22.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 264/2013

tat-18 ta’ Marzu 2013

li japprova emenda waħda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Cipolla Rossa di Tropea Calabria (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013. Dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni tal-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Cipolla Rossa di Tropea Calabria”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 284/2008 (3).

(3)

It-talba għandha l-għan li temenda l-Ispeċifikazzjoni, billi tippreċiża l-preżentazzjoni u l-ippakkjar kif ukoll it-tikkettar tal-basal.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda minuri l-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stabbilita fl-Artikoli 50 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Ispeċifikazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” hija b’dan emendata skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 86, 28.3.2008, p. 21.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Cipolla Rossa di Tropea Calabria”, ġiet approvata l-emenda li ġejja:

Fl-Artikolu 5(6) u (7), flok:

“Wara li jinħasdu ċ-cipollotti, titneħħa l-qoxra esterna mgħottija bil-ħamrija; tinqatal-faxxina għal tul ta’ 40 ċm u wara jitqiegħdu f’kaxex f’qatat.

Għat-tip li se jiġi kkonsmat frisk, il-basal li minnhom titneħħa l-qoxra [tonka] esterna tinqatgħalhom il-faxxina jekk hija itwal minn 60 ċm, u mbagħad jinġabru f’qatat ta’ 5-8 kg u jitqiegħdu f’ċestuni jew kaxex.”

aqra:

“Wara li jinħasdu ċ-cipollotti, titneħħa l-qoxra esterna mgħottija bil-ħamrija; tinqatal-faxxina għal tul ta’ bejn 30 u 60 ċm, u wara jitqiegħdu f’kaxex f’qatat.

Għat-tip li se jiġi kkonsmat frisk, il-basal li minnhom titneħħa l-qoxra [tonka] esterna tinqatgħalhom il-faxxina biex ikollhom tul ta’ bejn 35 u 60 ċm, u mbagħad jinġabru f’qatat ta’ 1.5-6 kg u jitqiegħdu f’ċestuni jew kaxex.”

Fl-Artikolu 9(2), flok:

“Biex il-basal bl-IĠP “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” ikun jista’ jitqiegħed fis-suq għall-konsum, għandu jkun ippakkjat kif ġej:

iċ-ċipollotti jinġabru f’qatat u jitqiegħdu f’kaxex tal-kartun, tal-plastik jew tal-injam, lesti għall-bejgħ;

il-basal għall-konsum frisk jinġabar f’qatat ta’ bejn 5 kg u 8 kg, u jitqiegħdu f’ċestuni jew kaxex:”

aqra:

“Biex il-basal bl-IĠP “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” ikun jista’ jitqiegħed fis-suq għall-konsum, għandu jkun ippakkjat kif ġej:

iċ-ċipollotti jinġabru f’qatat u jitqiegħdu f’kaxex tal-kartun, tal-plastik jew tal-injam, lesti għall-bejgħ;

il-basal għall-konsum frisk jinġabar f’qatat ta’ bejn 1.5 kg u 6 kg, u jitqiegħdu f’ċestuni jew kaxex.”

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tlestija tal-prodott għall-ippakkjar ġew emendati biex jippermettu għażla usa’ fejn jidħol id-daqs tal-ippakkjar u biex jirrispettaw rekwiżiti kummerċjali ġodda f’dak li jirrigwarda l-ippakkjar.

Fl-Artikolu 9(4), flok:

“L-għadd ta’ basal biex jissawwar malju, irrispettivament mid-daqs, jibda minn minimu ta’ sitt basal għall-istess imballaġġ, l-għadd u l-piż għandhom ikunu uniformi.”

aqra:

“L-għadd ta’ basal biex jissawwar malju, irrispettivament mid-daqs, jibda minn minimu ta’ sitt basal.”

F’dak li jirrigwarda l-malju tradizzjonali, il-produtturi lokali jingħataw iktar libertà biex jippersonalizzaw il-mod kif isawru l-malju f’termini tal-għadd u tad-daqs tal-basal.

Fl-Artikolu 9(7), flok:

“Iċ-ċipollotti u l-basal għall-konsum frisk miġburin f’qatat, minbarra l-basal għall-ħżin f’malju, hekk kif jitqiegħdu fis-suq għall-konsum, għandhom iġorru stiker li juri l-logo u l-marka b’mod li jintgħarfu perfettament.”

aqra:

“Iċ-ċipollotti u l-basal għall-ħżin f’malju, hekk kif jitqiegħdu fis-suq, għandu jkollhom, fuq stiker jew materjal ieħor, il-logo tal-Unjoni u l-marka tal-prodott. Min-naħa l-oħra, il-basal li se jiġi kkonsmat frisk, imqiegħed f’ċestuni jew kaxex, għandu jkollu tikketta sħiħa għal kull malju individwali, li tinkludi isem l-impriża, il-logo tal-Unjoni, il-marka u t-tipoloġija tal-prodott, biex tiġi ggarantita t-traċċabbiltà u biex il-prodott ikun jista’ jintgħaraf perfettament.”

Għaċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” tat-tip “basal għall-konsum frisk” imqiegħed f’qatat, kull qatta għandu jkollha tikketta bl-isem irreġistrat tal-impriża, il-logo tal-Unjoni u l-logo tal-prodott, u l-indikazzjoni tat-tip tal-prodott. B’dan il-mod, kull qatta individwali jkollha tikketta bit-tagħrif kollu meħtieġ biex il-konsumatur ikun jista’ jidentifika sew il-prodott.

Ġew aġġornati r-referenzi għar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 (*)

“CIPOLLA ROSSA DI TROPEA CALABRIA”

Nru tal-KE: IT-PGI-0105-0369-28.09.2011

IĠP (X) AOP ( )

1.   Isem

“Cipolla Rossa di Tropea Calabria”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” tfisser il-basal tal-ispeċi Allium Cepa esklussivament tal-ekotipi awtoktoni li ġejjin, li jiddistingwu ruħhom bil-forma u l-ħolqien bikri tal-basla minħabba l-influwenza tal-fotoperjodu:

“Tondo Piatta” jew bikrija;

“Mezza Campana” jew relattivament bikrija;

“Allungata” jew imwaħħra.

Hemm tliet tipi tal-prodott:

 

Cipollotto:

lewn: abjad fir-roża fil-vjola

togħma: ħelwa u ħafifa

daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

 

Cipolla da consumo fresco” [għall-konsum frisk]:

lewn: abjad fl-aħmar ċar fil-vjola

togħma: ħelwa u ħafifa

daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

 

Cipolla da serbo [għall-ħżin]:

lewn: aħmar fil-vjola

togħma: ħelwa u tqarmeċ

daqs: ara l-istandards previsti mir-regoli Komunitarji.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni, miż-żrigħ sal-ħsad, taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria”, għandhom isiru fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Wara l-ħsad, il-basal taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” jiġi pproċessat kif ġej:

wara li jinħasdu ċ-cipollotti, titneħħa l-qoxra esterna mgħottija bil-ħamrija; tinqatal-faxxina għal tul ta’ bejn 30 u 60 ċm, u wara jitqiegħdu f’kaxex f’qatat;

għat-tip li se jiġi kkonsmat frisk, il-basal li minnhom titneħħa l-qoxra [tonka] esterna tinqatgħalhom il-faxxina biex ikollhom tul ta’ bejn 35 u 60 ċm, u mbagħad jinġabru f’qatat ta’ 1,5-6 kg u jitqiegħdu f’ċestuni jew kaxex;

għat-tip li jinħażen, il-basal jitqiegħdu f’għemieri mal-art u jitgħattew mill-istess faxxina, u jitħallew għal żmien varjabbli minn 8 sa 15-il jum biex jinxfu, isiru aktar kompatti, reżistenti u jitlewnu b’aħmar jgħajjat. Ladarba jkunu nixfu tista’ titneħħa l-faxxina mill-basliet jew, jekk tinżamm, tintuża biex jissawru f’malji. L-għadd ta’ basal biex jissawwar malju, irrispettivament mid-daqs, jibda minn minimu ta’ sitt basal. L-ippakkjar, b’piż li jvarja sa massimu ta’ 25 kg, isir f’boroż jew kaxex.

Il-proċess tal-ippakkjar għandu jsir fiż-żona tal-produzzjoni, bil-metodi tradizzjonali u skont id-drawwiet u l-wirt lokali, bil-għan li jiġu ggarantiti t-traċċabbiltà, il-kontroll u ż-żamma tal-kwalità tal-prodott.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq il-kontenituri, għandu jkun indikat il-kliem “Cipolla Rossa di Tropea Calabria” IĠP flimkien mat-tip speċifiku: “cipollotto”, “cipolla da consumo fresco” jew “cipolla da serbo”, u l-logo tal-prodott.

Iċ-ċipollotti u l-basal għall-ħżin f’malju, hekk kif jitqiegħdu fis-suq, għandu jkollhom, fuq stiker jew materjal ieħor, il-logo tal-Unjoni u l-marka tal-prodott. Min-naħa l-oħra, il-basal li se jiġi kkonsmat frisk, imqiegħed f’ċestuni jew kaxex, għandu jkollu tikketta sħiħa għal kull malju individwali, li tinkludi isem l-impriża, il-logo tal-Unjoni, il-marka u t-tipoloġija tal-prodott, biex tiġi ggarantita t-traċċabbiltà u biex il-prodott ikun jista’ jintgħaraf perfettament.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika ddefinita

Iż-żona ta’ produzzjoni taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” IĠP tinkludi l-artijiet adatti fit-territorju amministrattiv, kollu jew parti minnu, ta’ dawn il-komuni tal-Kalabrja:

a)

Provinċja ta’ Cosenza:

parti mill-komuni ta’ Fiumefreddo, Longobardi, Serra d’Aiello, Belmonte, Amantea.

b)

Provinċja ta’ Catanzaro:

parti mill-komuni ta’ Nocera Terinese, Falerna, Gizzeria, Lamezia Terme, Curinga.

c)

