunal bi kwalifiki għoljin.

(11)

Mindu twaqqfet l-ENISA, l-isfidi tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni nbidlu flimkien mat-tekonoloġija, mas-suq u mal-iżviluppi soċjoekonomiċi, u kienu s-suġġett ta’ aktar riflessjoni u dibattitu. Bi tweġiba għall-isfidi li qed jinbidlu, l-Unjoni aġġornat il-prijoritajiet tagħha għall-politika dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ lill-Aġenzija biex tikkontribwixxi b’suċċess għall-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri biex dawn jiżviluppaw kapaċità Ewropea li tilqa’ l-isfidi tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

(12)

Il-miżuri tas-suq intern fil-qasam tas-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika, u b’mod aktar ġenerali, is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni jeħtieġu forom differenti ta’ applikazzjonijiet tekniċi u organizzattivi mill–istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri. L-applikazzjoni eteroġena ta’ dawn ir-rekwiżiti tista’ twassal għal ineffiċjenzi u tista’ toħloq ostakli fis-suq intern. Dan jwassal biex ċentru ta’ kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni tkun meħtieġa, biex tipprovdi gwida, konsulenza u assistenza dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, li fuqu jkunu jistgħu jiddependu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri. L-Aġenzija tista’ tilqa’ għal dawk il-ħtiġijiet billi tiżviluppa u żżomm livell għoli ta’ kompetenza esperta u tgħin lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità kummerċjali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u regolatorji tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u jiddeterminaw u jindirizzaw il-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

(13)

L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz ta' atti legali tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, u b’mod ġenerali, tikkontribwixxi għal livell imtejjeb tas-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, billi, fost oħrajn, tipprovdi kompetenza esperta u konsulenza, u tippromwovi l-iskambju ta’ l-aħjar prattika, u billi toffri suġġerimenti dwar il-politika.

(14)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva Qafas) (7) tesiġi li l-fornituri ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jieħdu l-miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw l-integrità u s-sigurtà tagħhom u tintroduċi obbligu għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fejn adatt, biex jinfurmaw inter alia, lill-Aġenzija dwar kwalunkwe ksur fis-sigurtà jew telf tal-integrità li kellu impatt sinifikanti fuq l-operat tan-netwerks jew tas-servizzi u biex jissottomettu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija rapport sommarju annwali dwar in-notifikazzjonijiet riċevuti u l-azzjoni meħuda. Id-Direttiva 2002/21/KE tagħmel tindirizza lill-Aġenzija, billi tipprovdi opinjonijiet, sabiex tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa tas-sigurtà.

(15)

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (8) tesiġi li fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jieħu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jissalvagwardja s-sigurtà tas-servizzi tiegħu u tesiġi wkoll li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data tat-traffiku relatata. Id-Direttiva 2002/58/KE tintroduċi informazzjoni dwar vjolazzjoni ta’ data personali u rekwiżiti ta’ notifikazzjoni għall- fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Aġenzija dwar kull miżura ta’ implimentazzjoni teknika li għandha tiġi adottata fil-każ taċ-ċirkostanzi jew il-format, u l-proċeduri applikabbli fil-każ tar-rekwiżiti tal-informazzjoni u n-notifikazzjoni. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (9) teħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu provvediment li jobbliga lil l-kontrollur li jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex iħares id-data personali mill-qerda aċċidentali jew illegali, jew minn telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jinvolvi t-trażmissjoni ta’ data permezz ta’ netwerk, u kontra kull forma illegali ta’ pproċessar.

(16)

L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, għal protezzjoni aħjar tal-privatezza u d-data personali, u għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini, il-konsumaturi, l-impriżi u l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern. Sabiex dan jinkiseb, għandhom jiġu allokati l-fondi baġitarji meħtieġa lill-Aġenzija.

(17)

Fid-dawl tas-sinifikat dejjem akbar tan-netwerks elettroniċi u tal-komunikazzjoni, li s'issa jifformaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u d-daqs attwali tal-ekonomija diġitali, ir-riżorsi finanzjarji u umani allokati lill-Aġenzija għandhom jiżdiedu biex jirriflettu r-rwol u l-kompiti msaħħa tagħha, u l-pożizzjoni kritika tagħha fid-difiża tal-ekosistema diġitali Ewropea.

(18)

L-Aġenzija għandha topera bħala punt ta’ referenza u tistabbilixxi fiduċja u kunfidenza permezz tal-indipendenza tagħha, il-kwalità tal-konsulenza li toffri u l-informazzjoni li xxerred, it-trasparenza tal-proċeduri u l-metodi tal-operat tagħha, u r-reqqa tagħha fit-twettiq tal-kompiti tagħha. L-Aġenzija għandha tibni fuq l-isforzi nazzjonali u tal-Unjoni u għaldaqstant tiżvolġi l-kompiti tagħha b’koperazzjoni sħiħa mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri, u tkun miftuħa għall-kuntatti mal-industrija u mal-partijiet interessati l-oħra rilevanti. Barra minn dan, l-Aġenzija għandha tibni fuq l-informazzjoni li tikseb mis-settur privat u fuq il-koperazzjoni miegħu, settur li għandu rwol importanti xi jwettaq fis-sigurtà tal-komunikazzjoni, fl-infrastruttura u fis-servizzi elettroniċi.

(19)

Għandu jkun hemm sett ta’ kompiti li jindika kif l-Aġenzija għandha tikseb l-għanijiet tagħha filwaqt li jippermetti flessibbiltà fl-attivitajiet tagħha. Il-kompiti mwettqa mill-Aġenzija għandhom jinkludu l-ġbir tal-informazzjoni u d-data xierqa meħtieġa biex tagħmel analiżi tar-riskji għas-sigurtà u r-reżistenza tal-infrastruttura u s-servizzi elettroniċi, u biex tevalwa b’koperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni u, fejn xieraq, mal-partijiet interessati rilevanti, il-qagħda tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni. L-Aġenzija għandha tiżgura l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri u ttejjeb il-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati fl-Ewropa, b’mod partikolari billi tinvolvi fl-attivitajiet tagħha l-korpi nazzjonali u tal-Unjoni kompetenti u esperti ta' livell għoli tas-settur privat f'oqsma rilevanti, b'mod partikolari fornituri ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika, produtturi ta' tagħmir għan-netwerks u bejjiegħa tas-software, b'kunsiderazzjoni li s-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni jinkludu ġbir flimkien ta' hardware, software u servizzi. L-Aġenzija għandha tipprovdi għajnuna lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri fid-djalogu tagħhom mal-industrija biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mas-sigurtà fi prodotti tal-hardware u s-software, biex b’hekk tikkontribwixxi għal approċċ kollaborattiv tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

(20)

L-istrateġiji ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni li jiġu ppubblikati minn minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jew Stat Membru, għandhom jingħataw lill-Aġenzija għall-informazzjoni tagħha u biex ikun evitat l-irduppjar ta' sforzi. L-Aġenzija għandha tanalizza l-istrateġiji u tippromwovi l-preżentazzjoni tagħhom f'format li jiffaċilita t-tqabbil. Għandha tagħmel l-istrateġiji u l-analiżi tagħha disponibbli għall-pubbliku permezz ta' mezzi elettroniċi.

