9.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 318/2013

tat-8 ta’ April 2013

li jadotta l-programm ta’ moduli ad hoc, li jkopri s-snin mill-2016 sal-2018, għall-istħarriġ permezz ta’ kampjun dwar il-forza tax-xogħol previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta’ Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B’konformità mar-Regolament (KE) Nru 577/98, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-elementi tal-programm ta’ moduli ad hoc li jkopri s-snin mill-2016 sal-2018.

(2)

L-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija tagħha “Żgħażagħ Attivi” jeħtieġu aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 dwar l-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (2) tħeġġeġ l-azzjoni f’livell Ewropew f’bosta oqsma ta’ prijorità relatati mal-kisba tal-ewwel impjieg.

(3)

Abbażi tal-Komunikazzjoni “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” (3), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (4), inkluża fil-Pakkett dwar l-Impjiegi, tħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi speċifikament permezz tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjiegi indipendenti.

(4)

L-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (5) tinkludi miżuri għar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja bħala strumenti għall-kisba ta’ indipendenza ekonomika ugwali kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel.

(5)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-programm ta’ moduli ad hoc għall-istħarriġ permezz ta’ kampjun dwar il-forza tax-xogħol, li jkopri s-snin mill-2016 sal-2018, kif stabbilit fl-Anness, huwa b’dan adottat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ, adottata fl-20.12.2011 — COM(2011) 933 final.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, adottata fil-25.6.2008 — COM(2008) 394 final.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”, adottata fit-18.4.2012 — COM(2012) 173 final.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015, adottata fil-21.9.2010 — COM(2010) 491.


ANNESS

STĦARRIĠ DWAR IL-FORZA TAX-XOGĦOL

Programm pluriennali ta’ moduli ad hoc

1.   ŻGĦAŻAGĦ FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

Lista ta’ varjabbli: għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2014.

Perjodu ta’ referenza: 2016. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dejta għat-52 ġimgħa jew għat-tieni kwart tas-sena.

L-Istati Membri u r-reġjuni interessati: Kollha.

Kampjun: il-kampjun tal-modulu ad hoc għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness I, il-punt 4, tar-Regolament (KE) Nru 377/2008 (1), jiġifieri l-kampjun użat biex tinġabar l-informazzjoni dwar moduli ad hoc għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dwar il-varjabbli strutturali.

Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2017.

2.   IMPJIEG INDIPENDENTI

Lista ta’ varjabbli: għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2015.

Perjodu ta’ referenza: 2017. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dejta għat-52 ġimgħa jew għat-tieni kwart tas-sena.

L-Istati Membri u r-reġjuni interessati: Kollha.

Kampjun: il-kampjun tal-modulu ad hoc għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness I, il-punt 4, tar-Regolament (KE) Nru 377/2008, jiġifieri l-kampjun użat biex tinġabar l-informazzjoni dwar moduli ad hoc għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dwar il-varjabbli strutturali.

Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2018.

3.   RIKONĊILJAZZJONI BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA TAL-FAMILJA

Lista ta’ varjabbli: għandhom ikunu definiti qabel Diċembru 2016.

Perjodu ta’ referenza: 2018. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dejta għat-52 ġimgħa jew għat-tieni kwart tas-sena.

L-Istati Membri u r-reġjuni interessati: Kollha.

Kampjun: il-kampjun tal-modulu ad hoc għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness I, il-punt 4, tar-Regolament (KE) Nru 377/2008, jiġifieri l-kampjun użat biex tinġabar l-informazzjoni dwar moduli ad hoc għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dwar il-varjabbli strutturali.

Trażmissjoni tar-riżultati: qabel il-31 ta’ Marzu 2019.


(1)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 57.