27.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/11


REGOLAMENT (UE) Nru 473/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Mejju 2013

dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jesiġi li l-Istati Membri jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni, li l-politiki baġitarji tagħhom ikunu ggwidati mill-ħtieġa għal finanzi pubbliċi sodi u li l-politiki ekonomiċi tagħhom ma jirriskjawx li jpoġġu fil-periklu t-tħaddim xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandu l-għan li jiżgura d-dixxiplina baġitarja madwar l-Unjoni u jfassal il-qafas għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Dan huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja, u b’hekk tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi s-sistema ta' sorveljanza multilaterali stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (3) kif ukoll il-proċedura għall-prevenzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern stabbilita fl-Artikolu 126 TFUE u speċifikata ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (4). Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir issaħħaħ ulterjorment permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 (6). Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (7) żied sistema ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar effettiva, preventiva u gradwali fil-forma ta’ impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(3)

It-tisħiħ tal-emendi għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tejjeb il-gwida pprovduta lill-Istati Membri f’termini ta’ tfassil ta’ politika fiskali prudenti, u, għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, irrinforza u għamel aktar awtomatiku l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mat-tfassil tal-politika fiskali prudenti, sabiex jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet ħolqu qafas aktar komprensiv.

(4)

Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, is-Semestru Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Is-Semestru Ewropew jinkludi l-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika) f'konformità mal-Artikolu 121(2) TFUE; il-formulazzjoni, u l-eżami tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida dwar l-impjiegi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 148(2) TFUE (linji gwida dwar l-impjiegi); il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tal-Istati Membri skont dak ir-Regolament; il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri li jappoġġaw l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi u li ġew stabbiliti b’konformità mal-linji gwida ġenerali, mal-linji gwida dwar l-impjiegi u mal-linji gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni (l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir) u mill-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza; u s-sorveljenza biex jiġu preklużi u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (8). Fejn opportun, opinjonijiet maħruġa fil-kuntest ta’ programm ta’ sħubija ekonomika, kif stabbilit b’dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu wkoll.

(5)

Biex jgħin lill-Unjoni toħroġ aktar b’saħħitha, kemm internament kif ukoll fil-livell internazzjonali, billi tingħata spinta qawwija lill-kompetittività, it-tkabbir potenzjali, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ekonomika, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, adotta strateġija ġdida tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi li fiha wkoll objettivi fl-oqsma tal-faqar, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ambjent.

(6)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja, it-TFUE jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha biex jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom. Din il-koordinazzjoni u din is-sorveljanza msaħħa għandhom ikunu akkompanjati minn involviment fl-istess miżura tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, kif ikun xieraq. Fejn xieraq u meħtieġ għandu jsir użu attiv tal-miżuri speċifiċi li huma previsti fl-Artikolu 136 TFUE.

(7)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tosserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE, u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Dan ir-Regolament jikkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod korrispondenti ma jaffettwax id-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali.

(8)

L-Artikolu 9 TFUE jipprovdi li, meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija tal-protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-eskluzjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(9)

Sorveljanza u koordinazzjoni msaħħa gradwalment, kif stipulat f’dan ir-Regolament, se jikkompletaw ulterjorment is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, se jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u jsaħħu s-sorveljanza tal-politiki baġitarji u ekonomiċi fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Proċedura ta’ monitoraġġ imsaħħa gradwalment għandha tikkontribwixxi għal eżiti baġitarji u ekonomiċi aħjar, solidità makrofinanzjarja u konverġenza ekonomika, għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro. Bħala parti minn proċedura msaħħa gradwalment, monitoraġġ aktar mill-qrib huwa partikolarment ta’ valur għall-Istati Membri li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

(10)

Previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji preġudikati u mhux realistiċi jistgħu jfixklu konsiderevolment l-effikaċja tal-ippjanar baġitarju u konsegwentement ixekklu l-impenn favur id-dixxiplina baġitarja. Previżjonijiet makroekonomiċi mhux preġudikati u realistiċi jistgħu jingħataw minn korpi indipendenti jew korpi li jgawdu awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji ta' Stat Membru u li jistrieħu fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali. Tali previżjonijiet għandhom jintużaw tul il-proċedura baġitarja kollha.

(11)

Finanzi pubbliċi f'saħħithom jiġu żgurati l-aħjar fl-istadju tal-ippjanar u l-iżbalji grassi għandhom jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun. L-Istati Membri għandhom jibbenefikaw mhux biss minn l-iffissar ta’ prinċipji ta’ gwida u miri baġitarji imma wkoll minn monitoraġġ sinkronizzat tal-politiki baġitarji tagħhom.

(12)

L-istipular ta’ skeda ta’ żmien baġitarja komuni għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandu jissinkronizza aħjar il-passi ewlenin fit-tħejjija tal-baġits nazzjonali, u b'hekk jikkontribwixxi favur l-effikaċja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan għandu jwassal għal sinerġiji aktar b’saħħithom billi tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-politika fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u billi jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jiġu integrati kif xieraq fil-proċedura baġitarja tal-Istati Membri. Dik il-proċedura għandha tkun konsistenti mal-qafas għall-koordinazzjoni ekonomika u politika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali tas-sorveljanza, li jinkludi, b'mod partikolari, il-gwida ġenerali għall-istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu. Il-politiki baġitarji tal-Istati Membri għandhom ikunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u, fejn opportun, ma’ rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanja, inkluża l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u ma' opinjonijiet dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika, kif stabbiliti b'dan ir-Regolament.

