17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 458/2013

tas-16 ta’ Mejju 2013

li jikkoreġi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 121(d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 (2) jistabbilixxi t-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd Il-kliem tad-definizzjoni ta’ “lott” fl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament għandu jiġi ċċarat sabiex ma jagħtix lok għal interpretazzjonijiet diverġenti u b’hekk għal prattiki differenti fl-Istati Membri.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 589/2008 għandu għalhekk jiġi kkoreġut skont dan.

(3)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 l-punt (i) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(i)

“lott” tfisser il-bajd f’pakketti jew farrad mill-istess sit wieħed ta’ produzzjoni jew ċentru tal-ippakkjar, li jinsab f’post wieħed, bl-istess data waħda ta’ meta tbied jew id-data minima ta’ kemm iservi prodott tal-ikel jew id-data tal-ippakkjar, l-istess metodu ta’ trobbija u, fil-każ tal-bajd ikklassifikat, l-istess klassifika tal-kwalità u tal-piż;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6.