(21)

L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni permezz ta’ pariri, opinjonijiet u analiżi dwar il-materji kollha tal-Unjoni relatati mal-iżvilupp tal-politika fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni inklużi l-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni u r-reżiljenza. L-Aġenzija għandha wkoll tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u fejn xieraq lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw politika u kapaċità fir-rigward tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

(22)

L-Aġenzija għandha tieħu kontb'mod sħiħ tal-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u valutazzjoni teknoloġika li qed isiru, b’mod partikolari dawk imwettqa mill-inizjattivi differenti ta’ riċerka tal-Unjoni sabiex jagħtu pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u fejn xieraq lill-Istati Membri, fuq talba tagħhom, dwar il-ħtiġijiet tar-riċerka fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

(23)

L-Aġenzija għandha tassisti lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jibnu u jtejbu l-kapaċità u l-istat ta' tħejjija transkonfinali biex jipprevenu, isibu, u jirrispondu għall-problemi u l-inċidenti tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, F’dan ir-rigward, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tappoġġa lill-Istati Membrifl-isforzi kontinwi tagħhom biex itejbu l-kapaċità ta’ rispons tagħhom u biex torganizza u tmexxi eżerċizzju Ewropew dwar inċidenti tas-sigurta' u, fuq talba ta' Stat Membru, eżerċizzji nazzjonali.

(24)

Sabiex tifhem aħjar l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, l-Aġenzija jeħtieġ li tanalizza r-riskji attwali u emerġenti. Għal dak l-iskop l-Aġenzija għandha, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, u jekk ikun xieraq, ma’ korpi tal-istatistika u oħrajn, tiġbor l-informazzjoni rilevanti. Barra minn dan, l-Aġenzija għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u lill-Istati Membri, fl-isforzi tagħhom biex jiġbru, janalizzaw u jqassmu data dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar statistika u data adatta meħtieġa biex titwettaq l-analiżi tar-riskji għas-sigurtà u r-reżiljenza tal-komunikazzjoni, l-infrastruttura u s-servizzi elettroniċi għandu jsir abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mill-intwizzjoni tal-Aġenzija għall-infrastruttura tal-ICT tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Abbażi ta' dik l-informazzjoni, l-Aġenzija għandha tkompli tissensibilizza dwar l-aħħar sitwazzjoni tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni u t-tendenzi relatati fl-Unjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u tal-Istati Membri.

(25)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-għarfien dwarl-istat tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni.

(26)

L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni fost l-awtoritajiet regolatorji indipendenti kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari b’appoġġ għall-iżvilupp, il-promozzjoni u l-iskambju ta’ l-aħjar prattika u ta’ standards għal programmi edukattivi u skemi biex titqajjem kuxjenza. Din l-azzjoni tkun iffaċilitata permezz ta’ aktar skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi biex tkabbar l-għarfien ta' utenti individwali tal-komunikazzjonijiet, infrastruttura u servizzi elettroniċi, inkluż billi tassisti lill-Istati Membri, meta jkunu għażlu li jużaw informazzjoni ta' interess pubbliku kif stipulat fid-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar is-servizz universali u dwar id-drittijiet tal-utenti ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali (10)), biex jipproduċu informazzjoni rilevanti ta' interess pubbliku rigward is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u ukoll billi tassisti fl-iżvilupp ta' din it-tip ta' informazzjoni biex tkun inkluża fil-provvista ta' apparat ġdid maħsub għall-użu fuq netwerks ta' komunikazzjoni pubbliċi. L-Aġenzija għandha wkoll tappoġġa l-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati fil-livell tal-Unjoni, parzjalment permezz tal-promozzjoni tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, ta’ kampanji biex titqajjem kuxjenza u ta’ programmi edukattivi u taħriġ.

(27)

L-Aġenzija għandha, inter alia, tassisti lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni u lill-Istati Membri f'kampanji edukattivi pubbliċi għall-utenti aħħarija, li jkollhom l-għan li jippromwovu imġiba individwali onlajn aktar sikura u li jkabbru l-għarfien ta' theddid potenzjali fiċ-ċiberspazju, inklużi ċ-ċiberkriminalità bħal attakki ta' phishing, botnets, frodi finanzjarja u bankarja, iżda wkoll li jippromwovu l-awtentikazzjoni bażika u parir dwar il-protezzjoni tad-data.

(28)

Biex tiżgura li tikseb b’mod sħiħ l-għanijiet tagħha, l-Aġenzija għandha tikkoordina mal-korpi stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni, inklużi dawk li jittrattaw iċ-ċiberkriminalità, bħall-Europol u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex ikun hemm skambju ta' għarfien u ta' l-aħjar prattika u biex tipprovdi pariri dwar aspetti ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni li jista' jkollhom impatt fuq il-ħidma tagħhom. L-Aġenzija għandha timmira biex tikseb sinerġija bejn l-isforzi ta' dawk il-korpi u l-isforzi tagħha sabiex tiġi promossa sigurtà avvanzata tan-netwerks u l-informazzjoni. Ir-rappreżentanti nazzjonali u tal-Unjoni tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-privatezza għandhom ikunu eliġibbli għal rappreżentanza fil-Grupp tal-Partijiet Interessati Permanenti tal-Aġenzija. Fil-koordinament mal-korpi ta' infurzar tal-liġi dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni li jista' jkollhom impatt fuq il-ħidma tagħha, l-Aġenzija għandha tirrispetta l-kanali eżistenti ta' informazzjoni u n-netwerks stabbiliti.

(29)

Il-Kummissjoni nidiet is-Sħubija Ewropea tas-Settur Pubbliku-Privat għar-Reżiljenza bħala pjattaforma flessibbli ta' kooperazzjoni madwar l-Unjoni għar-reżiljenza tal-infrastruttura tal-ICT, li fiha l-Aġenzija għandha jkollha rwol ta’ faċilitatur, billi tiġbor flimkien lill-partijiet interessati biex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-politika pubblika, id-dimensjonijiet ekonomiċi u tas-suq tal-isfidi u l-miżuri għar-reżiljenza tal-ICT.

(30)

Sabiex tippromwovi s-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni u l-viżibbiltà tagħha, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni fost il-korpi pubbliċi kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari bl-appoġġ għall-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prattika u ta’ skemi biex titqajjem kuxjenza u billi jitjiebu l-attivitajiet ta' komunikazzjoni tagħhom. L-Aġenzija għandha wkoll tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, parzjalment permezz tal-promozzjoni tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u ta’ attivitajiet biex titqajjem kuxjenza.

(31)

Bil-għan li jissaħħaħ il-livell avvanzat tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni, l-Aġenzija għandha tippromwovi kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti, bħall-Iskwadri ta' Rispons għal Aċċidenti fis-Sigurtà relatata mal-Kompjuters (CSIRTs) u l-Iskwadri ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERTs).

(32)

Sistema tal-Unjoni ta' CERTs li jiffunzjonaw korrettament għandha tikkostitwixxi l-pedament tal-infrastruttura ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni tal-Unjoni. L-Aġenzija għandha tappoġġa is-CERTs tal-Istat Membru u lis-CERT tal-Unjoni fit-tħaddim ta' netwerk ta' CERTs, inkluż il-membri tal-Grupp Ewropew ta' CERTs Governattivi. Sabiex tassisti biex tiżgura li kull CERT għandha kapaċitajiet avvanzati biżżejjed u li dawn il-kapaċitajiet jikkorrispondu kemm jista' jkun għall-kapaċitajiet tal-aktar CERTs żviluppati, l-Aġenzija għandha tippromwovi l-istabbiliment u l-operat ta' sistema ta' rieżami mill-pari. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tippromwovi u tappoġġa l-kooperazzjoni bejn is-CERTs rilevanti f'każ ta' inċidenti, attakki fuq jew tħarbit ta' netwerks jew infrastruttura ġestiti jew protetti mis-CERTs u li jinvolvu jew li potenzjalment jinvolvu minn tal-inqas żewġ CERTs.