(13)

Bħala l-ewwel pass ta’ dik l-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubbliku l-pjan fiskali nazzjonali ta’ terminu ta’ żmien medju fl-istess ħin mal-programmi ta’ stabbiltà tagħhom preferibbilment sal-15 ta' April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April. Dawk il-pjani fiskali għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri stipulati huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri u l-impenji nazzjonali stabbiliti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Il-pjan fiskali nazzjonali ta’ terminu medju u l-programm ta’ stabbiltà jistgħu jkunu l-istess dokument.

(14)

Stadju importanti ta' dik l-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni għandu jkun il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern ċentrali sal-15 ta' Ottubru. Peress li l-konformità mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandha tiġi żgurata fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika u l-kisba tal-objettivi baġitarji teħtieġ ibbaġitjar konsistenti fost is-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika, il-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern ċentrali għandha tkun akkumpanjata bil-pubblikazzjoni tal-parametri prinċipali tal-abbozz ta' baġits tas-sottosetturi l-oħra kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Tali parametri għandhom jinkludu, b'mod partikolari, r-riżultati tal-baġit proġettati tas-sottosetturi l-oħra, is-suppożizzjonijiet prinċipali sottostanti ta' dawn il-projezzjonijiet u r-raġunijiet għat-tibdiliet mistennija fir-rigward tas-suppożizzjonijiet għall-programm ta' sStabbiltà.

(15)

L-iskeda ta’ żmien baġitarja komuni tipprevedi wkoll li l-baġit għandu jiġi adottat jew stipulat annwalment sal-31 ta’ Diċembru flimkien mal-paramentri baġitarji prinċipali aġġornati għas-sottosetturi l-oħra tal-amministrazzjoni pubblika. Fejn, għal raġunijiet oġġettivi barra mill-kontroll tal-gvern, il-baġit ma jiġix adottat sal-31 ta’ Diċembru, għandu jkun hemm fis-seħħ proċeduri ta’ baġit reviżjonarji biex jiġi żgurat li l-gvern ikun għadu kapaċi jwettaq id-dmirijiet essenzjali tiegħu. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu pereżempju l-implimentazzjoni tal-abbozz ta' baġit tal-gvern, tal-baġit approvat tas-sena ta' qabel, jew ta' miżuri speċifiċi approvati mill-parlament.

(16)

Bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-ippjanar tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ex ante dwar il-pjani tal-ħruġ tad-dejn pubbliku tagħhom lill-Grupp tal-euro u lill-Kummissjoni.

(17)

Ir-rispett ta’ oqfsa fiskali effettivi bbażati fuq regoli jistgħu jkunu importanti fl-appoġġ ta' politiki fiskali tajba u sostenibbli. Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (9) stabbiliet li l-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi skont il-pajjiż għandu jkun appoġġat fil-livell nazzjonali minn korpi indipendenti jew korpi li jgawdu awtonomija funzjonali. Huwa importanti li jiġi nnutat li minħabba d-diversità ta’ arranġamenti potenziali u eżistenti, filwaqt li ma tkunx l-alternattiva preferita, għandu jkun permess li wieħed ikollu iktar minn korp indipendenti wieħed li jieħu ħsieb il-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-regoli, sakemm ikun hemm allokazzjoni ċara tar-responsabilità u sakemm ma jkunx hemm irduppjar ta’ kompetenzi dwar aspetti speċifiċi tal-monitoraġġ. Frammentazzjoni istituzzjonali eċċessiva tal-kompiti ta’ monitoraġġ għandha tiġi evitata. Sabiex il-korpi ta’ monitoraġġ jissodisfaw il-mandat tagħhom b’mod effikaċi, id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali għandhom ikunu fil-bażi ta’ tali korpi. Fit-tfassil ta’ dawk il-korpi ta’ monitoraġġ għandhom jiġu kkunsidrati s-sitwazzjoni istituzzjonali eżistenti u l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat. Partikolament, għandu jkun possibbli li korp adegwat ta’ istituzzjoni eżistenti jingħata awtonomija funzjonali, sakemm tali korp ikun maħtur biex iwettaq il-kompiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, ikollu reġim statutorju distint u jkun konformi mal-prinċipji l-oħrajn imsemmijin f'din il-premessa.

(18)

Dan ir-Regolament ma jinponix fuq l-Istati Membri rekwiżiti jew obbligi addizzjonali fir-rigward ta’ regoli fiskali numeriċi speċifiċi skont il-pajjiż li jeżistu fil-liġi tal-Unjoni. Regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż li jkunu b’saħħithom u konsistenti mal-objettivi baġitarji fil-livell tal-Unjoni u sorveljati minn korpi indipendenti jikkostitwixxu pilastru importanti tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja msaħħa tal-Unjoni. Ir-regoli li dawk il-korpi għandhom jirrispettaw, u l-kompiti speċifiċi tagħhom, huma stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(19)

L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma partikolarment suġġetti għal effetti sekondarji mill-politika baġitarja ta' xulxin. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lil xulxin qabel ma jadottaw kwalunkwe pjan maġġuri ta’ riforma fil-politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali, sabiex jippermettu l-possibilità ta’ valutazzjoni tal-impatt possibbli fuq iż-żona tal-euro b’mod ġenerali. Huma għandhom iqisu wkoll l-pjani baġitarji tagħhom bħala ta’ interess komuni u jippreżentawhom lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ qabel il-pjani isiru vinkolanti. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tipproponi linji gwida fil-forma ta’ qafas armonizzat għall-ispeċifikazzjoni tal-kontenut tal-abbozz tal-pjani baġitarji.

