30.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 393/2013

tad-29 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1120/2009 u (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u tal-obbligi ta’ notifika dwar varjetajiet ta’ qanneb għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u partikolarment l-Artikoli 39(2) u 142(h) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, żoni li jintużaw għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu eliġibbli biss għal pagamenti diretti jekk il-varjetajiet użati jkun fihom kontenut tat-tetraidrokannabinol li ma jaqbiżx 0,2 %. Skont l-Artikolu 124(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Artikolu 39 ta’ dak ir-Regolament japplika wkoll għaż-żoni fi ħdan l-iskema ta’ pagament uniku skont fl-Istati Membri l-ġodda.

(2)

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (2) jistabbilixxi li l-pagament tad-drittijiet għaż-żoni tal-qanneb se jkun suġġett għall-użu ta’ żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-‘Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli’, bl-eċċezzjoni tal-varjetajiet Finola u Tiborszállási li bħalissa huma eliġibbli biss fil-Finlandja u fl-Ungerija respettivament.

(3)

Abbazi tan-notifiki ta’ xi Stati Membri u minħabba l-fatt li proċedura hija diġà prevista għall-esklużjoni ta’ varjetà partikolari fil-livell tal-Istati Membri, l-iskema tista’ tiġi ssimplifikata fil-livell tal-Unjoni billi titħassar id-dispożizzjoni li tillimita l-eliġibilità taż-żoni bl-użu tal-varjetajiet Finola u Tiborszállási għal ċertu Stat Membru.

(4)

L-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (3) jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita meta kampjuni ta’ varjetà partikolari taqbeż il-kontenut tat-tetraidrokannabinol stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

(5)

Meta jitiqes li l-Istati Membri jkollhom l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex jitolbu lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni biex jipprojbixxu l-kummerċalizzazzjoni tal-varjetajiet tal-qanneb li jkollhom il-kontenut ta’ tetraidrokannabinol li taqbeż dik stabbilita fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u li teskludi dik il-varjetà mill-eliġibbiltà għal pagamenti diretti, l-iskema tista’ tiġi ssimplifikata aktar billi jitħassar l-obbligu li jiġu nnotifikati r-rapporti dwar is-sejbiet tat-tetraidrokannabinol marbuta mal-kampjuni ta’ dik il-varjetà.

(6)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1120/2009 u (KE) Nru 1122/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1120/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Il-produzzjoni tal-qanneb

Għall-finijiet tal-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-pagament tad-drittijiet għaż-żoni mħawla bil-qanneb għandu jiġi soġġett għall-użu ta’ żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-‘Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli’ fil-15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-pagament u ppubblikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (*). Iż-żerriegħa għandha tkun iċċertifikata skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (**).

Artikolu 2

Fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, it-tieni subparagrafu jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 316, 2.12 2009, p. 65.