(33)

Politika effiċjenti tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq metodi ta’ valutazzjoni tar-riskju żviluppati sew, kemm fis-settur pubbliku u f'dak privat. Il-metodi u l-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju jintużaw f’livelli differenti b’ebda prattika komuni rigward kif għandhom jiġu applikati b'mod effiċjenti. Il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattika għall-valutazzjoni tar-riskju u għal soluzzjonijiet interoperabbli tal-ġestjoni tar-riskju f’organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u l-privat ser iżidu l-livell tas-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Aġenzija għandha tappoġġa l-koperazzjoni bejn il-partijiet interessati fil-livell tal-Unjoni, billi tiffaċilita l-isforzi tagħhom relatati mal-istabbiliment u l-attwalizzazzjoni ta’ standards Ewropej u internazzjonali għall-ġestjoni tar-riskju u għal sigurtà li tista’ titkejjel ta’ prodotti, sistemi, netwerks u servizzi elettroniċi, li flimkien mas-software jinkludu sistemi ta' netwerk u ta' informazzjoni.

(34)

Fejn xieraq u utli biex tikseb l-għanijiet tagħha u biex twettaq il-ħidmiet tagħha, l-Aġenzija għandha taqsam l-esperjenza u l-informazzjoni ġenerali mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni. L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi biex tidentifika prijoritajiet ta' riċerka, fil-livell tal-Unjoni, fl-oqsma tal-flessibbiltà tan-netwerk u s-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u għandha twassal l-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-industrija lill-istituzzjonijiet rilevanti ta' riċerka.

(35)

L-Aġenzija għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi biex itellgħu l-istandards tas-sigurtà ġenerali sabiex l-utenti kollha tal-Internet jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà ċibernetika personali tagħhom stess.

(36)

Il-problemi tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni huma kwistjonijiet globali. Hemm bżonn ta’ koperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib biex jittejbu l-istandards tas-sigurtà, inkluż id-definizzjoni ta' normi ta' imġiba komuni u kodiċi ta' kondotta, u l-iskambju ta' informazzjoni, il-promozzjoni ta' kollaborazzjoni internazzjonali b'rispons imħaffef, kif ukoll permezz ta' approċċ globali komuni għal kwistjonijiet tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tappoġġa aktar l-involviment tal-Unjoni u l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali billi tipprovdi, fejn xieraq, l-għarfien espert u l-analiżi meħtieġa lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

(37)

L-Aġenzija għandha topera b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fejn tiżgura livell xieraq ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurta' tan-netwerks u l-informazzjoni u t-titjib tal-effikaċja tal-linji nazzjonali ta' politika, u b’hekk jiżdied il-valur tagħhom u b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fejn ma tmurx lil hinn milli meħtieġ biex tikseb l-għanijiet stipulati f’dan ir-Regolament. It-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija għandu jsaħħaħ, iżda mhux jinterferixxi mal-kompetenzi, u lanqas m'għandu jostakola, jimpedixxi jew jidduplika l-poteri rilevanti u l-ħidmiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif stabbilit fid-Direttivi relatati man-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, kif ukoll dawk tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (11) u l-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet msemmi fid-Direttiva 2002/21/KE, tal-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-Kumitat Permanenti kif stipulat fid-Direttiva 98/34/KE (12) u l-awtoritajiet indipendenti ta’ sorveljanza tal-Istati Membri kif stipulat fid-Direttiva 95/46/KE.

(38)

Hemm bżonn li jiġu implimentati ċerti prinċipji rigward il-governanza tal-Aġenzija sabiex ikun hemm konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni li dwarhom sar ftehim f'Lulju 2012 fil-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE, liema Dikjarazzjoni u Approċċ għandhom l-għan li jallinjaw l-attivitajiet tal-aġenziji u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom.

(39)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni għandhom ukoll ikunu riflessi, kif xieraq, fil-Programmi ta' Ħidma tal-Aġenzija, fl-evalwazzjonijiet tal-Aġenzija u fir-rappurtar tal-Aġenzija u fil-prattika amministrattiva.

(40)

Sabiex l-Aġenzija tiffunzjona korrettament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-persuni maħsuba biex jinħatru membri fil-Bord tat-Tmexxija jkollhom konoxxenza professjonali adegwata. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu wkoll l-isforzi biex jillimitaw l-introjtu tar-Rappreżentanti rispetttivi tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija, sabiex jiżguraw il-kontinwità fil-ħidma tiegħu.

(41)

Hu importanti ħafna li l-Aġenzija tistabbilixxi u tibni reputazzjoni ta' imparzjalità, integrità u standards professjonali għoljin. Għaldaqstant, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli komprensivi li jkopru l-Aġenzija kollha kemm hi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti ta' interess.

(42)

B'kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi uniċi tal-Aġenzija u l-isfidi diffiċli li qed tiffaċċa, l-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija għandha tiġi semplifikata u msaħħa biex tkun żgurata effiċjenza u effikaċja akbar. Għalhekk, fost affarijiet oħra, għandu jiġi stabbilit Bord Eżekuttiv sabiex jippermetti lill-Bord tat-Tmexxija jiffoka fuq kwistjonijiet ta' importanza strateġika.

(43)

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar Uffiċċjal ta' Kontabbiltà b'konformità mar-regoli adottati taħt ir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 (13).

(44)

Sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun effettiva, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rrappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija, li għandu jiddefinixxi d-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet tal-Aġenzija u jiżgura li din twettaq il-kompiti skont dan ir-Regolament. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun fdat bil-poteri meħtieġa biex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċeduri ta’ ħidma trasparenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Aġenzija, jadotta l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija, jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija, jaħtar id-Direttur Eżekuttiv, jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv wara li jinkisbu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew, u jiddeċiedi fuq it-tmiem ta' dak il-mandat. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jwaqqaf Bord Eżekuttiv biex jgħinuh fil-kompiti amministrattivi u baġitarji tiegħu.

(45)

Il-funzjonament bla xkiel tal-Aġenzija jeħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv tagħha jinħatar fuq il-bażi tal-mertu u l-ħiliet amministrattivi u maniġerjali dokumentati, kif ukoll tal-kompetenza u esperjenza rilevanti fis-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u d-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv jitwettqu b’indipendenza sħiħa fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-funzjonament intern tal-Aġenzija. Għal dan il-għan, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji proposta għall-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija, wara konsultazzjoni minn qabel mas-servizzi tal-Kummissjoni, u jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija jitwettaq kif suppost. Id-Direttur Eżekettuv għandu jħejji rapport annwali biex ikun sottomess lill-Bord tat-Tmexxija, għandu jfassal abbozz tar-rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija, u għandu jimplimenta l-baġit.