(20)

Fil-każijiet eċċezzjonali fejn, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tidentifika fl-abbozz ta’ pjan baġitarju nuqqas ta’ konformità serju mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju, għandha titlob abbozz ta’ pjan baġitarju rivedut, skont dan ir-Regolament. Dan se jkun il-każ b’mod partikolari fejn l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju tpoġġi l-istabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat f’riskju jew tirriskja li tpoġġi f’periklu l-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, jew fejn l-implimentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju tinvolvi ksur sinifikanti u ovvju tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(21)

L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju għandha tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Novembru, filwaqt li jiġu kkunsidrati, sa fejn dan ikun possibbli, l-iskeda fiskali nazzjonali u l-proċeduri parlamentari, sabiex jiġi żgurat li l-gwida fil-linji politiċi tal-Unjoni fil-qasam baġitarju tkun tista' tiġi integrata adegwatament fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali. Partikolarment, l-opinjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar jekk il-pjani baġitarji jindirizzawx adegwatament ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fil-qasam baġitarju. Fuq talba tal-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tkun lesta li tippreżenta l-opinjoni tagħha lill-Parlament li jagħmel it-talba, wara li tkun ġiet magħmula pubblika. L-Istati Membri huma mistiedna jqisu, fil-proċess tal-adozzjoni tal-liġi tal-baġit tagħhom, l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tagħhom.

(22)

Il-punt sa fejn din l-opinjoni tkun tqieset fil-liġi tal-baġit ta' Stat Membru għandu jkun parti mill-valutazzjoni, jekk u meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet, u dan iwassal għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat. F'każ tali, in-nuqqas ta’ segwitu tal-gwida bikrija mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fattur aggravanti.

(23)

Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva tal-abbozzi tal-pjani baġitarji min-naħa tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro b’mod ġenerali.

(24)

L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li huma soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib, biex tiġi żgurata korrezzjoni sħiħa, sostenibbli u fil-ħin tad-defiċit eċċessiv. Monitoraġġ aktar mill-qrib permezz ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali, għandu jiżgura l-prevenzjoni u l-korrezzjoni bikrija ta’ kwalunkwe devjazzjoni mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv. Tali monitoraġġ għandu jikkomplimenta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1467/97. Dawk ir-rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali għandhom ikunu proporzjonati għall-istadju tal-proċedura li għalih ikun soġġett l-Istat Membru, kif previst fl-Artikolu 126 TFUE. Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu valutazzjoni komprensiva ta’ eżekuzzjoni baġitarja tas-sena għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riskji finanzjarji b'mod partikolari assoċjati mal-obbligazzjonijiet kontinġenti b'impatti potenzjalment kbar fuq baġits pubbliċi.

(25)

Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar addizzjonali għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jippermettu skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni, u bħala konsegwenza, l-identifikazzjoni ta’ riskji fil-konformità ta’ Stat Membru mad-data ta’ skadenza li ġiet stabbilita mill-Kunsill biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu. Fil-każ li jiġu identifikati tali riskji, il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat li tistipula l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f' qafas ta’ żmien partikolari. Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjoni tagħha lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat. Il-konformità mar-rakkomandazzjoni għandha twassal għal korrezzjoni immedjata ta’ kwalunkwe żvilupp li jpoġġi fir-riskju l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-qafas tal-iskadenza stabbilita.

(26)

Il-valutazzjoni tal-konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha tkun parti mill-valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni tal-azzjoni effettiva biex tikkoreġi defiċit eċċessiv. Meta jiddeċiedi jekk ittiħditx azzjoni effettiva biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu wkoll jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq jekk l-Istat Membru kkonformax mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li jikkunsidra b’mod dovut l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(27)

Fil-fatt, ir-Regolament Stabbiltà(KE) Nru 1467/97, li tistipula fid-dettall il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv abbażi tal-Artikolu 126 TFUE, jistabbilixxi fil-fond elementi ta’ flessibilità li jippermettu l-kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija. L-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament jipprevedu li jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva f’konformità ma’, rispettivament, rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjoni li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, u jseħħu avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija b’konsegwenzi maġġuri żvantaġġjużi għall-finanzi tal-gvern wara l-adozzjoni ta’ dik ir-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni li jingħata avviż, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE. Ir-rakkomandazzjoni riveduta jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż, li tqis il-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tista’, b’mod partikolari, testendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola.

Il-Kunsill għandu jivvaluta l-eżistenza ta’ avvenimenti ekonomiċi negattivi imprevisti b’konsegwenzi maġġuri żvantaġġjużi għall-finanzi tal-gvern, kontra t-tbassir ekonomiku fir-rakkomandazzjoni jew id-deċiżjoni li jingħata avviż inizjali tiegħu. Fil-każ ta' tnaqqis gravi fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni b’mod ġenerali, il-Kunsill jista' wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew id-deċiżjoni riveduta li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, kemm-il darba dak ma jipperikolax is-sostenibilità fiskali għall-perjodu medju. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 jipprevedi li, fl-implimentazzjoni tal-benchmark għall-aġġustament tal-proporzjon tad-dejn, għandha tiġi kkunsidrata l-influwenza taċ-ċiklu fuq il-pass ta’ tnaqqis tad-dejn. Għalhekk, Stat Membru ma jitqiesx li jkun kiser il-kriterju dwar id-dejn stipulat fl-Artikolu 126(2)(b) TFUE jekk dak ikun biss minħabba kundizzjonijiet ċikliċi negattivi.

