5.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 152/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 512/2013

tal-4 ta’ Ġunju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/97 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ uħud mill-partijiet tar-rota li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (2),

Wara li kkunsidrat l-estensjoni tad-dazju antidumping fuq ir-roti impost mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (3) għall-parts tar-roti imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (4),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97, il-Kunsill wessa’ d-dazju antidumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq l-importazzjoni tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’) għall-importazzjoni ta’ wħud mill-parts tar-rota li joriġinaw minn dan il-pajjiż (“dazju estiż antidumping”). Ir-Regolament (KE) Nru 71/97 stipula wkoll li għandha tiġi stabbilita skema ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku (“l-iskema tal-eżenzjoni”) biex tippermetti lil dawk il-kumpaniji li jarmaw ir-roti u li ma jkunux qed jiksru l-miżura fuq ir-roti biex jimpurtaw parts tar-roti li joriġinaw miċ-Ċina mingħajr dazju antidumping, billi teżentahom mill-miżura estiża għall-parts tar-roti.

(2)

Il-qafas legali għat-tħaddim tal-iskema tal-eżenzjoni kien previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (5) (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament Emendat”).

(3)

Wara analiżi tal-estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjoni tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ għal importazzjonijiet ta’ ċerti parts tar-roti mir-RPĊ skont l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 171/2008 (6), iddeċieda li jżomm l-miżuri kontra l-evażjoni.

(4)

Wara li saret l-analiżi interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (7), iddeċieda li jżid id-dazju antidumping fis-seħħ għal 48,5 %.

(5)

B’Avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (8) (“l-Avviż”) il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet analiżi interim tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-RPĊ. Fil-punt 4.4 tal-Avviż il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-funzjonament u l-mudell possibbli futur tal-iskema ta’ eżenzjoni. Il-kummenti ġew mitluba b’mod partikolari b’rabta mat-tħaddim u l-ġestjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni fil-forma attwali tagħha, inkluż l-isfidi li jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(6)

Il-Kumissjoni ma rċeviet ebda kummenti pertinenti. Madankollu, b’riżultat tal-esperjenza miġbura mill-Kummissjoni, filwaqt li tkun qiegħda tiġi applikata l-iskema ta’ eżenzjoni, huwa meqjus neċessarju li jiġu introdotti xi emendi, li għandhom jiffaċilitaw it-tħaddim tagħha.

(7)

Skont l-iskema attwali ta’ eżenzjoni, id-definizzjoni tal-perjodu ta’ investigazzjoni ma tippermettix li ssir valutazzjoni xierqa tal-kwantità u l-valur ta’ parts Ċiniżi użati f’operazzjonijiet ta’ mmuntar ta’ roti tal-UE. Ir-regoli li bħalissa jinsabu fis-seħħ jipprevedu li, il-perjodu tal-investigazzjoni jrid jiġi stabbilit qabel id-data tas-sospensjoni tad-dazji antidumping. Matul dan il-perjodu, l-applikanti normalment jimportaw kwantitajiet żgħar mir-RPĊ, minħabba li kwantitajiet ‘il fuq minn 299 part fix-xahar ikunu soġġetti għal dazju antidumping. Konsegwentement, jidher li roti mmuntati matul dan il-perjodu ta’ investigazzjoni huma konformi mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku li jiddikjara li l-produtturi tar-roti fl-Unjoni jridu josservaw proporzjon ta’ inqas minn 60 % tal-parts tar-roti Ċiniżi fl-operazzjoni tagħhom jew iż-żieda ta’ valur ta’ aktar minn 25 % għall-parts kollha mdaħħla fl-operazzjoni (ir-regola “60/40 jew 25 % valur miżjud”).