(46)

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu l-għażla li jwaqqaf Gruppi ta’ Ħidma ad hoc biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dawk ta’ natura xjentifika, teknika, jew legali jew soċjoekonomika. Meta jwaqqaf Gruppi ta’ Ħidma ad hoc id-Direttur Eżekuttiv għandu jikseb input u jiddependi mill-kompetenza esperta esterna rilevanti meħtieġa biex l-Aġenzija jkollha aċċess għall-informazzjoni l-aktar aġġornata disponibbli rigward l-isfidi tas-sigurtà ppreżentati mis-soċjetà tal-informazzjoni li qed tiżviluppa. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiżgura li l-membri tal-Gruppi ta’ Ħidma ad hoc jintgħażlu fuq il-bażi tal-ogħla standards ta’ konoxxenza esperta, b'kontdebitu meħud ta’ bilanċ rappreżentattiv, kif xieraq fid-dawl tal-kwistjonijiet speċifiċi kurrenti, bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-settur privat, inklużi l-industrija, l-utenti, u l-esperti akkademiċi fis-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv jista', skont kif ikun xieraq, jistieden esperti individwali magħrufa bħala kompetenti fil-qasam rilevanti biex jieħdu sehem fil-proċeduri tal-Gruppi ta’ Ħidma, fuq bażi ta’ każ każ. L-ispejjeż tagħhom għandhom jitħallsu mill-Aġenzija skont ir-regoli interni tagħha u skont ir-regolamenti adottati taħt ir-Regolament Finanzjarju.

(47)

L-Aġenzija għandha jkollha Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti bħala korp ta’ konsulenza, biex jiżgura djalogu regolari bejn is-settur privat, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati rilevanti oħra. Il-Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti, imwaqqaf mill-Bord tat-Tmexxija fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, għandu jiffoka fuq kwistjonijiet rilevanti għall-partijiet interessati kollha u jippreżentahom għall-attenzjoni tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu, fejn xieraq u abbażi tal-aġenda tal-laqgħat, ikun jista' jistieden rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u korpi rilevanti oħrajn biex jieħdu sehem f’laqgħat tal-Grupp.

(48)

Ladarba hemm provvediment għal rappreżentanza wiesgħa ta' partijiet interessati fil-Grupp ta' Partijiet Interessati Permanenti, u dak il-grupp għandu jiġi kkonsultat b'mod partikolari fir-rigward tal-abbozz ta' Programm ta' Ħidma, m'hemmx bżonn iżjed ta' provvediment għal rappreżentanza ta' partijiet interessati fil-Bord tat-Tmexxija.

(49)

L-Aġenzija għandha tapplika l-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-informazzjoni pproċessata mill-Aġenzija għall-finijiet relatati mal-funzjonament intern tagħha kif ukoll l-informazzjoni pproċessata fit-twettiq tal-kompiti tagħha għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (15).

(50)

L-Aġenzija għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tat-trattament ta’ dokumenti sensittivi.

(51)

Sabiex ikun hemm garanzija tal-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tal-Aġenzija u sabiex tingħata l-kapaċità li twettaq kompiti addizzjonali u ġodda, inklużi kompiti ta' emerġenza u mhux previsti, l-Aġenzija għandha tingħata baġit suffiċjenti u awtonomu fejn id-dħul tagħha jiġi primarjament minn kontribuzzjoni mill-Unjoni u kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkun qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija. Il-parti l-kbira tal-persunal tal-Aġenzija involut direttament fl-implimentazzjoni operattiva tal-mandat tal-Aġenzija. L-Istat Membru ospitanti, jew kwalunkwe Stat Membru ieħor, għandu jitħalla jagħmel kontibuzzjonijiet volontarji għad-dħul tal-Aġenzija. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni għandha tibqa’ applikabbli fir-rigward ta’ kwalunkwe sussidju li jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika l-kontijiet tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-obbligu li jingħata rendikont.

(52)

Fid-dawl ta' xenarju ta' theddid li qed jinbidel kontinwament u minħabba l-evoluzzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u sabiex jiġi allinjat il-qafas finanzjarju multiannwali, it-tul tal-mandat tal-Aġenzija għandu jkun iffissat għal perjodu limitat ta' seba' snin bil-possibbiltà li dak il-perjodu jiġi estiż.

(53)

L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu evalwati b'mod indipendenti. L-evalwazzjoni għandha tikkunsidra l-effikaċja tal-Aġenzija fil-kisba tal-għanijiet tagħha, il-prassi ta’ ħidma tagħha, u r-rilevanza tal-kompiti tagħha, biex tiġi determinata l-validità kontinwa, jew xorta oħra, tal-għanijiet tal-Aġenzija, u fuq bażi ta’ dan, jekk it-tul ta’ żmien tal-mandat tagħha għandux jiġi estiż aktar u, f'dan il-każ, għal kemm.

(54)

Jekk, lejn tmiem it-tul tal-mandat tal-Aġenzija, il-Kummissjoni ma tkunx introduċiet proposta għall-estensjoni tal-mandat, l-Aġenzija u l-Kummissjoni għandhom iwettqu miżuri xierqa, billi jindirizzaw kwistjonijiet partikolari marbutin mal-kuntratti tal-persunal u l-arranġamenti baġitarji.

(55)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni bl-iskop li tikkontribwixxi għal livell għoli tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni u biex tqajjem kuxjenza u tiżviluppa u tippromwovi kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fis-soċjetà għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien u għall-funzjonament korrett tas-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(56)

Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 għandu jitħassar.

(57)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat b'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u adotta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta' Diċembru 2010 (16),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

AMBITU, GĦANIJIET U KOMPITI

Artikolu 1

Suġġett u Ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA, minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha bl-iskop li tikkontribwixxi għal livell għoli tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni u biex tqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u tiżviluppa u tippromwovi kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fis-soċjetà għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien u għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

2.   L-għanijiet u l-kompiti tal-Aġenzija għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni u fi kwalunkwe każ għall-attivitajiet li jirrigwardaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali (inkluż il-benesseri ekonomiku tal-Istat meta l-kwistjonijiet jikkonċernaw materji li jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali) u l-attivitajiet tal-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni” tfisser il-kapaċità ta’ netwerk jew ta’ sistema ta’ informazzjoni li jirreżistu, f’livell definit ta’ fiduċja, avvenimenti aċċidentali jew illegali jew azzjonijiet malizzjużi li jikkompromettu d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data ppreservata jew trażmessa u s-servizzi relatati offruti minn dawk in-netwerks jew sistemi jew aċċessibbli permezz tagħhom.

Artikolu 2

Għanijiet

1.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa u żżomm livell għoli ta' kompetenza esperta.

2.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni fl-iżvilupp ta' politika dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

3.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika meħtieġa biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti legali u regolatorji tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-atti legali eżistenti u futuri tal-Unjoni, u b'hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament korrett xieraq tas-suq intern.

4.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Unjoni u lill-Istati Membri fit-tkabbir u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom u l-istat ta' tħejjija biex timpedixxi, tidentifika u tirrispondi għal problemi u inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u l-Informazzjoni.