(28)

Barra minn hekk, peress li l-miżuri tal-baġit jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw korrezzjoni dejjiema tad-defiċit ekonomiku, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li huma soġġetti għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandhom jippreżentaw programm ta’ sħubija ekonomika u jagħtu dettalji dwar il-miżuri tal-politika u r-riformi strutturali meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema, billi jibnu fuq l-aktar aġġornament reċenti tal-programm ta’ riforma nazzjonali tagħhom u l-programm ta’ sStabbiltà tagħhom.

(29)

Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-governanza ekonomika involva djalogu aktar mill-qrib mal-Parlament Ewropew. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontropartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas tad-djalogu huma l-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet lil Stat Membru li jkun is-suġġett ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ opinjoni tal-Kunsill f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru f’tali skambju ta' fehmiet hija volontarja.

(30)

Sabiex jiġi speċifikat sa fejn għandhom jaslu l-obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, is-setgħa sabiex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut u l-ambitu ta’ dan ir-rappurtar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)

Is-setgħa biex jiġu adottati l-opinjonijiet dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika prevista f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Dawk l-opinjonijiet huma kumplimentari għall-proċedura ta' defiċit eċċessiv stabbilita skont l-Artikolu 126 TFUE skont liema l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv u dwar il-miżuri meħtieġa biex dan jitwaqqaf.

(32)

Filwaqt li fakkru fl-importanza ta’ finanzi pubbliċi sodi, fir-riforma strutturali u investiment immirat għal tkabbir sostenibbli, il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-Istat Membri iffirmaw il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi fid-29 ta’ Ġunju 2012, biex jagħtu prova tad-determinazzjoni tagħhom li jistimulaw it-tkabbir li joħloq l-impjiegi parallelament mal-impenn tagħhom favur finanzi pubbliċi sodi. Il-Patt jinkludi, b'mod partikolari miżuri biex tingħata spinta lill-finanzjament tal-ekonomija. Qegħdin jiġu mobilizzati EUR 120 000 miljun (ekwivalenti għal madwar 1 % tad-Dħul Gross Nazzjonali tal-Unjoni) għal miżuri ta' tkabbir li jaġixxu malajr. Kif ġie rakkomandat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fl-2012 u l-2013, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex iżommu pass adegwat ta’ konsolidament fiskali filwaqt li jippreservaw investiment immirat lejn il-kisba tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi.

(33)

Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-impatt tal-limitazzjonijiet stretti tal-baġit fuq l-infiq pubbliku li jsaħħaħ it-tkabbir u fuq l-investiment pubbliku. Il-qafas fiskali tal-Unjoni joffri ambitu biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali: filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-possibilitajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali jkunu jistgħu jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrapporta dwar l-ambitu għal azzjoni potenzjali fi ħdan il-parametri tal-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni.

(34)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 bl-isem “Pjan ta’ Azzjoni għal-UEM Profonda u Ġenwina” jiddelinjaw, rispettivament, il-fehmiet tal-Parlament Ewropewu tal-Kummissjoni dwar il-passi meħtieġa biex tintlaħaq unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda u integrata aħjar. Wara r-Rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu f’Diċembru 2012, stipula l-fehmiet tiegħu dwar numru ta’ kwistjonijiet bil-ħsieb li jkompli jsaħħaħ l-UEM,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ imsaħħaħ tal-politika baġitarji fiż-żona tal-euro u għall-iżgurar li l-baġits nazzjonali jkunu konsistenti mal-gwida dwar il-politika ekonomika maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tas-sorveljanza tal-politika ekonomika, billi:

(a)

jikkomplimenta s-Semestru Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, bi skeda ta’ żmien baġitarja komuni;

(b)

jikkomplimenta l-proċedura għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011;

(c)

jikkomplimenta s-sistema ta' sorveljanza multilaterali tal-politiki baġitarji, kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1466/97, b'rekwiżiti ta’ monitoraġġ addizzjonali sabiex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam baġitarju jiġu integrati adegwatament fil-preparazzjonijiet baġitarji nazzjonali;

(d)

jikkomplimenta l-proċedura tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv ta’ Stat Membru, kif stabbilit mill-Artikolu 126 TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1467/97, b'monitoraġġ aktar mill-qrib tal-politiki baġitarji tal-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv sabiex tiġi żgurata l-korrezzjoni dejjiema u f'waqtha tad-defiċit eċċessiv.

(e)

jiggarantixxi l-konsistenza bejn il-politiki baġitarji u l-miżuri u r-riformi magħmula fil-kuntest tal-proċedura għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 u, fejn xieraq, fil-kuntest ta’ programm ta' sħubija ekonomika kif imsemmi fl-Artikolu 9.

2.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tosserva bis-sħiħ l-Artikolu 152 TFUE u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prattika u l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-pagi. Skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi jew jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva skont il-liġi u l-prattika nazzjonali.