(8)

Huwa biss wara li tkun ingħatat is-sospensjoni li l-kumpaniji jibdew jimportaw volumi ogħla. Madankollu, skont ir-regoli li jinsabu fis-seħħ bħalissa dan il-perjodu ma jistax jiġi kkunsidrat. Għalhekk, l-għan li jirfed l-iskema “li jiġi żgurat l-użu ta’ proporzjon xieraq ta’ parts li joriġinaw fl-Ewropa” ma jistax jinkiseb kollu.

(9)

Fuq dan l-isfond u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa meqjus xieraq li tiġi emendata d-definizzjoni tal-perjodu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 6(1) biex tinkludi wkoll iż-żmien wara d-data ta’ sospensjoni tal-pagament tad-dazju estiż antidumping. Il-konformità mar-regola “60/40 jew 25 % valur miżjud” imbagħad tiġi vverifikata b’mod iktar xieraq għal perjodu li matulu l-importatur ma jħallas l-ebda dazji antidumping, jiġifieri wara li tingħata s-sospensjoni.

(10)

Sabiex applikant ikun jista’ jissottometti dejta verifikabbli tal-importazzjonijiet tiegħu tal-parts tar-roti għall-perjodu qabel is-sospensjoni skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Emendat, ir-referenza għal obbligu kuntrattwali irrevokabbli skont l-Artikolu 4(1)(a) titneħħa.

(11)

Barra minn hekk, l-iskema kurrenti mhix ċara fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-parts tar-roti użati għall-immuntar tar-roti attrezzati b’mutur supplimentari, b’side car jew mingħajrha, xi drabi msejħa roti tal-elettriku jew pedelecs. Roti kompleti tal-elettriku u konsegwentement il-parts għall-immuntar tar-roti tal-elettriku la huma soġġetti għal dazju antidumping u lanqas għad-dazju estiż antidumping jiġifieri l-operazzjonijiet tal-immuntar tar-roti tal-elettriku jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 71/97. Għalhekk, huwa kkunsidrat xieraq li d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu estiżi skont l-Artikolu 14 għal “kontroll tal-użu aħħari” ta’ dawk il-parts tar-roti maħsuba għall-immuntar tar-roti tal-elettriku. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw “il-kontroll tal-użu aħħari” jippermettu lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jittraċċaw l-użu finali ta’ parts importati, jiġifieri l-użu ta’ mmuntar ta’ roti klassiċi jew ta’ roti tal-elettriku.

(12)

Barra minn hekk, huwa kkunsidrat xieraq li jitħassar l-Artikolu 16(3) billi d-dejta meħtieġa tista’ tinkiseb minn sorsi oħra.

(13)

Fl-aħħar nett, huwa propost li jiġu korretti żbalji klerikali u jiġu emendati r-referenzi skaduti fir-Regolament Emendat.

(14)

Fl-interessi taċ-ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, huwa neċessarju li jkun previst li l-emendi għar-Regolament Emendat previsti f’dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr għall-investigazzjonijiet ġodda u pendenti kollha.

(15)

Ir-Regolment (KE) Nru 88/97 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 88/97 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 3(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   It-talbiet isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u trid tkun iffirmata minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-applikant. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H Trade Defence,

Rue de la Loi/Wetstraat 200,

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

E-Mail: TRADE-bicycle-parts@ec.europa.eu”

2.

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu (1)(a) u (b) jinbidlu b’dan li ġej:

“(a)

tinkludi provi li juru li l-applikant qiegħed juża parts essenzjali tar-rota għall-produzzjoni u l-immuntar tar-roti fi kwantitajiet ‘il fuq mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 14(c);

(b)

tipprovdi evidenza prima facie li l-operazzjonijiet tal-immuntar tal-applikant jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (*); u

(*)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.”"

(b)

Il-Paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Jekk jiġi deċiż li talba mhijiex ammissibbli, din tiġi miċħuda permezz ta’ Deċiżjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.”

3.