5.   L-Aġenzija għandha tuża l-kompetenza esperta tagħha biex tistimula koperazzjoni wiesgħa bejn atturi mis-settur pubbliku u atturi mis-settur privat.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Fl-iskop stipulat fl-Artikolu 1, u sabiex jinkisbu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2, u b'rispett sħiħ għall-Artikolu 1(2), l-Aġenzija twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tappoġġa l-iżvilupp tal-politika u l-liġi tal-Unjoni, billi:

(i)

tassisti u tagħti pariri dwar il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-politika u mal-liġi tal-Unjoni dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni;

(ii)

tipprovdi ħidma preparatorja, pariri u analiżi fir-rigward tal-iżvilupp u l-aġġornament tal-politika u tal-liġi tal-Unjoni dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni;

(iii)

tanalizza strateġiji dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni disponibbli pubblikament, u tippromwovi l-pubblikazzjoni tagħhom;

(b)

tappoġġa l-iżvilupp ta' kapaċitajiet billi:

(i)

tappoġġa, fuq talba tagħhom, lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw u jtejbu l-kapaċità għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-analiżi u l-kapaċita' ta' rispons għal problemi u inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u billi tipprovdilhom l-għarfien meħtieġ;

(ii)

tippromwovi u tiffaċilita l-koperazzjoni volontarja fost l-Istati Membri u bejn l l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimpedixxu, jidentifikaw u jirrispondu għal problemi u inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fejn dan għandu impatt transkonfinali;

(iii)

tassisti lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċità għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-analiżi u l-kapaċita' ta' rispons għal problemi u inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, b'mod partikolari billi tappoġġa l-operat tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERT) għalihom;

(iv)

tappoġġa żieda fil-livell ta' kapaċitajiet tas-CERTs nazzjonali, governattivi u tal-Unjoni, inkluż bil-promozzjoni tad-djalogu u l-iskambju tal-informazzjoni, bil-ħsieb li tiżgura li kull CERT tkun tal-iprem kwalità billi tilħaq ġabra komuni ta' kapaċitajiet minimi u joperaw skont l-aħjar prattiki;

(v)

tappoġġa l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-eżerċizzji tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni tal-Unjoni, u li, fuq talba tagħhom, tagħti pariri lill-Istati Membri dwar eżerċizzji nazzjonali;

(vi)

tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom għall-ġbir, l-analiżi u, b'konformità mar-rekwiżiti ta' sigurtà tal-Istati Membri, it-tqassim tad-data rilevanti tagħhom dwar is-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni; u abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-Istati Membri b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet nazzjonali b’konformità mal-liġi tal-Unjoni, iżżomm sensibilizzati lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri dwar il-qagħda l-iktar riċenti tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni, għall-benefiċċju tagħhom;

(vii)

tappoġġa l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' twissija bikrija tal-Unjoni li jkun komplementari għall-mekkaniżmi tal-Istati Membri;

(viii)

toffri taħriġ dwar is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni għal korpi pubbliċi rilevanti, fejn xieraq, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati pubbliċi u privati;

(c)

tappoġġa kooperazzjoni volontarja fost il-korpi pubbliċi kompetenti, u bejn il-partijiet interessati, inklużi l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka fl-Unjoni, u tappoġġa t-tkabbir ta' sensibilizzazzjoni, inter alia, billi:

(i)

tippromwovi l-kooperazzjoni bejn CERTs nazzjonali jew governattivi jew Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs), inkluż is-CERT għall-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni;

(ii)

tippromwovi l-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bil-għan li jinkiseb livell avvanzat ta' sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni;

(iii)

tiffaċilita d-djalogu u l–isforzi għall-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

(iv)

tippromwovi l-aħjar prattiki fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni u fit-tkabbir tal-għarfien;

(v)

tappoġġa lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u, fuq talba tagħhom stess, l-Istati Membri u l-korpi rileventi tagħhom fl-organizzazzjoni taż-żieda tal-għarfien, inkluż fil-livell tal-utenti individwali, u permezz ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni oħrajn biex tiżdied is-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni u l-viżibbiltà tagħha billi tipprovdi l-aħjar prattiki u linji gwida.

(d)

tappopġġa r-riċerka u l-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni billi:

(i)

tiffaċilita l-ħolqien u l-promozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali għall-ġestjoni tar-riskju u għas-sigurtà tal-prodotti, netwerks u servizzi elettroniċi;

(ii)

tagħti parir lill-Unjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet tar-riċerka fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni bil-ħsieb li tingħata tweġiba effikaċi għar-riskji u theddid attwali u emerġenti għas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, inkluż b'kunsiderazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u li jsir użu effettiv mit-teknoloġiji ta' prevenzjoni tar-riskji.

(e)

tikkoopera mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, inklużi dawk li jitrattaw maċ-ċiberkriminalità u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, bil-ħsieb li tindirizza kwistjonijiet ta' tħassib komuni, anke permezz ta':

(i)

l-iskambju ta' għarfien u tal-aħjar prattiki;

(ii)

l-għoti ta' pariri dwar aspetti ta' netwerk rilevanti u ta' sigurtà tal-informazzjoni sabiex jiġu żviluppati sinerġiji.

(f)

tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għall-promozzjoni ta’ koperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, anke billi;

(i)

tipparteċipa fejn xieraq, bħala osservatur u fl-organizzazzjoni ta' eżerċizzji internazzjonali, u billi tanalizza u tirrapporta dwar l-eżitu ta' dawn l-eżerċizzji;

(ii)

tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet rilevanti;

(iii)

tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'konoxxenza esperta.

2.   L-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u l-korpi tal-Istati Membri jistgħu jitolbu parir mill-Aġenzija fil-każ ta' ksur tas-sigurtà jew telf ta' integrità b'impatt sinifikanti fuq l-operat tan-netwerks u tas-servizzi.

3.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz ta' atti legali tal-Unjoni.

4.   L-Aġenzija għandha tesprimi b'mod indipendenti l-konklużjonijiet, il-gwida u l-pariri tagħha dwar kwistjonijiet fi ħdan l-ambitu u l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA 2

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 4

Kompożizzjoni tal-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tikkonsisti minn:

(a)

Bord tat-Tmexxija;

(b)

Direttur Eżekuttiv u l-persunal; u

(c)

Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti.

2.   Sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-operat tal-Aġenzija, il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi Bord Eżekuttiv.

Artikolu 5

Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-direzzjoni ġenerali tal-operat tal-Aġenzija u jiżgura li l-Aġenzija taħdem b'konformità mar-regoli u l-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dan għandu jiżgura wkoll konsistenza tal-ħidma tal-Aġenzija ma’ attivitajiet immexxija mill-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Unjoni.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-programm ta' ħidma annwali u multiannwali tal-Aġenzija.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jibgħatu, sal-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport annwali għandu jinkludi l-kontabbiltà u għandu jiddeskrivi kif l-Aġenzija kkonformat mal-indikaturi ta' prestazzjoni tagħha. Ir-rapport annwali għandu jsir pubbliku.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta strateġija kontra l-frodi li tkun proporzjonali għar-riskji ta' frodi b'kunsiderazzjoni ta' analiżi tal-kost vis-à-vis l-benefiċċju tal-miżuri maħsuba għall-implimentazzjoni.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiżgura segwitu xieraq għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-bosta rapporti ta' verifika interna jew verifika esterna u mill-evalwazzjonijiet.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti ta' interess.

7.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeżerċita, b'rispett għall-persunal tal-Aġenzija, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħin "Regolamenti tal-Persunal" u "Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra"), stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (17) lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-Awtorità mogħtija s-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg, rispettivament.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, b'konformità mal-proċedura taħt l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-Awtorità tal-Ħatra lid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv jista' jissottodelega dawk is-setgħat.

F'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord tat-Tmexxija jista' jirrevoka s-setgħat ta' Awtorità tal-Ħatra li jkunu ġew delegati lid-Direttur Eżekuttiv u dawk is-setgħat li jkunu ġew sottodelegati mid-Direttur Eżekuttiv. F'dan il-każ, il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddelegahom, għal perjodu limitat lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil xi membru tal-persunal ieħor minbarra d-Direttur Eżekuttiv.

8.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli xierqa għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra b'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

9.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jista’ jestendi l-mandat tiegħu jew ineħħih mill-kariga, b'konformità mal-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament.