3.   Dan ir-Regolament japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

"korpi indipendenti" tfisser korpi li huma strutturalment indipendenti jew korpi mogħnija b'awtonomija funzjonali vis à vis l-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru, u li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiżguraw livell għoli ta’ awtonomija u responsabilità funzjonali, inklużi:

(i)

reġim statutorju stabbilit f'liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jorbtu;

(ii)

projbizzjoni li jittieħdu struzzjonijiet mill-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru kkonċernat jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat;

(iii)

il-kapaċità li jikkomunikaw pubblikament fil-waqt xieraq;

(iv)

proċeduri għan-nomina ta' membri abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom;

(v)

riżorsi adegwati u aċċess xieraq għall-informazzjoni biex jitwettaq il-mandat tagħhom;

(b)

"previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti" tfisser previżjonijiet makroekonomiċi magħmula jew approvati minn korpi indipendenti;

(c)

"qafas baġitarju ta’ terminu medju" tfisser qafas baġitarju fuq terminu ta’ żmien medju kif deskritt fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/85/UE;

(d)

"programm ta' stabbiltà" tfisser programm ta’ stabbiltà kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

Biex tiġi żgurata konsistenza bejn il-previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom għall-inqas kull sena, jidħlu fi djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet fil-bażi tal-preparazzjoni tal-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/85/UE.

2.   Għandhom japplikaw ukoll għal dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet tas-"settur amministrazzjoni pubblika" u tas-“sottosetturi tas-settur amministrazzjoni pubblika” stipulati fil-punt 2.70 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (10).

3.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija bla ħsara għall-Artikolu 9 TFUE.

KAPITOLU II

KOORDINAZZJONI TAL-POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu 3

Konsistenza mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

Il-proċedura baġitarja tal-Istati Membri għandha tkun konsistenti:

(1)

mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, li jinkludi, inter alia, il-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu;

(2)

mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

(3)

fejn xieraq, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, inkluż il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011; u

(4)

fejn xieraq, mal-opinjonijiet tal-Kunsill dwar programm ta’ sħubija ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 9.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET BAĠITARJI KOMUNI

Artikolu 4

Skeda ta' żmien baġitarju komuni

1.   L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, jippubblikaw, preferibbilment sal-15 ta’ April iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ April kull sena, il-pjani fiskali nazzjonali ta’ terminu medju tagħhom skont il-qafas baġitarju ta’ terminu medju. Tali pjani għandhom jinkludu għall-inqas l-informazzjoni kollha li għandha tiġi pprovduta fil-programmi ta’ stabbiltà tagħhom u għandhom jiġu ppreżentati flimkien mal-programmi ta’ riforma nazzjonali u l-programmi ta' stabbiltà. Tali pjani stabbiltàgħandhom ikunu konsistenti mal-qafas għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, li jinkludi, inter alia, l-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu. huma għandhom ukoll ikunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u, fejn xieraq, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza, inkluż il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u mal-opinjonijiet tal-Kunsill dwar il-programmi ta’ sħubija ekonomika msemmija fl-Artikolu 9.

Il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-programmi nazzjonali ta’ riforma għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri stipulati huma mistennija jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri u l-impenji nazzjonali stabbiliti fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Barra minn hekk, il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju jew il-programmi ta’ riforma nazzjonali għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar ir-ritorn ekonomiku mistenni fuq proġetti ta’ investiment pubbliku, minbarra dawk tad-difiża, li jkollhom impatt baġitarju sinifikanti. Il-pjani fiskali nazzjonali ta’ terminu medju u l-programmi ta’ stabbiltà jistgħu jkunu l-istess dokument.

2.   L-abbozz ta' baġit għas-sena li jmiss għall-gvern ċentrali u l-parametri ewlenin tal-abbozzi ta' baġit għas-sottosetturi l-oħra kollha tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jiġu ppubblikati kull sena sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru.

3.   Il-baġit għall-gvern ċentrali għandu jiġi adottat jew iffissat u pubblikat kull sena sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru flimkien mal-parametri baġitarji ewlenin aġġornati għas-sottosetturi l-oħra tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri baġitarji riversibbli li għandhom jiġu applikati jekk, għal raġunijiet oġġettivi li ma jaqgħux fil-kontroll tal-gvern, il-baġit ma jiġix adottat jew iffissat u ppubblikat sal-31 ta’ Diċembru.

4.   Il-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-abbozzi ta' baġit msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bbażati fuq previżjonijiet makroekonomiċi indipendenti u għandhom jindikaw jekk il-previżjonijiet baġitarji jkunux saru jew ġewx approvati b'mod indipendenti. Dawk il-previżjonijiet għandhom isiru pubbliċi flimkien mal-pjani fiskali nazzjonali fuq terminu medju u l-abbozzi ta' baġit nazzjonali li huma msjsa fuqhom.

Artikolu 5

Korpi indipendenti u konformità mar-regoli fiskali

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ korpi indipendenti għall-monitoraġġ tal-konformità ma':

(a)

regoli fiskali numeriċi li jinkorporaw fil-proċessi baġitarji nazzjonali l-objettivi baġitarji ta’ terminu medju tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(b)

regoli fiskali numeriċi msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/85/UE.

2.   Dawk il-korpi, meta jkun xieraq, għandhom jipprovdu valutazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tar-regoli fiskali nazzjonali, inter alia fir-rigward ta':

(a)

l-okkorrenza ta' ċirkustanzi li jwasslu għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta' korrezzjoni għal każijiet ta' diverġenza sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien jew mit-triq ta' aġġustament lejh skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(b)

dwar jekk il-korrezzjoni hijiex qed tipproċedi skont ir-regoli u l-pjani baġitarji;

(c)

kwalunkwe okkorrenza jew waqfien taċ-ċirkostanzi msemmijin fl-għaxar subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 li jistgħu jippermettu diverġenza temporanja mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' żmien jew mill-mogħdija ta' aġġustament lejn dan, kemm-il darba tali diverġenza ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju ta' żmien.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ U VALUTAZZJONI TAL-ABBOZZI TAL-PJANI BAĠITARJI TAL-ISTATI MEMBRI

Artikolu 6

Rekwiżiti tal-monitoraġġ

1.   L-Istati Membri kull sena għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro abbozz ta’ pjan baġitarju għas-sena sussegwenti sal-15 ta' Ottubru. Dak l-abbozz ta' pjan baġitarju għandu jkun konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u, fejn applikabbli, mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-kuntest taċ-ċiklu ta' sorveljanza annwali inkluża l-proċedura tal-iżbilanċi kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u mal-opinjonijiet dwar il-programmi ta' sħubija ekonomika imsemmija fl-Artikolu 9.