Provinċja ta’ Vibo Valentia:

parti mill-komuni ta’ Pizzo, Vibo Valentia, Briatico, Parghelia, Zambrone, Zaccanopoli, Zungri, Drapia, Tropea, Ricadi, Spilinga, Joppolo, Nicotera.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-produzzjoni taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” ssir f’art ramlija jew tendenzjalment ramlija, ta’ konsistenza medja, b’nisġa lom - taflija jew bil-lom li tinsab mal-kosta jew maġenb xmajjar u nixxigħat li ffurmaw ruħhom mill-għargħar li minkejja li fihom iċ-ċagħaq ma jxekklux l-iżvilupp u t-tkabbir tal-basla. L-art mal-kosta hija adatta għat-tkabbir tal-basal bikri għall-konsum frisk, dik ta’ ġewwa, ta’ sura taflija u lom - taflija għall-basal imwaħħar għall-ħżin. Illum bħal fl-imgħoddi, il-basal aħmar huwa preżenti fil-btieħi tal-familji kif ukoll fil-meded ta’ art wiesgħa, fil-pajsaġġ rurali, fl-ikel anki dak lokali u fir-riċetti tradizzjonali.

Il-karatteristiċi pedoklimatiċi tat-territorju kkonċernat jippermettu li jinkiseb prodott ta’ kwalità għolja, uniku fix-xorta tiegħu, b’reputazzjoni magħrufa mad-dinja kollha.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Iċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” hija magħrufa għall-kwalità u għall-karatteristiċi organolettiċi tagħha, bħall-irtubija tal-basal, il-ħlewwa, u l-fatt li tiġi diġerita faċilment. Dawn il-karatteristiċi jippermettu li ċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” tiddewwaq anki nejja, fi kwantitajiet ċertament ogħla milli meta wieħed jiekol basal normali nej.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

It-talba għar-rikonoxximent taċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” IĠP hija ġġustifikata mir-reputazzjoni u l-fama tal-prodott li nkisbu, fost l-oħrajn, minħabba bosta inizjattivi promozzjonali, kif juru s-sorsi storiċi u biblijografiċi. Skont diversi sorsi storiċi u bibljografiċi, il-basla taf l-introduzzjoni tagħha fil-baċir tal-Mediterran u fil-Kalabrja, l-ewwel mal-Feniċi u wara mal-Griegi. Kienet apprezzata ħafna matul il-Medjuevu u r-Rinaxximent u meqjusa bħala l-prodott ewlieni tal-ikel u tal-ekonomija lokali, u kienet titpartat fil-post, tinbiegħ u tiġi esportata bil-baħar sat-Tuneżija, l-Alġerija u l-Greċja. Fil-kitbiet ta’ bosta vjaġġaturi li kienu waslu l-Kalabrja bejn l-1700 u l-1800 u żaru l-kosta tat-Tirrenu minn Pizzo sa Tropea, insibu ċitazzjonijiet li jsemmu l-komuni “Cipolle Rosse” (Basal Aħmar). Il-basal minn dejjem kien preżenti fl-ikel tal-bdiewa u fil-produzzjonijiet lokali; diġà lura fl-1905, Dott. Albert, vjaġġatur fil-Kalabrja, waqt żjara fi Tropea kien impressjonat bil-faqar tal-bdiewa li ma kinux jieklu ħlief basal. Fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin, il-basla ta’ Tropea ma baqgħetx titkabbar fil-btieħi tal-familji u bdiet titkabbar fuq meded imdaqqsa; fl-1929, l-akkwedott ta’ Valle Ruffa ppermetta t-tisqija, ġabriet akbar tal-prodott u titjib fil-kwalità. Fil-perjodu taħt il-Borboni, il-prodott infirex b’aktar qawwa lejn is-swieq tal-Ewropa tat-Tramuntana, sakemm fi żmien qasir sar prodott imfittex ħafna u apprezzat tassew, kif hemm imniżżel fl-“Istudi sulla Calabria”, 1901, li jirreferu wkoll għall-forma tal-basla u għall-basal ħomor u oblungi tal-Kalabrja. L-ewwel stħarriġ statistiku organizzat dwar it-tkabbir tal-basal fil-Kalabrja jinsab fl-“Enciclopedia Agraria Reda” (1936-1939). Il-karatteristiċi uniċi tat-tqegħid fis-suq marbuta mat-tip li taw lill-prodott fama fuq livell nazzjonali u speċjalment il-valur storiku u kulturali li sal-lum għadu ħaj u preżenti fil-prassi tat-tkabbir, fil-kċina, fl-espressjonijiet idjomatiċi ta’ kuljum u fl-avvenimenti folkloristiċi fiż-żona kkonċernata, wasslu biex il-prodott saħansitra jkun suġġett għall-imitazzjoni u għall-iffalsifikar tad-denominazzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

Din l-Amministrazzjoni tat bidu għall-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni għall-proposta biex iċ-“Cipolla Rossa di Tropea Calabria” jiġi emendat l-IĠP tiegħu, bil-pubblikazzjoni fil-“Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana” Nru 185 tal-10 ta' Awwissu 2011.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u mbagħad jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (fuq il-lemin tal-iskrin), u fl-aħħar jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(*)  Sostitwit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.