10.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura għalih innifsu u għall-Bord Eżekuttiv wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jipprovdu għal deċiżjonijiet aċċellerati permezz ta' proċedura bil-miktub jew permezz ta' konferenzi mill-bogħod.

11.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija wara li jikkonsulta mas-servizzi tal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli għandhom isiru pubbliċi.

12   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija. Dawn ma jistgħux jiddistakkaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (18), sakemm tali distakk ma jkunx meħtieġ speċifikament għall-operat tal-Aġenzija u sakemm il-Kummissjoni ma tkunx tat il-kunsens tagħha minn qabel.

13.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta Pjan Multiannwali ta’ Politika dwar il-Persunal, wara konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u wara li jkun informa kif dovut lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 6

Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru, u żewġ rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti kollha għandu jkollhom d-dritt tal-vot.

2.   Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu supplent biex jirrappreżenta lill-membru fil-każ ta' assenza.

3.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandhom jiġu maħtura fid-dawl tal-konoxxenza tagħhom tal-kompiti u l-għanijiet tal-Aġenzija, b'kunsiderazzjoni tal-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji li huma rilevanti għat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 5. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw il-frekwenza tar-rappreżentanti tagħhom fil-Bord ta' Tmexxija, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma ta' dak il-bord. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għan li jiksbu rappreżentanza bbilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord tat-Tmexxija.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-supplenti tagħhom għandu jkun ta' erba' snin. Dak il-mandat għandu jkun tali li jista' jiġi mġedded.

Artikolu 7

Il-President tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi l-President u d-Deputat President tiegħu minn fost il-membri għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded. Id-Deputat President għandu jissostitwixxi lill-President ex officio jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jwettaq id-doveri tiegħu.

2.   Il-President jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) rilevanti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet tal-membri.

Artikolu 8

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħmel laqgħa ordinarja minn tal-inqas darba fis-sena. Għandu wkoll jagħmel laqgħat straordinarji fuq talba tal-President jew ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 9

Votazzjoni

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu.

2.   Għandha tkun meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta' Tmexxija, ir-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija, il-baġit, il-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali, il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv, u l-għażla tal-President tal-Bord ta' Tmexxija.

Artikolu 10

Il-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jħejji d-deċiżjonijiet għall-adozzjoni mill-Bord tat-Tmexxija dwar materji amministrattivi u baġitarji biss.

Flimkien mal-Bord tat-Tmexxija, huwa għandu jiżgura segwitu xieraq għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet riżultanti mill-investigazzjonijiet tal-OLAF u mill-bosta rapporti ta' verifika interna jew verifika esterna u mill-evalwazzjonijiet.

Mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stipulat fl-Artikolu 11, il-Bord Eżekuttiv għandu jassisti u jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija dwar materji amministrattivi u baġitarji.

3.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jikkonsisti minn ħames membri maħtura minn fost il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, fosthom il-President tal-Bord tat-Tmexxija, li jista' jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv, u wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun l-istess bħal dak tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija kif stabbilit fl-Artikolu 6(4).

5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa' mill-inqas darba kull tliet xhur. Il-President tal-bord Eżekuttiv għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba tal-membri tiegħu.

Artikolu 11

Id-doveri tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-doveri tiegħu/tagħha.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija;

(b)

għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)

wara konsultazzjoni mal-Bord tat-Tmexxija, għat-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali u l-programm ta' ħidma multiannwali u għat-tressiq tagħhom quddiem il-Bord tat-Tmexxija wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni;

(d)

għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali u l-programm ta' ħidma multiannwali u għar-rappurtar lill-Bord tat-Tmexxija dwar dan;

(e)

għat-tħejjija tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u għat-tressiq tiegħu quddiem il-Bord tat-Tmexxija għal approvazzjoni;

(f)

għat-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni msejjes fuq il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet retrospettivi u rappurtar dwar il-progress kull sentejn lill-Kummissjoni;

(g)

għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti skorrettament imħallsa u, fejn xieraq, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji li jkunu effikaċi, proporzjonali u dissważivi;

(h)

għat-tħejjija ta' strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija u għat-tressiq tagħha quddiem il-Bord tat-Tmexxija għal approvazzjoni;

(i)

li jiżgura li l-Aġenzija twettaq l-attivitajiet tagħha b'konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk li jużaw is-servizzi tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-adegwatezza tas-servizzi pprovduti;

(j)

għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ kuntatt mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni;

(k)

għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ kuntatt mal-komunità kummerċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiżgura djalogu regolari mal-partijiet interessati rilevanti;

(l)

għal kompiti oħrajn assenjati lid-Direttur Eżekuttiv b’dan ir-Regolament.

3.   Fejn meħtieġ u fi ħdan l-għanijiet u l-kompiti tal-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jwaqqaf Gruppi ta’ Ħidma ad hoc magħmulin minn esperti, inklużi dawk mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun avżat bil-quddiem. Il-proċeduri b’mod partikolari dwar l-għamla, il-ħatra tal-esperti mid-Direttur Eżekuttiv u l-operat tal-Gruppi ta’ Ħidma ad hoc għandhom ikunu speċifikati fir-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprovdi persunal amministrattiv ta’ appoġġ u riżorsi oħrajn li jkunu disponibbli għall-Bord tat-Tmexxija u għall-Bord Eżekuttiv meta meħtieġ.

Artikolu 12

Grupp ta' Partijiet Interessati Permanenti

1.   Il-Bord tat-Tmexxija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jwaqqaf Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti magħmul minn esperti rikonoxxuti li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti, bħall-industrija tal-ICT, fornituri ta' netwerks jew servizzi ta' komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku, gruppi rappreżentattivi tal-konsumatur, esperti akkademiċi fis-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, u rappreżentanti ta' awtoritajiet regolatorji nazzjonali nnotifikati taħt id-Direttiva 2002/21/KE kif ukoll ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tal-privatezza.

2.   Il-proċeduri għal, b’mod partikolari, l-għadd, l-għamla u l-ħatra tal-membri tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati mill-Bord tat-Tmexxija, il-proposta mid-Direttur Eżekuttiv u l-operat tal-Grupp għandhom ikunu speċifikati fir-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija u għandhom isiru pubbliċi.

3.   Il-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati għandu jkun ippresedut mid-Direttur Eżekuttiv jew minn kwalunkwe persuna maħtura mid-Direttur Eżekuttiv abbażi ta' każ b'każ.

4.   Il-mandat tal-membri tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija ma jistgħux ikunu membri tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati. L-esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandhom id-dritt li jkunu preżenti fil-laqgħat tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati u li jieħdu sehem fil-ħidma tiegħu. Rappreżentanti ta' korpi oħra meqjusa rilevanti mid-Direttur Eżekuttiv, li ma jkunux membri tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati, jistgħu jiġu mistiedna biex ikunu preżenti fil-laqgħat tal-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati u jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu.

5.   Il-Grupp Permanenti ta' Partijiet Interessati għandu jagħti pariri lill-Aġenzija fir-rigward tat-twettiq tal-attivitajiet tagħha. Huwa għandu b’mod partikolari jagħti pariri lid-Direttur Eżekuttiv dwar it-tfassil ta’ proposta għall-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija, u biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-programm ta’ ħidma.

TAQSIMA 3

ATTIVITÀ

Artikolu 13

Programm ta’ Ħidma

1.   L-Aġenzija għandha twettaq l-attivitajiet b'konformità mal-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali tagħha, li għandu jinkludi l-attivitajiet ippjanati kollha tagħha.