2.   Malli l-abbozzi tal-pjani baġitarji imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni, dawn għabdhom jiġu ppubblikati.

3.   L-abbozz tal-pjan baġitarju għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja għas-sena sussegwenti:

(a)

il-bilanċ baġitarju mmirat għall-amministrazzjoni pubblika bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG), iddettaljat skont is-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika;

(b)

il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki għan-nefqa u d-dħul bħala persentaġġ tal-PDG tal-amministrazzjoni pubblika u l-komponenti ewlenin tagħhom, inkluża l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss;

(c)

in-nefqa u d-dħul fil-mira bħala persentaġġ tal-PDG għall-amministrazzjoni pubblika u l-komponenti ewlenin tagħhom, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet u l-kriterji tal-istabbiliment tal-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta minn kwalunkwe miżura diskrezzjonarja fid-dħul skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97;

(d)

informazzjoni relevanti dwar in-nefqa skont il-funzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, fost oħrajn dwar l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi, u, meta jkun possibbli, indikazzjonijiet dwar l-impatt distributtiv mistenni tal-miżuri ewlenin tan-nefqa u tad-dħul;

(e)

deskrizzjoni u kwantifikazzjoni tal-miżuri tan-nefqa u tad-dħul li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz ta' baġit għas-sena sussegwenti fil-livell ta' kull sottosetturkollha sabiex jixxejjen id-distakk bejn il-miri msemmija fil-punt (c) u l-projezzjonijiet abbażi ta' ebda bdil fil-politiki pprovduti skont il-punt (b).

(f)

is-suppożizzjonijiet ewlenin tat-tbassir makroekonomiku indipendenti u l-iżviluppi ekonomiċi importanti li jkunu rilevanti għall-kisba tal-miri baġitarji; Il-metodoloġija, il-mudelli ekonomiċi u s-suppożizzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe parametru rilevanti ieħor li jsejjes il-previżjonijiet baġitarji għandhom ikunu

(g)

anness li jkun fih il-metodoloġija, il-mudelli ekonomiċi u s-suppożizzjonijiet u kwalunkwe parametri oħrajn rilevanti li fuqhom ikunu msejjes it-tbassir baġitarju u impatt stmat tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku;

(h)

indikazzjonijiet dwar kif ir-riformi u l-miżuri fl-abbozz tal-pjan baġitarju, fosthom, b'mod partikolari, l-investiment pubbliku, jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121 u 148 TFUE u huma strumentali għall-ilħuq tal-miri stabbiliti mill-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

Id-deskrizzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tista' tkun inqas dettaljata għal miżuri b’impatt baġitarju stmat li jkun inqas minn 0,1 % tal-PDG. Għandha tingħata attenzjoni partikolari u espliċita lill-pjani ewlenin ta’ riforma ta’ politika fiskali b'effetti sekondarji potenzjali għall-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom tkun l-euro;

4.   Fejn il-miri baġitarji rrapportati fl-abbozz tal-pjan baġitarju skont il-paragrafu 3 jew il-projezzjonijiet abbażi ta’ ebda bdil fil-politiki jkunu differenti minn dawk tal-programm ta’ stabbiltà l-aktar reċenti, id-differenzi għandhom ikunu spjegati kif xieraq.

5.   L-ispeċifikazzjonijiet tal-kontenut tal-abbozz tal-pjan baġitarju għandhom jiġu stabbiliti f'qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan baġitarju malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ sat-30 ta' Novembru.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn f'każijiet eċċezzjonali, wara konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimgħa mil-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju, il-Kummissjoni tidentifika nonkonformità partikolarment serja mal-obbligi tal-politika baġitarja stabbiliti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha tadotta l-opinjoni tagħha fi żmien ġimagħtejn mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju. Fl-opinjoni tagħha, l-Kummissjoni għandha titlob li jiġi ppreżentat, malajr kemm jista' jkun jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet ġimgħat mid-data tal-opinjoni tagħha, abbozz ta' pjan baġitarju rivedut. It-talba tal-Kummissjoni għandha tkun motivata u għandha ssir pubblika.

L-Artikolu 6(2), (3) u (4) għandu japplika għall-abbozzi ta' pjani baġitarji riveduti ippreżentati skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta opinjoni ġdida fuq l-abbozz tal-pjan baġitarju rivedut mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sa tliet ġimgħat mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan baġitarju rivedut.

