20.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 244/2013

tad-19 ta’ Marzu 2013

li jemenda l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) fi preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsuba għall-użu f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, l-enżimi tal-ikel, l-aromatizzanti, in-nutrijenti u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew b’inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala aġent kontra t-tagħqid miżjud ma’ preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsub biex jintuża fil-formulae tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment kif definiti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (3) ġiet ippreżentata fid-19 ta’ Ġunju 2009 u saret disponibbli lill-Istati Membri.

(5)

L-applikazzjoni tikkonċerna entrata ġdida fit-Taqsima B tal-Parti 5 tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Il-ħtieġa teknoloġika tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala addittiv fl-ikel tirrigwarda l-kapaċità tiegħu li jipprovdi proprjetajiet uniċi bħala aġent li jipprevjeni t-tagħqid fit-taħlitiet fil-forma ta’ trab. Il-prodott jista’ jieħu sa 10 % tal-piż tiegħu stess ta’ umdità (umdità) mill-ambjent biex jevita li t-taħlita tagħqad f’biċċiet u biex il-preparazzjonijiet jinżammu f’konsistenza adegwata mingħajr tgħaqqid żejjed, li huwa kkunsidrat ta’ benefiċċju għall-konsumatur.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel avża dwar is-sikurezza tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala addittiv tal-ikel fi preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsub biex jintuża fil-formulae tat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment u esprimiet l-opinjoni tagħha fis-7 ta’ Ġunju 1996 (4), li tikkonkludi li l-użu tiegħu huwa aċċettabbli sakemm il-livelli totali tal-kalċju, il-fosforu u l-proporzjon bejniethom ma jinqabżux.

(7)

Imluħ tal-kalċju tal-aċidu ortofosforiku, inkluż il-fosfat tat-trikalċju, huma sustanzi minerali li huma awtorizzati għall-użu f’formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment skont l-Anness III mad-Direttiva 2006/141/KE. L-awtorizzazzjoni tal-użu tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala aġent kontra t-tagħqid fi preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsub biex jintuża fil-formulae tat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment għalhekk mhux qed jiġi kkunsidrat ta’ tħassib għas-sigurtà, sakemm l-ammonti totali ta’ kalċju u fosfru jibqgħu fil-limiti għal dawn iż-żewġ minerali u fil-proporzjon kalċju:fosfru kif stabbilit f’dik id-Direttiva.

(8)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(9)

Billi l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala aġent kontra t-tagħqid fi preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsub biex jintuża fil-formulae tat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment għandha tikkonforma mal-limitu għal kalċju, fosfru u l-proporzjon kalċju:fosfru stabbilit fid-Direttiva 2006/141/KE, l-aġġornament ta’ dik il-lista x’aktarx li ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Għal dik ir-raġuni, mhuwiex neċessarju li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-fosfat tat-trikalċju (E 341 (iii)) bħala aġent kontra t-tagħqid f’preparazzjonijiet tan-nutrijenti maħsub biex jintuża fil-formulae tat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment.

(11)

Konsegwentement, l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1.

(4)  Reports of the Scientific Committee for Food, Fortieth series, 1997.


ANNESS

Fit-Taqsima B tal-Parti 5 tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni dwar l-addittiv tal-ikel E 341(iii) huwa mibdul b’ dan li ġej:

“E 341(iii)

Fosfat tat-trikalċju

Trasferiment massimu 150 mg/kg bħala P2O5 u fil-limitu għal kalċju, fosfru u l-proporzjon kalċju:fosfru kif stabbilit fid-Direttiva 2006/141/KE

In-nutrijenti kollha

Formulae tat-trabi u formulae ta’ prosegwiment, kif definiti fid-Direttiva 2006/141/KE

Il-livell massimu ta’ 1 000  mg/kg espress bħala P2O5 mill-użi kollha fl-ikel finali msemmija fil-punt 13.1.3 tal-Parti E tal-Anness II huwa rispettat

In-nutrijenti kollha

Ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar kif definit bid-Direttiva 2006/125/KE”