2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jinkludi indikaturi ta' prestazzjoni mfassla speċifiċikament sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni effettiva tar-rizultati miksuba f'termini ta' għanijiet.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tfassil tal-abbozz tal-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija wara konsultazzjoni minn qabel mas-servizzi tal-Kummissjoni. Kull sena sal-15 ta’ Marzu d-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti l-abbozz tal-programm ta’ ħidma għas-sena ta’ wara lill-Bord tat-Tmexxija.

4.   Sat-30 ta’ Novembru, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għas-sena suċċessiva wara li jkun rċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm ta’ ħidma jinkludi tbassir multiannwali. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiżgura li l-programm ta’ ħidma jkun konsistenti mal-għanijiet tal-Aġenzija u mal-prijoritajiet leġiżlattivi u ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni.

5.   Il-programm ta’ ħidma għandu jiġi organizzat b'konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni fuq bażi tal-attività. Il-programm ta’ ħidma għandu jkun konformi mar-rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija u mal-baġit tal-Aġenzija għall-istess sena finanzjarja.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara l-adozzjoni mill-Bord tat-Tmexxija, jgħaddi l-programm ta’ ħidma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u għandu jippubblikah. Fuq stedina tal-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta u jkollu skambju ta' ideat dwar il-programm annwali ta’ ħidma adottat.

Artikolu 14

Talbiet magħmulin lill-Aġenzija

1.   Talbiet għal konsulenza u assistenza li jaqgħu fl-ambitu tal-għanijiet u l-kompiti tal-Aġenzija għandhom ikunu indirizzati lid-Direttur Eżekuttiv u jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni dwar l-isfond li tispjega l-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Bord Eżekuttiv dwar it-talbiet riċevuti, l-implikazzjonijiet potenzjali għar-riżorsi, u eventwalment dwar is-segwitu li jsir għal dawn it-talbiet. Jekk l-Aġenzija tirrifjuta talba, għandha tagħti ġustifikazzjoni.

2.   It-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru:

(a)

mill-Parlament Ewropew;

(b)

mill-Kunsill;

(c)

mill-Kummissjoni;

(d)

minn kwalunkwe korp kompetenti maħtur minn Stat Membru, bħal awtorità regolatorja nazzjonali kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE.

3.   L-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, b’mod partikolari dwar tressiq, prijorità, segwitu u informazzjoni lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Bord Eżekuttiv fir-rigward tat-talbiet lill-Aġenzija, għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija fir-regoli interni tal-operat tal-Aġenzija.

Artikolu 15

Dikjarazzjoni ta' interess

1.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv u uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja għandhom kull wieħed jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenji u dikjarazzjoni bil-miktub li tindika n-nuqqas jew il-preżenza ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jkun ikkunsidrat ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi u sħaħ, isiru annwalment bil-miktub u jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ.

2.   Il-Membri tal-Bord tat-Tmexxija, tal-Bord Eżekuttiv, u esperti esterni li jieħdu sehem fi Gruppi ta' Ħidma ad hoc u d-Direttur Eżekuttiv għandhom, kull wieħed, mhux aktar tard minn meta ssir kull laqgħa, jiddikjaraw b'mod preċiż u sħiħ kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat ta' preġudizzju għall-indipendenza tagħhom b'relazzjoni għas-suġġetti fuq l-aġenda u għandhom jastjenu milli jieħdu sehem fid-diskussjoni u jivvotaw fuq tali punti.

3.   L-aġenzija għandha tistabbilixxi fir-regoli interni tal-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi tar-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 16

Trasparenza

1.   L-Aġenzija għandha tiżgura li twettaq l-attivitajiet tagħha b’livell għoli ta’ trasparenza u b'konformità mal-Artikoli 17 u 18.

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni xierqa, objettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati tax-xogħol tagħha. Hi għandha tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-pubbliku d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi magħmula f'konformità mal-Artikolu 15.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista’ jawtorizza partijiet interessati biex josservaw il-proċeduri ta’ xi wħud mill-attivitajiet tal-Aġenzija.

4.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni tal-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ trasparenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-Aġenzija m’għandhiex tiżvela lil persuni terzi l-informazzjoni li hija tipproċessa jew tirċievi li fir-rigward tagħha tkun saret talba mmotivata għal trattament kunfidenzjali, kollha kemm hi jew parti minnha.

2.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti, esperti esterni li jieħdu sehem fi Gruppi ta’ Ħidma ad hoc, u membri tal-persunal tal-Aġenzija inklużi uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità taħt l-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), anke wara t-terminazzjoni tad-doveri tagħhom.

3.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, fir-regoli interni tal-operat tagħha, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk ikun meħtieġ, għall-prestazzjoni tal-kompiti tal-Aġenzija, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddeċiedi li jippermetti lill-Aġenzija tuża informazzjoni kklassifikata F’dak il-każ, il-Bord tat-Tmexxija għandu, bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni, jadotta regoli interni tal-operat għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-regoli interni ta’ proċedura tiegħu (19). Dawk ir-regoli għandhom ikopru, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-preservazzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata.

Artikolu 18

Aċċess għal dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mit-twaqqif tal-Aġenzija.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu l-oġġett ta’ lment lill-Ombudsman taħt l-Artikolu 288 tat-TFUE jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, taħt l-Artikolu 263 tat-TFUE.

TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 19

Adozzjoni tal-baġit

1.   Id-dħul tal-Aġenzija għandu jikkonsisti f’kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni, kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija kif previst fl-Artikolu 30, u kontribuzzjonijiet volontarji minn Stati Membri, fi flus jew in natura. L-Istati Membri li jipprovdu kontribuzzjonijiet volontarji ma jistgħux jitolbu xi dritt jew servizz speċifiku b'riżultat ta' dan.

2.   In-nefqa tal-Aġenzija għandha tinkludi spejjeż ta' persunal, ta' appoġġ amministrattiv u tekniku, ta' infrastruttura u spejjeż operattivi, u spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti li jsiru ma’ partijiet terzi.

3.   Sa l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz tar-rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jmiss, u għandu jgħaddih lill-Bord tat-Tmexxija, flimkien ma' abbozz tal-pjan tal-istabbiliment.

4.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bilanċjati.

5.   Kull sena, il-Bord tat-Tmexxija għandu, fuq il-bażi ta' abbozz tar-rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq imfassal mid-Direttur Eżekuttiv, jippreżenta rendikont tal-estimi tad-dħul u l-infiq għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jmiss.

6.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, jibgħat dak ir-rendikont tal-estimi, li għandu jinkludi abbozz tal-pjan tal-istabbiliment flimkien mal-abbozz tal-programm ta’ ħidma, lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehimiet taħt l-Artikolu 30.

7.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rendikont tal-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

8.   Fuq il-bażi ta’ dak ir-rendikont tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li hija tikkunsidra neċessarji għall-pjan tal-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jkun addebitat lill-baġit ġenerali, li hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 314 tat-TFUE.

9.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija.

10.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan tal-istabbiliment tal-Aġenzija.

11.   Flimkien mal-programm ta’ ħidma, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-baġit tal-Aġenzija. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn xieraq, il-Bord tat-Tmexxija għandu jaġġusta l-baġit u l-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija b'konformità mal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jgħaddi l-baġit mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 20

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tkun iffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (20), l-Aġenzija għandha, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha hija ssir operattiva, taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet interni immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u għandha tadotta d-dispożizzjonijiet adegwati applikabbli għall-impjegati kollha tal-Aġenzija, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ma' dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha jkollha s-setgħa li twettaq verifiki, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji ta' għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċivew fondi tal-Unjoni mill-Aġenzija.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post b'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (21) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' xi għotja jew kuntratt iffinanzjati mill-Aġenzija.