3.   L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha ssir pubblika u għandha tiġi ppreżentata lill-Grupp tal-euro. Fuq talba tal-parlament tal-Istat Membru konċernat jew tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-opinjoni tagħha lill-Parlament li jagħmel it-talba.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha, abbażi tal-prospetti baġitarji nazzjonali u l-interazjzoni tagħhom fiż-żona kollha, filwaqt li toqgħod fuq il-previżjonijiet ekonomiċi l-aktar reċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Il-valutazzjoni kumplessiva għandha tinkludi analiżijiet tas-sensittività li jipprovdu indikazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f’każ ta’ żviluppi ekonomiċi, finanzjarji jew baġitarji negattivi. Għandha wkoll, kif ikun xieraq, tiddeskrivi miżuri biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja u makroekonomika fil-livell taż-żona tal-euro.

Il-valutazzjoni kumplessiva għandha ssir pubblika u għandha titqies fil-gwida ġenerali annwali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni.

Il-metodoloġija (inklużi l-mudelli) u s-suppożizzjonijiet tal-previżjonijiet ekonomiċi l-aktar reċenti tas-servizzi tal-Kummissjoni għal kull Stat Membru, inklużi l-istimi tal-impatt tal-miżuri baġitarji aggregati fuq it-tkabbir ekonomiku, għandhom jiġu annessi mal-valutazzjoni kumplessiva.

5.   Il-Grupp tal-euro għandu jiddiskuti l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjani baġitarji u s-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha abbażi tal-valutazzjoni kumplessiva magħmula mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4. Ir-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet tal-Grupp tal-euro għandhom isiru pubbliċi meta jkun xieraq.

Artikolu 8

Rappurtar dwar il-ħruġ tad-dejn

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapurtaw ex ante u fil-ħin lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Grupp tal-euro, dwar il-pjani tal-ħruġ tad-dejn nazzjonali tagħhom.

2.   Il-format u l-kontenut armoniżżati tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stipulati mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

KAPITOLU V

ŻGURAR TAL-KORREZZJONI TAD-DEFIĊIT EĊĊESSIV

Artikolu 9

Programmi ta' sħubija ekonomika

1.   Jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont l-Artikolu 126(6) TFUE, jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta programm ta’ sħubija ekonomika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jiddeskrivi l-miżuri ta’ politika u r-riformi strutturali meħtieġa biex tiġi żgurata korrezzjoni effettiva u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, bħala żvilupp tal-programm nazzjonali ta’ riforma tiegħu u tal-programm ta’ stabbiltà tiegħu u filwaqt li jikkunsidra b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istat Membru konċernat.

2.   Il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jidentifika u jagħżel numru ta’ prijoritajiet speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli fuq perjodu twil ta' żmien u li jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fl-Istat Membru konċernat. Dawk il-prijoritajiet għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. Fejn ikun xieraq għandhom jiġu identifikati riżorsi finanzjarji potenzjali, inklużi linji ta' kreditu tal-Bank ta' Investiment Ewropew u strumenti finanzjarji relevanti oħra kif ikun xieraq.

3.   Il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jiġi ppreżentat fl-istess ħin li fih jiġi ppreżentat ir-rapport previst fl-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

4.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta opinjoni dwar il-programm ta’ sħubija ekonomika.

5.   Pjan ta’ azzjoni korrettiva kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 jista’ jiġi emendatb’konformità mal-Artikolu 9(4) ta' dak ir-Regolament, biex jieħu post il-programm ta’ sħubija ekonomika previst f’dan l-Artikolu. F'każ li jiġi ppreżentat tali pjan ta' azzjoni korrettiva wara l-adozzjoni ta' programm ta' sħubija ekonomika, il-miżuri stipulati fil-programm ta' sħubija ekonomika jistgħu, kif ikun xieraq, jiġu inklużi fil-pjan ta' azzjoni korrettiva.

6.   L-implimentazzjoni tal-programm, u l-pjani baġitarji annwali konsistenti miegħu, għandhom jiġu mmonitorjati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Rekwiżiti ta' rappurtar għall-Istati Membri taħt proċedura tad-defiċit eċċessiv

1.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) TFUE li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru konċernat għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, ikun soġġett għal rekwiżiti ta' rappurtar skont il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, sakemm tiġi abrogata l-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

2.   L-Istat Membru għandu jwettaq valutazzjoni komprensiva tal-eżekuzzjoni baġitarja tas-sena kurrenti għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha. Ir-riskji finanzjarji assoċjati mad-debiti kontinġenti b'impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/85/UE għandhom ukoll ikunu koperti mill-valutazzjoni sal-punt li dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Ir-riżultat ta' dik il-valutazzjoni għandu jkun inkluż fir-rapport ippreżentat skont l-Artikolu 3(4a) jew l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-azzjoni meħuda sabiex tikkorreġi d-defiċit eċċessiv.

3.   L-Istat Membru għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għall-amministrazzjoni pubblika u s-sottosetturi tagħha, l-eżekuzzjoni baġitarja fis-sena kurrenti, l-impatt baġitarju ta' miżuri diskrezzjonarji meħuda kemm fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq in-naħa tad-dħul, il-miri tan-nefqa u d-dħul tal-gvern, u informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba sabiex jintlaħqu l-miri. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 li jispeċifika l-kontenut tar-rappurtar regolari msemmi f’dan il-paragrafu.

4.   Jekk l-Istat Membru konċernat ikun soġġett għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba sitt xhur wara r-rapport previst fl-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara dan kull 6 xhur.

5.   Jekk l-Istat Membru konċernat ikun s-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, ir-rapport skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda b'respons għall-avviż speċifiku tal-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba tliet xhur wara r-rapport previst fl-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u wara fuq bażi trimestrali.