L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mill-ġurnata li tkun waslet it-talba li prima facie tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Arikolu 4(1) u 4(2) u sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-merti skont l-Artikoli 6 u 7, il-pagament tad-dejn doganali fir-rigward tad-dazju estiż skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Referenza se jkun sospiż fir-rigward ta’ kwalunkwe importazzjonijiet ta’ partijiet essenzali tar-rota ddikjarata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mill-parti eżaminata. Perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur qabel tasal it-talba huwa normalment ikkunsidrat biex tiġi stabbilita prima facie l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u 4(2).”

4.

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni se tidentifika perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tagħtix eżenzjoni li normalment tkun tkopri perjodu ta’ 12-il xahar, iżda mhux inqas minn sitt xhur mid-data tas-sospensjoni tal-pagament tad-dazju estiż fuq parts essenzjali tar-roti. Matul il-kors tal-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob iżjed informazzjoni addizzjonali mill-applikant għall-eżami u/jew tesegwixxi verifiki fuq il-post.”

(b)

Il-Paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-eżaminazzjoni dwar il-merti tat-talba normalment ikun konkluż fi żmien 12-il xahar wara li tkun irċeviet l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1).”

5.

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-fatti kif finalment aċċertati juru li l-operazzjonijiet ta’ mmuntar tal-applikant ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, l-eżenzjoni tal-applikant mid-dazju estiż tkun awtorizzata, wara l-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.”

(b)

Il-Paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn il-kriterji għal eżenzjoni mhumiex sodisfatti, it-talba tinċaħad, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u s-sospensjoni tal-pagament tad-dazju estiż imsemmi fl-Artikolu 5 titħassar.”

6.

L-Artikolu 8(1)(a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

l-operazzjonijiet tal-immuntar tagħha ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009;”

7.

L-Artikolu 9(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess tanalizza s-sitwazzjoni tal-parti eżentata sabiex tivverifika li l-operazzjonjiet tal-immuntar tagħha ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.”

8.

L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

It-tħassir ta’ eżenzjoni

Eżenzjoni tiġi revokata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, wara li l-persuna eżentata tingħata l-opportunità biex tikkummenta:

fejn l-analiżi tkun uriet li l-operazzjonijiet tal-immuntar tal-persuna eżentata jkunu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009,

fil-każ ta’ vjolazzjoni tal-obbligi tal-parti skont l-Artikolu 8, jew

fil-każ ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni.”

9.

L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Dispożizzjonijiet proċedurali

Id-dispożizzjonijiet relevanti fir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 fir-rigward:

tat-tmexxija tal-investigazzjonijiet (l-Artikolu 6(2), (3), (4) u (5)),

tal-visti ta’ verifika (l-Artikolu 16),

tan-nuqqas ta’ koperazzjoni (l-Artikolu 18), u

tal-kunfidenzjalità (l-Artikolu 19),

japplikaw għall-eżaminazzjoni skont dan ir-Regolament.”

10.

L-Artikolu 14(c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

kull xaħar, inqas minn 300 unità għal kull tip ta’ part essenzjali tar-rota jkunu jew iddikjarati għal ċirkolazzjoni ħielsa minn parti jew imwasslin lilha. L-għadd ta’ parts iddikjarati minn parti jew imwasslin lilha jiġu kkalkulati permezz ta’ referenza għall-għadd ta’ parts iddikjarati jew imwassla lill-partijiet kollha li huma assoċjati ma’ dik il-parti jew għandhom arranġamenti kumpensatorji magħha; jew”

11.

Fl-Artikolu 14, jiddaħħal is-subparagrafu (d) li ġej:

“(d)

il-parts essenzjali tar-rota huma għall-użu fl-immuntar tar-roti lijkun fihom mutur supplimentari (TARIC kodiċi addizzjonali 8835).”

12.

L-Artikolu 16(3) huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika għall-investigazzjonijiet kollha ġodda u pendenti kollha mid-dħul teigħu fis-seħħ.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 153, 5.6.2013, p. 17.

(3)  ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(5)  ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(6)  ĠU L 55, 28.2.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

(8)  ĠU C 71, 9.3.2012, p. 10.