4.   Bla preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta' għotja tal-Aġenzija għandhom b'mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet, abbażi tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 21

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija.

2.   L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess poteri fuq l-Aġenzija bħal ma jeżerċita fuq dipartimenti tal-Kummissjoni.

3.   Sal-1 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji tal-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati b'konformità mal-Artikolu 147 tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Sal-31 ta’ Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Aġenzija lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Mar-riċezzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Aġenzija, b'konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u jibgħathom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

6.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jippreżenta opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, sal-1 ta’ Lulju wara kull sena finanzjarja, jippreżenta l-kontijiet finali, inkluż ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja u l-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika l-kontijiet finali.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru u għandu jibgħat ukoll lill-Bord tat-Tmexxija kopja ta' dik ir-risposta.

10.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif stipulat fl-Artikolu 165(3) tar-Regolament Finanzjarju.

11.   Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

TAQSIMA 5

PERSUNAL

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet ġenerali

Ir-Regolament tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex dawk ir-Regolamenti tal-Persunal isiru effettivi għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.

Artikolu 23

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE għandu japplika għall-Aġenzija u l-persunal tagħha.

Artikolu 24

Id-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun inġaġġat bħala aġent temporanju tal-Aġenzija taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija, minn lista ta' kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura ta' għażla miftuħa u trasparenti.

Għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord Maniġerjali għandu jiġi mistieden biex jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew u biex iwieġeb mistoqsijiet tal-Membri.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Sal-aħħar ta’ dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni li tieħu kont tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u l-kompiti u sfidi futuri tal-Aġenzija.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija jista', filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni li tieħu kont tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u wara li jikseb il-fehmiet tal-Parlament Ewropew, jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal mhux aktar minn ħames snin.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien tliet xhur qabel kwalunkwe tali estensjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu, jekk jiġi mistieden, jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet.

6.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura ta' għażla oħra għall-istess post.

7.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga biss b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 25

Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.   L-Aġenzija tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Aġenzija. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra ma għandhomx japplikaw għal dan il-persunal.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Aġenzija.

TAQSIMA 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 26

Status legali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni. Hija għandha jkollha personalità ġuridika.

2.   F’kull wieħed mill-Istati Membri l-Aġenzija għandha tgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B’mod partikolari hija tista’ takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti għal proċeduri legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

4.   Għandu jinżamm uffiċċju fergħa stabbilit fiż-żona metropolitana ta' Ateni għall-finijiet tat-titjib tal-effiċjenza operattiva tal-Aġenzija.

Artikolu 27

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa għandha l-ġuriżdizzjoni li tagħti sentenzi b'konformità ma' kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tinstab f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija, b'konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat minnha jew mill-uffiċjali tagħha fil-qadi ta’ dmirijithom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa għandha jkollha ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe disputa relatata ma’ kumpens għal tali dannu.

3.   Ir-responsabbiltà personali tal-uffiċjali tagħha lejn l-Aġenzija għandha tkun regolata mill-kondizzjonjiet rilevanti applikabbli għall-persunal tal-Aġenzija.

Artikolu 28

Lingwi

1.   Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea (22) għandhom japplikaw għall-Aġenzija. L-Istati Membri u l-korpi l-oħra maħtura minnhom jistgħu jindirizzaw lill-Aġenzija u jirċievu risposta fil-lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-għażla tagħhom.

2.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 29

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data relatata ma’ individwi, b'mod partikolari fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tosserva l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data personali fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, u tkun suġġetta għalihom.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta miżuri ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(8) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jadotta miżuri addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-Aġenzija.

Artikolu 30

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jkunu kkonkludu ftehimiet mal-Unjoni Ewropea li permezz tagħhom ikunu adottaw u applikaw atti legali tal-Unjoni fil-qasam kopert b’dan ir-Regolament.

2.   Għandhom isiru arranġamenti taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, li jispeċifikaw b’mod partikolari n-natura, il-medda u l-mod li fihom dawk il-pajjiżi jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal.

Artikolu 31

Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata

L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji ta' sigurtà inklużi fir-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI), u ta' informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata, kif stabbilit fl-anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE/EC, ECSC, Euratom. Dan għandu jkopri, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-preservazzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata.

TAQSIMA 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Evalwazzjoni u reviżjoni

1.   Sal-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni għandha tikkummissjona evalwazzjoni biex tivvaluta b'mod partikolari l-impatt, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Aġenzija u tal-prattika tax-xogħol tagħha. L-evalwazzjoni għandha ukoll tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġu modifikati l-mandat tal-Aġenzija u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din.

2.   L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkunsidra kwalunkwe feedback mogħtija lill-Aġenzija bi tweġiba għall-attivitajiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport ta' evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija. Il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

4.   Bħala parti mill-evalwazzjoni, għandha ssir ukoll valutazzjoni tar-riżultati miksuba mill-Aġenzija, b'kunsiderazzjoni tal-għanijiet, mandat u kompiti tagħha. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-Aġenzija tkun ġustifikata fir-rigward tal-għanijiet, mandat u kompiti assenjati lilha, hijatista' tipproponi li jiġi estiż il-perjodu ta' żmien tal-mandat tal-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 36.

Artikolu 33

Kooperazzjoni mal-Istat Membru ospitanti

L-Istat Membru ospitanti tal-Aġenzija għandu jipprovdi l-aħjar kondizzjonijiet possibbli sabiex ikun żgurat il-funzjonament korrett tal-Aġenzija, inklużi l-aċċesibbiltà tal-post, l-eżistenza ta' faċilitajiet ta' edukazzjoni adegwati għat-tfal tal-membri tal-persunal, aċċess adegwat għas-suq tax-xogħol, sigurtà soċjali u kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi.

Artikolu 34

Kontroll amministrattiv

L-operazzjonijiet tal-Aġenzija għandhom ikunu taħt is-superviżjoni tal-Ombudsman b'konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Artikolu 35

Tħassir u suċċessjoni

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 460/2004 u għall-ENISA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għall-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija b'dan tissuċċiedi l-Aġenzija li kienet ġiet stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 460/2004 fir-rigward ta’ kull dritt ta' proprjetà, ftehimiet, obbligi legali, kuntratti ta’ impjieg, impenji u responsabbiltajiet finanzjarji.

Artikolu 36

Tul ta’ żmien

L-Aġenzija hija b'dan stabbilita għal perjodu ta’ seba' snin mid-19 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2013.

(3)  Deċiżjoni 2004/97/KE, Euratom meħuda bi ftehim komuni minn rappreżentanti tal-Istati Membri, laqgħa f'livell ta' kap ta' stat jew livell governattiv tat-13 ta' Diċembru 2003 dwar il-lok tas-sedji ta' ċerti uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 29, 3.2.2004, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tagħha (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 580/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f'dak li jirrigwarda l-perijodu effettiv (ĠU L 165, 24.6.2011, p. 3).

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(10)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(11)  Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (KREKE) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1).

(12)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-forniment ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(13)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(14)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(15)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(16)  ĠU C 101, 1.4.2011, p. 20.

(17)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(18)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(19)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1).

(21)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(22)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.