6.   Fuq talba u sal-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni, l-Istat Membru fi proċedura ta' defiċit eċċessiv għandu:

(a)

iwettaq, u jirrapporta dwar, awditu indipendenti komprensiv tal-kontijiet pubbliċi tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika mwettaq preferibbilment b'koordinament mal-istituzzjonijiet supremi nazzjonali tal-awditjar fejn ikun xieraq, bil-għan li jiġu vvalutati l-affidabilità, il-kompletezza u l-akkuratezza ta’ dawk il-kontijiet pubbliċi għall-finijiet tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv data;

(b)

jipprovdi informazzjoni addizzjonali disponibbli għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-progress lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data statistika rrapportata mill-Istat Membru konċernat taħt il-punt (a) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (11).

Artikolu 11

L-Istati Membri f'riskju ta' nonkonformità mal-obbligi tagħhom skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront tagħhom

1.   Meta jiġi vvalutat jekk il-konformità mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, kif stabbilita mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, tkun mhedda, il-Kummissjoni għandhatibbaża l-valutazzjoni tagħha, inter alia, fuq ir-rapporti pproeżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   F’każ ta’ riskji ta’ nonkonformità mal-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru konċernat fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri previsti fir-rakkomandazzjoni jew deċiżjoni li jingħata avviż imsemmija fil-paragrafu 1, l-adozzjoni ta' miżuri oħrajn, jew it-tnejn, f'limitu ta' żmien li jkun konsistenti mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiegħu. Ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għandha ssir pubblika u għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Fuq talba tal-Parlament tal-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta ir-rakkomandazzjoni lil dak il-parlament.

3.   Fiż-żmien stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati b'respons għal dik ir-rakkomandazzjoni flimkien mar-rapporti previsti fl-Artikolu 7(3). Ir-rapport għandu jinkludi l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonarji kollha meħuda, il-miri għan-nefqa u d-dħul tal-gvern, informazzjoni dwar il-miżuri adottati u n-natura ta' dawk maħsuba biex jinkisbu l-miri, kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet oħra meħuda b'respons għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jsir pubbliku u għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

4.   Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Istat Membru jkunx konformi mar-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 12

Impatt fuq il-proċedura tad-defiċit eċċessiv

1.   Għandu jitqies il-punt sa fejn l-Istat Membru konċernat ikun ikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 7(1):

(a)

mill-Kummissjoni meta tagħmel rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE u meta tirrakkomanda l-impożizzjoni ta' depożitu bla mgħax skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011;

(b)

mill-Kunsill meta jiddeċiedi jekk jeżistix defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(6) TFUE.

2.   Il-monitoraġġ stabbilit mill-Artikoli 10 u 11 ta' dan ir-Regolament għandu jkun parti integrali mill-monitoraġġ regolari, kif previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 tal-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Istat Membru konċernat b'respons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew deċiżjonijiet tal-Kunsill li jagħti avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

3.   Meta tikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b'respons għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew għad-deċiżjonijiet li jingħata avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) f’dan ir-Regolament u tista' tirrakkomanda, kif xieraq, li l-Kunsill jieħu deċiżjonijiet skont l-Artikolu 126(8) jew l-Artikolu 126(11) TFUE, kif xieraq, filwaqt li tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta lill-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

Artikolu 13

Konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 (12)

L-Istati Membri soġġetti għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 6 sa 12 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Twettiq tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati msemmija fl-Artikolu 10(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tliet snin mit-30 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 10(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Djalogu Ekonomiku

1.   Biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden, meta jkun xieraq, lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Grupp tal-euro biex jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu:

(a)

l-ispeċifikazzjoni tal-kontenut tal-abbozz tal-pjan baġitarju kif stabbilit f'qafas armonizzat stabbilit skont l-Artikolu 6(5);

(b)

ir-riżultati tad-diskussjoni tal-Grupp tal-euro dwar l-opinjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 7(1), sakemm dawn ir-riżultati jkunu saru pubbliċi;

(c)

il-valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni baġitarja u tal-prospetti fiż-żona tal-euro fis-sħuħija tagħha, imwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(4);

(d)

atti tal-Kunsill msemmija fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 12(3).

2.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jkun is-suġġett ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2) jew b'atti tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu (d) li jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet.

3.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif xieraq fis-Semestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabilità tad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tad-djalogu ekonomiku li jsir skont dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Rieżami u rapporti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

1.   Sal-14 ta’ Diċembru 2014, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma', fejn ikun xieraq, proposta għall-emendar ta' danir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dak ir-rapport.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:

(a)

l-effikaċja ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE;

(c)

il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

2.   Sal-31 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-possibilitajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-Unjoni, biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li dan jiġi rispettat bis-sħiħ.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-Istati Membri diġà soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' rappurtar skont l-Artikolu 10 (3), (4) u (5) sal-31 ta’ Ottubru 2013.

2.   L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(2) għandhom japplikaw għall-Istati Membri li diġà huma soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biss meta rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE, jew deċiżjoni tal-Kunsill biex tgħati avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, jittieħdu wara t-30 ta’ Mejju 2013.

F'dawn il-każijiet, il-programm ta’ sħubija ekonomika għandu jiġi ppreżentat fl-istess waqt li fih jiġi ppreżentat r-rapport skont l-Artikolu 3(4a) jew l-Artikolu 5(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 5 sal-31 ta’ Ottubru 2013.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 141, 17.5.2012, p. 7.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2013 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2013.

(3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(4)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(5)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

(6)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.

(7)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

(8)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(9)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.

(10)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(11)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 21 ta’ Mejju 2013 [dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro], (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).